L-Ewwel Ittra lill-Korintin
12 Ħuti, irridkom tkunu tafu dwar ir-rigali* tal-ispirtu qaddis. 2 Intom tafu li qabel ma bdejtu temmnu,* kontu kkontrollati u mqarrqin mill-idoli li lanqas biss setgħu jitkellmu. Intom mortu kull fejn iggwidawkom. 3 Issa rridkom tkunu tafu li ħadd minn dawk li huma ggwidati mill-ispirtu t’Alla ma jgħid: “Ġesù hu misħut!” U ħadd ma jistaʼ jgħid: “Ġesù hu Mulej!” sakemm ma jkunx iggwidat mill-ispirtu qaddis.
4 Hemm rigali spiritwali differenti, imma kollha jingħataw mill-istess spirtu. 5 Hemm modi differenti kif naqdu, imma aħna qed naqdu lill-istess Mulej. 6 Hemm affarijiet differenti li qed isiru, imma hu l-istess Alla li jagħti lil kulħadd il-qawwa biex jagħmel dawn l-affarijiet. 7 Imma l-għajnuna tal-ispirtu qaddis tidher biċ-ċar f’kull persuna biex jibbenefikaw oħrajn. 8 L-ispirtu jagħti lil persuna l-abbiltà biex titkellem bl-għerf, u l-istess spirtu jagħti lil persuna oħra l-abbiltà li titkellem bl-għarfien. 9 L-istess spirtu jagħti l-fidi lil persuna, u lil persuna oħra l-abbiltà li tfejjaq.* 10 Jerġaʼ lil ħaddieħor jagħtih l-abbiltà li jagħmel il-mirakli, lil ħaddieħor l-abbiltà li jipprofetizza, lil ħaddieħor l-abbiltà li jifhem jekk il-messaġġi humiex mingħand Alla, lil ħaddieħor l-abbiltà li jitkellem b’lingwi oħra, u lil ħaddieħor l-abbiltà li jittraduċi lingwi oħra. 11 Dawn l-affarijiet kollha jsiru permezz tal-istess spirtu, u l-persuna tingħata l-abbiltà fi qbil mal-gwida tal-ispirtu t’Alla.
12 Il-ġisem tal-bniedem għandu ħafna partijiet, imma hu ġisem wieħed, u l-partijiet kollha huma taʼ dan il-ġisem. Hekk hu l-ġisem taʼ Kristu. 13 Kollha kemm aħna tgħammidna mill-istess spirtu biex nifformaw ġisem wieħed. Kemm jekk aħna Lhud jew Griegi,* ilsiera jew irġiel li ġejna meħlusin, kollha kemm aħna rċivejna* spirtu wieħed.
14 Iva l-ġisem m’għandux parti waħda, imma ħafna partijiet. 15 Kieku s-sieq kellha titkellem u tgħid: “La m’iniex id, m’iniex parti mill-ġisem,” ma jfissirx li mhix parti mill-ġisem. 16 Kieku l-widna kellha tgħid: “La m’iniex għajn, m’iniex parti mill-ġisem,” ma jfissirx li mhix parti mill-ġisem. 17 Kieku l-ġisem kollu jkun għajn, il-persuna kif tistaʼ tismaʼ? Kieku l-ġisem kollu jkun widna, il-persuna ma tkun tistaʼ xxomm xejn. 18 Imma Alla poġġa l-partijiet tal-ġisem flimkien kif ried hu.
19 Kieku l-partijiet kollha kienu l-istess, kien se jkun ġisem? 20 Għalhekk, hemm ħafna partijiet, imma hemm ġisem wieħed biss. 21 L-għajn ma tistax tgħid lill-id: “M’għandix bżonnok,” u r-ras ma tistax tgħid lis-saqajn: “M’għandix bżonnkom.” 22 Fil-fatt, il-partijiet tal-ġisem li jidhru iktar dgħajfin huma bżonjużi. 23 Aħna nieħdu ħsiebhom sew il-partijiet li naħsbu li huma inqas sbieħ.* U l-partijiet tal-ġisem li m’għandhomx jidhru nittrattawhom b’iktar rispett. 24 Imma l-partijiet sbieħ m’għandniex bżonn nieħdu ħsiebhom. Minkejja dan, Alla għamel il-ġisem b’tali mod li tingħata iktar attenzjoni* lill-partijiet li għandhom bżonn. 25 Hu għamel hekk biex ma jkunx hemm firda fil-ġisem. Il-partijiet tal-ġisem għandhom jieħdu ħsieb lil xulxin. 26 Jekk parti tal-ġisem tbati, il-partijiet l-oħra jbatu magħha. Jekk parti tal-ġisem tiġi onorata,* il-partijiet l-oħra jifirħu magħha.
27 Intom il-ġisem taʼ Kristu, u kull wieħed minnkom hu parti minn dan il-ġisem. 28 Alla ta post lil kull wieħed fil-kongregazzjoni: l-ewwel lill-appostli; it-tieni lill-profeti; it-tielet lill-għalliema; imbagħad lil dawk li jagħmlu l-mirakli; imbagħad lil dawk li għandhom l-abbiltà li jfejqu;* lil dawk li jgħinu; lil dawk li jagħtu l-gwida; u lil dawk li għandhom l-abbiltà li jitkellmu b’lingwi differenti. 29 Huma mhux kollha appostli, profeti, jew għalliema, hux hekk? Huma mhux kollha jagħmlu l-mirakli, hux hekk? 30 Huma mhux kollha għandhom l-abbiltà li jfejqu,* hux hekk? Huma mhux kollha għandhom l-abbiltà li jitkellmu b’lingwi differenti jew jagħmlu traduzzjoni taʼ lingwi oħra, hux hekk? 31 Għalhekk, agħmlu l-aħjar li tistgħu* biex tirċievu l-aqwa rigali. Imma issa se nurikom xi ħaġa li hi bil-wisq aħjar mill-oħrajn.