Ġożwè
24 Imbagħad Ġożwè ġabar lit-tribujiet kollha t’Iżrael flimkien f’Sikem u għajjat lill-anzjani* t’Iżrael, il-kapijiet, l-imħallfin, u l-uffiċjali tiegħu, u huma qagħdu quddiem l-Alla l-veru. 2 Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Missirijietkom, inkluż Teraħ missier Abraham u Naħor, kienu jgħixu fuq in-naħa l-oħra tax-Xmara* żmien twil ilu u kienu jaqdu allat oħrajn.
3 “‘Maż-żmien, ħadt lil missierkom Abraham min-naħa l-oħra tax-Xmara* u mexxejtu mal-art kollha taʼ Kangħan u tajtu ħafna dixxendenti.* Jien tajtu lil Iżakk; 4 imbagħad lil Iżakk tajtu lil Ġakobb u lil Għesaw. Iktar tard lil Għesaw tajtu l-Muntanja Segħir; u Ġakobb u t-tfal tiegħu niżlu l-Eġittu. 5 Iktar tard bgħatt lil Mosè u lil Aron biex jgħinukom, u kkastigajt l-Eġittu b’dak li għamilt f’nofshom, u mbagħad ħriġtkom. 6 Meta kont qed noħroġ lil missirijietkom mill-Eġittu u wasaltu ħdejn il-baħar, l-Eġizzjani bdew jiġru wara missirijietkom b’karrijiet tal-gwerra u suldati tal-kavallerija sal-Baħar l-Aħmar. 7 Huma bdew jgħajtu lili, Ġeħova l-Alla tagħkom, għall-għajnuna. Għalhekk, qegħedt dalma bejnkom u bejn l-Eġizzjani u għattejthom bil-baħar, u rajtu b’għajnejkom stess dak li għamilt fl-Eġittu. Imbagħad għextu fid-deżert għal ħafna snin.
8 “‘U ħadtkom lejn l-art tal-Amurrin li kienu jgħixu fuq in-naħa l-oħra* tal-Ġordan, u huma ġġieldu kontrikom. Imma jien tajthom f’idejkom biex tkunu tistgħu tiħdulhom l-art, u qridthom għalkollox minn quddiemkom. 9 Imbagħad Balak bin Siffur, ir-re taʼ Mowab, iġġieled kontra Iżrael. Għalhekk, ġab lil Balgħam bin Begħor biex jisħitkom. 10 Imma jien ma smajtx minn Balgħam. Għalhekk, hu berikkom darba wara l-oħra u jien ħlistkom minn idu.
11 “‘Imbagħad qsamtu l-Ġordan u mortu Ġeriko. U l-mexxejja* taʼ Ġeriko, l-Amurrin, il-Pereżin, il-Kangħanin, il-Ħittin, il-Girgasin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin iġġieldu kontrikom, imma jien tajthom f’idejkom. 12 Jien ġegħelthom iħossuhom skuraġġiti* qabel ma wasaltu, u għalhekk ħarbu minn quddiemkom bħalma għamlu ż-żewġ rejiet tal-Amurrin. Ma kienx bix-xabla u bil-qaws tagħkom li rbaħtulhom. 13 B’hekk, tajtkom art li ma kontux tħabattu għaliha u bliet li ma kontux bnejtu, u ssetiljajtu fihom. Qed tieklu minn għelieqi tad-dwieli u siġar taż-żebbuġ li ma ħawwiltux intom.’
14 “Għalhekk, irrispettaw ħafna lil* Ġeħova u aqduh bl-integrità* u l-lealtà,* u neħħu l-allat li missirijietkom qdew in-naħa l-oħra tax-Xmara* u fl-Eġittu, u aqdu lil Ġeħova. 15 Issa jekk jidhrilkom li hu ħażin li taqdu lil Ġeħova, agħżlu għalikom infuskom illum lil min se taqdu, jekk hux l-allat li qdew missirijietkom in-naħa l-oħra tax-Xmara* jew l-allat tal-Amurrin li qed tgħixu f’arthom. Imma ngħid għalija u għan-nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.”
16 Għal dan, il-poplu wieġeb: “Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna li nitilqu lil Ġeħova u naqdu allat oħrajn. 17 Kien Ġeħova l-Alla tagħna li ħareġ lilna u lil missirijietna mill-art tal-Eġittu, l-art fejn konna lsiera, u li għamel dawn is-sinjali kbar quddiem għajnejna u li baqaʼ jipproteġina tul it-triq kollha li mxejna fiha u mill-popli kollha li għaddejna minn nofshom. 18 Ġeħova keċċa lill-popli kollha, inkluż lill-Amurrin, li kienu qed jgħixu fl-art qabilna. Għalhekk, aħna wkoll se naqdu lil Ġeħova, għax hu l-Alla tagħna.”
19 Imbagħad Ġożwè qal lill-poplu: “Ċerti li se tibqgħu taqdu lil Ġeħova? Għax hu Alla qaddis; hu Alla li jrid li tqimu lilu biss. Hu mhux se jaħfer in-nuqqasijiet* u d-dnubiet tagħkom. 20 Jekk titilqu lil Ġeħova u taqdu allat barranin, hu jdur kontrikom u jeqridkom għalkollox avolja qabel ikun għamlilkom il-ġid.”
21 Imma l-poplu qal lil Ġożwè: “Le, aħna se naqdu lil Ġeħova!” 22 Għalhekk Ġożwè qal lill-poplu: “Intom xhieda għalikom stess li minn jeddkom għażiltu li taqdu lil Ġeħova.” Għal dan qalu: “Aħna xhieda.”
23 U Ġożwè qal: “Għalhekk, neħħu l-allat barranin li hemm f’nofskom, u aqdu lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael b’qalbkom kollha.” 24 Il-poplu qal lil Ġożwè: “Aħna se naqdu lil Ġeħova l-Alla tagħna, u lilu se nobdu!”
25 Għalhekk dakinhar, Ġożwè għamel patt mal-poplu u stabbilixxa regola u deċiżjoni għalihom f’Sikem. 26 Imbagħad Ġożwè kiteb dan il-kliem fil-ktieb tal-Liġi t’Alla u ħa ġebla kbira u waqqafha taħt is-siġra kbira li qiegħda ħdejn is-santwarju taʼ Ġeħova.
27 Ġożwè kompla jgħid lill-poplu kollu: “Ara! Din il-ġebla se sservi taʼ xhieda għalina, għax semgħet kulma qalilna Ġeħova, u se sservi taʼ xhieda għalikom, biex ma tiċħdux lill-Alla tagħkom.” 28 Wara dan, Ġożwè bagħat lill-poplu lejn artu.
29 Wara dawn l-affarijiet, Ġożwè bin Nun, il-qaddej taʼ Ġeħova, miet fl-età taʼ 110 snin. 30 Għalhekk, difnuh fit-territorju taʼ wirtu f’Timnat-sera, li qiegħda fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, fit-Tramuntana tal-Muntanja Gagħas. 31 Iżrael kompla jaqdi lil Ġeħova matul il-ħajja kollha taʼ Ġożwè u tal-anzjani li baqgħu ħajjin wara Ġożwè. Dawn l-anzjani kienu raw dak kollu li Ġeħova għamel għal Iżrael.
32 L-għadam taʼ Ġużeppi, li l-Iżraelin kienu ħarġu mill-Eġittu, indifen f’Sikem fil-parti mill-għalqa li Ġakobb kien kiseb mingħand it-tfal taʼ Ħamor, missier Sikem, għal 100 biċċa tal-fidda;* u din saret il-wirt tat-tfal taʼ Ġużeppi.
33 U Elegħażar bin Aron miet ukoll. Għalhekk, difnuh fl-Għolja t’ibnu Fineħas, li ngħatatlu fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm.