Isaija
48 Isimgħu dan, dar taʼ Ġakobb,
Intom li ssejħu lilkom infuskom bl-isem t’Iżrael,
Li ġejtu minn* Ġuda,
Li taħilfu bl-isem taʼ Ġeħova,
U li titolbu lill-Alla t’Iżrael,
Għalkemm ma tagħmlux dan b’mod sinċier u ma tagħmlux dak li hu tajjeb.
2 Għax intom tgħidu li intom mill-belt qaddisa
U li tiddependu mill-Alla t’Iżrael,
Li ismu hu Ġeħova tal-armati.
3 “Fil-passat, jien għedtilkom x’se jiġri fil-futur.
Dan għedtu jien stess
U għamiltu magħruf.
F’daqqa waħda, aġixxejt fuq dan u hekk ġara.
4 Peress li kont naf li intom raskom iebsa,
Li għonqkom tal-ħadid u moħħkom tar-ram,
5 Jien għedtilkom minn żmien twil ilu.
Jien semmajtilkom dan qabel ma ġara,
Ħalli ma tgħidux, ‘L-idolu tiegħi għamel dan;
L-istatwa minquxa tiegħi u l-istatwa tal-metall* tiegħi kkmandaw dan.’
6 Intom smajtu u rajtu dan kollu.
M’intomx se titkellmu m’oħrajn dwar dan?
Mil-lum ’il quddiem, qed inħabbrilkom affarijiet ġodda,
Sigrieti moħbijin sew li ma kontux tafu bihom.
7 Issa qed jinħolqu, u m’ilhomx ħafna żmien,
Dawn huma affarijiet li qatt ma smajtu bihom,
B’hekk ma tistgħux tgħidu, ‘Diġà nafu bihom.’
8 Le, intom ma ridtux tisimgħu u ma fhimtux,
Fil-passat ma tajtux kas.
Għax jien naf li intom tqarrqu ħafna,
U ġejtu msejħin midinbin minn mindu twilidtu.
9 Imma minħabba ismi, jien mhux se nirrabja;
Minħabba l-glorja tiegħi, jien mhux se naġixxi kontrikom
U mhux se neqridkom.
10 Jien irfinajtkom, imma mhux bħall-fidda.
Jien ħallejtkom tbatu ħalli nirfinakom* bħal meta l-metall jiġi mdewweb f’forn.
11 Fil-fatt, jien se naġixxi minħabba fija stess,
Għax ma nistax niġi mniġġes.
Jien ma nagħti l-glorja tiegħi lil ħadd.*
12 Ismaʼ minni, Ġakobb, Iżrael li jien għażilt.
Jien l-istess Wieħed. Jien l-ewwel u jien ukoll l-aħħar.
13 B’idi poġġejt il-pedament tal-art,
U b’idi l-leminija frixt is-sema.
Meta ngħajtilhom, dawn iqumu flimkien.
14 Inġabru flimkien kollha kemm intom u isimgħu.
Min fost l-allat* qal dawn l-affarijiet?
Il-wieħed* li jien, Ġeħova, inħobb
Se jagħmel dak li nixtieq kontra Babilonja,
U se juża l-qawwa tiegħu kontra l-Kaldin.
15 Jien stess għedt dan, u jien għajjattlu.
Jien ġibtu, u se jirnexxi f’dak li jagħmel.
16 Ejjew ħdejja u isimgħu dan.
Mill-bidu nett jien ma ħbejt xejn.
Minn meta ġara, jien kont hemm.”
U issa Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* bagħat lili, Isaija, u l-ispirtu tiegħu għandkom.
17 Ġeħova, Dak li Jixtrikom Lura, il-Qaddis t’Iżrael, jgħid:
“Jien Ġeħova l-Alla tagħkom,
Il-Wieħed li ngħallimkom għall-ġid tagħkom,
Il-Wieħed li nurikom kif għandkom tgħixu.*
18 Kemm nixtieq li tagħtu kas il-kmandamenti tiegħi!
Kieku l-paċi li jkollkom tkun bħal xmara
U t-tajjeb li tagħmlu jkun bħall-mewġ tal-baħar.
19 Dawk li jiġu minnkom u d-dixxendenti tagħkom
Se jkunu daqs ir-ramel.
Isimhom mhux se jitneħħa jew jinqered minn quddiemi.”
20 Oħorġu minn Babilonja!
Aħarbu mill-Kaldin!
Agħmlu dan b’għajjat taʼ ferħ! Xandru dwar dan!
Agħmluh magħruf sa truf l-art.
Għidu: “Ġeħova xtara lura lill-qaddej tiegħu Ġakobb.
21 Huma ma qabadhomx l-għatx meta mexxiehom fid-deżert.
Hu ħarġilhom l-ilma mill-blata;
Qasam blata u ħarġilhom ħafna ilma.”
22 Ġeħova jgħid: “Il-ħżiena mhux se jkunu fil-paċi.”