It-Tieni Ktieb tas-Slaten
14 Fit-tieni sena tat-tmexxija taʼ Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ir-re t’Iżrael, Amażija bin ir-Re Ġeħogħas taʼ Ġuda sar re. 2 Hu kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġeħogħaddin minn Ġerusalemm. 3 Hu kompla jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejn Ġeħova, imma mhux bħall-antenat tiegħu David. Hu aġixxa bħal missieru Ġeħogħas f’kulma għamel. 4 Imma l-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx, u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm. 5 Malli Amażija kellu kontroll sħiħ tas-saltna, hu qatel lill-qaddejja tiegħu li kienu qatlu lil missieru r-re. 6 Imma lit-tfal tagħhom ma qatilhomx, skont il-kmandament taʼ Ġeħova mniżżel fil-ktieb tal-Liġi taʼ Mosè, li jgħid: “Il-missirijiet m’għandhomx jinqatlu minħabba t-tfal tagħhom, u t-tfal m’għandhomx jinqatlu minħabba missirijiethom. Kull wieħed għandu jinqatel għad-dnub tiegħu stess.” 7 Hu qatel lill-Edomin f’Wied il-Melħ, li kienu 10,000 raġel, u ħa f’idejh il-belt taʼ Sela fil-gwerra, u isimha sar Ġoktel sal-lum.
8 Imbagħad Amażija bagħat messaġġiera għand Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż u n-neputi taʼ Ġeħu r-re t’Iżrael biex jgħidlu: “Ejja niffaċċjaw lil xulxin fil-battalja.”* 9 Ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael bagħat jgħidlu hekk lir-Re Amażija taʼ Ġuda: “Ix-xewka li kienet fil-Libanu bagħtet tgħid liċ-ċedru fil-Libanu, ‘Agħti lil bintek biex tiżżewweġ lil ibni.’ Madankollu, annimal salvaġġ tal-Libanu għadda minn hemm u għaffeġ ix-xewka. 10 Int għelibt lil Edom, u qalbek tkabbret. Gawdi l-glorja tiegħek imma ibqaʼ f’darek.* Għala għandek iġġib diżastru u titlef int u Ġuda miegħek?” 11 Iżda Amażija ma semax minnu.
Għalhekk, ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael telaʼ u ffaċċja lir-Re Amażija taʼ Ġuda f’battalja f’Bet-xemex, li hi taʼ Ġuda. 12 Iżrael għeleb lil Ġuda, u s-suldati ħarbu kull wieħed lejn daru.* 13 F’Bet-xemex, ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael qabad lir-Re Amażija taʼ Ġuda, li kien bin Ġeħogħas u n-neputi t’Aħażija. Imbagħad ħadu miegħu Ġerusalemm u waqqaʼ 400 kubitu* mis-sur tagħha, minn Bieb Efrajm sal-Bieb tal-Kantuniera. 14 Hu ħa d-deheb u l-fidda kollha u l-oġġetti kollha li kienu fid-dar taʼ Ġeħova u fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tar-re, kif ukoll xi nies bħala ostaġġi. Imbagħad mar lura s-Samarija.
15 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħas, dak li għamel, il-qawwa tiegħu, u kif iġġieled kontra r-Re Amażija taʼ Ġuda huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 16 Imbagħad Ġeħogħas miet u ndifen fis-Samarija mar-rejiet t’Iżrael. U ibnu Ġerobogħam* sar re minfloku.
17 Amażija bin Ġeħogħas ir-re taʼ Ġuda għex 15-il sena oħra wara l-mewt taʼ Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ir-re t’Iżrael. 18 Il-bqija tal-istorja t’Amażija hi miktuba fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 19 Wara saret konfoffa kontrih f’Ġerusalemm u ħarab lejn Lakis, imma bagħtu xi rġiel warajh f’Lakis u qatluh hemmhekk. 20 Għalhekk, ġarrewh lura fuq iż-żwiemel u ndifen f’Ġerusalemm maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. 21 Imbagħad in-nies kollha taʼ Ġuda ħadu lil Għażarija,* li kellu 16-il sena, u għamluh re minflok missieru Amażija. 22 Hu reġaʼ bena Elat u taha lura lil Ġuda wara li r-re* miet.
23 Fil-15-il sena tat-tmexxija t’Amażija bin Ġeħogħas ir-re taʼ Ġuda, Ġerobogħam bin ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael sar re fis-Samarija u mexxa għal 41 sena. 24 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnubiet kollha li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 25 Hu rrestawra l-fruntiera t’Iżrael minn Lebo-ħamat* sal-Baħar tal-Għaraba,* skont dak li Ġeħova l-Alla t’Iżrael qal permezz tal-qaddej tiegħu Ġona bin Amittaj, il-profeta minn Gat-ħefer. 26 Għax Ġeħova kien ra t-tbatija u d-diffikultà t’Iżrael. Ma kien fadal ħadd li setaʼ jgħin lil Iżrael, lanqas dawk bla ħila u dgħajfin. 27 Iżda Ġeħova kien wiegħed li ma jeqridx isem Iżrael minn fuq wiċċ l-art. Għalhekk salvahom permezz taʼ Ġerobogħam bin Ġeħogħas.
28 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġerobogħam, kulma għamel, il-qawwa tiegħu, kif iġġieled, u kif reġaʼ ta l-bliet taʼ Damasku u Ħamat lil Ġuda u Iżrael huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 29 Imbagħad Ġerobogħam miet u ndifen maʼ missirijietu, ir-rejiet t’Iżrael. U ibnu Żakkarija sar re minfloku.