Ġeremija
10 Iżraelin, isimgħu dak li qal Ġeħova kontrikom. 2 Ġeħova jgħid:
“Timitawx id-drawwiet tal-popli
U titwerwrux minħabba dak li qed taraw fis-sema,
Sempliċement għax qed jitwerwru minnu huma.
3 Għax id-drawwiet tal-popli ma jiswew għal xejn.
Ħaddiem tas-sengħa jaqtaʼ siġra mill-foresta u jagħmel idolu minnha.
4 Huma jżejnuh bid-deheb u l-fidda,
U jwaħħluh bl-imsiemer ħalli ma jaqax.
5 L-idoli ma jistgħux jitkellmu, bħal xi ħaġa li tbeżżaʼ l-għasafar f’għalqa tal-ħjar;*
Iridu jinġarru, għax ma jistgħux jimxu.
Tibżgħux minnhom, għax ma jistgħux jagħmlulkom ħsara,
U lanqas ma jistgħu jagħmlu l-ġid.”
6 M’hemm ħadd bħalek, Ġeħova.
Int kbir, u ismek hu kbir u juri l-qawwa tiegħek.
7 Hu xieraq li kulħadd jirrispettak ħafna,* Re tal-popli!
Għax żgur li m’hemm ħadd bħalek
Fost l-għorrief kollha tal-popli u s-saltniet kollha tagħhom.
8 Huma kollha bla raġuni u boloh.
Hu bla sens li xi ħadd jaħseb li siġra tistaʼ tiggwidah.
9 Il-pjanċi tal-fidda jinġiebu minn Tarsis u d-deheb minn Ufaż,
Dawn jinħadmu minn ħaddiem tas-sengħa u ħaddied.
In-nies ilibbsu l-idoli bi ħwejjeġ magħmulin minn ħajt blu u suf vjola.
Dawn l-idoli huma kollha magħmulin minn ħaddiema tas-sengħa.
10 Imma Ġeħova hu Alla veru.
Hu l-Alla l-ħaj u r-Re li se jibqaʼ għal dejjem.
L-art se titriegħed minħabba r-rabja kbira tiegħu,
U l-ebda poplu mhu se jkun jiflaħ għall-kundanna tiegħu.
“L-allat li m’għamlux is-sema u l-art
Se jinqerdu mill-art u minn taħt din is-sema.”
12 Hu Dak li Għamel id-dinja bil-qawwa tiegħu,
Il-Wieħed li għamel l-art u kulma fiha bl-għerf tiegħu
U li firex is-sema bl-intelliġenza tiegħu.
13 Meta jsemmaʼ leħnu,
L-ilmijiet fis-sema jagħmlu ħoss qawwi.
Hu jġiegħel is-sħab* jitlaʼ mit-truf tal-art.
Hu jibgħat is-sajjetti max-xita*
U joħroġ ir-riħ mill-imħażen tiegħu.
14 Kulħadd jaġixxi bla raġuni u mingħajr għarfien.
Kull ħaddied se jiġi mġiegħel jistħi minħabba l-istatwa minquxa,
Għax l-istatwa tal-metall* tiegħu hi falza,
U m’hemmx nifs* fiha.
15 Dawn ma jiswew għal xejn u huma xi ħaġa tad-daħq.
Se jinqerdu meta jasal il-jum tal-ġudizzju tagħhom.
16 L-Alla* taʼ Ġakobb mhuwiex bħal dawn,
Għax hu l-Wieħed li għamel kollox,
U Iżrael hu l-bastun tiegħu, il-wirt tiegħu.
Ismu hu Ġeħova tal-armati.
18 Għax Ġeħova jgħid:
“Din id-darba, se nwaddab ’il barra lil dawk li joqogħdu fl-art
U se nġegħelhom ibatu.”
19 Ħażin għalija minħabba l-ksur li għandi!
Il-ferita tiegħi ma tistax tfiq.
U jien għedt: “Dan hu l-uġigħ tiegħi, u se jkolli nissaportih.
20 It-tinda tiegħi nqerdet, u l-ħbula kollha tagħha tqattgħu.
It-tfal tiegħi telquni, u m’għad fadal ħadd iktar.
M’għadx fadal min jistaʼ jiftaħ it-tinda tiegħi jew itellagħli d-drapp tat-tinda.
21 Għax ir-ragħajja aġixxew bla sens
U ma talbux għall-gwida taʼ Ġeħova.
Hu għalhekk li m’aġixxewx bl-għaqal
U l-imrieħel kollha tagħhom inxterdu.”
22 Ismaʼ! Għadna kemm irċivejna aħbar!
Hemm ħoss kbir ġej mill-pajjiż tat-Tramuntana,
Biex iġib il-bliet taʼ Ġuda post abbandunat, post fejn joqogħdu l-klieb slavaġ.
23 Ġeħova, jien naf sew li l-bniedem m’għandux l-abbiltà jew id-dritt li jiddeċiedi kif jgħix ħajtu.
Waħdu ma jistax jiddeċiedi x’għandu jagħmel.
24 Ġeħova, ikkoreġini skont dak li ħaqqni,
Imma mhux meta tkun irrabjat, ħalli ma teqridnix.
25 Irrabja mal-popli li jinjorawk,
U mal-familji li ma jgħajtulekx b’ismek.
Għax huma qerdu lil Ġakobb,
Iva, qerduh u kważi ma baqax jeżisti iktar,
U l-art tiegħu għamluha ħerba.