Ġożwè
3 Imbagħad Ġożwè qam kmieni u telaq mal-Iżraelin* kollha minn Sittim u waslu l-Ġordan. Huma qattgħu l-lejl hemmhekk qabel ma qasmu għan-naħa l-oħra.
2 Wara tlett ijiem, l-uffiċjali għaddew mill-kampijiet 3 u kkmandaw lin-nies: “Malli taraw il-qassisin Leviti jġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, tridu titilqu minn postkom u timxu warajha. 4 Imma żommu distanza taʼ madwar 2,000 kubitu* minnha; tersqux iktar qrib minn hekk, sabiex tkunu tafu minn liema triq għandkom tgħaddu, għax qatt m’għaddejtu minnha qabel.”
5 Ġożwè qal lill-poplu: “Tqaddsu, għax għada Ġeħova se jagħmel affarijiet tal-għaġeb għalikom.”
6 Imbagħad Ġożwè qal lill-qassisin: “Erfgħu l-arka tal-patt u għaddu qabel il-poplu.” Għalhekk, huma refgħu l-arka tal-patt u għaddew qabel il-poplu.
7 Imbagħad Ġeħova qal lil Ġożwè: “Mil-lum l-Iżraelin kollha se jibdew jirrispettawk, għax jien se nuri li qiegħed miegħek bħalma kont maʼ Mosè. 8 Int għandek tagħti dan il-kmand lill-qassisin li qed iġorru l-arka tal-patt: ‘Meta taslu ħdejn it-tarf tal-ilmijiet tal-Ġordan, għandkom tibqgħu weqfin fil-Ġordan.’”
9 U Ġożwè qal lill-Iżraelin: “Ejjew hawn u isimgħu kliem Ġeħova l-Alla tagħkom.” 10 Imbagħad Ġożwè qal: “B’dan se tkunu tafu li f’nofskom hemm Alla ħaj u li bla dubju se jkeċċi minn quddiemkom lill-Kangħanin, lill-Ħittin, lill-Ħiwwin, lill-Pereżin, lill-Girgasin, lill-Amurrin, u lill-Ġebusin. 11 L-arka tal-patt tal-Mulej tal-art kollha se tgħaddi qabilkom fil-Ġordan. 12 Issa agħżlu 12-il raġel mit-tribujiet t’Iżrael, raġel għal kull tribù. 13 U malli l-qassisin li qed iġorru l-Arka taʼ Ġeħova, il-Mulej tal-art kollha, imissu* saqajhom mal-ilmijiet tal-Ġordan, l-ilmijiet li jkunu neżlin jieqfu u jifformaw ħajt tal-ilma.”
14 Għalhekk, meta n-nies telqu mit-tined tagħhom biex jaqsmu l-Ġordan, il-qassisin li kienu qed iġorru l-arka tal-patt għaddew qabilhom. 15 Malli l-qassisin li kienu qed iġorru l-Arka waslu ħdejn il-Ġordan u niżżlu saqajhom f’tarf l-ilmijiet (issa x-Xmara Ġordan tfur mix-xtut tagħha l-jiem kollha tal-ħsad), 16 l-ilmijiet li kienu neżlin waqfu. Dawn ifformaw ħajt tal-ilma ’l bogħod ħafna f’Adam, il-belt viċin Saretan, waqt li l-ilmijiet li kienu neżlin lejn il-Baħar tal-Għaraba, il-Baħar il-Mielaħ,* baqgħu neżlin sakemm ix-xmara nixfet. L-ilmijiet tax-xmara waqfu, u n-nies qasmu faċċata taʼ Ġeriko. 17 Il-qassisin li kienu qed iġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova baqgħu weqfin fuq art niexfa f’nofs il-Ġordan, sakemm l-Iżraelin kollha qasmu l-Ġordan fuq art niexfa.