It-Tieni Kronaki
13 Fit-18-il sena tat-tmexxija tar-Re Ġerobogħam, Abija sar re fuq Ġuda. 2 Hu mexxa tliet snin f’Ġerusalemm. Ommu kienet Mikaja bint Urijel minn Gibegħa. U kien hemm gwerra bejn Abija u Ġerobogħam.
3 Għalhekk, Abija mar għall-gwerra b’armata taʼ 400,000 gwerrier ittrennjat* u b’saħħtu. U Ġerobogħam ħareġ kontrih bi 800,000 gwerrier ittrennjat* u b’saħħtu. 4 Abija qagħad fuq il-Muntanja Semarajm fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, u qal: “Isimgħuni Ġerobogħam u Iżrael kollu. 5 Intom tafu li Ġeħova l-Alla t’Iżrael ta s-saltna lil David fuq Iżrael għal dejjem, lilu u lit-tfal tiegħu b’patt għal dejjem.* 6 Imma Ġerobogħam bin Nebat, il-qaddej taʼ Salamun bin David, irribella kontra sidu. 7 U rġiel għażżenin li mhuma tajbin għal xejn ingħaqdu miegħu. Huma rnexxielhom jirribellaw kontra Reħobogħam bin Salamun meta kien żagħżugħ u beżżiegħ, u ma felaħx jiqfilhom.
8 “U issa intom konvinti li tistgħu tiħduha kontra s-saltna taʼ Ġeħova li qiegħda f’idejn it-tfal taʼ David, għax intom folla kbira u għandkom il-barrin żgħar* tad-deheb li Ġerobogħam għamlilkom bħala allat. 9 Intom keċċejtu lill-qassisin taʼ Ġeħova, lil dawk li jiġu minn Aron, u l-Leviti, u għażiltu għalikom qassisin bħalma jagħmlu n-nies tal-pajjiżi l-oħrajn. Kull min ġie* b’barri żgħir* u sebaʼ mtaten setaʼ jsir qassis taʼ dawk li mhumiex allat. 10 Imma għalina, Ġeħova hu l-Alla tagħna, u ma tlaqniehx. Il-qassisin tagħna, li jiġu minn Aron, qed jaqdu lil Ġeħova, u l-Leviti qed jgħinuhom fix-xogħol. 11 Huma qed jaħarqu l-offerti tal-ħruq lil Ġeħova kull filgħodu u kull filgħaxija flimkien mal-inċens ifuħ, ipoġġu l-ħobż tal-preżenza* fuq il-mejda tad-deheb pur, u jixegħlu l-gandlier tad-deheb u l-lampi tiegħu kull filgħaxija. Aħna nagħmlu dan għax qed nobdu dak li qabbadna nagħmlu Ġeħova l-Alla tagħna, imma intom tlaqtuh. 12 L-Alla l-veru hu magħna u qed imexxina. Il-qassisin tiegħu qegħdin hawn biex idoqqu t-trumbetti tal-gwerra bħala sinjal tal-battalja kontrikom. Irġiel t’Iżrael, tiġġildux kontra Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom, għax mhux se tirbħu.”
13 Imma Ġerobogħam bagħat nies biex jistaħbew u jattakkawhom minn warajhom, u b’hekk kien hemm il-kumplament tal-armata quddiem Ġuda u l-oħrajn moħbijin warajhom. 14 Meta l-irġiel taʼ Ġuda daru, indunaw li kienu qed jiġu attakkati miż-żewġ naħat. Għalhekk, bdew jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, waqt li l-qassisin kienu qed idoqqu t-trumbetti b’ħoss qawwi. 15 L-irġiel taʼ Ġuda bdew jgħajtu l-għajta tal-gwerra. U meta għamlu hekk, l-Alla l-veru rebaħ lil Ġerobogħam u lil Iżrael kollu quddiem Abija u Ġuda. 16 L-Iżraelin ħarbu u Alla tahom f’idejn Ġuda. 17 Abija u n-nies tiegħu qatlu 500,000 raġel ittrennjat* t’Iżrael. 18 B’hekk, l-irġiel t’Iżrael ġew umiljati dakinhar, imma l-irġiel taʼ Ġuda rebħu għaliex straħu fuq Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. 19 Abija baqaʼ jiġri wara Ġerobogħam u ħadlu Betel, Ġesana, Efrajn, u l-bliet li jiddependu minnhom.* 20 Fi żmien Abija, Ġerobogħam qatt ma reġaʼ kellu qawwa bħal qabel, imbagħad Ġeħova kkastigah u miet.
21 Imma Abija baqaʼ jissaħħaħ. Maż-żmien iżżewweġ 14-il mara, u kellu 22 tifel u 16-il tifla. 22 U l-bqija tal-istorja t’Abija, dak li għamel, u dak li qal qegħdin fil-kitbiet* tal-profeta Iddo.