L-Aħbar Tajba Skont Luqa
24 Imma fl-ewwel jum tal-ġimgħa,* huma marru ħdejn il-qabar* kmieni filgħodu u ħadu magħhom il-ħwawar li ppreparaw. 2 Imma huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar,* 3 u meta daħlu, ma sabuhx il-ġisem tal-Mulej Ġesù. 4 Waqt li kienu mħawdin dwar dan, żewġt irġiel marru ħdejhom lebsin ħwejjeġ jiddu. 5 In-nisa bdew jibżgħu u żammew rashom baxxuta. Għalhekk l-irġiel qalulhom: “Għala qed tfittxu lil dak li hu ħaj fost il-mejtin? 6 Hu mhux qiegħed hawn, għax ġie mqajjem. Ftakru li meta kien għadu fil-Galilija qalilkom 7 li hu, Bin il-bniedem, se jingħata f’idejn nies midinbin,* jiġi maqtul fuq zokk, u fit-tielet jum jiġi rxoxtat.” 8 Imbagħad huma ftakru x’kien qalilhom, 9 telqu minn ħdejn il-qabar,* u marru jgħidu dawn l-affarijiet lill-Ħdax u l-kumplament tad-dixxipli. 10 Dawk li qalu lill-appostli kienu Marija l-Maddalena, Ġwanna, Marija omm Ġakbu, u l-kumplament tan-nisa li kienu magħhom. 11 Imma dak li qalu ma kienx jagħmel sens għalihom u m’emmnuhomx.
12 Imma Pietru qam, ġera lejn il-qabar,* ittawwal ġewwa, u ra d-drapp tal-għażel biss. Għalhekk, telaq minn hemm u beda jipprova jifhem x’kien ġara.
13 Dakinhar stess, żewġ dixxipli kienu qed jivvjaġġaw lejn raħal jismu Għemmaws, li kien xi 11-il kilometru* minn Ġerusalemm. 14 Huma kienu qed jitkellmu dwar l-affarijiet kollha li ġraw.
15 Waqt li kienu qed jitkellmu, Ġesù mar ħdejhom u beda miexi magħhom, 16 imma huma ma setgħux jagħrfuh. 17 Hu qalilhom: “Fuqiex qed tiddiskutu?” Huma waqfu u dehru mdejqin. 18 Wieħed minnhom li jismu Kleofa wieġbu: “Int xi barrani li qed tgħix għalik waħdek f’Ġerusalemm biex ma tafx x’ġara* dan l-aħħar?” 19 Hu staqsiehom: “Mela x’ġara?” U wiġbuh: “Ma tafx x’ġara lil Ġesù n-Nazzarenu, li wera li kien profeta kbir b’dak li qal u għamel quddiem Alla u n-nies kollha? 20 Il-qassisin importanti u l-mexxejja tagħna tawh f’idejn Pilatu biex jinqatel, u sammruh maʼ zokk. 21 Aħna konna qegħdin nittamaw li dan ir-raġel kien il-wieħed li se jeħles lil Iżrael, imma llum it-tielet ġurnata minn meta ġara dan. 22 Iktar minn hekk, aħna mistagħġbin għax xi dixxipli nisa marru kmieni filgħodu ħdejn il-qabar* 23 u meta ma sabux il-ġisem tiegħu, ġew jgħidulna li raw lill-anġli li qalulhom li kien ħaj. 24 Imbagħad xi wħud minna, marru ħdejn il-qabar,* u sabu kollox eżatt kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx.”
25 Għalhekk qalilhom: “Kemm intom bla sens u ddumu biex temmnu l-affarijiet kollha li qalu l-profeti! 26 Il-Kristu kellu jgħaddi minn dawn l-affarijiet biex jiġi onorat.” 27 U hu spjegalhom l-affarijiet kollha li l-Iskrittura qalet dwaru, billi beda minn dak li kitbu Mosè u l-profeti kollha.
28 Fl-aħħar waslu viċin Għemmaws, u hu taparsi kien se jibqaʼ sejjer. 29 Imma huma ħeġġewh: “Ibqaʼ magħna, għax diġà sar il-ħin u daqt jidlam.” Għalhekk, hu daħal u qagħad għandhom. 30 Hekk kif kien qed jiekol magħhom, ħa ħobża, qal talba, qasamha, u tahielhom. 31 Dak il-ħin huma fehmu min kien u għarfuh, imma hu sparixxa. 32 Huma qalu lil xulxin: “Mhux taʼ b’xejn li messilna qalbna meta beda jitkellem magħna fit-triq u jispjegalna sew l-Iskrittura!” 33 Għalhekk, dak il-ħin stess qamu u marru lura Ġerusalemm. Huma sabu lill-Ħdax u d-dixxipli l-oħrajn miġburin flimkien, 34 li qalulhom: “Il-Mulej ġie mqajjem u deher lil Xmun!” 35 Imbagħad huma rrakkontawlhom xi ġralhom waqt li kienu qed jivvjaġġaw u kif għarfu lil Ġesù meta qasam il-ħobża.
36 Waqt li kienu qed jitkellmu dwar dan, hu stess mar f’nofshom u qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi.” 37 Imma peress li kienu mwerwrin u beżgħu, huma ħasbu li kienu raw spirtu. 38 Għalhekk qalilhom: “Għala qed titħawdu u tiddubitaw? 39 Ħarsu lejn idejja u saqajja biex taraw li veru jien. Missuni u araw, għax spirtu m’għandux laħam u għadam bħalma għandi jien.” 40 Xħin qalilhom dan, uriehom idejh u saqajh. 41 Imma peress li kienu mbellhin u ferħanin ħafna, huma ma setgħux jemmnu dak li raw. Għalhekk staqsiehom: “Għandkom xi ħaġa x’niekol?” 42 Allura tawh biċċa ħuta mixwija, 43 u hu ħadha u kielha quddiemhom.
44 Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom, jien għedtilkom li għandu jsir kulma nkiteb dwari fil-Liġi taʼ Mosè, fil-kitbiet tal-profeti, u fis-Salmi.” 45 Imbagħad hu għenhom jifhmu għalkollox l-Iskrittura, 46 u qalilhom: “Hemm miktub li jien, il-Kristu, kelli nbati u niġi mqajjem mill-mewt fit-tielet jum. 47 F’ismi se jiġi ppritkat messaġġ li l-popli għandhom jindmu mid-dnubiet tagħhom sabiex jinħafrulhom. Dan irid jiġi ppritkat l-ewwel f’Ġerusalemm, imbagħad mal-art kollha. 48 Intom se tkunu xhieda taʼ dawn l-affarijiet. 49 Jien se nagħtikom dak li wiegħed Missieri. Imma ibqgħu fil-belt sakemm tirċievu l-qawwa mis-sema.”
50 Imbagħad ħadhom ħdejn Betanja, għolla jdejh, u berikhom. 51 Hekk kif kien qed iberikhom, telaq minn ħdejhom u telaʼ s-sema. 52 U huma mielu quddiemu u marru lura Ġerusalemm ferħanin ħafna. 53 Huma kienu jmorru t-tempju kuljum ifaħħru lil Alla.