Eżekjel
37 Id Ġeħova ġiet fuqi,+ u b’hekk ġarrni bl-ispirtu taʼ Ġeħova+ u qegħedni f’nofs il-pjanura fil-wied, u din kienet mimlija għadam.+ 2 U għaddieni dawramejt madwar l-għadam, u, ara, kien hemm ħafna għadam fuq wiċċ il-pjanura fil-wied, u kien niexef qoxqox.+ 3 U hu qalli: “Bin il-bniedem, jistaʼ dan l-għadam jieħu l-ħajja?” Għal dan, jien għedt: “Mulej Sovran Ġeħova, dan int tafu.”+ 4 U hu qalli: “Ipprofetizza fuq dan l-għadam, u għidlu, ‘O għadam niexef, ismaʼ l-kelma taʼ Ġeħova:
5 “‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova lil dan l-għadam: “Ara, jien qed indaħħal fik in-nifs, u int tieħu l-ħajja.+ 6 U se nqiegħed fuqek nervituri u nġiegħel li jitrabbielek il-laħam, u se niksik bil-ġilda u nqiegħed fik in-nifs, u int tieħu l-ħajja;+ u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.”’”+
7 U jien ipprofetizzajt eżatt kif ġejt kmandat.+ U meta pprofetizzajt instemaʼ ħoss, u kien hemm ċekċik, u l-għadam beda jersaq, għadma maʼ l-oħra. 8 U ħarist, u fuqu kien hemm in-nervituri u trabba l-laħam u l-ġilda bdiet tiksih. Imma nifs ma kienx hemm fih.
9 U kompla jgħidli: “Ipprofetizza lir-riħ. Ipprofetizza, O bin il-bniedem, u għid lir-riħ, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Idħol mill-erbat irjieħ, O riħ, u onfoħ fuq dawn in-nies maqtulin,+ sabiex jieħdu l-ħajja.”’”+
10 U jien ipprofetizzajt eżatt kif ikkmandani, u n-nifs daħal fihom, u ħadu l-ħajja u waqfu fuq saqajhom,+ qawwa militari kbira ferm.
11 U kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, l-għadam hu d-dar kollha taʼ Israel.+ Dawn qed jgħidu, ‘Għadamna nixef, u tamitna għabet.+ Ġejna maqtugħin għalina waħedna.’ 12 Għalhekk, ipprofetizza, u għidilhom, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Ara, se niftaħ il-postijiet fejn intom midfunin,+ u se ntellagħkom mill-postijiet fejn intom midfunin, O poplu tiegħi, u ndaħħalkom fl-art taʼ Israel.+ 13 U se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova meta niftaħ il-postijiet fejn intom midfunin u meta ntellagħkom mill-postijiet fejn intom midfunin, O poplu tiegħi.”’+ 14 ‘U nqiegħed l-ispirtu tiegħi fikom, u tieħdu l-ħajja,+ u nqegħedkom f’artkom; u se jkollkom tkunu tafu li jien, Ġeħova, tkellimt u wettaqt,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”+
15 U l-kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi, tgħid: 16 “U int, O bin il-bniedem, ħu bastun+ u ikteb fuqu, ‘Għal Ġuda u għal sħabu, ulied Israel.’+ U ħu bastun ieħor u ikteb fuqu, ‘Għal Ġużeppi, il-bastun t’Efrajm,+ u sħabu, id-dar kollha taʼ Israel.’+ 17 U ressaqhom lejn xulxin f’bastun wieħed, u huma jsiru wieħed f’idek.+ 18 U meta wlied il-poplu tiegħek jibdew jgħidulek, ‘M’intix se tgħidilna xi jfissru għalik dawn l-affarijiet?’+ 19 għidilhom, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Ara, qed nieħu l-bastun taʼ Ġużeppi, li qiegħed f’id Efrajm, u taʼ sħabu, it-tribujiet taʼ Israel, u se nqegħedhom fuqu, jiġifieri, fuq il-bastun taʼ Ġuda, u nagħmilhom bastun wieħed,+ u jsiru wieħed f’idi.”’ 20 U l-bsaten li tikteb fuqhom iridu jkunu f’idek quddiem għajnejhom.+
21 “U għidilhom, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Ara, qed nieħu lil ulied Israel minn fost il-ġnus li marru fihom, u se niġborhom flimkien mill-inħawi taʼ madwar u nġibhom f’arthom.+ 22 U nagħmilhom ġens wieħed fil-pajjiż,+ fuq il-muntanji taʼ Israel, u bħala sultan ilkoll kemm huma se jkollhom sultan wieħed,+ u ma jkunux iktar żewġt iġnus, lanqas ma jkunu maqsumin iktar f’żewġ saltniet.+ 23 U m’humiex se jitniġġsu iktar bl-idoli tagħhom moqżieża daqs id-demel u bil-qżiżijiet tagħhom u bil-ksur tal-liġi kollu tagħhom;+ u jien insalvahom mill-atti midinbin kollha li għamlu fil-postijiet fejn għammru, u nnaddafhom,+ u huma jsiru l-poplu tiegħi, u jien insir Alla tagħhom.+
24 “‘“U l-qaddej tiegħi David ikun sultan fuqhom,+ u lkoll ikollhom ragħaj wieħed;+ u huma jimxu mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi,+ u jħarsu l-istatuti tiegħi,+ u jwettquhom.+ 25 U se jgħammru fl-art li jien tajt lill-qaddej tiegħi, lil Ġakobb, li fiha għammru missirijietkom,+ u se jgħammru fiha,+ huma u wliedhom u wlied uliedhom għal żmien indefinit,+ u David il-qaddej tiegħi jkun il-kap ewlieni tagħhom għal żmien indefinit.+
26 “‘“U se nagħmel magħhom patt taʼ paċi;+ patt li jdum għal żmien indefinit se jsir magħhom.+ U nħejji post għalihom u nkattarhom+ u nqiegħed is-santwarju tiegħi f’nofshom għal żmien indefinit.+ 27 U t-tinda tiegħi tkun fuqhom,+ u jien insir Alla tagħhom, u huma jsiru l-poplu tiegħi.+ 28 U l-ġnus se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova,+ qed inqaddes lil Israel meta s-santwarju tiegħi jkun f’nofshom għal żmien indefinit.”’”+