Ġeremija
5 Morru duru fit-toroq taʼ Ġerusalemm,
Ħarsu madwarha sew.
Fittxu fil-pjazez tagħha biex taraw
Jekk hemmx xi ħadd li qed jaġixxi bil-ġustizzja,
Xi ħadd li qed jipprova jkun leali,
U jien naħfrilha.
2 Anki jekk jaħilfu b’Ġeħova l-Alla l-ħaj,
Huma xorta jkunu qed jaħilfu b’mod falz.
3 Ġeħova, ma tfittixx int lil min hu leali?
Int ikkastigajthom, imma ma ġewx effettwati.*
Int qridthom, imma ma ridux jaċċettaw id-dixxiplina.
Huma webbsu rashom* iktar mill-blat,
U m’aċċettawx li jduru lura lejk.
4 Imma jien għedt bejni u bejn ruħi: “Imma dawn żgur huma nies injoranti.
Huma aġixxew taʼ boloh, għax ma jafux it-triq taʼ Ġeħova,
Il-liġijiet tal-Alla tagħhom.
5 Jien se mmur għand l-irġiel importanti u nkellem lilhom,
Għax huma żgur li jafu t-triq taʼ Ġeħova,
Il-liġijiet tal-Alla tagħhom.
Imma huma lkoll kissru l-madmad*
U qattgħu l-irbit.”
6 Hu għalhekk li ljun tal-foresta se jattakkahom,
Lupu tad-deżert se jibqaʼ jeqridhom,
U leopard jibqaʼ mqajjem qrib il-bliet tagħhom.
B’hekk kull min joħroġ minn hemm jiġi mqattaʼ biċċiet.
Għax id-dnubiet tagħhom huma ħafna;
Huma kemm-il darba ma kinux leali.
7 Kif nistaʼ naħfirlek għal dan?
It-tfal tiegħek telquni,
U huma jaħilfu b’dak li mhux Alla.
Jien tajthom kulma kellhom bżonn,
Imma huma baqgħu jagħmlu adulterju,
U jiffollaw fid-dar taʼ prostituta.
8 Huma bħal żwiemel b’saħna kbira,
Imorru wara l-mara taʼ raġel ieħor.
9 “M’għandix jien nitlob kont taʼ dawn l-affarijiet?” jgħid Ġeħova.
“M’għandix jien nivvendika ruħi minn poplu bħal dan?”
10 “Ejjew kontra l-għelieqi tad-dwieli tagħha u agħmlu ħerba,
Imma teqirduhomx għalkollox.
Neħħu l-friegħi ġodda tagħha,
Għax dawn mhumiex tiegħi,” jgħid Ġeħova.
11 “Għax il-poplu t’Iżrael u l-poplu taʼ Ġuda
Aġixxew għalkollox b’nuqqas taʼ lealtà miegħi,” jgħid Ġeħova.
Mhu se jiġi l-ebda diżastru fuqna;
Aħna mhux se nesperjenzaw ix-xabla jew il-ġuħ.’
13 Il-profeti jgħidu kliem fil-vojt,
U l-kelma tiegħi mhix f’qalbhom.
Ħa jiġu fix-xejn bħall-kliem tagħhom.”
14 Għalhekk Ġeħova, l-Alla tal-armati, jgħid:
“Minħabba li dawn l-irġiel qed jgħidu dan,
Jien se nagħmel il-kelma tiegħi bħal nar f’ħalqek,*
U lil dan il-poplu bħal injam,
U dan se jaħraqhom.”
15 Ġeħova jgħid, “Iżrael, jien se nġib fuqkom poplu mill-bogħod.
Poplu li ilu jeżisti.
Poplu tal-qedem,
Li l-lingwa tiegħu ma tafuhiex,
U li ma tifhmux dak li jgħidu.
16 Il-barżakka tal-vleġeġ tagħhom hi bħal qabar miftuħ;
Huma kollha gwerriera.
17 Huma se jħarbtu l-ħsad u l-ħobż tiegħek.
Se joqtlu lit-tfal subien u bniet tiegħek.
Se jħarbtu l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar tiegħek.
Se jħarbtu d-dwieli u s-siġar tat-tin tiegħek.
Bl-armi tagħhom se jeqirdu l-bliet iffortifikati li qed tafda fihom.”
18 Ġeħova jgħid, “Imma anki dak iż-żmien, m’iniex se neqridkom għalkollox. 19 U meta jistaqsu, ‘Għala Ġeħova l-Alla tagħna għamlilna dan kollu?’ int għandek twiġibhom, ‘Bħalma intom tlaqtu lili, l-Alla tagħkom, biex taqdu alla barrani fil-pajjiż tagħkom, hekk se taqdu lill-barranin f’art li mhix tagħkom.’”
20 Għidu dan fid-dar taʼ Ġakobb,
U xandru dan f’Ġuda:
21 “Isimgħu dan, poplu iblah u bla sens:
Għandkom l-għajnejn, imma ma tarawx;
Għandkom il-widnejn, imma ma tisimgħux.
22 ‘Kif ma tirrispettawnix?’ jgħid Ġeħova,
‘Ma misskomx titriegħdu quddiemi?
Jien dak li poġġejt ir-ramel bħala limitu għall-baħar,
U bħala regola għal dejjem li l-baħar ma jistax jaqbżu.
Għalkemm il-mewġ tiegħu jħabbat, ma jistax jilħqu;
Għalkemm jagħmel ħoss qawwi, xorta ma jistax jaqbeż il-limitu.
23 Imma dan il-poplu rasu iebsa u ribelluż;
Huma telquni u qed jagħmlu dak li jridu huma.
24 Huma ma jgħidux f’qalbhom:
“Issa ejja nirrispettaw ħafna lil Ġeħova l-Alla tagħna,
Il-Wieħed li jagħti x-xita fl-istaġun tagħha,
Kemm fil-ħarifa u kemm fir-rebbiegħa,
U Dak li jagħmel ċert li nistgħu naħsdu fil-ġimgħat tal-ħsad.”
25 L-iżbalji tagħkom stess żammewkom lura milli tirċievu dawn il-benefiċċji;
Id-dnubiet tagħkom stess ċaħħdukom milli tagħmlu dak li hu tajjeb.
26 Fost il-poplu tiegħi hemm nies mill-agħar.
Huma joqogħdu għassa, bħal nassaba li jkunu mistoħbija.
Huma jagħmlu nassa li toqtol.
Fiha jaqbdu n-nies.
27 Id-djar tagħhom huma mimlijin b’affarijiet li kisbu bil-qerq,
Bħal gaġġa mimlija għasafar.
Hu għalhekk li saru sinjuri u għandhom il-qawwa.
28 Huma ħxienu u l-ġilda tagħhom tleqq;
Qed jagħmlu ħafna affarijiet ħżiena.
Biex jirnexxu, mhux jiddefendu l-kawżi tal-orfni,
U ma jagħmlux ġustizzja mal-foqra.’”
29 “M’għandix jien nitlob kont taʼ dawn l-affarijiet?” jgħid Ġeħova.
“M’għandix jien nivvendika ruħi minn poplu bħal dan?”
30 Fil-pajjiż, ġrat xi ħaġa li tkexkex u tal-biżaʼ:
31 Il-profeti qed jipprofetizzaw il-gideb
U l-qassisin qed jużaw l-awtorità li għandhom biex imexxu fuq oħrajn.
U l-poplu tiegħi qed jieħu pjaċir b’dan.
Imma x’se tagħmlu meta jasal it-tmiem?”