Lill-Kolossin
1 Jien, Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù skont dak li jrid Alla, u ħuna Timotju qed nibagħtu din l-ittra 2 lilkom aħwa qaddisin, leali, u dixxipli taʼ Kristu f’Kolossi:
Jalla Alla Missierna jurikom qalb tajba kbira u jgħinkom ikollkom il-paċi.
3 Aħna dejjem nirringrazzjaw lil Alla, il-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, meta nitolbu għalikom. 4 Nagħmlu hekk għax smajna bil-fidi li għandkom fi Kristu Ġesù u l-imħabba li għandkom għall-qaddisin kollha. 5 Għandkom din il-fidi u l-imħabba għax qed tistennew il-premju fis-sema. Intom diġà smajtu b’dan il-premju permezz tal-messaġġ tal-verità tal-aħbar tajba 6 li waslet għandkom. L-aħbar tajba qed tinfirex mad-dinja kollha u qed ikollha riżultati tajbin. Dan qed jiġri wkoll fostkom minn dakinhar li smajtu u tgħallimtu* l-verità dwar il-qalb tajba kbira t’Alla. 7 Dan tgħallimtuh mingħand Epafra, ħuna leali u għażiż, li jaqdi bħala lsir tal-Kristu għalina. 8 Hu qalilna wkoll dwar l-imħabba li wrejtu bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis.
9 Hu għalhekk ukoll li minn dakinhar li smajna dwar l-imħabba u l-fidi li għandkom, ma waqafniex nitolbu għalikom biex ikollkom l-għarfien eżatt taʼ xi jrid Alla, ikollkom l-għerf kollu, u tkunu tistgħu tifhmu bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis. 10 Nitolbu li tgħixu b’mod li jogħġob* lil Ġeħova,* biex tagħmluh ferħan f’kull ħaġa tajba li tagħmlu u żżidu l-għarfien eżatt dwaru. 11 U jalla Alla juża l-qawwa kbira tiegħu biex isaħħaħkom ħalli tkunu tistgħu tissaportu kollox bil-paċenzja u l-ferħ. 12 Ibqgħu rringrazzjaw lill-Missier, li għenkom tikkwalifikaw biex tieħdu sehem fil-wirt tal-qaddisin li huma fid-dawl.*
13 Hu salvana mill-awtorità* tad-dlam u daħħalna fis-saltna t’Ibnu l-maħbub. 14 Permezz tas-sagrifiċċju* taʼ Ibnu, dnubietna ġew maħfurin. 15 Hu x-xbieha t’Alla li ma jidhirx, l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu. 16 Għax permezz tiegħu l-affarijiet kollha fis-sema u fuq l-art ġew maħluqin. Dawn jinkludu l-affarijiet li jidhru, dawk li ma jidhrux, il-mexxejja, ir-rejiet, il-gvernijiet, u l-awtoritajiet. Iva, l-affarijiet l-oħrajn kollha nħolqu permezz tiegħu u għalih. 17 Allura hu beda jeżisti qabel dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha, u dawn bdew jeżistu permezz tiegħu. 18 Hu r-ras tal-ġisem, jiġifieri l-kap tal-kongregazzjoni. Hu l-bidu, l-ewwel imwieled mill-mewt, biex isir l-ewwel f’kollox; 19 għax ix-xewqa t’Alla kienet li Kristu jkollu l-kwalitajiet kollha tiegħu 20 u li permezz tad-demm li Kristu xerred fuq iz-zokk tat-tortura* se jkun hemm ħbiberija bejn Alla u dawk li huma fis-sema u fuq l-art.
21 Fil-fatt, xi darba intom kontu ’l bogħod minn Alla u għedewwa tiegħu, għax kontu taħsbu u taġixxu ħażin. 22 Imma issa qed jagħmel ħbieb magħkom permezz tal-mewt li Ġesù bata bħala bniedem, u b’hekk għalih tkunu qaddisin, mingħajr difett, u bla ebda akkuża. 23 Però, ibqgħu għixu skont il-fidi tagħkom f’Alla, kunu sodi u ssaħħu fiha.* Tħallu xejn itellfilkom it-tama tal-aħbar tajba li smajtu u li ġiet ippritkata lin-nies fid-dinja kollha. Jien, Pawlu, intgħażilt biex nipprietka din l-aħbar tajba.
24 Jien nieħu pjaċir inbati għall-ġid tagħkom u lest li nkompli nbati bħala parti mill-ġisem taʼ Kristu. Din it-tbatija se tkun taʼ benefiċċju għall-ġisem taʼ Kristu, jiġifieri l-kongregazzjoni. 25 Jien naqdi lil din il-kongregazzjoni b’din ir-responsabbiltà serja għall-ġid tagħkom. Hu għalhekk li nipprietka l-kelma t’Alla kemm nistaʼ, 26 li tinkludi s-sigriet qaddis t’Alla. Dan kien moħbi miż-żminijiet* u n-nies tal-passat. Imma issa ntwera lill-qaddisin tiegħu. 27 Alla kellu l-pjaċir li juri s-sigriet qaddis, jiġifieri dan it-teżor mill-isbaħ, lill-qaddisin fost in-nies tal-popli. Dan is-sigriet hu Kristu li qiegħed magħkom, allura għandkom it-tama li tkunu gglorifikati miegħu. 28 Aħna qed inxandru l-messaġġ dwaru, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd. Aħna qed naqsmu l-għerf kollu li rċivejna, ħalli nkunu nistgħu ngħinu lid-dixxipli kollha taʼ Kristu jsiru maturi. 29 Hu għalhekk li qed naħdem iebes u nistinka bil-qawwa li jagħtini.