L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni
17 Wara li Ġesù qal hekk, ħares lejn is-sema u qal: “Missier, iż-żmien wasal. Igglorifikani ħalli jien nigglorifikak. 2 Igglorifikani bħalma għamilt billi tajtni l-awtorità fuq in-nies kollha, ħalli nkun nistaʼ nagħti l-ħajja taʼ dejjem lil dawk kollha li tajtni int. 3 Dawk li se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem iridu jsiru jafu lilek,* l-uniku Alla veru, u lili, Ġesù Kristu li int bgħatt. 4 Jien igglorifikajtek fuq l-art billi lestejt ix-xogħol li tajtni nagħmel. 5 Għalhekk Missier, ħallini nkun maġenbek u jkolli l-glorja li kelli meta kont ħdejk qabel ma kienet teżisti d-dinja.
6 “Lin-nies li tajtni mid-dinja, jien għallimthom dwar ismek.* Dawn kienu tiegħek u int tajthom lili, u huma obdew dak li għedtilhom int. 7 Issa saru jafu li kulma tajtni ġej mingħandek, 8 għax meta għedtilhom kulma għedtli int, huma aċċettawh u bla dubju saru jafu li jien ġejt mingħandek u emmnu li int bgħattni. 9 Jien nitlob għalihom. Ma nitlobx għad-dinja, imma għal dawk li tajtni int, għax huma tiegħek. 10 Kulma għandi hu tiegħek u dak li għandek int hu tiegħi, u jien ġejt igglorifikat fosthom.
11 “Jien se nitlaq mid-dinja, għax ġej għandek, imma huma qegħdin fid-dinja. Missier Qaddis, ħu ħsiebhom minħabba ismek li tajtni biex nirrappreżenta, ħalli b’hekk ikunu ħaġa waħda* bħalma aħna ħaġa waħda.* 12 Meta kont magħhom, ħadt ħsiebhom minħabba ismek li tajtni biex nirrappreżenta. Jien ipproteġejthom u ħadd minnhom ma nqered, ħlief il-wieħed li se jinqered biex isir bħalma tgħid l-Iskrittura. 13 Imma issa ġej għandek, u qed ngħid dawn l-affarijiet fid-dinja ħalli d-dixxipli tiegħi jkunu vera ferħanin bħali. 14 Jien għedtilhom dak li għedtli int, imma d-dinja saret tobgħodhom, għax mhumiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti minnha.
15 “Jien ma nitolbokx biex toħroġhom mid-dinja, imma biex tipproteġihom minħabba l-wieħed ħażin. 16 Huma mhumiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti minnha. 17 Agħmilhom qaddisin* permezz tal-verità, għax dak li tgħid int hu veru. 18 Bħalma int bgħattni fid-dinja, anki jien bgħatthom fid-dinja. 19 Jien qed nibqaʼ qaddis ħalli anki huma jkunu qaddisin permezz tal-verità.
20 “Ma nitlobx għal dawn biss, imma wkoll għal kull min juri fidi fija wara li jiġi mgħallem minnhom. 21 B’hekk ikunu ħaġa waħda, bħalma int, Missier, qiegħed miegħi u jien qiegħed miegħek. Jalla huma jkunu ħaġa waħda magħna wkoll, biex hekk id-dinja temmen li int bgħattni. 22 Jien tajthom il-glorja li tajtni int, biex b’hekk ikunu ħaġa waħda bħalma jien u int ħaġa waħda. 23 Jien qiegħed magħhom u int qiegħed miegħi, biex huma jkunu verament magħqudin, u d-dinja tkun taf li int bgħattni u li tħobbhom bħalma tħobb lili. 24 Missier, jien nixtieq li dawk li tajtni jkunu fejn qiegħed jien, ħalli b’hekk jaraw il-glorja li tajtni int, għax int ħabbejtni qabel il-bidu tad-dinja.* 25 Missier Ġust, id-dinja ma saritx tafek, imma jien nafek, u dawn li tajtni jafu li int bgħattni. 26 Jien għallimthom dwar ismek u nibqaʼ nagħmel hekk, biex juru l-imħabba bħalma turi int miegħi u biex jien inkun magħhom.”