Isaija
46 L-allat Bel u Nebo huma bħal bnedmin li qed jitgħawġu ’l isfel.
L-idoli tagħhom tgħabbew fuq il-bhejjem tat-tagħbija
Bħal bagalji li jtaqqlu l-annimali għajjenin.
3 “Isimgħu minni, dar taʼ Ġakobb, u intom kollha li għad fadal mill-Iżraelin,
Li kont hemm għalikom minn meta twilidtu, u ġarrejtkom minn mindu kontu f’żaqq ommkom.
4 Jien se nibqaʼ l-istess anki meta tixjieħu;
Jien se nibqaʼ nappoġġakom anki meta xagħarkom isir griż.
Bħalma għamilt, jien se nġorrkom, nappoġġakom, u nsalvakom.
5 Hemm xi ħadd daqsi biex tqabbluh miegħi?
Maʼ min se tqabbluni jew ixxebbhuni?
6 Hemm dawk li joħorġu ammont kbir taʼ deheb mill-borża tal-flus tagħhom;
Huma jiżnu l-fidda,
Iqabbdu ħaddied biex jagħmilhielhom f’alla,
Imbagħad jinxteħtu fl-art quddiemu u jqimuh.*
7 Huma jerfgħuh fuq spallejhom;
Iġorruh u jpoġġuh f’postu.
Dan jibqaʼ hemm u ma jiċċaqlaqx minn postu.
Huma jgħajtulu, imma ma jwiġibx;
Ma jistaʼ jsalva lil ħadd mill-inkwiet.
8 Ftakru dan u kunu kuraġġużi.
Żommu dan f’moħħkom, intom li tiksru l-liġi.
9 Ftakru fl-affarijiet tal-passat,* f’dawk taʼ żmien twil ilu.
Ftakru li jien Alla,* u m’hemmx ieħor.
Jien Alla, u m’hemm ħadd bħali.
10 Mill-bidu, jien ngħid x’se jiġri,
U minn żmien twil ilu, ngħid l-affarijiet li għadhom ma sarux.
Jien ngħid, ‘Dak li niddeċiedi* se jsir żgur,
U se nagħmel dak li jogħġobni.’
11 Qed ngħajjat lil għasfur tal-priża minn fejn titlaʼ x-xemx,*
U r-raġel minn art ’il bogħod biex jagħmel dak li ddeċidejt.*
Jien għedtu dan, u se nara li jsir.
Daħħaltu f’moħħi, u se nagħmlu wkoll.
12 Isimgħu minni, intom taʼ raskom iebsa,
Intom li qegħdin ’il bogħod milli tagħmlu dak li hu sew.
13 Iż-żmien li fih se nuri l-ġustizzja hu qrib;
Mhux ’il bogħod.
Jien mhux se ndum biex insalva n-nies.
Se nsalva lil Sijon, u nagħti s-sbuħija tiegħi lil Iżrael.”