Numri
11 Issa n-nies bdew igergru fuq li jgergru quddiem Ġeħova. Meta Ġeħova semaʼ dan, hu rrabja ħafna. Ġeħova bagħat nar kontrihom u qered lil xi wħud f’tarf il-kampijiet. 2 Meta n-nies bdew jgħajtu lil Mosè għall-għajnuna, hu talab bil-ħniena* lil Ġeħova, u n-nar intefa. 3 Għalhekk, dak il-post semmewh Tabgħera,* għaliex nar mingħand Ġeħova kien qabad kontrihom.
4 U l-folla mħallta* li kienet f’nofshom uriet xewqa egoista, u l-Iżraelin ukoll reġgħu bdew jibku u jgħidu: “Min se jagħtina l-laħam x’nieklu? 5 Dak kien żmien, meta konna nieklu l-ħut b’xejn fl-Eġittu, kif ukoll il-ħjar, id-dulliegħ, il-kurrat, il-basal, u t-tewm! 6 Imma issa aħna spiċċajna* bla saħħa. Ħlief manna mhux naraw.”
7 Il-manna kienet bħaż-żerriegħa tal-kosbor, u kienet qisha gomma tar-raża tfuħ. 8 In-nies kienu jitferrxu u jiġbruha. Imbagħad kienu jitħnuha b’mitħna tal-idejn jew jgħaffġuha fil-mehrież. Imbagħad kienu jgħalluha fil-borom jew jagħmluha ftajjar, u t-togħma tagħha kienet bħat-togħma taʼ ħobż ħelu biż-żejt. 9 Meta billejl kienet tinżel in-nida fuq il-kampijiet, il-manna kienet tinżel fuqha.
10 Mosè semaʼ n-nies jibku mal-familji tagħhom, kull raġel fid-daħla tat-tinda tiegħu. U Ġeħova rrabja ħafna, u anki Mosè. 11 Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova: “Għala ġegħeltni nbati u ma sibtx il-ħniena f’għajnejk? Għala poġġejt fuqi t-tagħbija taʼ dan il-poplu kollu? 12 Jaqaw wellidtu jien lil dan il-poplu, biex tgħidli, ‘Ġorrhom fi ħdanek, bħalma tarbija li ma qatgħetx il-ħalib tinġarr minn dak li jieħu ħsiebha,’ u biex niħodhom lejn l-art li int ħlift li tagħtiha lil missirijiethom? 13 Minn fejn se nġib il-laħam biex nagħtih lil dan il-poplu kollu? Għax jibqgħu jibku quddiemi u jgħiduli, ‘Agħtina l-laħam biex nikluh!’ 14 Jien waħdi m’iniex kapaċi nġorr ir-responsabbiltà għal dan il-poplu kollu, għaliex hi kbira wisq għalija. 15 Jekk se tittrattani hekk, jekk jogħġbok, oqtolni issa stess. Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, tħallinix nara iktar inkwiet.”
16 Ġeħova wieġeb lil Mosè: “Iġborli 70 raġel minn fost l-anzjani* t’Iżrael, irġiel li taf li huma* anzjani u uffiċjali tal-poplu, u ħudhom lejn it-tinda tal-laqgħa, u jridu joqogħdu hemmhekk miegħek. 17 Jien ninżel u nkellmek hemmhekk, u nieħu ftit mill-ispirtu li qiegħed fuqek u nqiegħdu fuqhom, u jgħinuk iġġorr ir-responsabbiltà għall-poplu, biex ma ġġorrhiex waħdek. 18 Int għandek tgħid lin-nies, ‘Tqaddsu għal għada, għax żgur li se tieklu l-laħam, għaliex bkejtu biex jismagħkom Ġeħova, u għedtu: “Min se jagħtina l-laħam biex nikluh? Kemm konna aħjar fl-Eġittu.” Ġeħova żgur se jagħtikom il-laħam, u intom tikluh. 19 Intom ma tiklux minnu għal jum wieħed biss, lanqas jumejn, lanqas ħamest ijiem, lanqas għaxart ijiem, lanqas 20 jum, 20 imma għal xahar sħiħ, sakemm joħroġ minn imneħirkom u jdardarkom, għaliex intom ċħadtu lil Ġeħova, li qiegħed f’nofskom, u bkejtu quddiemu u għedtu: “Għala ħriġna mill-Eġittu?”’”
21 Imbagħad Mosè qal: “Jien qiegħed f’nofs 600,000 raġel,* u madankollu int għedt, ‘Jien se nagħtihom il-laħam, u jieklu minnu xahar sħiħ’! 22 Se jkun biżżejjed għalihom jekk noqtlu l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar? Jew jekk naqbdu l-ħut kollu tal-baħar, se jkun biżżejjed għalihom?”
23 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Jaqaw id Ġeħova qasira wisq? Issa tara jekk dak li ngħid jien iseħħx jew le.”
24 Imbagħad Mosè ħareġ u qal lill-poplu l-kliem taʼ Ġeħova. Hu ġabar 70 raġel mill-anzjani tal-poplu u qegħedhom madwar it-tinda. 25 Imbagħad Ġeħova niżel fi sħaba u kellmu u ħa ftit mill-ispirtu li kellu fuqu u qiegħdu fuq kull wieħed mis-70 anzjan. Malli l-ispirtu qagħad fuqhom, huma bdew jaġixxu bħala profeti,* imma għamlu hekk għal din id-darba biss.
26 Kien hemm żewġt irġiel minnhom li baqgħu fil-kampijiet. Wieħed kien jismu Eldad, u l-ieħor Medad. L-ispirtu qagħad fuqhom ukoll, għax kienu fost dawk li isimhom kien miktub, imma ma kinux ħarġu ħdejn it-tinda. Għalhekk, bdew jaġixxu bħala profeti fil-kampijiet. 27 U wieħed żagħżugħ mar jiġri u qal lil Mosè: “Eldad u Medad qed jaġixxu bħala profeti fil-kampijiet!” 28 Imbagħad Ġożwè bin Nun, li kien ilu qaddej taʼ Mosè minn żgħożitu, wieġeb u qal: “Sidi Mosè, waqqafhom!” 29 Imma Mosè qallu: “Qed tinkwieta dwar kif dan se jeffettwani? Tinkwetax, jalla n-nies kollha taʼ Ġeħova jkunu profeti u Ġeħova jqiegħed l-ispirtu tiegħu fuqhom!” 30 Iktar tard, Mosè mar lura lejn il-kampijiet mal-anzjani t’Iżrael.
31 Imbagħad Ġeħova qajjem riħ li ġarr is-summien mill-baħar u ħalliehom jaqgħu madwar il-kampijiet, daqs vjaġġ taʼ jum mad-dawra kollha tal-kampijiet, u l-munzell taʼ summien kien għoli madwar żewġ kubiti* fuq wiċċ l-art. 32 Għalhekk, il-poplu baqaʼ dak il-jum kollu u l-lejl kollu u l-għada kollu jiġbor is-summien. Ħadd ma ġabar inqas minn għaxar kejlijiet taʼ ħomer,* u baqgħu jxerrduhom* madwar il-kampijiet kollha. 33 Imma waqt li l-laħam kien għadu f’ħalqhom u qabel ma bdew jomogħduh, Ġeħova rrabja ħafna għall-poplu, u Ġeħova qatel ħafna minnhom.
34 Għalhekk, dan il-post semmewh Kibrot-ħattawa,* għaliex hemmhekk difnu lin-nies li wrew xenqa egoista għall-ikel. 35 Minn Kibrot-ħattawa l-poplu telaq lejn Ħaserot, u baqaʼ hemm.