L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
15 Fis-sena 18 tar-Re Ġerobogħam bin Nebat, Abijam sar re fuq Ġuda. 2 Hu mexxa tliet snin f’Ġerusalemm. Ommu kien jisimha Magħka u nannuha kien Abisalom. 3 Hu għamel l-istess dnubiet li kien għamel missieru, u qalbu ma kinitx sħiħa maʼ* Ġeħova l-Alla tiegħu, bħalma kienet sħiħa qalb l-antenat tiegħu David. 4 Madankollu, minħabba David, Ġeħova l-Alla tiegħu ħalla d-dixxendent tiegħu jmexxi* f’Ġerusalemm billi għażel lil ibnu warajh u ħalla lil Ġerusalemm teżisti. 5 Għax David għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova u għamel dak kollu li kkmandah kemm dam ħaj, ħlief fil-kwistjoni t’Urija l-Ħitti. 6 U kemm dam ħaj Reħobogħam kien hemm il-gwerer bejnu u bejn Ġerobogħam.
7 Il-bqija tal-istorja t’Abijam u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. Anki bejn Abijam u Ġerobogħam kien hemm il-gwerer. 8 Imbagħad, Abijam miet u difnuh fil-Belt taʼ David. Ibnu Asa sar re minfloku.
9 Fl-20 sena tat-tmexxija tar-Re Ġerobogħam t’Iżrael, Asa beda jmexxi fuq Ġuda. 10 Hu mexxa 41 sena f’Ġerusalemm. Nanntu kien jisimha Magħka u nannuha kien Abisalom. 11 Asa għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħall-antenat tiegħu David. 12 Hu keċċa l-irġiel prostituti tat-tempju mill-pajjiż u neħħa l-idoli moqżieża* kollha li għamlu missirijietu. 13 Neħħa wkoll lil nanntu Magħka mill-pożizzjoni li kellha,* għax kienet għamlet idolu oxxen għall-qima tal-arblu sagru.* Asa qaċċat dan l-idolu u ħarqu fil-Wied taʼ Kidron. 14 Imma l-postijiet għall-qima ma tneħħewx. Madankollu, qalb Asa baqgħet sħiħa maʼ* Ġeħova tul ħajtu. 15 Hu daħħal fid-dar taʼ Ġeħova l-affarijiet li qaddsu hu u missieru. Dawn kienu fidda, deheb, u diversi għodod.
16 Il-gwerer ma waqfux bejn Asa u Bagħsa r-re t’Iżrael. 17 Għalhekk, ir-Re Bagħsa t’Iżrael telaʼ kontra Ġuda u beda jibni* Rama biex ma jħalli lil ħadd joħroġ jew jidħol għand* ir-Re Asa taʼ Ġuda. 18 Għal dan, Asa ħa l-fidda u d-deheb kollu li kien baqaʼ fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova u fil-palazz tiegħu u tahom lill-qaddejja tiegħu. Imbagħad bagħathom għand Ben-ħadad bin Tabrimmon u n-neputi taʼ Ħeżjon, ir-re tas-Sirja, li kien jgħix Damasku, u qallu: 19 “Hemm ftehim* bejni u bejnek u bejn missieri u missierek. Jien qed nibgħatlek rigal taʼ fidda u deheb. Ejja u ikser il-ftehim* mar-Re Bagħsa t’Iżrael sabiex jitlaq minn hawn.” 20 Ben-ħadad semaʼ mir-Re Asa u bagħat lill-kapijiet tal-armati tiegħu kontra l-bliet t’Iżrael u dawn rebħu lil Ijon, Dan, Abel-bet-magħka, Kinneret kollha, u l-art kollha taʼ Naftali. 21 Malli Bagħsa semaʼ b’dan, hu waqaf jibni* Rama u kompla jgħix f’Tirsa. 22 Imbagħad, ir-Re Asa laqqaʼ lin-nies kollha taʼ Ġuda u huma ġarrew il-ġebel u l-injam taʼ Rama li Bagħsa kien qed jibni bihom. Ir-Re Asa użahom biex jibni* Geba f’Benjamin, u Mispa.
23 Il-bqija tal-istorja t’Asa, il-qawwa kollha tiegħu, kulma għamel, u l-bliet li bena* huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. Imma fi xjuħitu qabditu marda f’saqajh. 24 Imbagħad, Asa miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David l-antenat tiegħu. Ibnu Ġeħosafat sar re minfloku.
25 Nadab bin Ġerobogħam sar re fuq Iżrael fit-tieni sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, u mexxa sentejn fuq Iżrael. 26 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u aġixxa bħal missieru u għamel l-istess dnub li missieru ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 27 Waqt li Nadab u Iżrael kollu kienu qed jassedjaw Gibbeton, li kienet tal-Filistin, Bagħsa bin Aħija mit-tribù taʼ Issakar ikkonfoffa kontrih u qatlu hemm. 28 Għalhekk, Bagħsa qatlu fit-tielet sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda u sar re minfloku. 29 Malli sar re, hu qatel lid-dar kollha taʼ Ġerobogħam. Ma ħalla lil ħadd ħaj* li kien taʼ Ġerobogħam. Hu qeridhom skont dak li Ġeħova qal permezz tal-qaddej tiegħu Aħija s-Siloni. 30 Dan minħabba d-dnubiet li Ġerobogħam għamel u ġiegħel lil Iżrael jagħmel u minħabba li offenda bil-kbir lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 31 Il-bqija tal-ġrajjiet taʼ Nadab u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 32 II-gwerer ma waqfux bejn Asa u r-Re Bagħsa t’Iżrael.
33 Fit-tielet sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, Bagħsa bin Aħija sar re f’Tirsa fuq Iżrael kollu u mexxa għal 24 sena. 34 Imma hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u għamel l-istess dnubiet li Ġerobogħam ġiegħel lil Iżrael jagħmel.