Levitiku
26 “‘Tagħmlux għalikom allat li ma jiswew għal xejn, u twaqqfux xi statwa skolpita jew xi pilastru sagru għalikom, u tpoġġux xbieha tal-ġebel f’artkom sabiex tqimuha; għax jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 2 Għandkom iżżommu kull sabat tiegħi u turu rispett kbir* għas-santwarju tiegħi. Jien Ġeħova.
3 “‘Jekk tkomplu timxu skont il-liġijiet tiegħi u tobdu l-kmandamenti tiegħi, 4 jien nagħtikom ħalbiet tax-xita f’waqthom, u l-art tagħti l-prodott tagħha, u s-siġar tal-għelieqi jagħtu l-frott tagħhom. 5 Tkunu għadkom qed tidirsu ċ-ċereali* meta jkun wasal iż-żmien li taqtgħu l-għeneb, u tkunu għadkom qed taqtgħu l-għeneb meta jasal l-istaġun li tiżirgħu. U tieklu sa ma tixbgħu u tgħixu fis-sigurtà f’artkom. 6 Nagħtikom il-paċi fuq l-art, u intom tmorru torqdu b’moħħkom mistrieħ, u nneħħi mill-art l-annimali slavaġ li huma feroċi, u minn ġo artkom ma tgħaddix xabla taʼ gwerra. 7 U tiġru wara l-għedewwa tagħkom u toqtluhom bix-xabla. 8 Ħamsa minnkom jiġru wara 100, u 100 minnkom jiġru wara 10,000, u toqtlu l-għedewwa tagħkom bix-xabla.
9 “‘Jien inberikkom* u jkollkom ħafna tfal u tiżdiedu, u nżomm il-patt tiegħi magħkom. 10 Waqt li tkunu għadkom qed tieklu l-prodott tas-sena taʼ qabel, ikollkom bżonn tneħħu l-prodott il-qadim biex tagħmlu l-wisaʼ għall-ġdid. 11 U nqiegħed it-tabernaklu tiegħi f’nofskom, u jien* ma niċħadkomx. 12 U nimxi f’nofskom u nkun l-Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi. 13 Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu biex ma tibqgħux ilsiera tagħhom, u kissirt il-madmad tagħkom u mexxejtkom b’raskom merfugħa.*
14 “‘Madankollu, jekk ma tisimgħux minni jew ma tobdux dawn il-kmandamenti kollha, 15 u jekk tinjoraw il-liġijiet tiegħi u intom* tistmerru d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi sabiex ma tobdux il-kmandamenti kollha tiegħi, u tiksru l-patt tiegħi, 16 jien, min-naħa tiegħi, se nikkastigakom bl-inkwiet, bit-tuberkulosi, u bid-deni qawwi, u dawn idgħajfulkom għajnejkom u jiħdulkom saħħitkom. Intom tiżirgħu għalxejn, għax il-prodott jikluh l-għedewwa tagħkom. 17 Jien niċħadkom, u l-għedewwa tagħkom jegħlbukom, u dawk li jobogħdukom jaħqrukom, u intom taħarbu meta ma jkun hemm ħadd jiġri warajkom.
18 “‘Jekk lanqas b’dan ma tisimgħu minni, jien ikolli nikkastigakom sebaʼ darbiet iktar għal dnubietkom. 19 Jien inġegħelkom ma tibqgħux raskom iebsa u kburin u nagħmel is-sema tagħkom bħall-ħadid* u l-art tagħkom bħar-ram.* 20 Intom taħlu saħħitkom għalxejn, għax l-art tagħkom ma tagħtix il-prodott tagħha, u s-siġar tal-għelieqi ma jagħtux il-frott tagħhom.
21 “‘Imma jekk tibqgħu tiħduha kontrija u ma tkunux tridu tisimgħu minni, ikolli nikkastigakom sebaʼ darbiet iktar skont dnubietkom. 22 Jien nibgħat l-annimali slavaġ fostkom, u jħallukom bla tfal u jeqirdulkom l-annimali tagħkom u lilkom iġibukom fix-xejn, u t-toroq tagħkom ikunu vojta.
23 “‘U jekk minkejja dawn l-affarijiet ma taċċettawx il-korrezzjoni tiegħi u tibqgħu tiħduha kontrija, 24 imbagħad anki jien niħodha kontrikom, u jien stess nikkastigakom sebaʼ darbiet għal dnubietkom. 25 Jien inġiegħel l-għadu tagħkom jattakkakom bix-xabla biex nikkastigakom talli ksirtu l-patt. Jekk tinġabru fi blietkom, jien nibgħat il-pesta f’nofskom, u tingħataw f’idejn l-għadu. 26 Meta neqred il-provvista* tal-ħobż,* għaxar nisa se jkunu jistgħu jsajru l-ħobż tagħkom ġo forn wieħed biss u jiżnu l-ħobż u jagħtukom ftit, u tieklu imma ma tixbgħux.
27 “‘Jekk minkejja dan ma tisimgħux minni u tibqgħu tiħduha kontrija, 28 jien niħodha bl-aħrax kontrikom, u jien stess ikolli nikkastigakom sebaʼ darbiet għal dnubietkom. 29 U jkollkom tieklu l-laħam tat-tfal tagħkom subien u bniet. 30 Jien inġib fix-xejn il-postijiet fejn taqdu l-allat foloz tagħkom* u neqred l-artali tal-inċens tagħkom u nqiegħed l-iġsma mejtin tagħkom fuq il-fdalijiet tal-idoli moqżieża* tagħkom, u jien* niċħadkom għaliex tiddiżgustawni. 31 Jien neqred blietkom u nagħmel ħerba mis-santwarji tagħkom, u l-irwejjaħ pjaċevoli* tas-sagrifiċċji tagħkom ma nxommhomx. 32 Jien stess nagħmel l-art ħerba, u l-għedewwa tagħkom li qed jgħixu fiha jħarsu lejha bi stagħġib. 33 Jien inxerridkom qalb il-popli u nġiegħel l-għedewwa tagħkom jiġu kontrikom bix-xabla. B’hekk, artkom issir ħerba u blietkom isiru rovina.
34 “‘F’dak iż-żmien, l-art tħallas kull sabat tagħha l-jiem kollha li tkun ħerba, waqt li intom tkunu fl-art tal-għedewwa tagħkom. F’dak iż-żmien, l-art tistrieħ* għax trid tħallas lura kull sabat tagħha. 35 Hi tistrieħ kemm iddum ħerba, għax ma straħitx matul kull sabat tagħkom meta intom kontu qed tgħixu fiha.
36 “‘Inkwantu għal dawk li jibqgħu ħajjin, nimlielhom qalbhom b’biżaʼ kbira fl-artijiet tal-għedewwa tagħhom. U l-ħoss taʼ werqa tiċċaqlaq iġegħelhom jaħarbu, u jaħarbu bħal xi ħadd li qed jaħrab mix-xabla u jaqgħu bla ma jkun hemm ħadd jiġri warajhom. 37 Jitfixklu f’xulxin bħal dawk li jaħarbu mix-xabla, minkejja li ma jkun hemm ħadd jiġri warajhom. Mhux se tkunu kapaċi tirreżistu lill-għedewwa tagħkom. 38 Intom tinqerdu minn fost il-popli, u l-art tal-għedewwa tagħkom tiblagħkom. 39 Dawk li jibqaʼ minnkom jitħallew jitmermru fl-artijiet tal-għedewwa tagħkom minħabba l-iżball tagħkom. Iva, jitmermru għalkollox minħabba l-iżbalji taʼ missirijiethom. 40 Imbagħad jammettu l-iżball tagħhom u l-iżball u n-nuqqas taʼ lealtà taʼ missirijiethom, u jammettu li aġixxew b’nuqqas taʼ lealtà billi ħaduha kontrija. 41 Imbagħad anki jien niħodha kontrihom billi ndaħħalhom fl-art tal-għedewwa tagħhom.
“‘Forsi mbagħad jumiljaw ruħhom,* u jħallsu għall-iżball tagħhom. 42 U jien niftakar fil-patt tiegħi maʼ Ġakobb, maʼ Iżakk, u m’Abraham, u niftakar fl-art. 43 Waqt li l-art kienet abbandunata minnhom, kienet qed tħallas kull sabat tagħha u kienet ħerba mingħajrhom, u huma kienu qed iħallsu għall-iżball tagħhom, għaliex injoraw id-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u huma* stmerrew il-liġijiet tiegħi. 44 Imma minkejja dan kollu, waqt li jkunu fl-art tal-għedewwa tagħhom, jien qatt mhu se niċħadhom għalkollox u lanqas inwarrabhom sal-punt li neqridhom, u b’hekk nikser il-patt tiegħi magħhom, għax jien Ġeħova l-Alla tagħhom. 45 Minħabba fihom niftakar fil-patt li għamilt mal-antenati tagħhom li jien ħriġt mill-art tal-Eġittu quddiem għajnejn il-popli, sabiex nuri li jien l-Alla tagħhom. Jien Ġeħova.’”
46 Dawn huma r-regoli, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, u l-liġijiet li Ġeħova ta lill-Iżraelin fuq il-Muntanja Sinaj permezz taʼ Mosè.