Ester
8 Dakinhar ir-Re Aħasweru ta lir-Reġina Ester kulma kellu Ħaman, l-għadu tal-Lhud. Mordekaj mar quddiem ir-re, għax Ester kienet qaltlu li kien jiġi minnha. 2 Imbagħad ir-re neħħa ċ-ċurkett tas-siġill li kien ħa lura mingħand Ħaman u tah lil Mordekaj. U Ester ħalliet l-affarijiet taʼ Ħaman f’idejn Mordekaj.
3 Iktar minn hekk, Ester reġgħet kellmet lir-re. Hi niżlet ħdejn saqajh, bkiet, u talbitu bil-ħniena biex ineħħi l-ħsara li għamel Ħaman l-Agagi u l-pjan tiegħu kontra l-Lhud. 4 Ir-re għamel sinjal bix-xettru tad-deheb lejn Ester, u hi qamet u qagħdet quddiemu. 5 Hi qaltlu: “Jekk inhu tajjeb għalik u għandi l-approvazzjoni tiegħek, u jekk hu xieraq għalik u għandek pjaċir bija, ħa joħroġ kmand biex iħassar id-dokumenti tar-raġel ħażin Ħaman bin Ħammedata l-Agagi li hu kiteb biex jeqred lil-Lhud fil-provinċji* kollha tiegħek. 6 Għax ma niflaħx nara d-diżastru li se jiġi fuq il-poplu tiegħi, u l-qraba tiegħi jinqerdu.”
7 Għalhekk, ir-Re Aħasweru qal lir-Reġina Ester u lil Mordekaj il-Lhudi: “L-affarijiet taʼ Ħaman ħallejthom f’idejk, Ester, u lilu dendiltu maz-zokk għax hu ppjana li jattakka lil-Lhud.* 8 Tistgħu tiktbu f’ismi dak li jidhrilkom li hu tajjeb għal-Lhud u tissiġillawh biċ-ċurkett tas-siġill tiegħi, għax liġi li tinkiteb f’ismi u tkun issiġillata biċ-ċurkett tas-siġill tiegħi ma tistax titħassar.”
9 Dak iż-żmien, fit-23 tat-tielet xahar, jiġifieri fix-xahar taʼ Siwan,* għajtu lis-segretarji tar-re u dawn kitbu dak kollu li Mordekaj ikkmanda lil-Lhud, lis-satrapi,* lill-gvernaturi, u lill-mexxejja tal-provinċji mill-Indja sal-Etjopja, 127 provinċja. Dak li nkiteb intbagħat lill-popli kollha, lill-provinċji kollha, u lil-Lhud bl-istil taʼ kitba u l-lingwa tagħhom.
10 Hu kiteb dan f’isem ir-Re Aħasweru u ssiġillah biċ-ċurkett tas-siġill tar-re. Wara bagħat id-dokumenti permezz taʼ messaġġiera fuq iż-żwiemel. Huma rikbu żwiemel ħfief li jintużaw biex iġorru l-posta għas-servizz tar-re. 11 F’dawn id-dokumenti, ir-re ta permess lil-Lhud fil-bliet kollha biex jinġabru flimkien u jiddefendu ruħhom. Ukoll, tahom permess joqtlu u jeqirdu għalkollox lill-gruppi armati taʼ kwalunkwe poplu u provinċja li jistgħu jattakkawhom, inkluż in-nisa u t-tfal, u jieħdu l-affarijiet tagħhom. 12 Il-Lhud kellhom jagħmlu dan fil-provinċji kollha tar-Re Aħasweru fit-13 tat-12-il xahar, jiġifieri x-xahar t’Adar.* 13 Dak li kien hemm miktub fid-dokument kellu joħroġ bħala liġi fil-provinċji kollha. In-nies kollha kellhom isiru jafu bil-liġi ħalli dakinhar il-Lhud ikunu ppreparati biex jiġġieldu kontra l-għedewwa tagħhom. 14 Malli r-re tahom il-kmand, il-messaġġiera marru malajr fuq iż-żwiemel li jintużaw biex iġorru l-posta għas-servizz tar-re. Il-liġi ħarġet ukoll fil-palazz* taʼ Susan.*
15 Mordekaj ħareġ minn quddiem ir-re liebes ħwejjeġ irjali b’materjal blu u abjad, kuruna kbira tad-deheb, u mantell magħmul minn suf vjola fin. U n-nies tal-belt taʼ Susan* bdew jgħajtu bil-ferħ. 16 Il-Lhud kellhom tama* u huma ferħu ħafna u ġew onorati. 17 U fil-provinċji u l-bliet kollha fejn waslet il-liġi tar-re, il-Lhud bdew jifirħu ħafna, jagħmlu ikliet kbar, u jiċċelebraw. In-nies li ma kinux Lhud bdew jgħidu li huma Lhud, għax beżgħu minnhom.