Levitiku
25 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj: 2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li qed nagħtikom, għandkom tosservaw il-liġi taʼ Ġeħova dwar is-sabat u ma taħdmux l-art. 3 Għal sitt snin għandek tiżraʼ ż-żerriegħa fl-għalqa tiegħek, tiżbor id-dwieli tiegħek, u tiġbor il-prodott tal-art. 4 Imma fis-sebaʼ sena għandu jkun hemm sabat li fih l-art tistrieħ għalkollox, sabat lil Ġeħova. M’għandekx tiżraʼ żerriegħa fl-għalqa tiegħek jew tiżbor id-dwieli tiegħek. 5 Taħsadx dak li jinbet waħdu miż-żerriegħa li jkun baqaʼ wara l-ħsad, u taqtax l-għeneb tad-dielja mhix miżbura tiegħek. Għandu jkun hemm sena li fiha l-art tistrieħ għalkollox. 6 Madankollu, tistaʼ tiekol dak li tipproduċi l-art matul is-sabat tagħha, kemm int, l-ilsiera rġiel u nisa tiegħek, il-ħaddiem mikri tiegħek, u l-immigranti li jkunu qed joqogħdu miegħek, 7 kif ukoll l-annimali li trabbi u l-annimali slavaġ li hemm f’artek. Kull ħaġa li l-art tipproduċi tistaʼ tittiekel.
8 “‘U tgħodd sebaʼ snin taʼ sabat, sebaʼ snin għal sebaʼ darbiet, u l-jiem tas-sebaʼ snin taʼ sabat jammontaw għal 49 sena. 9 Imbagħad iddoqq il-qarn b’ħoss qawwi fl-għaxra tas-sebaʼ xahar. F’Jum it-Tpattija l-ħoss tal-qarn għandu jinstemaʼ fl-art kollha tagħkom. 10 Għandkom tqaddsu l-50 sena u xxandru l-libertà fl-art lin-nies kollha tagħha. Din issir Ġublew għalikom, u kull wieħed minnkom imur lura lejn il-propjetà tiegħu u lejn il-familja tiegħu. 11 Din il-50 sena ssir Ġublew għalikom. M’għandkomx tiżirgħu jew taħsdu dak li jinbet waħdu miż-żerriegħa li jkun baqaʼ wara l-ħsad, u taqtgħux l-għeneb tad-dwieli mhux miżburin. 12 Għax dan hu Ġublew. Għandu jsir qaddis għalikom. Tistgħu tieklu biss dak li l-art tipproduċi waħedha.
13 “‘F’din is-sena tal-Ġublew, kull wieħed minnkom għandu jmur lura lejn il-propjetà tiegħu. 14 Jekk tbigħu xi ħaġa lil xi ħadd jew tixtru mingħandu, tqarrqux b’xulxin. 15 Meta tixtri xi ħaġa mingħand xi ħadd għandek tikkunsidra n-numru tas-snin wara l-Ġublew, u dan għandu jbigħhielek skont in-numru tas-snin taʼ ħsad li jkun fadal. 16 Jekk ikun fadal ħafna snin, hu jistaʼ jżid il-prezz tal-bejgħ, u jekk ikun fadal ftit snin, hu għandu jnaqqas il-prezz tal-bejgħ, għaliex hu qed ibegħlek kemm se jipproduċu l-għelieqi. 17 Ħadd minnkom m’għandu jqarraq b’ħaddieħor, u rrispettaw ħafna* lill-Alla tagħkom, għaliex jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 18 Jekk tobdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, intom tgħixu fis-sigurtà fl-art. 19 L-art tagħti l-prodott tagħha, u intom tieklu sakemm tixbgħu u tgħixu hemm fis-sigurtà.
20 “‘Imma jekk tgħidu: “X’se nieklu fis-sebaʼ sena ladarba ma nistgħux niżirgħu jew niġbru l-prodott tal-għelieqi tagħna?” 21 jien nitfa’ fuqkom il-barka tiegħi fis-sitt sena, u l-art tipproduċi biżżejjed għal tliet snin. 22 Imbagħad fit-tmien sena, tiżirgħu ż-żerriegħa u tieklu mill-prodott taʼ qabel sad-disaʼ sena. Sakemm jikber il-prodott, intom tieklu minn dak taʼ qabel.
23 “‘Peress li l-art hi tiegħi, m’għandhiex tinbiegħ għal dejjem. Għax għalija intom residenti barranin u immigranti. 24 Fl-art kollha li se tkun tagħkom, min ibigħ l-art tiegħu se jkollu d-dritt jerġaʼ jixtriha.
25 “‘Jekk ħuk isir fqir u jkollu jbigħ ftit mill-propjetà tiegħu, xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib u li jistaʼ jifdih* għandu jmur u jixtri lura dak li biegħ ħuh. 26 Jekk xi ħadd ma jkollux min jifdih imma mbagħad isir sinjur u jkollu biex jixtriha lura, 27 irid jikkalkula kemm tiswa skont kemm għaddew snin minn meta biegħha u jrid jagħti lura d-differenza lir-raġel li lilu jkun biegħha. Imbagħad ikun jistaʼ jmur lura lejn il-propjetà tiegħu.
28 “‘Imma jekk ma jkollux biex jiħodha lura mingħandu, kulma biegħ jibqaʼ għand min xtrah sas-sena tal-Ġublew. Fil-Ġublew, hu jingħata lura dak li jkun biegħ u jmur lura lejn il-propjetà tiegħu.
29 “‘Jekk raġel ibigħ dar f’belt bis-swar, id-dritt tiegħu biex jixtriha lura jibqaʼ validu sakemm tispiċċa s-sena minn dakinhar li jkun biegħha. Id-dritt tiegħu biex jixtri lura għandu jibqaʼ validu sena sħiħa. 30 Imma jekk f’sena sħiħa ma tinxtarax lura, id-dar fil-belt bis-swar issir propjetà għal dejjem taʼ min xtraha u tal-ġenerazzjonijiet kollha tiegħu. M’għandhiex tingħata lura fil-Ġublew. 31 Madankollu, id-djar tal-irħula li m’għandhomx sur madwarhom għandhom jitqiesu bħala parti mill-kampanja tal-pajjiż. Id-dritt li d-dar tinxtara lura għandu jibqaʼ validu, u fil-Ġublew għandha tingħata lura.
32 “‘Fil-każ tad-djar tal-Leviti li qegħdin fil-bliet tagħhom, il-Leviti dejjem ikollhom id-dritt li jixtruhom lura. 33 Meta l-propjetà tal-Leviti ma tinxtarax lura, id-dar li kellhom u li tkun inbiegħet fil-belt tagħhom, trid ukoll tingħata lura fil-Ġublew, għaliex id-djar fil-bliet tal-Leviti huma l-propjetà tagħhom fost l-Iżraelin. 34 Iktar minn hekk, l-għelieqi taʼ madwar il-bliet tagħhom fejn jirgħaw l-annimali ma jistgħux jinbiegħu, għaliex dawn huma tagħhom għal dejjem.
35 “‘Jekk ħuk li jgħix ħdejk isir fqir u ma jkunx jistaʼ jmantni lilu nnifsu, għandek tgħinu bħalma tgħin lir-resident barrani u lill-immigrant. B’hekk ikun jistaʼ jibqaʼ jgħix fostkom. 36 Tiħux imgħax mingħandu jew tagħmel qligħ* minn fuqu. Għandek tirrispetta ħafna* lill-Alla tiegħek, u ħuk jibqaʼ jgħix fostkom. 37 Tisilfux flusek bl-imgħax u tagħtihx l-ikel tiegħek biex taqlaʼ minn fuqu. 38 Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu biex nagħtikom l-art taʼ Kangħan u nuri li jien l-Alla tagħkom.
39 “‘Jekk ħuk li jgħix ħdejk isir fqir u jkollu jbigħ lilu nnifsu lilek, m’għandekx tisforzah jagħmel xogħol taʼ lsir. 40 Għandu jiġi ttrattat bħal ħaddiem mikri, bħal immigrant. Għandu jaqdik sas-sena tal-Ġublew. 41 Imbagħad jitlaq mingħandek mat-tfal tiegħu u jmur lura għand il-familja tiegħu. Hu għandu jerġaʼ lura lejn il-propjetà taʼ missirijietu. 42 Għax huma l-ilsiera tiegħi li ħriġt mill-art tal-Eġittu. M’għandhomx ibigħu lilhom infushom bil-mod li jinbiegħ ilsir. 43 M’għandekx taħqru, u għandek tirrispetta ħafna* lill-Alla tiegħek. 44 L-ilsiera rġiel u nisa tiegħek għandhom ikunu mill-popli taʼ madwarkom, mingħandhom tistgħu tixtru lsir jew ilsira. 45 Tistgħu tixtruhom ukoll mingħand it-tfal tal-immigranti li qed jgħixu magħkom u mingħand il-familji tagħhom li twieldu f’artkom, u huma jsiru tagħkom. 46 Intom tistgħu tgħadduhom bħala wirt lit-tfal tagħkom warajkom biex jirtuhom u jkunu tagħhom għal dejjem. Tistgħu tużawhom bħala ħaddiema, imma m’għandkomx taħqru lil ħutkom Iżraelin.
47 “‘Imma jekk resident barrani jew immigrant fostkom isir sinjur, u ħuk li jgħix ħdejh isir fqir u jkollu jbigħ lilu nnifsu lir-resident barrani jew lill-immigrant li jgħix fostkom, jew lil xi membru tal-familja tar-resident barrani, 48 hu jibqaʼ jkollu d-dritt tal-fidwa* wara li jkun biegħ lilu nnifsu. Hu jkun jistaʼ jinxtara lura minn wieħed minn ħutu, 49 jew minn zijuh jew bin zijuh, jew minn xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib* jiġifieri, wieħed mill-familja tiegħu.
“‘Jew jekk hu stess ikun sar sinjur, anki hu jistaʼ jixtri lura lilu nnifsu. 50 Hu għandu jikkalkula maʼ min xtrah iż-żmien mis-sena li jkun biegħ lilu nnifsu sas-sena tal-Ġublew, u l-flus mill-bejgħ tiegħu jridu jkunu skont in-numru tas-snin. Il-ġranet tax-xogħol tiegħu f’dak iż-żmien jiġu kkalkulati bir-rata taʼ ħaddiem mikri. 51 Jekk ikun għad baqaʼ ħafna snin, hu għandu jħallas lil min xtrah skont kemm ikun baqaʼ snin. 52 Imma jekk ikun għad baqaʼ ftit snin sas-sena tal-Ġublew, irid jikkalkula għalih innifsu u jħallas lil dak li xtrah skont is-snin li jkun baqaʼ. 53 Hu għandu jibqaʼ jaqdi lil sidu minn sena għal oħra bħala ħaddiem mikri. U int trid tkun ċert li hu ma jiġix maħqur minnu. 54 Madankollu, jekk ma jkunx jistaʼ jixtri lura lilu nnifsu b’dawn il-kundizzjonijiet, hu u t-tfal tiegħu jridu jinħelsu fis-sena tal-Ġublew.
55 “‘Għax l-Iżraelin huma l-ilsiera tiegħi. Huma l-ilsiera tiegħi li jien ħriġt mill-art tal-Eġittu. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.