Lir-Rumani
16 Inħeġġiġkom tilqgħu* lil oħtna Febe, li qed taqdi fil-kongregazzjoni taʼ Kenkre. 2 Jekk jogħġobkom, ilqgħuha b’mod li jixraq lill-qaddisin, għax hi għandha fidi fil-Mulej. Agħtuha kull għajnuna li għandha bżonn, għax hi ddefendiet lil ħafna, inkluż lili.
3 Selluli għal Priska u għal Akwila, li ħadmu miegħi fix-xogħol taʼ Kristu Ġesù. 4 Huma rriskjaw ħajjithom għalija. Jien u l-kongregazzjonijiet kollha li mhumiex Lhud napprezzaw dak li għamlu. 5 Selluli wkoll għall-kongregazzjoni li tiltaqaʼ fid-dar tagħhom. Selluli għall-għażiż Epenetu, li hu fost l-ewwel uħud li saru dixxipli taʼ Kristu fl-Asja. 6 Selluli għal Marija, li ħadmet ħafna għalikom. 7 Selluli għal Androniku u Ġunja, li jiġu minni u kienu l-ħabs miegħi. Dawn l-irġiel għandhom reputazzjoni tajba mal-appostli u ilhom dixxipli taʼ Kristu iktar minni.
8 Selluli għall-ħabib kbir tiegħi Amplijatu, li hu dixxiplu tal-Mulej ukoll. 9 Selluli għal Urbanu, li ħadem magħna fix-xogħol taʼ Kristu, u għall-ħabib kbir tiegħi Staki. 10 Selluli għal Apelle, qaddej approvat taʼ Kristu. Selluli għal dawk tad-dar t’Aristobulu. 11 Selluli għal Erodjon, li jiġi minni. Selluli wkoll għal dawk mid-dar taʼ Narċissu li huma dixxipli tal-Mulej. 12 Selluli għal Trifena u Trifosa, nisa li qed jaħdmu iebes għall-Mulej. Selluli għall-għażiża oħtna Persi, għax hi ħadmet iebes għall-Mulej. 13 Selluli għal Rufu, li ġie magħżul mill-Mulej, u għal ommu li kienet qisha ommi wkoll. 14 Selluli għal Asinkretu, Flegon, Erme, Patroba, Erma, u għall-aħwa li hemm magħhom. 15 Selluli għal Filologu u Ġulja, Nerija u oħtu, Olimpa, u għan-nies t’Alla* kollha li qegħdin magħhom. 16 Ilqgħu lil xulxin bi mħabba.* Il-kongregazzjonijiet kollha taʼ Kristu jsellu għalikom.
17 Issa nħeġġiġkom ħuti, biex toqogħdu attenti għal dawk li qed joħolqu l-firdiet u jfixklu l-fidi t’oħrajn, u b’hekk qed imorru kontra t-tagħlim li tgħallimtu. Żommu ’l bogħod minnhom. 18 Għax dawn l-irġiel mhumiex ilsiera taʼ Kristu l-Mulej tagħna, imma tax-xewqat tagħhom* stess. Huma jqarrqu bin-nies bi kliemhom u billi jfaħħruhom biex jingħoġbu. 19 Imma kulħadd jaf li intom ubbidjenti, u dan jagħmilni ferħan ħafna. Nixtieqkom tkunu għorrief u tagħmlu dak li hu tajjeb, imma fejn jidħlu affarijiet ħżiena tkunu innoċenti. 20 L-Alla li jagħti l-paċi dalwaqt se jgħaffeġ lil Satana taħt saqajkom. Jalla l-Mulej tagħna Ġesù jurikom il-qalb tajba kbira tiegħu.
21 Timotju, li jaħdem miegħi, sella għalikom. Sellew għalikom ukoll Luċju, Ġason, u Sosipater, li jiġu minni.
22 Jien, Terzju, li ktibt din l-ittra, inselli għalikom bħala dixxiplu tal-Mulej.
23 Sella għalikom ukoll Gaju, li laqagħni għandu u li jilqaʼ l-kongregazzjoni kollha f’daru. Anki Erastu, li jieħu ħsieb il-finanzi* tal-belt, u ħuh Kwartu sellew għalikom. 24*——
25 Alla jistaʼ jsaħħaħkom permezz tal-aħbar tajba li qed inxandar u permezz tal-ippritkar dwar Ġesù Kristu. Din l-aħbar tajba hi fi qbil mas-sigriet qaddis li Alla wera u li kien moħbi għal żmien twil. 26 Imma issa dan is-sigriet intwera lilna. Permezz tal-profeziji tal-Iskrittura, il-popli kollha tgħallmu dwaru. Dan hu fi qbil mal-kmand t’Alla li jgħix għal dejjem. Hu jixtieq li l-popli kollha jemmnu fih u jobduh. 27 Alla, li hu l-iktar għaref, jistħoqqlu l-glorja għal dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu. Ammen.