Ħosea
4 Poplu t’Iżrael, isimgħu dak li jgħid Ġeħova,
Għax Ġeħova għandu kawża legali kontra n-nies li joqogħdu fil-pajjiż,
Għax fih la hemm verità, la mħabba u lealtà,* u lanqas għarfien dwar Alla.
2 Minflok hemm ħafna li jaħilfu b’mod falz, jigdbu, joqtlu,
Jisirqu, u jagħmlu adulterju,
Ukoll, hemm ħafna tixrid taʼ demm.
3 Hu għalhekk li l-pajjiż se jibki
U kull min jgħix fih se jiġi fix-xejn;
L-annimali slavaġ, l-għasafar,
u anki l-ħut se jmutu.
4 “Imma ħadd m’għandu jagħti parir jew jikkoreġi lilkom,
Għax intom raskom iebsa bħal xi ħadd li jiħodha kontra qassis.
5 Għalhekk, se titfixklu fid-dawl tax-xemx,
U l-profeti se jitfixklu magħkom bħallikieku billejl.
U jien se nsikket* lil ommkom.
6 Il-poplu tiegħi se jiġi msikket,* għax m’hemmx għarfien.
Peress li warrabtu l-għarfien,
Jien se nwarrabkom milli taqdu bħala qassisin tiegħi;
U peress li nsejtu l-liġi* tiegħi, l-Alla tagħkom,
Jien se ninsa lit-tfal tagħkom.
7 Iktar ma żdiedu, iktar dinbu kontrija.
Jien mhux se nħalli n-nies jonorawhom, minflok se nġegħelhom jiġu ddiżonorati.*
9 Il-poplu u l-qassis se jiġrilhom l-istess;
Jien se nitlob kont taʼ dak li għamlu
U se nikkastigahom skont kif aġixxew.
10 Huma se jieklu, imma ma jkunux sodisfatti.
Se jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ ħafna nies,* imma ma jiżdidux,
Għax lili, Ġeħova, ma jagħtux kasi.
11 Il-prostituzzjoni,* l-inbid, u l-inbid ġdid
Ineħħu x-xewqa taʼ xi ħadd biex jagħmel dak li hu tajjeb.
12 Il-poplu tiegħi jitolbu pariri mingħand l-idolu tal-injam tagħhom,
U jagħmlu dak li jgħidilhom il-bastun* tagħhom.
Ix-xewqa li jagħmlu l-prostituzzjoni* ġġegħelhom jiżvijaw,
U billi jagħmlu l-prostituzzjoni huma ma jobdux lili, l-Alla tagħhom.
13 Huma joffru sagrifiċċji fuq il-qċaċet tal-muntanji,
U joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fuq l-għoljiet,
Taħt is-siġar tal-ballut, tal-istoraċi, u kull siġra kbira,
Għax jagħmlu ħafna dell.
Hu għalhekk li l-bniet tagħkom jagħmlu l-prostituzzjoni*
U n-nisa tat-tfal tagħkom jagħmlu adulterju.
14 Jien mhux se nitlob kont mill-bniet tagħkom għax jagħmlu l-prostituzzjoni,*
U min-nisa tat-tfal tagħkom għax jagħmlu adulterju.
Għax l-irġiel jitilqu mal-prostituti
U jagħmlu sagrifiċċji mal-prostituti tat-tempju.
Nies bħal dawn li mhux kapaċi jifhmu se jiġu fix-xejn.
Tiġux Gilgal jew Bet-awen,
U taħilfux bija, Ġeħova l-Alla ħaj.
16 L-Iżraelin saru rashom iebsa bħal baqra,
Nistaʼ jien, Ġeħova, nirgħahom bħal muntun żgħir f’post spazjuż?
17 In-nies t’Efrajm qed iqimu l-idoli.
Erħulhom waħedhom!
U l-mexxejja* tagħhom iħobbu jagħmlu affarijiet tal-mistħija.
19 Ir-riħ se jkaxkarhom,
U se jistħu minħabba s-sagrifiċċji tagħhom.”