Levitiku
10 Iktar tard, Nadab u Abiħu, it-tfal t’Aron, ħadu reċipjent għall-inċens kull wieħed u poġġew in-nar fih u tefgħu l-inċens fuqu. Imbagħad bdew joffru quddiem Ġeħova nar ipprojbit, li hu ma kienx ikkmandahom jagħmlu. 2 U ħareġ nar minn quddiem Ġeħova u qeridhom, u b’hekk mietu quddiem Ġeħova. 3 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Hekk qal Ġeħova, ‘Ħa nitqaddes fost dawk li jiġu quddiemi, u ħa nkun glorifikat quddiem in-nies kollha.’” U Aron ma qal xejn.
4 Għalhekk, Mosè għajjat lil Misael u lil Elsafan, it-tfal taʼ Użżijel, iz-ziju t’Aron, u qalilhom: “Ejjew u ġorru lil ħutkom minn quddiem il-post qaddis u ħuduhom f’post ’il barra mill-kampijiet.” 5 Għalhekk huma marru u ġarrew l-irġiel bl-ilbies twil tagħhom f’post ’il barra mill-kampijiet, bħalma kien qalilhom Mosè.
6 Mosè mbagħad qal lil Aron u lit-tfal l-oħrajn tiegħu, Elegħażar u Itamar: “Tittraskurawx xagħarkom jew iċċarrtu ħwejjiġkom, sabiex ma tmutux u biex Alla ma jirrabjax kontra l-ġemgħa kollha. Se jkunu ħutkom l-Iżraelin li se jibku għal dawk li Ġeħova qatel bin-nar. 7 M’għandkomx toħorġu mid-daħla tat-tinda tal-laqgħa għax inkella tmutu, għaliex iż-żejt tad-dlik taʼ Ġeħova qiegħed fuqkom.” Għalhekk, huma għamlu kif qalilhom Mosè.
8 Imbagħad Ġeħova qal lil Aron: 9 “La int u lanqas it-tfal tiegħek m’għandkom tixorbu nbid jew xorb alkoħoliku ieħor meta tidħlu fit-tinda tal-laqgħa għax inkella tmutu. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet tagħkom. 10 B’hekk, tkunu tistgħu tagħmlu distinzjoni bejn dak li hu qaddis u dak li mhux qaddis u bejn dak li mhux nadif u dak li hu nadif, 11 u tkunu tistgħu tgħallmu lill-Iżraelin il-liġijiet kollha li Ġeħova tahom permezz taʼ Mosè.”
12 Imbagħad Mosè kellem lil Aron u lit-tfal subien li kien baqagħlu, Elegħażar u Itamar, u qalilhom: “Ħudu dak li baqaʼ mill-offerta taċ-ċereali* li hi mill-offerti li ġew maħruqin għal Ġeħova u kuluh bħala ħobż bla ħmira ħdejn l-artal, għaliex dan hu xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 13 Tridu tikluh f’post qaddis, għaliex dan hu s-sehem tiegħek u tat-tfal tiegħek mill-offerti li ġew maħruqin għal Ġeħova, għax jien hekk ġejt ikkmandat. 14 Tieklu wkoll is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq tas-sehem sagru f’post nadif, int u t-tfal subien u bniet tiegħek, għaliex dawn l-affarijiet ingħataw bħala s-sehem tiegħek u tat-tfal tiegħek mis-sagrifiċċji tal-paċi tal-Iżraelin. 15 Huma jġibu s-sieq tas-sehem sagru u s-sidra tal-offerta li tiġi mxejra flimkien mal-offerti tax-xaħam li jiġu maħruqin, sabiex ixejru l-offerta li tiġi mxejra ’l quddiem u lura quddiem Ġeħova. Din isservi bħala sehem għal dejjem għalik u għat-tfal tiegħek, bħalma kkmanda Ġeħova.”
16 U Mosè fittex bir-reqqa l-bodbod tal-offerta għad-dnub, u sar jaf li kien ġie maħruq. Għalhekk, irrabja għal Elegħażar u Itamar, it-tfal subien li Aron kien baqagħlu, u qalilhom: 17 “Għala ma kiltux l-offerta għad-dnub fil-post qaddis, ladarba hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa u hu tahielkom ħalli twieġbu għall-iżball tal-ġemgħa u tagħmlu tpattija għalihom quddiem Ġeħova? 18 Demmha ma ddaħħalx fil-post qaddis. Kellkom assolutament tikluha fil-post qaddis, bħalma ġejt kmandat jien.” 19 Aron wieġeb lil Mosè: “Illum huma ppreżentaw l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq tagħhom quddiem Ġeħova, u xorta ġrawli dawn l-affarijiet koroh. Kieku llum jien kilt l-offerta għad-dnub, kien dan se jogħġob lil Ġeħova?” 20 U Mosè qabel maʼ dak li semaʼ.