It-Tieni Ittra lill-Korintin
10 Xi wħud minnkom jaħsbu li jien, Pawlu, inkun dgħajjef meta nkun magħkom, imma nkun kuraġġuż meta niktbilkom. Madankollu, jien nixtieqkom li tagħmlu dak li ngħidilkom, għax meta nitkellem magħkom nimita lill-Kristu, li hu umli u qalbu tajba. 2 Nittama li meta nkun magħkom, dawk li jaħsbu li qegħdin naġixxu bħan-nies tad-dinja jkunu nbidlu ħalli ma jkollix għalfejn naġixxi b’mod sod kontrihom. 3 Għalkemm ngħixu fid-dinja, il-ġlieda tagħna mhijiex bħal tan-nies tad-dinja. 4 Għax l-armi tal-ġlieda tagħna mhumiex dawk li jużaw in-nies tad-dinja, imma huma dawk li jagħtina Alla. Dawn l-armi huma b’saħħithom biex jegħlbu affarijiet li huma b’saħħithom daqs fortizza. 5 Għax aħna qed negħlbu l-ħsibijiet u l-ostakli kollha li jwaqqfu lin-nies milli jsiru jafu dwar Alla, u qed inbiddlu* kull ħsieb biex nagħmluh ubbidjenti lejn il-Kristu. 6 Wara li turu li intom ubbidjenti għalkollox, aħna lesti li nikkastigaw lil kull persuna diżubbidjenti.
7 Intom tiġġudikaw skont dak li jidher. Jekk xi ħadd hu fiduċjuż li hu dixxiplu taʼ Kristu, ħa jerġaʼ jirrifletti fuq dan il-fatt: Bħalma hu dixxiplu taʼ Kristu, anki aħna. 8 Il-Mulej tana l-awtorità li ninkuraġġukom u mhux niskuraġġukom. Kieku kelli niftaħar xi naqra żżejjed dwar dan, jien mhux se nistħi. 9 Meta ngħid dan, mhux qed nipprova nagħti l-impressjoni li rrid inbeżżagħkom bl-ittri tiegħi. 10 Għax xi wħud jgħidu: “L-ittri tiegħu jgħidu affarijiet importanti u jħallu effett, imma meta jkun magħna hu dgħajjef u l-kliem tiegħu ma jiswa xejn.” 11 Dawk li qed jgħidu hekk, għandhom ikunu jafu li meta naslu se nagħmlu dak li ktibna fl-ittri. 12 Aħna ma nażżardawx li nqabblu lilna nfusna maʼ dawk li jaħsbu li huma xi ħaġa jew naħsbu li aħna bħalhom. Huma jiġġudikaw lilhom infushom skont dak li jaħsbu li hu tajjeb huma, u b’dan il-mod juru li m’għandhomx abbiltà li jifhmu.
13 Aħna mhux se niftaħru bl-affarijiet li m’għamilniex, imma se niftaħru biss bl-inkarigu li tana Alla, u dan jinkludi lilkom ukoll. 14 Meta ġejna għandkom, m’għamilniex xi ħaġa li Alla ma qabbadniex nagħmlu, għax aħna konna l-ewwel li ppritkajna l-aħbar tajba dwar il-Kristu lilkom. 15 Le, aħna mhux se niftaħru bl-affarijiet li m’għamilniex, jiġifieri mhux se niftaħru b’dak li għamel ħaddieħor. Imma aħna nittamaw li l-fidi tagħkom tkompli tikber biex b’hekk ix-xogħol tagħna jkompli jiżdied fostkom. Imbagħad se nkunu nistgħu nagħmlu iktar, 16 ħalli nippritkaw l-aħbar tajba f’postijiet oħra, biex b’hekk ma niftaħrux b’dak li diġà sar minn oħrajn fl-inkarigu tagħhom. 17 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Imma min jiftaħar, ħa jiftaħar b’Ġeħova.”* 18 Għax min ifaħħru Ġeħova* se jiġi approvat, u mhux min ifaħħar lilu nnifsu.