Isaija
55 Ejjew ħudu l-ilma, intom kollha li għandkom l-għatx.
Ejjew ixtru u kulu, intom li m’għandkomx flus.
Iva, ejjew ixtru l-inbid u l-ħalib mingħajr flus u b’xejn.
2 Għala tkomplu tħallsu l-flus għal dak li mhux ħobż,
U għala tonfqu dak li taqilgħu* għal dak li ma jagħtikomx sodisfazzjon?
Isimgħuni sew, u kulu ikel tajjeb,
U se tieħdu* ħafna pjaċir b’ikel bnin.
Isimgħuni u tibqgħu ħajjin,*
U jien inkun lest li nagħmel patt magħkom li jibqaʼ għal dejjem
Fi qbil mal-wegħda taʼ mħabba u lealtà* li għamilt maʼ David.
Din il-wegħda hi taʼ min jafdaha.*
4 Jien għamiltu xhud,
Mexxej, u kmandant għall-popli.
5 Int* se tgħajjat lil poplu li ma tafx,
U nies li ma jafukx se jiġu jiġru għandek
Minħabba Ġeħova l-Alla tiegħek, il-Qaddis t’Iżrael,
Għax hu se jigglorifikak.
6 Fittxu lil Ġeħova waqt li jistaʼ jinstab.
Għajtulu waqt li qiegħed qrib.
7 Ħalli l-ħażin ibiddel il-mod kif jgħix
U dak mill-agħar ibiddel il-mod kif jaħseb.
Ħa jerġaʼ lura għand Ġeħova, li se jkollu ħniena minnu,
Għand l-Alla tagħna, li jaħfer bil-kbir.*
8 Ġeħova jgħid: “Għax il-ħsibijiet tiegħi mhumiex bħall-ħsibijiet tagħkom,
U dak li nagħmel jien mhuwiex bħal dak li tagħmlu intom.
9 Daqskemm is-sema hi ogħla mill-art,
Daqshekk hu bil-wisq aħjar dak li nagħmel jien minn dak li tagħmlu intom
U l-ħsibijiet tiegħi mill-ħsibijiet tagħkom.
10 Meta jinżlu x-xita u l-borra mis-sema
Ma jerġgħux lura hemm qabel ixarrbu l-art, u b’hekk din tinbet u tagħmel il-frott.
U n-nies ikollhom x’jiżirgħu u x’jieklu.
11 Hekk se jiġri minn dak li ngħid.
Mhux se jiġi lura għandi mingħajr riżultati,
Imma żgur li dak li ngħid se jitwettaq kif jogħġobni,*
U żgur li se jsir bħalma għedt.
12 Għax intom se toħorġu bil-ferħ,
U se tinġiebu lura fil-paċi.
Il-muntanji u l-għoljiet se jifirħu quddiemkom b’għajjat taʼ ferħ,
U s-siġar se jċapċpu jdejhom.
13 Minflok l-għollieq se tikber is-siġra tal-ġnibru.
U minflok il-ħurrieq is-siġra tar-riħan.
Dawn l-affarijiet se jagħmlu lil Ġeħova magħruf,
U jkunu sinjal għal dejjem li qatt ma jinqered.”