Ġob
6 Imbagħad Ġob wieġeb:
2 “Mank l-uġigħ tiegħi jintiżen għalkollox,
U jitpoġġa fuq il-miżien mal-inkwiet tiegħi!
3 Għax issa hu itqal mir-ramel tal-baħar.
Huwa għalhekk li tkellimt bla ħsieb.
4 Għax il-vleġeġ taʼ Dak li Jistaʼ Kollox nifduni,
U jien qed nixrob il-velenu tagħhom;
Alla qed jattakkani u jien qed nibżaʼ ħafna.
5 Ħmar salvaġġ mhux se jgħajjat bil-ġuħ jekk ikollu l-ħaxix,
U l-barri mhux se jgħajjat għall-ikel jekk ikollu l-għalf quddiemu.
6 Jistaʼ xi ħadd jiekol xi ħaġa bla togħma mingħajr ma jżid il-melħ?
Jew se jieħu gost jiekol xi ħaġa bla togħma taʼ xejn?
7 Jien* ma rridx immiss ikel bħal dan.
Għax hu bħal ikel ikkontaminat għalija.
8 Mank titwieġeb it-talba tiegħi
U Alla jagħtini dak li nixtieq!
9 Mhux li kien Alla jgħaffiġni,
U joqtolni b’idu stess!
10 Kieku anki hekk inħossni aħjar;
U naqbeż bil-ferħ avolja l-ħin kollu muġugħ,
Għax jien qatt ma rrifjutajt dak li jgħid il-Qaddis.
11 Għandi jien is-saħħa biex nibqaʼ nistenna?
U hemm xi tama għalija biex nibqaʼ ħaj?*
12 Għandi jien saħħa bħall-blat?
Jew hu laħmi tar-ram?
13 Hemm xi mod kif nistaʼ ngħin lili nnifsi,
La m’hawn ħadd jappoġġani?
14 Kull min ma jurix imħabba u lealtà* maʼ sieħbu,
Mhux se jibqaʼ jirrispetta lil* Dak li Jistaʼ Kollox.
16 Minħabba li qed idubu s-silġ u l-borra,
L-ilma hu mdardar.
17 Imma fis-sajf, il-widien ma jibqgħux bl-ilma u jiġu fix-xejn;
Meta jkun hemm is-sħana, jinxfu.
18 L-ilmijiet tagħhom jibdlu r-rotta;
Jgħaddu mid-deżert u jiġu fix-xejn.
19 Grupp taʼ nies minn Tema qed ifittxuhom,
Dawk li qed jivvjaġġaw minn Xeba qed jistennewhom.
20 Huma jistħu għax kienu ċerti li se jsibu l-ilma;
Jaslu hemm u jkunu ddiżappuntati.
21 Intom hekk sirtu għalija;
Rajtu l-gwaj kbir li ġie fuqi, u bżajtu.
22 Tlabtkom jien xi ħaġa,
Jew għedtilkom biex tagħtuni rigal mill-ġid tagħkom?
24 Għallmuni, u noqgħod kwiet;
Għinuni nifhem x’għamilt ħażin.
25 Il-verità ma tweġġax!
Imma x’tiswa l-kritika tagħkom?
26 Jaqaw qed tiftiehmu bejnietkom biex tikkritikaw dak li ngħid jien,
Raġel iddisprat li l-kliem tiegħu jtir mar-riħ?
27 Intom lesti li titfgħu x-xorti fuq orfni biex taraw taʼ min se jkun ilsir,
U lesti li tbigħu l-ħabib tagħkom stess!
28 Mela issa duru u ħarsu lejja,
Għax jien mhux se nigdbilkom.
29 Jekk jogħġobkom, erġgħu aħsbuha u tiġġudikawnix b’mod ħażin;
Iva, erġgħu aħsbuha għax jien għadni raġel sew.
30 Taħsbu li qed nigdeb,
Jew li ma nistax ninduna li hemm xi ħaġa ħażina?