L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
8 Meta Samwel xjaħ, hu għamel lit-tfal tiegħu mħallfin għal Iżrael. 2 L-ewwel tifel tiegħu kien jismu Ġoel u t-tieni Abija. Dawn kienu mħallfin f’Bir-xeba. 3 Imma t-tfal tiegħu ma mxewx fuq l-eżempju tiegħu. Huma pprovaw jakkwistaw il-flus b’mod diżonest, kienu jaċċettaw it-tixħim, u jgħawġu l-ġustizzja.
4 Maż-żmien, l-anzjani* kollha t’Iżrael inġabru flimkien u marru għand Samwel f’Rama. 5 Huma qalulu: “Ara, int xjaħt, imma t-tfal tiegħek mhux jimxu fuq l-eżempju tiegħek. Agħtina re biex jiġġudikana bħall-popli l-oħrajn kollha.” 6 Imma Samwel ma ħax pjaċir* meta qalu: “Agħtina re biex jiġġudikana.” Imbagħad hu talab lil Ġeħova, 7 u Ġeħova qallu: “Ismaʼ minn kulma jgħidulek; għax mhux lilek ċaħdu, imma lili ċaħdu milli mmexxi fuqhom. 8 Huma qed jagħmlu bħalma għamlu minn dakinhar li tellajthom mill-Eġittu sal-lum. Baqgħu jitilquni u jaqdu lil allat oħrajn, u hekk qed jagħmlu lilek. 9 Issa ismaʼ minnhom. Madankollu, għandek twissihom bis-serjetà; għidilhom dak li r-re se jkollu dritt jitlob minnhom.”
10 Għalhekk, Samwel qal il-kliem kollu taʼ Ġeħova lill-poplu li kien qed jitlob re mingħandu. 11 Hu qalilhom: “Ir-re li jmexxi fuqkom ikollu dritt li jitlob dan: Lis-subien tagħkom jiħodhom biex isuqu l-karrijiet tiegħu u biex jirkbu ż-żwiemel tiegħu, u xi wħud ikollhom jiġru quddiem il-karrijiet tiegħu. 12 Hu jinkariga għalih kapijiet fuq l-eluf u kapijiet fuq il-ħamsinijiet, u xi wħud jaħartulu, jaħsdulu, u jagħmlulu l-armi tal-gwerra u dak li hemm bżonn għall-karrijiet tiegħu. 13 Lill-bniet tagħkom jiħodhom biex jagħmlu l-fwieħa,* u biex ikunu koki u furnara. 14 Hu jiħdilkom l-aħjar għelieqi, dwieli, u siġar taż-żebbuġ, u jagħtihom lill-qaddejja tiegħu. 15 Hu jieħu għaxra fil-100 miċ-ċereali* tal-għelieqi u mid-dwieli tagħkom, u jagħtih lill-uffiċjali tal-palazz u l-qaddejja tiegħu. 16 U jieħu l-qaddejja rġiel u nisa tagħkom, l-aqwa mrieħel tagħkom, u l-ħmir tagħkom, u jużahom għax-xogħol tiegħu. 17 Jieħu għaxra fil-100 mill-imrieħel tagħkom, u intom issiru l-qaddejja tiegħu. 18 Għad jiġi l-jum li tgergru minħabba r-re li għażiltu għalikom u titolbu lil Alla għall-għajnuna, imma Ġeħova ma jwiġibkomx.”
19 Madankollu, in-nies ma ridux jisimgħu minn Samwel. Huma qalu: “Le, aħna rridu re! 20 Imbagħad inkunu bħall-popli l-oħrajn kollha, u r-re tagħna jiġġudikana, imexxina, u jiġġieled il-battalji tagħna.” 21 Wara li Samwel semaʼ l-kliem kollu tal-poplu, reġaʼ qalu lil Ġeħova. 22 Ġeħova qal lil Samwel: “Ismaʼ minnhom, u agħtihom re.” Samwel imbagħad qal lill-irġiel t’Iżrael: “Kull wieħed minnkom għandu jmur lura lejn beltu.”