L-Aħbar Tajba Skont Mattew
28 Wara s-Sabat, hekk kif kienet tielgħa x-xemx fl-ewwel jum tal-ġimgħa,* Marija l-Maddalena u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar.
2 F’daqqa waħda kien hemm terremot kbir, għax l-anġlu taʼ Ġeħova* niżel mis-sema u gerbeb il-ġebla, u mbagħad poġġa fuqha. 3 Hu kien jiddi bħal sajjetta, u l-ħwejjeġ tiegħu kienu bojod silġ. 4 Is-suldati li kienu għassa tant beżgħu minnu li bdew jitriegħdu u ma felħux jiċċaqalqu.
5 Imma l-anġlu qal lin-nisa: “Tibżgħux, naf li qed tfittxu lil Ġesù li sammruh maʼ zokk. 6 Mhuwiex hawn għax ġie rxoxtat bħalma kien qal. Ejjew ħa taraw fejn kien qiegħed. 7 Imbagħad iddumux biex tmorru tgħidu lid-dixxipli tiegħu li ġie rxoxtat mill-mewt, għax hu sejjer qabilkom fil-Galilija. Se tarawh hemmhekk. Tinsewx dak li għedtilkom.”
8 Għalhekk, b’biżaʼ u b’ferħ kbir telqu mill-ewwel jiġru minn ħdejn il-qabar ħalli jgħidu lid-dixxipli tiegħu. 9 Huma u sejrin, Ġesù ltaqaʼ magħhom u qalilhom: “Bonġu!” Huma marru ħdejh, mielu quddiemu, u qabdulu saqajh b’rispett. 10 Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħux! Morru għidu lil ħuti biex imorru l-Galilija u jarawni hemmhekk.”
11 Huma u sejrin, xi suldati li kienu għassa marru l-belt u qalu dak kollu li kien ġara lill-qassisin importanti. 12 Wara, dawn iltaqgħu mal-anzjani* u ftiehmu bejniethom. Huma taw lis-suldati ammont mhux ħażin taʼ muniti tal-fidda 13 u qalulhom: “Għidu li d-dixxipli tiegħu ġew billejl u serquh waqt li kontu reqdin. 14 U jekk Pilatu jsir jaf b’dan, se nispjegawlu* aħna. Intom m’għandkomx għalfejn tinkwetaw.” 15 Għalhekk, ħadu l-muniti tal-fidda u għamlu kif qalulhom, u din l-istorja saret magħrufa mal-Lhud sal-lum.
16 Sadanittant, il-11-il dixxiplu marru fil-Galilija lejn il-muntanja fejn Ġesù kien qalilhom biex imorru. 17 Meta rawh, mielu quddiemu. Imma xorta kien hemm min ma kienx ċert li hu Ġesù. 18 Ġesù resaq lejhom u qalilhom: “Alla tani l-awtorità fuq kulma hemm fis-sema u fuq l-art. 19 Għalhekk, morru u għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis. 20 U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom. Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.”*