Ekkleżjasti
2 Imbagħad għedt f’qalbi: “Ħa nipprova nieħu pjaċir u nara jekk ir-riżultat ikunx tajjeb.” Imma anki dan kien bla sens.
2 Dwar id-daħq għedt: “Dan ġenn!”
U dwar il-pjaċir: “X’tambih?”
3 Iddeċidejt li nara x’ġid hemm milli ngawdi l-inbid, imma xorta bqajt f’sensija u ma tliftx l-għerf. Jien għamilt ukoll affarijiet bla sens biex nara x’l-aħjar li jagħmlu l-bnedmin matul il-ħajja qasira li għandhom taħt is-sema. 4 Jien għamilt ħafna xogħlijiet kbar: Bnejt ħafna djar, ħawwilt ħafna għelieqi bid-dwieli, 5 u għamilt ġonna u parkijiet li fihom ħawwilt kull tip taʼ siġar tal-frott. 6 Għamilt għadajjar tal-ilma biex insaqqi s-siġar li qed jikbru fil-foresta. 7 Jien żidt il-qaddejja rġiel u nisa, u kelli qaddejja li twieldu fid-dar tiegħi. Jien xtrajt ukoll ħafna mrieħel tal-baqar, nagħaġ, u mogħoż iktar minn dawk kollha li għexu qabli f’Ġerusalemm. 8 Ġemmajt fidda u deheb, teżori* li qed nirċievi mingħand ir-rejiet u l-provinċji. Jien ġbart għalija kantanti rġiel u nisa, kif ukoll dak li jagħti pjaċir kbir lill-irġiel—mara, iva, ħafna nisa. 9 Jien sirt aqwa minn dawk li għexu qabli f’Ġerusalemm u kelli iktar affarijiet minnhom. U xorta stajt naġixxi bl-għerf.
10 Kulma xtaqt nagħmel,* għamiltu. Ma żammejtx lura minn kull tip taʼ pjaċir, għax fraħt minħabba x-xogħol iebes kollu tiegħi, u dan kien il-premju* għal dak li għamilt. 11 Imma meta ħsibt dwar ix-xogħol kollu li għamilt b’idejja stess u dwar ix-xogħol iebes kollu li tħabatt biex għamilt, rajt li kollox kien bla sens, qisu ġiri wara r-riħ. Ma kien hemm xejn li kien verament taʼ valur* taħt ix-xemx.
12 Imbagħad ikkunsidrajt l-għerf, il-ġenn, u l-bluha. (Għax x’jistaʼ jagħmel il-bniedem li jiġi wara r-re? Dak biss li diġà sar.) 13 Indunajt li aħjar tkun għaref milli tkun iblah, bħalma d-dawl hu aħjar mid-dlam.
14 Min hu għaref jistaʼ jara l-affarijiet b’mod ċar, imma l-istupidu qisu qed jimxi fid-dlam. Irrealizzajt ukoll li t-tnejn se jispiċċaw l-istess. 15 Imbagħad għedt f’qalbi: “Dak li se jiġri lill-istupidu se jiġri lili wkoll.” Allura, x’akkwistajt imbilli sirt għaref iżżejjed? Għalhekk għedt f’qalbi: “Anki dan hu bla sens.” 16 Għax la l-għaref u lanqas l-istupidu ma jibqaʼ mfakkar għal dejjem. Fiż-żmien li ġej, kulħadd se jintesa. U bħalma jmut l-għaref, imut l-istupidu.
17 Għalhekk bdejt nobgħod il-ħajja, għax kull ħaġa li ssir taħt ix-xemx bdiet tinkwetani, għax kull sforz hu għalxejn, bħall-ġiri wara r-riħ. 18 Bdejt nobgħod dak kollu li ħdimt iebes għalih taħt ix-xemx, għax irrid inħallih għal dak li se jiġi warajja. 19 U min jaf jekk ikunx għaref jew iblah? Iżda hu se jieħu kontroll tal-affarijiet kollha li jien ksibt bix-xogħol iebes u l-għerf taħt ix-xemx. Anki dan hu bla sens. 20 Għalhekk bdejt niddispra minħabba x-xogħol iebes kollu li tħabatt għalih taħt ix-xemx. 21 Għax bniedem jistaʼ jaħdem iebes permezz tal-għerf, l-għarfien, u s-sengħa, imma jrid jgħaddi kollox* lil xi ħadd li ma ħadimx għalih. Anki dan hu bla sens u taʼ inkwiet kbir.*
22 X’jieħu l-bniedem għax-xogħol iebes kollu tiegħu u talli jkun immotivat biex* jaħdem iebes taħt ix-xemx? 23 Għax matul ħajtu, ix-xogħol li jagħmel iġiblu wġigħ u frustrazzjoni, u lanqas billejl ma tistrieħ qalbu. Dan ukoll bla sens.
24 M’hemm xejn aħjar għall-bniedem milli jiekol, jixrob, u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes tiegħu. Irrealizzajt li dan kollu ġej mingħand l-Alla l-veru, 25 għax min jiekol u jixrob aħjar minni?
26 Lil dak li l-Alla l-veru jieħu pjaċir bih jagħtih l-għerf, l-għarfien, u l-ferħ, imma lil xi ħadd midneb* iġiegħlu jiġbor u jerfaʼ affarijiet għan-nies li Hu jieħu pjaċir bihom. Dan ukoll hu bla sens, bħall-ġiri wara r-riħ.