LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Eżodu 1:1-40:38
  • Eżodu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Eżodu
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Eżodu

EŻODU

1 U dawn huma l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael li marru l-Eġittu maʼ Ġakobb, kull raġel man-nies taʼ daru: 2 Ruben, Simegħon, Levi, u Ġuda; 3 Issakar, Żebulun, u Benjamin; 4 Dan u Naftali; Gad u Aser. 5 U l-familja kollha taʼ Ġakobb kienu 70 ruħ, imma Ġużeppi kien diġà l-Eġittu. 6 Maż-żmien, Ġużeppi miet, kif ukoll ħutu kollha u dik il-ġenerazzjoni kollha. 7 U l-Iżraelin* kellhom ħafna tfal, u komplew jiżdiedu bil-kbir u jsiru iktar b’saħħithom b’rata mgħaġġla, u b’hekk il-pajjiż imtela bihom.

8 Għadda ż-żmien u fl-Eġittu laħaq re ġdid li ma kienx jaf lil Ġużeppi. 9 Għalhekk qal lill-poplu tiegħu: “In-nies t’Iżrael huma iżjed minna u iktar b’saħħithom. 10 Ejja nħaddmu rasna u naraw kif nittrattawhom. Inkella se jkomplu jiżdiedu u jekk tfaqqaʼ xi gwerra, huma jingħaqdu mal-għedewwa tagħna, jiġġieldu kontrina, u jitilqu mill-pajjiż.”

11 Għalhekk, inkarigaw fuqhom kapijiet biex jisforzawhom jagħmlu xogħol iebes u jaħqruhom bih, u ġegħluhom jibnu għall-Fargħun il-bliet taʼ Pitom u Ragħmses bħala mħażen. 12 Imma iktar ma kienu jaħqruhom, iktar kien ikollhom tfal u jinfirxu maʼ kullimkien, u b’hekk bdew jibżgħu ħafna minħabba l-Iżraelin. 13 Għaldaqstant, l-Eġizzjani sforzaw lill-Iżraelin jaħdmu iebes bħala lsiera. 14 U baqgħu jagħmlulhom ħajjithom diffiċli ħafna b’xogħol iebes. Kellhom jagħmlu l-briks u t-tajn magħmul mit-tafal, u kull tip taʼ xogħol bħala lsiera fl-għelieqi. Ġegħluhom jaħdmu iebes f’kundizzjonijiet mill-agħar u f’kull tip taʼ xogħol bħala lsiera.

15 Iktar tard, ir-re tal-Eġittu kellem lill-majjistri Lhud li kien jisimhom Sifra u Puwa, 16 u qalilhom: “Meta tgħinu lin-nisa Lhud iwelldu, jekk taraw li jkun tifel, oqtluh, imma jekk tkun tifla, ħalluha ħajja.” 17 Madankollu, il-majjistri kienu jirrispettaw ħafna lill-Alla* l-veru, u m’għamlux kif qalilhom ir-re tal-Eġittu. Minflok, kienu jħallu lit-tfal subien ħajjin. 18 Maż-żmien, ir-re tal-Eġittu għajjat lill-majjistri u qalilhom: “Għala ħallejtu lit-tfal subien ħajjin?” 19 Il-majjistri wieġbu lill-Fargħun: “Għax in-nisa Lhud mhumiex bħan-nisa Eġizzjani. Huma b’saħħithom u jkunu diġà welldu qabel ma l-majjistra tidħol ħdejhom.”

20 Għalhekk, Alla ttrattahom tajjeb lill-majjistri, u n-nies baqgħu jiżdiedu u jissaħħu ħafna. 21 U minħabba li l-majjistri rrispettaw ħafna lill-Alla* l-veru, hu berikhom billi kellhom it-tfal. 22 Fl-aħħar, il-Fargħun ikkmanda lin-nies kollha tiegħu: “Għandkom titfgħu fix-Xmara Nil lil kull tifel Lhudi li jitwieled, imma kull tifla ħalluha ħajja.”

2 F’dak iż-żmien, raġel minn dar Levi żżewweġ waħda mill-bniet taʼ Levi. 2 U l-mara ħarġet tqila u welldet tifel. Meta rat kemm kien gustuż, żammitu moħbi għal tliet xhur. 3 Meta ma setgħetx taħbih iktar, ħadet qoffa* tal-papiru, ksietha bil-qatran u biż-żift, u poġġiet it-tifel fiha. Imbagħad qegħditha qalb il-qasab max-xatt tax-Xmara Nil. 4 Imma oħtu qagħdet ftit ’il bogħod biex tara x’se jsir minnu.

5 Meta bint il-Fargħun marret tinħasel fix-Xmara Nil, il-qaddejja nisa tagħha kienu mexjin mal-ġenb tax-xmara. Hi rat il-qoffa qalb il-qasab u mill-ewwel bagħtet lill-ilsira tagħha biex iġġibhielha. 6 Meta fetħitha, rat it-tarbija u t-tifel kien qed jibki. Hi tħassritu, imma qalet: “Dan wieħed mit-tfal tal-Lhud.” 7 Imbagħad oħtu qalet lil bint il-Fargħun: “Tridx immur insiblek mara mil-Lhud biex tagħtih x’jixrob u tgħinek tieħu ħsiebu?” 8 Għalhekk, bint il-Fargħun wiġbitha: “Mur!” U minnufih it-tfajla marret u għajtet lil omm it-tifel. 9 Bint il-Fargħun imbagħad qaltilha: “Ħu lil dan it-tifel miegħek, agħtih x’jixrob u ħu ħsiebu għalija, u jien inħallsek.” Għalhekk, il-mara ħadet it-tifel u għamlet hekk. 10 Meta t-tifel kiber, hi ħaditu għand bint il-Fargħun, u hu sar bħat-tifel tagħha. Hi semmietu Mosè* u qalet: “Għaliex tellajtu mill-ilma.”

11 Issa meta Mosè sar adult,* hu ħareġ ħdejn ħutu l-Lhud biex jara t-tagħbijiet li kienu qed iġorru, u ra Eġizzjan isawwat wieħed minnhom. 12 Għalhekk, ħares madwaru u peress li ma ra lil ħadd, qatel lill-Eġizzjan u ħbieh fir-ramel.

13 L-għada ħareġ u kien hemm żewġt irġiel Lhud jiġġieldu bejniethom. Għalhekk, hu qal lil dak li kellu t-tort: “Għala għandek issawwat lil sieħbek?” 14 U dak wieġbu: “Min għamlek mexxej u mħallef fuqna? Jaqaw bi ħsiebek toqtolni bħalma qtilt lill-Eġizzjan?” Mosè issa beżaʼ u qal: “Żgur li saru jafu x’għamilt!”

15 Imbagħad il-Fargħun semaʼ b’dan, u pprova joqtol lil Mosè. Imma Mosè ħarab mill-Fargħun u mar fl-art taʼ Midjan. Hemmhekk sab bir u poġġa ħdejh. 16 Issa l-qassis taʼ Midjan kellu sebat ibniet, u dawn marru jtellgħu l-ilma biex jimlew il-ħwat u jagħtu x’jixorbu lill-merħla taʼ missierhom. 17 Imma bħas-soltu, ġew ir-ragħajja u keċċewhom. Xħin Mosè ra dan, qam u għen* lin-nisa u ta l-ilma lill-merħla tagħhom. 18 Meta marru d-dar għand missierhom Regħwel,* dan staqsiehom: “Kif ġejtu d-dar daqshekk malajr illum?” 19 Huma wiġbuh: “Wieħed Eġizzjan qabeż għalina meta ġew ir-ragħajja u saħansitra tellgħalna l-ilma u ta lill-merħla x’tixrob.” 20 Hu qal lill-bniet tiegħu: “Imma fejn hu? Għala ħallejtuh warajkom? Għajtulu ħa jiekol magħna.” 21 Wara dan, Mosè aċċetta li jgħix mar-raġel, u dan żewwiġlu lil bintu Sefora. 22 Iktar tard, hi welldet tifel u hu semmieh Gersom* għax qal, “Sirt resident barrani f’art barranija.”

23 Wara ħafna żmien, ir-re tal-Eġittu miet, imma l-Iżraelin baqgħu jibku u jgħajtu minħabba l-jasar, u baqgħu jgħajtu lill-Alla l-veru għall-għajnuna. 24 U Alla semagħhom u ftakar fil-patt tiegħu m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. 25 Għalhekk, Alla ra t-tbatija tal-Iżraelin u ddispjaċieh għalihom.

3 Mosè sar ragħaj tal-merħla tal-kunjatu tiegħu Ġetro, il-qassis taʼ Midjan. Waqt li kien qed jieħu l-merħla lejn in-naħa tal-Punent tad-deżert, wasal ħdejn il-muntanja tal-Alla l-veru, f’Ħoreb. 2 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova deherlu fi fjamma tan-nar f’nofs għollieqa. Hekk kif baqaʼ jħares, hu ra li din kienet qed taqbad, u madankollu ma bdietx tinħaraq. 3 U Mosè qal: “Ħa nersaq viċin sabiex nara x’inhi din il-ħaġa tal-għaġeb u għala l-għollieqa mhix tinħaraq.” 4 Meta Ġeħova rah jersaq viċin biex jara x’inhi, għajjatlu mill-għollieqa u qallu: “Mosè! Mosè!” u dan wieġbu: “Hawn jien.” 5 Qallu: “Tersaqx iktar qrib. Neħħi s-sandli, għax qiegħed fuq art qaddisa.”

6 U kompla jgħidlu: “Jien l-Alla taʼ missierek, l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.” Imbagħad Mosè ħeba wiċċu, għax beżaʼ jħares lejn l-Alla l-veru. 7 Ġeħova żied: “Jien rajt it-tbatija tan-nies tiegħi li qegħdin l-Eġittu, u smajt l-għajta tagħhom minħabba dawk li qed iġegħluhom jaħdmu iebes. Naf tajjeb kemm qed ibatu. 8 Se ninżel neħlishom minn id l-Eġizzjani u noħroġhom minn dik l-art għal ġo art tajba u spazjuża, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, l-art tal-Kangħanin, tal-Ħittin, tal-Amurrin, tal-Pereżin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin. 9 L-għajta tal-poplu t’Iżrael waslet għandi, u rajt ukoll il-mod aħrax li bih qed jaħqruhom l-Eġizzjani. 10 Għalhekk, ejja ħa nibagħtek għand il-Fargħun biex toħroġ il-poplu tiegħi Iżrael mill-Eġittu.”

11 Madankollu, Mosè qal lill-Alla l-veru: “Jien min jien biex immur għand il-Fargħun u noħroġ lill-Iżraelin mill-Eġittu?” 12 Hu wieġbu: “Jien inkun miegħek, u dan ikun is-sinjal għalik li kont jien li bgħattek: Wara li tkun ħriġt il-poplu mill-Eġittu, intom se taqdu* lili, l-Alla l-veru, fuq din il-muntanja.”

13 Imma Mosè qal lill-Alla l-veru: “Issa ejja ngħidu li mmur għand l-Iżraelin u ngħidilhom, ‘L-Alla taʼ missirijietkom bagħatni għandkom,’ u huma jistaqsuni, ‘X’jismu?’ X’għandi ngħidilhom?” 14 B’hekk, Alla qal lil Mosè: “Jien Se Nsir Dak li Rrid* Insir.”* U żied: “Dan għandek tgħidilhom lill-Iżraelin, ‘Jien Se Nsir bagħatni għandkom.’” 15 Imbagħad Alla reġaʼ qal lil Mosè:

“Dan għandek tgħidilhom lill-Iżraelin, ‘Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb, bagħatni għandkom.’ Dan hu ismi għal dejjem, u b’dan l-isem insir magħruf minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. 16 Issa mur, u iġbor l-anzjani* t’Iżrael u għidilhom, ‘Deherli Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, l-Alla t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb, u qalli: “Jien żgur li tajt kaskom u rajt dak li qed jagħmlulkom fl-Eġittu. 17 Għalhekk, inwegħedkom li se neħliskom mit-tbatija li qegħdin fiha minħabba l-Eġizzjani u niħodkom lejn l-art tal-Kangħanin, tal-Ħittin, tal-Amurrin, tal-Pereżin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin, lejn art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel.”’

18 “Huma żgur li se jisimgħu minn kliemek, u int u l-anzjani t’Iżrael għandkom tmorru għand ir-re tal-Eġittu u tgħidulu: ‘Ġeħova, l-Alla tal-Lhud, kellimna. Allura, jekk jogħġbok, ħallina nagħmlu vjaġġ taʼ tlett ijiem fid-deżert sabiex noffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla tagħna.’ 19 Imma jien naf tajjeb li r-re tal-Eġittu mhux se jħallikom tmorru sakemm ma jiġix imġiegħel jagħmel dan. 20 B’hekk, jien se nuża l-qawwa tiegħi u nikkastiga lill-Eġittu bl-affarijiet tal-għaġeb kollha li se nagħmel hemm, u wara dan hu jibgħatkom. 21 U se nġiegħel lill-Eġizzjani jħennu għalikom, u żgur li ma titilqux b’idkom vojta. 22 Kull mara trid titlob mingħand il-ġara tagħha u l-mara li qed toqgħod f’darha oġġetti tal-fidda u tad-deheb kif ukoll ħwejjeġ, u tridu tlibbsuhom lit-tfal tagħkom subien u bniet; u tieħdu r-rikkezzi tal-Eġizzjani.”

4 Madankollu, Mosè wieġeb: “Imma ejja ngħidu li ma jemmnunix u ma jisimgħux minni, għax jgħidu, ‘Ġeħova ma deherlekx.’ Imbagħad x’nagħmel?” 2 U Ġeħova qallu: “X’għandek f’idek?” Hu wieġbu: “Bastun.” 3 Imbagħad qallu: “Itfgħu fl-art.” Għalhekk, tefgħu fl-art u sar serp, u Mosè ħarab minnu. 4 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Aqbdu minn denbu.” Għalhekk qabdu u sar bastun. 5 Alla mbagħad qallu: “B’dan huma jemmnu li dhertlek jien, Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.”

6 Imbagħad Ġeħova qallu: “Jekk jogħġbok, daħħal idek fil-libsa tiegħek.” Għalhekk, daħħal idu fil-libsa u meta ħariġha kienet bajda silġ bil-ġdiem! 7 Imbagħad qallu: “Erġaʼ daħħal idek fil-libsa.” Għalhekk, reġaʼ daħħal idu fil-libsa u meta ħariġha reġgħet saret normali bħall-bqija taʼ ġismu! 8 Alla qal: “Jekk ma jemmnukx jew ma jagħtux kas l-ewwel sinjal, żgur li jagħtu kas it-tieni sinjal. 9 Jekk ma jemmnux lanqas dawn iż-żewġ sinjali u ma jkunux iridu jisimgħu minnek, int trid tieħu ftit ilma mix-Xmara Nil u tferrgħu fuq art niexfa, u dan l-ilma jsir demm fuq l-art niexfa.”

10 Mosè issa qal lil Ġeħova: “Skużani, Ġeħova, imma jien qatt ma kont kelliemi tajjeb, la fil-passat u lanqas minn meta bdejt tkellimni int, għax jien ma ninqalax biex nitkellem.” 11 Ġeħova wieġbu: “Min għamel ħalq il-bniedem? Jew min jagħmel lil xi ħadd ma jitkellimx, ma jismax, u jara jew ma jarax? Mhux jien, Ġeħova? 12 Mela issa mur, u jien inkun miegħek meta titkellem, u ngħallmek x’għandek tgħid.” 13 Imma Mosè qallu: “Skużani, Ġeħova, jekk jogħġbok ibgħat lil xi ħadd ieħor minfloki.” 14 Imbagħad Ġeħova rrabja ħafna maʼ Mosè u qallu: “Ħuk Aron, il-Levita, jaf jitkellem sew. Hu issa qiegħed fi triqtu biex jiltaqaʼ miegħek. Meta jarak, żgur li qalbu timtela bil-ferħ. 15 Għalhekk, int għidlu x’għandu jgħid, u jien inkun magħkom hekk kif titkellmu, u ngħallimkom x’għandkom tagħmlu. 16 Hu jrid ikellem lin-nies għalik, u jkun il-kelliemi tiegħek u int tkun bħal Alla għalih.* 17 U trid tieħu dan il-bastun f’idek u bih tagħmel is-sinjali.”

18 Għalhekk, Mosè mar lura għand il-kunjatu tiegħu Ġetro u qallu: “Jekk jogħġbok, ħa nerġaʼ lura għand ħuti li qegħdin l-Eġittu sabiex nara jekk għadhomx ħajjin.” Ġetro qal lil Mosè: “Mur fil-paċi.” 19 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè f’Midjan: “Mur, erġaʼ lura lejn l-Eġittu, għax l-irġiel kollha li kienu qed jipprovaw joqtluk mietu.”

20 Imbagħad Mosè ħa lil martu u lit-tfal tiegħu u rikkibhom fuq ħmar, u beda l-vjaġġ lejn l-art tal-Eġittu. Iktar minn hekk, Mosè ħa f’idu l-bastun tal-Alla l-veru. 21 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Wara li tasal l-Eġittu, qis li tagħmel il-mirakli kollha li tajtek il-qawwa biex tagħmel quddiem il-Fargħun. Imma jien se nħallih iwebbes rasu,* u hu mhux se jibgħat lin-nies. 22 U għandek tgħid lill-Fargħun, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Iżrael hu ibni, l-ewwel imwieled tiegħi. 23 Jien ngħidlek, Ibgħat lil ibni sabiex jaqdini. Imma jekk tirrifjuta li tibagħtu, jien se noqtollok lil ibnek, l-ewwel imwieled tiegħek.”’”

24 Issa matul il-vjaġġ, fil-post fejn waqfu biex jorqdu, Ġeħova ltaqaʼ miegħu u fittex mod kif joqtlu.* 25 Fl-aħħar, Sefora ħadet biċċa ġebla li taqtaʼ* u għamlet iċ-ċirkonċiżjoni lil binha u dak li qatgħet messitu maʼ saqajh* u qalet: “Int sirt żewġi permezz taʼ dan id-demm.” 26 Għalhekk Alla ħallieh imur. Minħabba ċ-ċirkonċiżjoni, hi qalet, “Sirt żewġi permezz tad-demm.”

27 Imbagħad Ġeħova qal lil Aron: “Mur fid-deżert biex tiltaqaʼ maʼ Mosè.” Għalhekk, hu mar u ltaqaʼ miegħu fuq il-muntanja tal-Alla l-veru u biesu. 28 U Mosè qal lil Aron il-kliem kollu taʼ Ġeħova u qallu wkoll dwar is-sinjali kollha li kien ikkmandah jagħmel. 29 Imbagħad Mosè u Aron telqu u ġabru lill-anzjani* kollha tal-Iżraelin. 30 Aron qalilhom il-kliem kollu li Ġeħova kien qal lil Mosè, u għamel is-sinjali quddiem għajnejn in-nies. 31 In-nies emmnu, u meta semgħu li Ġeħova kien se jgħin lill-Iżraelin u li hu kien ra t-tbatija tagħhom, mielu u nxteħtu fl-art quddiemu.

5 Imbagħad Mosè u Aron daħlu u qalu lill-Fargħun: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Ibgħat lin-nies tiegħi biex jiltaqgħu fid-deżert ħalli jfaħħruni.’” 2 Imma l-Fargħun qalilhom: “Min hu Ġeħova, biex jien nismaʼ minn kliemu u nibgħat lill-Iżraelin? Jien ma nafux lil Ġeħova, u iktar minn hekk, m’iniex se nibgħat lill-Iżraelin.” 3 Imma huma qalulu: “L-Alla tal-Lhud kellimna. Jekk jogħġbok, irridu mmorru vjaġġ taʼ tlett ijiem fid-deżert u noffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla tagħna. Inkella jikkastigana bil-mard jew bix-xabla.” 4 Ir-re tal-Eġittu wiġibhom: “Mosè u Aron, għala tridu lin-nies jieqfu jaħdmu? Komplu xogħolkom!”* 5 U l-Fargħun kompla: “Ara kemm hawn nies fil-pajjiż, u intom tridu twaqqfuhom minn xogħolhom?”

6 Dakinhar stess, il-Fargħun ikkmanda lill-kapijiet li jisforzaw lin-nies jaħdmu u lill-assistenti* tagħhom: 7 “Tibqgħux tagħtu tiben lin-nies biex jagħmlu l-briks. Ħa jmorru huma stess jiġbru t-tiben. 8 Imma xorta għandhom jagħmlu l-istess ammont taʼ briks bħal qabel. Tnaqqsulhom xejn, għax qed jiħduha bil-lajma.* Huwa għalhekk li qed jgħajtu, ‘Irridu mmorru, irridu noffru sagrifiċċji lill-Alla tagħna!’ 9 Ġegħluhom jaħdmu iktar iebes u żommuhom okkupati biex ma jagħtux kas il-gideb.”

10 Għalhekk, il-kapijiet li jisforzaw lin-nies jaħdmu u l-assistenti tagħhom ħarġu u qalu lin-nies: “Dan qal il-Fargħun, ‘M’iniex se nagħtikom iktar tiben. 11 Morru ġibu t-tiben intom stess minn fejn tistgħu ssibuh, imma xogħolkom mhux se jitnaqqas.’” 12 Imbagħad in-nies inxterdu mal-art kollha tal-Eġittu biex jiġbru z-zkuk* ħalli jagħmlu t-tiben. 13 U l-kapijiet komplew jisforzawhom u jgħidulhom: “Kull wieħed għandu jagħmel l-istess ammont taʼ xogħol kuljum, bħal meta kien jingħatalkom it-tiben.” 14 Iktar tard il-kapijiet tal-Fargħun bdew isawtu lill-assistenti tagħhom li kienu inkarigaw minn fost l-Iżraelin. Il-kapijiet staqsewhom: “Għala m’għamiltux l-istess ammont taʼ briks bħal qabel, la lbieraħ u lanqas illum?”

15 Għalhekk, l-assistenti inkarigati fuq l-Iżraelin marru jgergru mal-Fargħun: “Għala qed tittrattahom hekk lill-qaddejja tiegħek? 16 Mhux qed jingħatalna tiben, u safrattant qed jgħidulna, ‘Agħmlu l-briks!’ Aħna qed niġu msawtin, imma t-tort hu taʼ niesek stess.” 17 Imma hu qalilhom: “Qed tiħduha bil-lajma, qed tiħduha bil-lajma!* Huwa għalhekk li qed tgħidu, ‘Irridu mmorru, irridu noffru sagrifiċċji lil Ġeħova.’ 18 Issa morru aħdmu! Mhux se jingħatalkom tiben, imma xorta tridu tagħmlu l-istess ammont taʼ briks.”

19 Imbagħad dawk taʼ fuq il-ħaddiema Iżraelin raw li kienu f’inkwiet kbir minħabba li ġew ikkmandati biex jagħmlu l-istess ammont taʼ briks. 20 Malli ħarġu mingħand il-Fargħun, iltaqgħu maʼ Mosè u Aron li kienu qed jistennewhom. 21 Minnufih qalulhom: “Jalla Ġeħova jara x’għamiltu u jiġġudikakom, ladarba ġegħeltu lill-Fargħun u lill-qaddejja tiegħu jobogħduna, u tajtuhom raġuni biex joqtluna.” 22 Imbagħad Mosè dar lejn Ġeħova u qallu: “Ġeħova, għala ħallejt lil dan il-poplu jbati? Għalfejn bgħattni? 23 Għax minn mindu dħalt quddiem il-Fargħun biex nitkellem f’ismek, hu ttratta lil dan il-poplu agħar minn qabel u int bl-ebda mod ma ħlist lill-poplu tiegħek.”

6 Għalhekk, Ġeħova qal lil Mosè: “Issa tara x’se nagħmillu lill-Fargħun. Bil-qawwa tiegħi nisforzah jibgħatkom, u wara li jara l-qawwa tiegħi jgħidilkom titilqu minn pajjiżu.”

2 Imbagħad Alla qal lil Mosè: “Jien Ġeħova. 3 U kont nidher lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb bħala l-Alla li Jistaʼ Kollox, imma m’urejthomx xi jfisser ismi Ġeħova. 4 Jien għamilt ukoll il-patt tiegħi magħhom biex nagħtihom l-art taʼ Kangħan, l-art li fiha għexu bħala barranin. 5 Issa jien stess smajt kemm qed jibki l-poplu t’Iżrael, li qed jinżamm fil-jasar mill-Eġizzjani, u jien ftakart fil-patt tiegħi.

6 “Għalhekk, għid lill-Iżraelin, ‘Jien Ġeħova, u jien se neħliskom mix-xogħol li l-Eġizzjani sforzawkom tagħmlu u mill-jasar tagħhom, u jien se nuża l-qawwa* tiegħi u kastigi kbar biex insalvakom. 7 Jien niħodkom bħala l-poplu tiegħi u nkun l-Alla tagħkom, u intom żgur tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom li qed neħliskom mill-Eġittu u t-tagħbijiet tiegħu. 8 U ndaħħalkom fl-art li ħlift* li nagħtiha lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb. U jien nagħtiha lilkom biex tkun tagħkom. Jien Ġeħova.’”

9 Iktar tard, Mosè qal dan il-kliem lill-Iżraelin, imma dawn ma tawx kasu minħabba li kienu skuraġġiti u f’jasar aħrax.

10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 11 “Idħol u għid lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, li għandu jħalli lill-Iżraelin jitilqu minn pajjiżu.” 12 Madankollu, Mosè wieġeb lil Ġeħova: “L-Iżraelin ma tawx kasi. Kif qatt jistaʼ jagħti kasi l-Fargħun, la nsibha diffiċli biex nitkellem?” 13 Imma Ġeħova reġaʼ qal lil Mosè u lil Aron il-kmandi li għandhom jagħtu lill-Iżraelin u lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, sabiex joħorġu lill-Iżraelin mill-art tal-Eġittu.

14 Dawn huma l-kapijiet tal-familja tagħhom: It-tfal taʼ Ruben l-ewwel imwieled t’Iżrael kienu Ħanok, Pallu, Ħesron, u Karmi. Dawn huma l-familji taʼ Ruben.

15 It-tfal taʼ Simegħon kienu Ġemwel, Ġamin, Oħad, Ġakin, Soħar, u Sagħul, bin mara Kangħanija. Dawn huma l-familji taʼ Simegħon.

16 Dawn huma l-ismijiet tat-tfal taʼ Levi, skont il-familji tagħhom: Gerson, Keħat, u Merari. Levi għex 137 sena.

17 It-tfal taʼ Gerson kienu Libni u Simgħi, skont il-familji tagħhom.

18 It-tfal taʼ Keħat kienu Għamram, Isħar, Ħebron, u Użżijel. Keħat għex 133 sena.

19 It-tfal taʼ Merari kienu Maħli u Musi.

Dawn kienu l-familji tal-Leviti, skont il-familji tagħhom.

20 Issa Għamram iżżewweġ lil Ġokebed, oħt missieru. Hi wellditlu lil Aron u lil Mosè. Għamram għex 137 sena.

21 It-tfal taʼ Isħar kienu Koraħ, Nefeg, u Żikri.

22 It-tfal taʼ Użżijel kienu Misael, Elsafan, u Sitri.

23 Issa Aron iżżewweġ lil Eliseba li tiġi bint Għamminadab u oħt Naħson. Hi wellditlu lil Nadab, Abiħu, Elegħażar, u Itamar.

24 It-tfal taʼ Koraħ kienu Assir, Elkana, u Abijasaf. Dawn kienu l-familji tal-Koraħin.

25 Elegħażar bin Aron iżżewweġ lil waħda mill-bniet taʼ Putjel. Hi wellditlu lil Fineħas.

Dawn huma l-kapijiet tal-familji tal-Leviti, skont il-familji tagħhom.

26 Dawn huma Aron u Mosè li Ġeħova qalilhom: “Oħorġu lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu, grupp grupp.”* 27 Kienu huma li kellmu lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, biex joħorġu lill-poplu t’Iżrael mill-Eġittu.

28 Dakinhar li Ġeħova kellem lil Mosè fl-art tal-Eġittu, 29 Ġeħova qallu: “Jien Ġeħova. Għid lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, kulma qed ngħidlek.” 30 Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova: “Jien insibha diffiċli biex nitkellem, allura kif qatt jistaʼ l-Fargħun jismaʼ minni?”

7 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Għamiltek bħal Alla* għall-Fargħun, u ħuk Aron jitkellem għan-nom tiegħek bħala profeta. 2 Int għandek tirrepeti kulma se nikkmandak lil ħuk Aron, u hu jkellem lill-Fargħun, u dan jibgħat lill-Iżraelin minn pajjiżu. 3 U jien se nħalli lill-Fargħun iwebbes rasu,* u nagħmel ħafna sinjali u mirakli fl-art tal-Eġittu. 4 Imma l-Fargħun mhux se jismaʼ minnkom, u jien nuża l-qawwa tiegħi kontra l-Eġizzjani u nikkastigahom bil-kbir, u noħroġ il-poplu kbir tiegħi* Iżrael mill-art tal-Eġittu. 5 U l-Eġizzjani żgur li jkunu jafu li jien Ġeħova meta nuża l-qawwa tiegħi kontra l-Eġittu, u noħroġ lill-Iżraelin minn ġo nofshom.” 6 Mosè u Aron għamlu bħalma kien ikkmandahom Ġeħova. Għamlu preċiż hekk. 7 Mosè kellu 80 sena u Aron kellu 83 sena meta kellmu lill-Fargħun.

8 Ġeħova issa qal lil Mosè u lil Aron: 9 “Jekk il-Fargħun jgħidilkom biex tagħmlu miraklu, imbagħad għid lil Aron, ‘Aqbad il-bastun tiegħek u itfgħu fl-art quddiem il-Fargħun.’ U l-bastun isir serp kbir.” 10 Għalhekk, Mosè u Aron daħlu għand il-Fargħun u għamlu eżatt bħalma kien ikkmandahom Ġeħova. Aron tefaʼ l-bastun tiegħu fl-art quddiem il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu, u l-bastun sar serp kbir. 11 Madankollu, il-Fargħun ġabar lill-għorrief u lis-sħaħar. U l-qassisin tal-Eġittu li kienu jagħmlu l-maġija għamlu l-istess bil-maġija tagħhom. 12 Kull wieħed minnhom tefaʼ fl-art il-bastun tiegħu, u dawn saru sriep kbar, imma s-serp* t’Aron belaʼ s-sriep tagħhom. 13 Xorta waħda, il-Fargħun webbes rasu u ma semax minnhom, eżatt bħalma kien qal Ġeħova.

14 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qalb il-Fargħun baqgħet l-istess u ma jridx jibgħat lin-nies. 15 Filgħodu mur għand il-Fargħun. Meta hu joħroġ ħdejn ix-Xmara Nil, oqgħod fit-tarf tagħha biex tiltaqaʼ miegħu hemm, u ħu miegħek il-bastun li kien inbidel f’serp. 16 U għidlu, ‘Ġeħova, l-Alla tal-Lhud, bagħatni għandek b’dan il-kliem: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni fid-deżert,” imma s’issa int għadek m’obdejtx. 17 Hekk jgħid Ġeħova: “B’dan tkun taf li jien Ġeħova. Ara! Bil-bastun li għandi f’idi se nolqot l-ilma tax-Xmara Nil, u l-ilma jsir demm. 18 U l-ħut li hemm fix-xmara jmut, u din tinten, u l-Eġizzjani ma jkunux jistgħu jixorbu minnha.”’”

19 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Aqbad il-bastun tiegħek u oħroġ idek lejn l-ilmijiet tal-Eġittu, ix-xmajjar, il-kanali,* l-għadajjar, u l-ħażniet tal-ilma kollha, sabiex isiru demm.’ Se jkun hemm id-demm fl-art kollha tal-Eġittu u anki fir-reċipjenti tal-injam u tal-ġebel.” 20 Minnufih Mosè u Aron għamlu bħalma kien ikkmanda Ġeħova. Aron għolla l-bastun u ta daqqa fuq l-ilma li kien hemm fix-Xmara Nil quddiem għajnejn il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu, u l-ilma kollu li kien hemm fix-xmara nbidel f’demm. 21 U l-ħut li kien hemm fix-xmara miet, u din bdiet tinten, u l-Eġizzjani ma setgħux jixorbu minnha. U l-ilmijiet kollha fl-art tal-Eġittu nbidlu f’demm.

22 Minkejja dan, il-qassisin tal-Eġittu għamlu l-istess bil-maġija misterjuża tagħhom, u b’hekk il-Fargħun kompla jwebbes rasu, u ma semax minn Mosè u Aron, eżatt bħalma kien qal Ġeħova. 23 Imbagħad, il-Fargħun mar lura f’daru, u dak li ra m’effettwah bl-ebda mod. 24 Għalhekk, l-Eġizzjani kollha bdew iħaffru madwar ix-Xmara Nil biex isibu l-ilma x’jixorbu, għax ma setgħux jixorbu minnha. 25 U għaddew sebat ijiem sħaħ mindu Ġeħova bidel l-ilma tax-Xmara Nil f’demm.

8 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun u għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni. 2 Jekk tibqaʼ tirrifjuta li tibgħathom, nikkastiga lit-territorju kollu tiegħek biż-żrinġijiet. 3 U x-Xmara Nil tkun miżgħuda biż-żrinġijiet, u jitilgħu u jidħlu f’darek, fil-kamra tas-sodda tiegħek, fuq is-sodda tiegħek, fid-djar tal-qaddejja tiegħek, fuq il-poplu tiegħek, fil-fran tiegħek, u fl-iskutelli* li fihom tagħġen il-ħobż. 4 Iż-żrinġijiet jitilgħu fuqek, fuq il-poplu tiegħek, u fuq il-qaddejja kollha tiegħek.”’”

5 Iktar tard, Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Aqbad il-bastun tiegħek u oħroġ idek lejn ix-xmajjar, il-kanali tan-Nil, u l-għadajjar, u ġiegħel iż-żrinġijiet jitilgħu fuq l-art tal-Eġittu.’” 6 Għalhekk, Aron ħareġ idu lejn l-ilmijiet tal-Eġittu, u ż-żrinġijiet bdew jitilgħu u jiksu l-art tal-Eġittu. 7 Madankollu, il-qassisin tal-Eġittu għamlu l-istess bil-maġija misterjuża tagħhom u anki huma ġiegħlu ż-żrinġijiet jitilgħu fuq l-art tal-Eġittu. 8 Il-Fargħun imbagħad għajjat lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Itolbu bil-ħniena lil Ġeħova sabiex ineħħi ż-żrinġijiet minn fuqi u minn fuq il-poplu tiegħi, għax jien issa lest li nibgħat in-nies sabiex joffru sagrifiċċji lil Ġeħova.” 9 Imbagħad Mosè qal lill-Fargħun: “Inħalli f’idejk biex tgħidli meta tridni nitlob bil-ħniena sabiex iż-żrinġijiet jinqerdu minn fuqek, fuq il-qaddejja tiegħek, fuq il-poplu tiegħek, u minn djarek. Jitħallew biss fix-Xmara Nil.” 10 Wieġbu: “Għada.” Għalhekk qallu: “Isir bħalma għedt, sabiex tkun taf li m’hemm ħadd ieħor bħal Ġeħova l-Alla tagħna. 11 Iż-żrinġijiet se jitilqu minn fuqek, minn djarek, minn fuq il-qaddejja tiegħek, u l-poplu tiegħek. Jitħallew biss fix-Xmara Nil.”

12 Għalhekk, Mosè u Aron ħarġu minn quddiem il-Fargħun, u Mosè talab lil Ġeħova bil-ħniena dwar iż-żrinġijiet li Hu kien ġab fuq il-Fargħun. 13 U Ġeħova għamel skont dak li talab Mosè, u ż-żrinġijiet bdew imutu fid-djar, fil-btieħi, u fl-għelieqi. 14 Bdew jiġbruhom gozz gozz, u l-art bdiet tinten. 15 Meta l-Fargħun ra li s-sitwazzjoni ttranġat, hu webbes rasu* u ma riedx jismaʼ minnhom, eżatt bħalma kien qal Ġeħova.

16 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Oħroġ idek bil-bastun tiegħek u agħti daqqa fuq it-trab tal-art, u dan isir nemus fl-art kollha tal-Eġittu.’” 17 U hekk għamlu. Aron ħareġ idu bil-bastun tiegħu u ta daqqa fuq it-trab tal-art, u n-nemus ġie fuq il-bnedmin u l-annimali. It-trab kollu tal-art sar nemus fl-art kollha tal-Eġittu. 18 Il-qassisin tal-Eġittu pprovaw jagħmlu l-istess u jġibu n-nemus bil-maġija misterjuża tagħhom, imma ma setgħux. U n-nemus kompla jiġi fuq il-bnedmin u l-annimali. 19 Għalhekk, il-qassisin li kienu jagħmlu l-maġija qalu lill-Fargħun: “Dan sar bil-qawwa t’Alla!”* Imma l-Fargħun baqaʼ jwebbes rasu, u ma semax minnhom, eżatt bħalma kien qal Ġeħova.

20 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qum kmieni filgħodu u mur quddiem il-Fargħun. Meta joħroġ ħdejn ix-xmara għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni. 21 Imma jekk ma tibgħathomx, nibgħat id-dubbien* fuqek, fuq il-qaddejja tiegħek, fuq il-poplu tiegħek, u fi djarek. U d-djar tal-Eġittu jimtlew bid-dubbien, kif ukoll l-art li qegħdin* fuqha. 22 Dakinhar, l-art taʼ Gosen, li fiha hemm il-poplu tiegħi, nittrattaha b’mod differenti. Ma jkunx hemm dubbien hemmhekk, sabiex b’hekk int tkun taf li jien, Ġeħova, qiegħed fl-art tal-Eġittu. 23 U lill-poplu tiegħi nittrattah b’mod differenti mill-poplu tiegħek. Għada jseħħ dan is-sinjal.”’”

24 U Ġeħova hekk għamel, u qtajjaʼ kbar taʼ dubbien bdew jinvadu d-dar tal-Fargħun, id-djar tal-qaddejja tiegħu, u l-art kollha tal-Eġittu. Id-dubbien ġiegħel lin-nies tal-Eġittu jbatu ħafna. 25 Fl-aħħar, il-Fargħun għajjat lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Morru, offru sagrifiċċji lill-Alla tagħkom f’dan il-pajjiż.” 26 Imma Mosè qallu: “Mhux sew nagħmlu hekk, għax l-Eġizzjani jkunu offiżi meta jaraw dak li se nissagrifikaw lil Ġeħova l-Alla tagħna. Jekk nagħmlu sagrifiċċji bħal dawn quddiemhom, iwaddbulna l-ġebel biex joqtluna. 27 Aħna se nagħmlu vjaġġ taʼ tlett ijiem fid-deżert u hemm noffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla tagħna bħalma qalilna.”

28 Il-Fargħun issa qal: “Jien se nibgħatkom biex toffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla tagħkom fid-deżert. Iżda titbegħdux wisq. Itolbu bil-ħniena għalija.” 29 Imbagħad Mosè qallu: “Jien issa se nitlaq minn ħdejk, u se nitlob bil-ħniena lil Ġeħova, u għada d-dubbien jitlaq minn fuqek, fuq il-qaddejja tiegħek, u fuq il-poplu tiegħek. Imma int m’għandekx tibqaʼ tqarraq bina billi ma tibgħatx lin-nies tiegħi biex joffru sagrifiċċji lil Ġeħova.” 30 Imbagħad Mosè ħareġ mingħand il-Fargħun u talab bil-ħniena lil Ġeħova. 31 Għalhekk, Ġeħova għamel dak li talbu Mosè, u d-dubbien telaq minn fuq il-Fargħun, il-qaddejja tiegħu, u l-poplu tiegħu. Lanqas waħda ma kien baqaʼ. 32 Madankollu, il-Fargħun reġaʼ webbes rasu u lin-nies ma bagħathomx.

9 Għalhekk, Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun u għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova, l-Alla tal-Lhud: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni. 2 Imma jekk tibqaʼ żżommhom u ma tibgħathomx, 3 Ġeħova se jikkastiga l-bhejjem tiegħek li hemm fl-għelieqi. Ikun hemm mard qerriedi fuq iż-żwiemel, il-ħmir, l-iġmla, u l-imrieħel tal-baqar u tan-nagħaġ. 4 U Ġeħova żgur li se jittratta l-bhejjem t’Iżrael b’mod differenti minn tal-Eġizzjani, u xejn minn dak li hu tal-Iżraelin ma jmut.”’” 5 Iktar minn hekk, Ġeħova għażel żmien u qal: “Għada jien, Ġeħova, se nagħmel dan fil-pajjiż.”

6 U l-għada stess Ġeħova għamel dan, u kull xorta taʼ bhima tal-Eġittu bdiet tmut, imma lanqas waħda mill-bhejjem tal-Iżraelin ma mietet. 7 Meta l-Fargħun bagħat lill-qaddejja tiegħu biex jiċċekkjaw, lanqas waħda mill-bhejjem t’Iżrael ma kienet mietet. Minkejja dan, qalb il-Fargħun baqgħet ma tqanqlitx, u lin-nies ma bagħathomx.

8 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Imlew idejkom it-tnejn bl-irmied minn forn, u Mosè jrid jitfgħu fl-arja quddiem il-Fargħun. 9 U dan isir trab fin fuq l-art kollha tal-Eġittu, u jsir imsiemer imdennija fuq in-nies u l-bhejjem fl-art kollha tal-Eġittu.”

10 Għalhekk, ħadu l-irmied minn forn u qagħdu quddiem il-Fargħun, u Mosè tefgħu fl-arja, u sar imsiemer imdennija fuq in-nies u l-bhejjem. 11 U l-qassisin li kienu jagħmlu l-maġija ma setgħux imorru quddiem Mosè minħabba l-imsiemer, għaliex kemm huma u kemm l-Eġizzjani kollha mtlew bl-imsiemer. 12 Imma Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes rasu,* u dan ma semax minnhom, eżatt bħalma Ġeħova kien qal lil Mosè.

13 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qum kmieni filgħodu u mur quddiem il-Fargħun, u għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova, l-Alla tal-Lhud: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni. 14 Għax issa qed nibgħat il-kastigi kollha tiegħi kontrik, kontra l-qaddejja tiegħek, u l-poplu tiegħek, sabiex tkun taf li m’hemm ħadd bħali fl-art kollha. 15 Għax s’issa stajt użajt il-qawwa tiegħi biex nikkastiga lilek u lill-poplu tiegħek b’mard qerriedi, u int kont titqaċċat* minn fuq l-art. 16 Imma jien ħallejtek ħaj biex nurik il-qawwa tiegħi u biex ismi jixxandar fl-art kollha. 17 Int għadek qed taġixxi b’arroganza mal-poplu tiegħi billi ma tibagħtux. 18 Għalhekk, għada bħalissa se nġiegħel li jinżel silġ bil-qliel, li bħalu qatt ma kien hemm fl-Eġittu. 19 Allura għid lill-qaddejja tiegħek iġibu għall-kenn il-bhejjem kollha tiegħek u kulma għandek fl-għelieqi. Għax in-nies u l-bhejjem kollha li jkunu fl-għelieqi u ma jkunux għall-kenn, se jinżel is-silġ fuqhom u jmutu.”’”

20 Kull min beżaʼ mill-kelma taʼ Ġeħova fost il-qaddejja tal-Fargħun malajr ħa l-qaddejja u l-bhejjem tiegħu għall-kenn, 21 imma kull min ma tax kas il-kelma taʼ Ġeħova, ħalla l-qaddejja u l-bhejjem tiegħu fl-għelieqi.

22 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għolli l-bastun lejn is-sema sabiex jinżel is-silġ fuq l-art kollha tal-Eġittu, fuq in-nies, il-bhejjem, u l-ħaxix kollu fl-art tal-Eġittu.” 23 Għalhekk, Mosè għolla l-bastun tiegħu lejn is-sema, u Ġeħova bagħat ragħad u silġ, u niżel nar* fuq l-art, u Ġeħova kompla jibgħat is-silġ fuq l-art tal-Eġittu. 24 U niżel silġ bin-nar. Kien nieżel bis-saħħa u qatt ma kien hemm bħalu fl-art tal-Eġittu. 25 Is-silġ laqat kulma kien hemm fl-għelieqi kollha tal-Eġittu, minn bniedem sa bhima, u qered il-ħaxix kollu u s-siġar kollha. 26 Kien biss fl-art taʼ Gosen, fejn kienu l-Iżraelin, li ma niżilx silġ.

27 B’hekk, il-Fargħun bagħat għal Mosè u Aron u qalilhom: “Din id-darba dnibt. Ġeħova hu ġust, u jien u l-poplu tiegħi żbaljajna. 28 Itolbu bil-ħniena lil Ġeħova sabiex ir-ragħad u s-silġ mingħand Alla jieqfu. Imbagħad inkun lest li nibgħatkom, u intom ma tibqgħux iktar hawn.” 29 Għalhekk, Mosè qallu: “Malli noħroġ mill-belt ngħolli jdejja quddiem Ġeħova. Ir-ragħad jieqaf u s-silġ ma jibqax nieżel, sabiex tkun taf li l-art hi taʼ Ġeħova. 30 Iżda jien diġà naf li int u l-qaddejja tiegħek xorta mhux se tibżgħu minn Alla Ġeħova.”

31 Il-kittien* u x-xgħir* inqerdu, għaliex ix-xgħir kien kważi lest għall-ħsad u l-kittien kien beda joħroġ il-fjuri. 32 Imma l-qamħ u l-ispelta ma nqerdux, għax kien għadu mhux żmienhom. 33 Mosè issa ħareġ mill-belt mingħand il-Fargħun u għolla jdejh quddiem Ġeħova, u r-ragħad u s-silġ waqfu, u x-xita ma baqgħetx nieżla. 34 Meta l-Fargħun ra li x-xita, is-silġ, u r-ragħad kienu waqfu, hu kompla jidneb billi webbes rasu, kemm hu u kemm il-qaddejja tiegħu. 35 U l-Fargħun baqaʼ jwebbes rasu u ma bagħatx lill-Iżraelin, eżatt bħalma Ġeħova kien qal permezz taʼ Mosè.

10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun, għaliex jien ma ħallejtx lil qalbu u qalb il-qaddejja tiegħu jitqanqlu, sabiex nuri s-sinjali tiegħi quddiemu, 2 u sabiex int tkun tistaʼ tgħid lit-tfal u n-neputijiet tiegħek kemm jien aġixxejt bl-aħrax mal-Eġittu u liema sinjali għamilt fosthom. U intom żgur li tkunu tafu li jien Ġeħova.”

3 Għalhekk, Mosè u Aron daħlu għand il-Fargħun u qalulu: “Hekk qal Ġeħova, l-Alla tal-Lhud, ‘Kemm se ddum tirrifjuta li tissottometti ruħek lejja? Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni. 4 Għax jekk tibqaʼ ma tibgħathomx, għada nġib il-ġurati fit-territorju tiegħek. 5 U jiksu l-wiċċ tal-art u ma tkunx tistaʼ tara l-art. Huma jieklu dak li ma nqeridx mis-silġ u dak li tħalla għalikom, u jieklu s-siġar kollha li qed jikbru fl-għelieqi. 6 U jimlew id-djar tiegħek, id-djar tal-qaddejja tiegħek, u d-djar tal-Eġittu tant li tkun xi ħaġa li missirijietek u n-nanniet tiegħek qatt ma raw bħalha.’” Imbagħad dar u ħareġ mingħand il-Fargħun.

7 Imbagħad il-qaddejja tal-Fargħun qalulu: “Dan ir-raġel kemm se jdum jheddidna?* Ibgħat lin-nies sabiex jaqdu lil Ġeħova l-Alla tagħhom. Għadek ma rrealizzajtx li l-Eġittu nqered?” 8 Għalhekk, Mosè u Aron ittieħdu lura għand il-Fargħun, u dan qalilhom: “Morru, aqdu lil Ġeħova l-Alla tagħkom. Imma min se jmur?” 9 Wieġeb Mosè: “Se nieħdu magħna liż-żgħażagħ tagħna, lix-xjuħ tagħna, lit-tfal subien u bniet tagħna, lin-nagħaġ tagħna, u lill-baqar tagħna, għax irridu niltaqgħu ħalli nfaħħru lil Ġeħova.” 10 Hu qalilhom: “Intom veru taħsbu li jien se nibgħat lilkom u lit-tfal tagħkom? Kieku jiġri hekk, allura veru li Ġeħova jkun magħkom! Jidher ċar li bi ħsiebkom tagħmlu xi ħaġa ħażina. 11 Le! L-irġiel biss jistgħu jmorru u jaqdu lil Ġeħova, għax intom dan tlabtu.” U tkeċċew ’il barra minn quddiem il-Fargħun.

12 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Aqbad il-bastun u oħroġ idek lejn l-art tal-Eġittu biex jiġu l-ġurati fuq l-art tal-Eġittu u jieklu l-ħaxix kollu li tħalla mis-silġ.” 13 Mosè minnufih qabad il-bastun tiegħu u ħareġ idu lejn l-art tal-Eġittu, u Ġeħova qajjem riħ mil-Lvant biex jonfoħ fuq l-art dak il-jum u l-lejl kollu. Sebaħ filgħodu, u r-riħ mil-Lvant ġab il-ġurati. 14 U l-ġurati telgħu fuq l-art kollha tal-Eġittu u qagħdu fuq it-territorju kollu tal-pajjiż. Din kienet sitwazzjoni gravi. Qatt qabel ma kien hemm daqshekk ġurati, u qatt mhu se jerġaʼ jkun hemm daqshekk. 15 U ksew wiċċ l-art kollha, u l-art iddallmet bihom. Huma kielu l-ħaxix kollu tal-art u l-frott kollu tas-siġar li kien tħalla mis-silġ. Ma ħallewx werqa waħda fuq is-siġar jew fl-għelieqi tal-art kollha tal-Eġittu.

16 Għalhekk, il-Fargħun għajjat malajr lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Dnibt kontra Ġeħova l-Alla tagħkom u kontrikom. 17 Issa jekk jogħġobkom, aħfruli d-dnub tiegħi din id-darba biss u itolbu bil-ħniena lil Ġeħova l-Alla tagħkom sabiex ineħħi minn fuqi dan il-kastig li jġib il-mewt.” 18 Għalhekk, hu* ħareġ mingħand il-Fargħun u talab bil-ħniena lil Ġeħova. 19 Imbagħad Ġeħova dawwar ir-riħ f’wieħed qawwi ħafna mill-Punent, u dan ġarr il-ġurati u kaxkarhom għal ġol-Baħar l-Aħmar. Lanqas ġurat wieħed ma tħalla fit-territorju kollu tal-Eġittu. 20 Madankollu, Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes rasu,* u dan ma bagħatx lill-Iżraelin.

21 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: “Għolli l-bastun lejn is-sema, sabiex ikun hemm id-dlam fuq l-art tal-Eġittu, dlam tant kbir li jkun jistaʼ jinħass.” 22 Mosè minnufih għolla l-bastun lejn is-sema, u kien hemm dlam ċappa fuq l-art kollha tal-Eġittu għal tlett ijiem. 23 Ma kinux jaraw lil xulxin, u għal tlett ijiem ħadd minnhom ma qam minn fejn kien, imma l-Iżraelin kollha kellhom id-dawl fejn kienu jgħixu. 24 Imbagħad il-Fargħun għajjat lil Mosè u qallu: “Morru, aqdu lil Ġeħova. Jitħallew hawn biss in-nagħaġ u l-baqar tagħkom. Anki t-tfal tagħkom jistgħu jiġu magħkom.” 25 Imma Mosè qallu: “Int stess se tagħtina* sagrifiċċji u offerti tal-ħruq, u aħna noffruhom lil Ġeħova l-Alla tagħna. 26 Il-bhejjem tagħna jiġu magħna wkoll. Lanqas annimal* wieħed ma jibqaʼ, għaliex se nużaw xi ftit minnhom biex inqimu lil Ġeħova l-Alla tagħna. Meta naslu hemmhekk inkunu nafu x’se noffru fil-qima lil Ġeħova.” 27 Għalhekk, Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes rasu, u dan ma qabilx li jibgħathom. 28 Il-Fargħun qallu: “Itlaq minn quddiemi! Terġax tipprova tiġi għandi, għaliex dakinhar li tiġi, tmut.” 29 Għal dan, Mosè qallu: “Kif trid int. M’iniex se nerġaʼ nipprova niġi għandek.”

11 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Se nġib kastig ieħor fuq il-Fargħun u l-Eġittu. Imbagħad jibgħatkom minn hawn. Hu mhux biss jibgħatkom, imma letteralment ikeċċikom. 2 Issa għid lill-Iżraelin: ‘Kull wieħed minnkom għandu jitlob oġġetti tal-fidda u tad-deheb mingħand il-ġirien.’” 3 U Ġeħova ġiegħel lill-Eġizzjani jħennu għall-poplu tiegħu. Iktar minn hekk, Mosè kien sar stmat ħafna fl-art tal-Eġittu, fost il-qaddejja tal-Fargħun u fost in-nies.

4 Imbagħad Mosè qal: “Hekk qal Ġeħova, ‘Għal xi nofsillejl se noħroġ f’nofs l-Eġittu, 5 u kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu se jmut, mill-ewwel imwieled tal-Fargħun li qed imexxi, sal-ewwel imwieled tal-ilsira li qed iddawwar il-mitħna, u kull l-ewwel ferħ tal-bhejjem. 6 U jkun hemm biki kbir fl-art kollha tal-Eġittu, li bħalu la qatt kien hawn u lanqas ikun hawn. 7 Imma l-Iżraelin u l-annimali tagħhom ma jiġrilhom xejn ħażin. Lanqas kelb ma jinbaħ biex ibeżżagħhom. B’hekk, intom tkunu tafu li Ġeħova jittratta lill-Eġizzjani b’mod differenti mill-Iżraelin.’ 8 U l-qaddejja kollha tiegħek żgur li se jinżlu għandi u jinxteħtu fl-art quddiemi u jgħidu, ‘Mur, int u l-poplu kollu li jimxi warajk.’ U wara dan noħroġ jien.” Imbagħad ħareġ mingħand il-Fargħun b’rabja kbira.

9 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Il-Fargħun mhux se jismaʼ minnkom, sabiex il-mirakli tiegħi jiżdiedu fl-art tal-Eġittu.” 10 U Mosè u Aron għamlu dawn il-mirakli kollha quddiem il-Fargħun, imma Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes rasu,* u b’hekk ma bagħatx lill-Iżraelin mill-art tiegħu.

12 Ġeħova issa qal lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu: 2 “Dan ix-xahar ikun l-ewwel wieħed mix-xhur tas-sena għalikom. 3 Kellem lill-Iżraelin kollha, u għidilhom, ‘Fl-għaxar jum taʼ dan ix-xahar kull wieħed għandu jieħu ħaruf għad-dar taʼ missieru, ħaruf għal kull dar. 4 Imma jekk in-nies tad-dar ikunu ftit wisq biex jieklu l-ħaruf, imbagħad huma u l-iktar ġar qrib tagħhom* għandhom jaqsmuh bejniethom f’darhom skont kemm ikunu nies. Meta tikkalkulaw, araw kemm se jiekol kull wieħed minnkom mill-ħaruf. 5 Dan irid ikun bla difett, raġel, u taʼ sena. Minflok ħaruf tistgħu tagħżlu gidi. 6 Tridu tieħdu ħsiebu sal-14 taʼ dan ix-xahar, u l-kongregazzjoni kollha t’Iżrael trid toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. 7 Iridu jieħdu ftit mid-demm u jċappsuh maż-żewġ koxox tal-bieb u mal-parti taʼ fuq tal-bieb tad-dar fejn se jikluh.

8 “‘Il-laħam iridu jikluh dak il-lejl. Għandhom jixwuh bin-nar u jikluh mal-ħobż bla ħmira u l-ħxejjex morri. 9 Tieklu xejn minnu nej jew mgħolli, imma ixwuh, b’rasu, saqajh,* u l-intern tiegħu. 10 Ma tridu żżommu xejn minnu għal filgħodu, imma dak li jifdal sa filgħodu għandkom taħarquh. 11 Għandkom tikluh biċ-ċinturin tagħkom maqful,* bis-sandli f’saqajkom, u bil-bastun tagħkom f’idkom. Tridu tikluh bl-għaġla. Dan hu l-Qbiż taʼ Ġeħova. 12 Għax dak il-lejl se ngħaddi mill-art kollha tal-Eġittu u noqtol lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu, minn bniedem sa bhima. U niġġudika lill-allat kollha tal-Eġittu. Jien Ġeħova. 13 Id-demm ikun sinjal fuq id-djar fejn tkunu. Jien nara d-demm u naqbiżkom, u l-kastig ma jiġix fuqkom biex jeqridkom meta nikkastiga l-art tal-Eġittu.

14 Dan il-jum ikun taʼ tifkira għalikom, u għandkom tiċċelebrawh bħala festa lil Ġeħova. Dan għandkom tiċċelebrawh matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. Din hi liġi għal żmien twil. 15 Għal sebat ijiem għandkom tieklu ħobż bla ħmira. Iva, fl-ewwel jum għandkom tneħħu l-għaġina bil-ħmira minn djarkom, għaliex kull min jiekol xi ħaġa li fiha l-ħmira, mill-ewwel jum sas-sebaʼ jum, dan* għandu jiġi maqtul.* 16 Fl-ewwel jum agħmlu konvenzjoni qaddisa, u fis-sebaʼ jum agħmlu konvenzjoni qaddisa oħra. M’għandu jsir ebda xogħol f’dawn il-jiem. Tistgħu tippreparaw biss dak li kull persuna jkollha bżonn tiekol.

17 “‘Tridu tiċċelebraw il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, għax f’dan il-jum stess, jien se noħroġ lill-poplu kbir* tagħkom mill-art tal-Eġittu. U tridu tiċċelebraw dan il-jum matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. Din hi liġi għal żmien twil. 18 Fl-14 tal-ewwel xahar, filgħaxija, għandkom tieklu ħobż bla ħmira sal-21 tax-xahar, filgħaxija. 19 Għal sebat ijiem ebda għaġina bil-ħmira m’għandha tinstab fi djarkom, għax jekk xi ħadd jiekol xi ħaġa bil-ħmira, sew jekk ikun barrani u sew jekk ikun twieled fil-pajjiż, dan* għandu jiġi maqtul.* 20 M’għandkom tieklu xejn li fih il-ħmira. Għandkom tieklu ħobż bla ħmira fid-djar tagħkom kollha.’”

21 Mosè minnufih għajjat lill-anzjani* kollha t’Iżrael u qalilhom: “Morru u agħżlu annimal* mill-merħla għal kull familja tagħkom, u oqtlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż. 22 U tridu tbillu qatta żuf* fid-demm li jkun fi skutella u ċċappsu l-parti taʼ fuq tal-bieb u ż-żewġ koxox tal-bieb bid-demm. Ħadd minnkom m’għandu joħroġ mill-bieb taʼ daru sa filgħodu. 23 Imbagħad meta Ġeħova jgħaddi biex jikkastiga lill-Eġizzjani u jara d-demm fuq il-parti taʼ fuq tal-bieb u fuq iż-żewġ koxox tal-bieb, Ġeħova żgur li jaqbeż il-bieb. Hu mhux se jħalli l-kastig tal-mewt* joqtol lil xi ħadd li qiegħed fi djarkom.

24 “Intom tridu tiċċelebraw din il-festa. Din hi regola għalikom u għat-tfal tagħkom għal żmien twil. 25 U meta tidħlu fl-art li Ġeħova qal li se jagħtikom, tridu tibqgħu tiċċelebraw din il-festa. 26 U meta t-tfal tagħkom jistaqsukom, ‘Xi tfisser għalikom din il-festa?’ 27 intom għandkom tgħidulhom, ‘Din il-festa hi s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova, li qabeż id-djar tal-Iżraelin fl-Eġittu meta kkastiga lill-Eġizzjani, imma ħeles lil djarna.’”

Imbagħad in-nies mielu u nxteħtu fl-art. 28 Għalhekk, l-Iżraelin marru u għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè u lil Aron. Għamlu preċiż hekk.

29 U f’nofsillejl, Ġeħova qatel lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu, mill-ewwel imwieled tal-Fargħun li kien qed imexxi, sal-ewwel imwieled tal-ilsir li kien fil-ħabs,* u lil kull l-ewwel ferħ tal-annimali. 30 Dak il-lejl, il-Fargħun qam flimkien mal-qaddejja kollha tiegħu u l-Eġizzjani l-oħrajn kollha, u kien hemm biki kbir fost l-Eġizzjani, għaliex ma kienx hemm dar li fiha ma mietx xi ħadd. 31 Minnufih il-Fargħun għajjat lil Mosè u lil Aron billejl u qalilhom: “Morru, oħorġu minn qalb il-poplu tiegħi, kemm intom u kemm l-Iżraelin l-oħrajn. Morru aqdu lil Ġeħova bħalma għedtu. 32 Ħudu wkoll l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar u morru bħalma għedtu. Imma tridu wkoll tberkuni.”

33 U l-Eġizzjani bdew iħeġġu lin-nies sabiex jitilqu mill-pajjiż malajr kemm jistaʼ jkun u qalulhom: “Jekk ma titilqux, se nispiċċaw immutu kollha!” 34 Għalhekk, in-nies ġarrew l-għaġina bla ħmira, u ħadu l-iskutelli* mgeżwrin fil-ħwejjeġ tagħhom fuq spallithom. 35 L-Iżraelin għamlu bħalma kien qalilhom Mosè u talbu lill-Eġizzjani biex jagħtuhom oġġetti tal-fidda u tad-deheb, kif ukoll xi ħwejjeġ. 36 Ġeħova ġiegħel lill-Eġizzjani jħennu għall-poplu tiegħu, u b’hekk tawhom dak li talbu, u huma ħadu r-rikkezzi tal-Eġizzjani.

37 Imbagħad, l-Iżraelin telqu minn Ramesses għal Sukkot. Kien hemm madwar 600,000 raġel bil-mixi, minbarra t-tfal. 38 U magħhom marru wkoll ħafna barranin,* kif ukoll ħafna nagħaġ, mogħoż, u baqar. 39 U bdew jaħmu l-għaġina li kienu ħadu mill-Eġittu u jagħmluha ftajjar bla ħmira. Din ma kellhiex ħmira għax tant tkeċċew malajr mill-Eġittu li ma ppreparawx ikel ieħor għal magħhom.

40 Sa dakinhar li telqu mill-Eġittu, l-Iżraelin kienu għexu 430 sena bħala barranin. 41 Fl-aħħar jum tal-430 sena, in-nies* kollha taʼ Ġeħova ħarġu mill-art tal-Eġittu. 42 F’dak il-lejl, Ġeħova ħareġ lill-Iżraelin mill-art tal-Eġittu. Dan il-lejl għandu jiġi ċċelebrat għal Ġeħova mill-Iżraelin u l-ġenerazzjonijiet tagħhom kollha.

43 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Din hi l-liġi tal-Qbiż: Ebda barrani ma jistaʼ jiekol mill-ikla tal-Qbiż. 44 Imma jekk xi ħadd għandu lsir li ġie mixtri bil-flus, tridu tagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni. B’hekk biss ikun jistaʼ jiekol minnha. 45 L-immigrant u l-ħaddiem mikri ma jistgħux jieklu minnha. 46 F’dar waħda jrid jittiekel il-ħaruf. Toħorġu xejn mil-laħam ’il barra mid-dar, u tiksrulu ebda għadma. 47 Il-ġemgħa kollha t’Iżrael għandha tiċċelebra l-Qbiż. 48 Jekk barrani li jgħix miegħek ikun irid jiċċelebra l-Qbiż lil Ġeħova, għandu jiġi ċirkonċiż kull raġel u tifel taʼ daru. B’hekk biss ikun jistaʼ jiċċelebrah, u hu jsir bħal wieħed li twieled fil-pajjiż. Imma ebda raġel mhux ċirkonċiż ma jistaʼ jiekol mill-ikla tal-Qbiż. 49 Liġi waħda jkun hemm għal dak li twieled fil-pajjiż u għall-barrani li qed jgħix f’nofskom.”

50 Għalhekk, l-Iżraelin kollha għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè u lil Aron. Għamlu preċiż hekk. 51 Dakinhar stess, Ġeħova ħareġ lill-Iżraelin kollha* mill-art tal-Eġittu.

13 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Qaddisli* kull l-ewwel iben fost l-Iżraelin. L-ewwel raġel li jitwieled* taʼ kull bniedem u annimal ikun tiegħi.”

3 Imbagħad Mosè qal lin-nies: “Ftakru dan il-jum li fih ħriġtu mill-Eġittu, l-art fejn kontu lsiera,* għaliex b’id b’saħħitha Ġeħova ħariġkom minn hawnhekk. Għalhekk, ma jistaʼ jittiekel xejn li fih il-ħmira. 4 Intom ħriġtu mill-Eġittu llum, fix-xahar taʼ Abib.* 5 Meta Ġeħova jdaħħalkom fl-art tal-Kangħanin, tal-Ħittin, tal-Amurrin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin, l-art li ħalef lil missirijietkom li se jagħtikom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, imbagħad tridu tibqgħu tagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni f’dan ix-xahar. 6 Tridu tieklu ħobż bla ħmira għal sebat ijiem, u fis-sebaʼ jum issir festa għal Ġeħova. 7 Tridu tieklu ħobż bla ħmira f’dawn is-sebat ijiem, u m’għandu jinstab xejn għandkom li fih il-ħmira, u ebda għaġina bil-ħmira m’għandha tinstab fit-territorju* kollu tagħkom. 8 U dakinhar tridu tgħidu lit-tfal tagħkom, ‘Dan qed nagħmluh minħabba dak li Ġeħova għamel magħna meta ħriġna mill-Eġittu.’ 9 Din iċ-ċelebrazzjoni għandha tfakkarkom f’dik il-ġrajja bħallikieku kienet miktuba fuq idkom u fuq moħħkom,* sabiex il-liġi taʼ Ġeħova tkun fuq xofftejkom. Għax b’id b’saħħitha Ġeħova ħariġkom mill-Eġittu. 10 Tridu ssegwu dawn l-istruzzjonijiet u tagħmlu din il-festa fiż-żmien li għandha ssir kull sena.

11 “Meta Ġeħova jdaħħalkom fl-art tal-Kangħanin, li kien ħalef lilkom u lil missirijietkom li jagħtikom, 12 tridu tiddedikaw lil Ġeħova lil kull l-ewwel iben,* kif ukoll lil kull l-ewwel ferħ maskil mill-bhejjem li tiksbu. Dawn ikunu taʼ Ġeħova. 13 Lil kull l-ewwel ferħ taʼ ħmar tridu tifduh* billi tissagrifikaw nagħġa, u jekk ma tifduhx, tridu tiksrulu għonqu. U tridu tifdu lil kull l-ewwel tifel mit-tfal tagħkom billi tixtruh lura.

14 “U jekk it-tfal tagħkom iktar tard jistaqsukom għala tagħmlu dan, tridu tgħidulhom, ‘B’id b’saħħitha Ġeħova ħariġna mill-Eġittu, l-art fejn konna lsiera. 15 Meta l-Fargħun webbes rasu u ma riedx jibgħatna, Ġeħova qatel lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu, mill-ewwel imwieled tal-bniedem sal-ewwel ferħ tal-bhejjem. Huwa għalhekk li qed noffru lil Ġeħova lil kull l-ewwel ferħ maskil,* u qed nifdu lil kull l-ewwel imwieled mit-tfal tagħna.’ 16 Dan għandu jfakkarkom f’din il-ġrajja bħallikieku kienet miktuba fuq idkom u fuq moħħkom,* għax b’id b’saħħitha Ġeħova ħariġna mill-Eġittu.”

17 Issa meta l-Fargħun bagħat lin-nies, Alla m’għaddihomx mit-triq li tagħti għall-art tal-Filistin għalkemm kienet qrib. Għax Alla qal: “In-nies jistaʼ jerġaʼ jibdielhom meta jiffaċċjaw gwerra, u b’hekk imorru lura lejn l-Eġittu.” 18 Għalhekk, Alla ġiegħel lin-nies jiħduha bid-dawra mit-triq li tagħti għad-deżert tal-Baħar l-Aħmar. U l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu b’mod organizzat, bħal gruppi taʼ suldati. 19 U Mosè ħa miegħu l-għadam taʼ Ġużeppi, għaliex dan kien qal lit-tfal t’Iżrael: “Alla żgur li se jgħinkom u joħroġkom minn din l-art. Aħilfuli li meta jagħmel hekk, tieħdu magħkom l-għadam tiegħi minn hawnhekk.” 20 U telqu minn Sukkot u kkampjaw f’Etam, f’tarf id-deżert.

21 U Ġeħova kien jgħaddi quddiemhom f’kolonna tas-sħab matul il-jum sabiex imexxihom fit-triq, u f’kolonna tan-nar billejl ħalli jagħtihom id-dawl. B’hekk, setgħu jivvjaġġaw matul il-jum u l-lejl. 22 Il-kolonna tas-sħab kienet tibqaʼ quddiem in-nies il-jum kollu u l-kolonna tan-nar kienet tibqaʼ l-lejl kollu.

14 Ġeħova issa qal lil Mosè: 2 “Għid lill-Iżraelin li għandhom iduru lura u jikkampjaw quddiem Piħaħirot, bejn Migdol u l-baħar, faċċata taʼ Bagħal-sefon. Għandkom tikkampjaw faċċata tiegħu, ħdejn il-baħar. 3 Imbagħad il-Fargħun jgħid dwar l-Iżraelin, ‘Qegħdin iduru u jagħqdu fl-art mitlufin. M’għandhomx minn fejn jaħarbu fid-deżert.’ 4 Jien se nħalli lill-Fargħun iwebbes rasu,* u hu jitlaq għal warajhom, u jien nigglorifika lili nnifsi permezz tal-Fargħun u l-armati kollha tiegħu. L-Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova.” Għalhekk, l-Iżraelin hekk għamlu.

5 Iktar tard, ir-re tal-Eġittu waslitlu l-aħbar li n-nies kienu ħarbu. Minnufih, il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu ddispjaċiehom li ħallewhom jitilqu. B’hekk qalu: “X’għamilna b’idejna? Għala ħlisna lill-Iżraelin milli jaqduna bħala lsiera?” 6 Għalhekk, lesta l-karrijiet tal-gwerra, u ħa miegħu lin-nies tiegħu. 7 Hu ħa l-aqwa 600 karru u l-karrijiet l-oħrajn kollha tal-Eġittu bil-gwerriera fuqhom. 8 B’hekk, Ġeħova ħalla lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, iwebbes rasu, u dan telaq għal wara l-Iżraelin, waqt li dawn kienu ħerġin bla biżaʼ.* 9 L-Eġizzjani telqu għal warajhom, u ż-żwiemel bil-karrijiet kollha tal-Fargħun u s-suldati tal-kavallerija tiegħu u l-armata tiegħu kważi waslu ħdejhom waqt li kienu kkampjati ħdejn il-baħar, ħdejn Piħaħirot, faċċata taʼ Bagħal-sefon.

10 Meta l-Fargħun resaq qrib, l-Iżraelin raw l-Eġizzjani ġejjin għalihom. L-Iżraelin twerwru u bdew jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna. 11 Huma staqsew lil Mosè: “Jaqaw m’hemmx post fejn nindifnu fl-Eġittu biex ħriġtna mmutu fid-deżert? Għala għamiltilna hekk u ħriġtna mill-Eġittu? 12 Aħna għednielek biex tħallina bi kwietna ħalli naqdu lill-Eġizzjani. Għax aħjar naqdu lilhom milli mmutu fid-deżert.” 13 Imbagħad Mosè qal lin-nies: “Tibżgħux. Kunu kuraġġużi u araw kif Ġeħova se jsalvakom illum. Għax l-Eġizzjani li qed taraw illum, qatt iktar ma terġgħu tarawhom. 14 Ġeħova stess se jiġġieled għalikom, u intom tibqgħu kwieti.”

15 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għala tibqaʼ tgħajjatli għall-għajnuna? Għid lill-Iżraelin biex iżarmaw il-kampijiet u jitilqu. 16 U int, aqbad il-bastun tiegħek u oħroġ idek lejn il-baħar u l-baħar jinqasam ħalli l-Iżraelin jgħaddu minn nofsu fuq art niexfa. 17 U jien qed inħalli lill-Eġizzjani jwebbsu rashom sabiex imorru warajhom. B’hekk, nigglorifika lili nnifsi permezz tal-Fargħun u l-armata kollha tiegħu, jiġifieri l-karrijiet tal-gwerra u s-suldati tal-kavallerija tiegħu. 18 U l-Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova meta nigglorifika lili nnifsi permezz tal-Fargħun, tal-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u tas-suldati tal-kavallerija tiegħu.”

19 Imbagħad l-anġlu tal-Alla l-veru li kien qed jimxi quddiem l-Iżraelin telaq u mar warajhom, u l-kolonna tas-sħab li kienet quddiemhom resqet u qagħdet warajhom. 20 B’hekk, ġiet bejn l-Eġizzjani u l-Iżraelin. Fuq naħa, is-sħaba kienet imdallma, u fuq in-naħa l-oħra, kienet qed iddawwal il-lejl. U l-Eġizzjani ma resqux qrib l-Iżraelin il-lejl kollu.

21 Mosè issa ħareġ idu lejn il-baħar, u Ġeħova bagħat riħ qawwi mil-Lvant il-lejl kollu, u b’hekk l-ilmijiet inqasmu u qiegħ il-baħar ġie art niexfa. 22 Għalhekk, l-Iżraelin għaddew minn nofs il-baħar fuq art niexfa, waqt li l-ilmijiet ifformaw ħajt fuq il-lemin u fuq ix-xellug. 23 L-Eġizzjani telqu jiġru għal warajhom, u ż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u s-suldati tal-kavallerija tiegħu marru warajhom f’nofs il-baħar. 24 Matul l-għassa taʼ filgħodu,* Ġeħova ħares lejn l-Eġizzjani minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħab, u tefagħhom f’konfużjoni. 25 Hu beda jaqlgħalhom ir-roti minn mal-karrijiet, u b’hekk bdew isuquhom bit-tbatija. U l-Eġizzjani bdew jgħidu: “Ejja naħarbu mill-Iżraelin, għax Ġeħova qed jiġġieled għalihom kontrina.”

26 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Oħroġ idek lejn il-baħar ħalli l-ilmijiet jerġgħu lura għal fuq l-Eġizzjani, fuq il-karrijiet tal-gwerra tagħhom, u fuq is-suldati tal-kavallerija tagħhom.” 27 Mosè minnufih ħareġ idu lejn il-baħar, u malli kien se jisbaħ, il-baħar ġie lura għan-normal. Hekk kif l-Eġizzjani kienu qed jaħarbu minnu, Ġeħova kaxkarhom f’nofs il-baħar. 28 L-ilmijiet li ġew lura għattew il-karrijiet tal-gwerra, is-suldati tal-kavallerija, u l-armata kollha tal-Fargħun li kienu marru fil-baħar għal warajhom. Lanqas wieħed minnhom ma baqaʼ ħaj.

29 Iżda l-Iżraelin imxew fuq art niexfa f’nofs qiegħ il-baħar, u l-ilmijiet ifformaw ħajt fuq il-lemin u fuq ix-xellug. 30 B’hekk, dakinhar Ġeħova salva lil Iżrael minn taħt idejn l-Eġizzjani, u l-Iżraelin raw lill-Eġizzjani mejtin fuq xatt il-baħar. 31 Huma raw ukoll il-qawwa* kbira li Ġeħova uża kontra l-Eġizzjani, u n-nies bdew jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova u jpoġġu l-fidi f’Ġeħova u fil-qaddej tiegħu Mosè.

15 Imbagħad Mosè u l-Iżraelin kantaw din l-għanja lil Ġeħova:

“Ħa nkanta lil Ġeħova, għax kbira hi l-glorja tiegħu.

Iż-żiemel u r-rikkieb tiegħu tefagħhom il-baħar.

 2 Is-saħħa u l-qawwa tiegħi hu Jah,* ladarba hu jsalvani.

Dan hu l-Alla tiegħi, u jien se nfaħħru; l-Alla taʼ missieri, u jien se nonorah.

 3 Ġeħova hu gwerrier qawwi. Ġeħova hu ismu.

 4 Il-karrijiet tal-Fargħun u l-armata tiegħu tefagħhom il-baħar,

U l-aqwa gwerriera tiegħu għerqu fil-Baħar l-Aħmar.

 5 L-ilmijiet għoljin għattewhom; għerqu fil-fond bħal ġebla.

 6 Ġeħova, idek il-leminija għandha qawwa kbira;

Ġeħova, idek il-leminija tistaʼ tfarrak lill-għadu.

 7 Bil-qawwa superjuri tiegħek, int tistaʼ twaqqaʼ lil dawk li jqumu kontrik;

Ir-rabja tiegħek qisha nar, u din taħraqhom bħat-tiben.

 8 B’nifs minn imnifsejk inġabru l-ilmijiet;

Baqgħu weqfin, iżommu l-bqija tal-ilmijiet;

L-ilmijiet għoljin għaqdu f’nofs il-baħar.

 9 Qal l-għadu: ‘Niġri għal warajhom! Nilħaqhom!

Inqassam dak li niħdilhom; se nieħu dak kollu li rrid!

Noħroġ ix-xabla! Idi teqridhom!’

10 Infaħt b’nifsek, u l-baħar għattiehom;

Għerqu bħaċ-ċomb fil-qawwa tal-ilmijiet.

11 Min fost l-allat hu bħalek, Ġeħova?

Min hu bħalek, suprem fil-qdusija?

Int il-Wieħed li għandhom jirrispettaw ħafna* u li jistħoqqlu jiġi mfaħħar b’għanjiet; int li qed tagħmel affarijiet tal-għaġeb.

12 Int ħriġt idek il-leminija, u l-art belgħethom.

13 Bl-imħabba u l-lealtà* tiegħek mexxejt lill-poplu li ħlist;

Bis-saħħa tiegħek se tiggwidahom lejn il-post qaddis tiegħek.

14 Il-popli jkollhom jisimgħu; se jitriegħdu bil-biżaʼ;

Uġigħ kbir* se jaqbadhom in-nies tal-Filistja.

15 Il-kapijiet* t’Edom se jitwerwru;

U l-ħakkiema* b’saħħithom taʼ Mowab se taqbadhom ir-rogħda.

In-nies kollha taʼ Kangħan se jaqtgħu qalbhom.

16 Biżaʼ u tkexkix jaqgħu fuqhom.

Minħabba l-qawwa kbira tiegħek ma jiċċaqalqux, bħal ġebla,

Sakemm jgħaddi l-poplu tiegħek minn quddiem it-territorju tagħhom, Ġeħova,

Sakemm jgħaddi l-poplu li int ksibt għalik.

17 Iġġibhom u tqegħedhom* fuq il-muntanja taʼ wirtek,

Il-post stabbilit li int lestejt għalik biex toqgħod fih, Ġeħova,

Santwarju li bnejt b’idejk, Ġeħova.

18 Ġeħova se jmexxi għal dejjem taʼ dejjem.

19 Meta ż-żwiemel tal-Fargħun bil-karrijiet tal-gwerra tiegħu u bis-suldati tal-kavallerija tiegħu daħlu fil-baħar,

Ġeħova tefaʼ lura l-ilmijiet tal-baħar għal fuqhom,

Imma l-poplu t’Iżrael mexa fuq art niexfa f’nofs il-baħar.”

20 Imbagħad il-profetessa Mirjam oħt Aron qabdet tanburlin, u n-nisa kollha marru warajha jdoqqu t-tanburlin u jiżfnu. 21 Mirjam bil-kant wieġbet lil dawk li kienu qed ikantaw:

“Kantaw lil Ġeħova, għax kbira hi l-glorja tiegħu.

Iż-żiemel u r-rikkieb tefagħhom il-baħar.”

22 Iktar tard, Mosè mexxa lill-Iżraelin ’il bogħod mill-Baħar l-Aħmar, u huma ħarġu fid-deżert taʼ Sur u mxew għal tlett ijiem fid-deżert, imma ma sabux ilma. 23 Waslu Marah, imma ma setgħux jixorbu l-ilma minn hemmhekk għax kien morr. Għalhekk, il-post issemma Marah.* 24 Minħabba f’hekk, in-nies bdew igergru kontra Mosè u jgħidulu: “X’se nixorbu?” 25 Hu talab lil Ġeħova għall-għajnuna u Ġeħova dderiġieh lejn siġra. Meta tefagħha fl-ilma, l-ilma sar ħelu.

Hemmhekk Alla tahom liġi u każ fuqiex jibbażaw il-ġudizzju sabiex jara jekk jobdux. 26 Hu qal: “Jekk tassew tisimgħu minn leħni, Ġeħova l-Alla tagħkom, u tagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejja u tagħtu kas il-kmandamenti tiegħi u tobdu r-regoli kollha tiegħi, ma nġib fuqkom ebda waħda mill-mard li ġibt fuq l-Eġizzjani, għaliex jien, Ġeħova, qed infejjaqkom.”

27 Imbagħad waslu Elim, fejn kien hemm 12-il għajn tal-ilma u 70 siġra tal-palm. Għalhekk, ikkampjaw hemmhekk ħdejn l-ilma.

16 Wara li telqu minn Elim, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin fl-aħħar waslet fid-deżert taʼ Sin, li qiegħed bejn Elim u s-Sinaj, fil-15 tat-tieni xahar wara li ħarġu mill-art tal-Eġittu.

2 Imbagħad il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin bdiet tgerger kontra Mosè u Aron fid-deżert. 3 L-Iżraelin kienu jgħidulhom: “Mhux li mitna b’id Ġeħova fl-art tal-Eġittu waqt li konna bilqiegħda ħdejn il-borom tal-laħam, nieklu l-ħobż sakemm nixbgħu. Imma issa intom ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu lil din il-kongregazzjoni kollha bil-ġuħ.”

4 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Se nibagħtilkom xita taʼ ħobż mis-sema, u kull persuna trid toħroġ tiġbor l-ammont tagħha għal dak il-jum, sabiex nara jekk jimxux mal-liġi tiegħi jew le. 5 Imma fis-sitt jum, għandkom tiġbru d-doppju li tiġbru s-soltu f’ġurnata u tippreparawh minn qabel.”

6 Għalhekk, Mosè u Aron qalu lill-Iżraelin kollha: “Filgħaxija żgur li tkunu tafu li kien Ġeħova li ħariġkom mill-art tal-Eġittu. 7 Filgħodu taraw il-glorja taʼ Ġeħova, għaliex Ġeħova semaʼ t-tgergir tagħkom kontrih. Imma aħna min aħna biex tgergru kontrina?” 8 Mosè kompla jgħid: “Meta Ġeħova jagħtikom il-laħam x’tieklu filgħaxija u ħobż sakemm tixbgħu filgħodu, intom taraw li Ġeħova semaʼ t-tgergir tagħkom kontrih. Imma aħna min aħna? It-tgergir tagħkom mhux kontrina, imma kontra Ġeħova.”

9 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Għid lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin biex jinġabru quddiem Ġeħova, għaliex hu semaʼ t-tgergir tagħhom.” 10 Malli Aron kellem lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin, dawn daru jħarsu lejn id-deżert, u hemmhekk dehret il-glorja taʼ Ġeħova fis-sħaba.

11 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 12 “Smajt it-tgergir tal-Iżraelin. Għidilhom, ‘Bejn inżul ix-xemx u d-dlam tieklu l-laħam u filgħodu tixbgħu bil-ħobż. U żgur li tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”

13 Għalhekk, dik il-lejla ġie s-summien u għatta l-kampijiet. Filgħodu kien hemm in-nida madwar il-kampijiet kollha 14 u meta evaporat, kien hemm xi ħaġa fina li titfarrak fuq wiċċ id-deżert, fina bħas-silġ fuq l-art. 15 Meta l-Iżraelin rawha, bdew jgħidu lil xulxin: “Din x’inhi?” għax ma kinux jafu. U Mosè qalilhom: “Dan hu l-ħobż li Ġeħova takom bħala ikel. 16 Dan hu li kkmanda Ġeħova, ‘Kull persuna trid tiġbor minnu skont kemm għandha bżonn. Għandkom tiġbru kejl tal-għomer* għal kull individwu skont kemm hemm nies* fit-tinda tagħkom.’” 17 U l-Iżraelin bdew jagħmlu hekk, min ġabar ħafna u min ġabar ftit. 18 Meta kejluh bl-għomer, min ġabar ħafna ma kellux iżżejjed u min ġabar ftit ma kellux in-nieqes. Kull wieħed ġabar skont kemm kellu bżonn.

19 Imbagħad Mosè qalilhom: “Ħadd m’għandu jħalli minnu għal filgħodu.” 20 Imma huma ma semgħux minn Mosè. Meta xi wħud ħallew ftit minnu għal filgħodu, dan dewwed u niten, u Mosè ħassu rrabjat għalihom. 21 U kienu jiġbru minnu kull filgħodu, kull wieħed skont kemm ikollu bżonn. Meta x-xemx kienet tisħon, dak li jifdal minnu fl-art kien idub.

22 Fis-sitt jum ġabru d-doppju ħobż, żewġ kejlijiet tal-għomer għal kull persuna. Għalhekk, il-kapijiet kollha tal-ġemgħa marru għand Mosè u qalulu b’dan. 23 U hu qalilhom: “Ġeħova qal li għada hu jum li fih tistrieħu għalkollox,* sabat qaddis għal Ġeħova. Dak li għandkom bżonn taħmu, aħmuh, u dak li għandkom bżonn tgħallu, għalluh. Imbagħad dak kollu li jkun fadal erfgħuh u żommuh sa filgħodu.” 24 Għalhekk, refgħuh għal filgħodu, bħalma kien ikkmanda Mosè, u la niten u lanqas dewwed. 25 Imbagħad Mosè qalilhom: “Kuluh illum, għaliex illum hu sabat għal Ġeħova. Illum ma ssibuhx fl-art. 26 Għal sitt ijiem tiġbruh, imma fis-sebaʼ jum, fis-Sabat, ma jkunx hemm.” 27 Madankollu, fis-sebaʼ jum xi wħud ħarġu biex jiġbruh, imma ma sabu xejn.

28 Allura Ġeħova qal lil Mosè: “Kemm se ddumu ma tobdux il-kmandamenti u l-liġijiet tiegħi? 29 Żommu f’moħħkom li Ġeħova takom is-Sabat. Huwa għalhekk li fis-sitt jum qed jagħtikom il-ħobż għal jumejn. Kulħadd irid jibqaʼ fejn hu; ħadd m’għandu joħroġ minn fejn ikun fis-sebaʼ jum.” 30 Għalhekk in-nies straħu fis-sebaʼ jum, jiġifieri fis-Sabat.

31 In-nies t’Iżrael semmew dan il-ħobż “manna.”* Din kienet bajda bħaż-żerriegħa tal-kosbor, u t-togħma tagħha kienet bħall-ħobż bl-għasel. 32 Imbagħad Mosè qal: “Dan ikkmanda Ġeħova, ‘Imlew kejl tal-għomer minnu u żommuh, ħalli l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu jistgħu jaraw il-ħobż li tajtkom biex tieklu fid-deżert meta kont qed noħroġkom mill-art tal-Eġittu.’” 33 Għalhekk, Mosè qal lil Aron: “Aqbad ġarra u poġġi fiha kejl tal-għomer manna u qegħedha quddiem Ġeħova sabiex tinżamm matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.” 34 Aron qegħedha quddiem it-Testimonjanza* sabiex tibqaʼ merfugħa, bħalma Ġeħova kkmanda lil Mosè. 35 L-Iżraelin kielu l-manna għal 40 sena, sakemm waslu f’art fejn kienu jgħixu n-nies. Kielu l-manna sakemm waslu fil-fruntiera tal-art taʼ Kangħan. 36 Għomer hu għaxra fil-100 taʼ kejl t’efa.*

17 Il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin telqet mid-deżert taʼ Sin, timxi minn post għal ieħor, skont l-ordni taʼ Ġeħova, u kkampjat f’Refidim. Imma n-nies ma kellhomx x’jixorbu.

2 Għalhekk, in-nies bdew jargumentaw maʼ Mosè u jgħidulu: “Agħtina l-ilma x’nixorbu.” Imma Mosè qalilhom: “Għala qed targumentaw miegħi? Għala tibqgħu tgħaddu lil Ġeħova minn prova?” 3 Imma n-nies qabadhom għatx kbir hemmhekk, u komplew igergru kontra Mosè u jgħidu: “Għala ħriġtna mill-Eġittu? Biex toqtol lilna, lit-tfal tagħna, u lill-bhejjem tagħna bil-għatx?” 4 Fl-aħħar, Mosè talab lil Ġeħova: “X’għandi nagħmel b’dawn in-nies? Ftit ieħor u jwaddbuli l-ġebel biex joqtluni!”

5 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Għaddi minn quddiem in-nies u ħu miegħek lil xi wħud mill-anzjani* t’Iżrael u l-bastun tiegħek li bih tajt daqqa fuq l-ilma tax-Xmara Nil. Ħudu f’idek u ibqaʼ miexi. 6 Jien inkun wieqaf hemmhekk quddiemek fuq il-blata f’Ħoreb. U int trid tagħti daqqa fuq il-blata, u l-ilma joħroġ minnha, u n-nies jixorbu.” Mosè għamel hekk quddiem l-anzjani t’Iżrael. 7 Għalhekk, il-post semmieh Massah* u Meriba* minħabba li l-Iżraelin argumentaw maʼ Mosè u minħabba li għaddew lil Ġeħova minn prova billi qalu: “Ġeħova qiegħed magħna jew le?”

8 Imbagħad ġew l-Għamalekin u ġġieldu kontra Iżrael f’Refidim. 9 Minħabba f’hekk, Mosè qal lil Ġożwè: “Agħżlilna rġiel u oħroġ iġġieled kontra l-Għamalekin. Għada jien se noqgħod fuq nett tal-għolja bil-bastun tal-Alla l-veru f’idi.” 10 Imbagħad Ġożwè għamel bħalma qallu Mosè, u ġġieled kontra l-Għamalekin. U Mosè, Aron, u Ħur telgħu fuq nett tal-għolja.

11 Sakemm Mosè kien iżomm idejh mgħollijin, kienu jirbħu l-Iżraelin, imma malli jniżżel idejh, jibdew jirbħu l-Għamalekin. 12 Meta jdejn Mosè bdew jegħjew, ġabulu ġebla u hu poġġa fuqha. Wara, Aron u Ħur żammewlu jdejh ’il fuq, wieħed minn naħa u l-ieħor min-naħa l-oħra. B’hekk idejh baqgħu sodi sakemm niżlet ix-xemx. 13 Għalhekk, Ġożwè rebaħ lill-Għamalekin bix-xabla.

14 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Ikteb dan bħala tifkira fil-ktieb u għidu lil Ġożwè, ‘Se neqred għalkollox lill-Għamalekin minn fuq wiċċ l-art,* u jintesew.’” 15 Imbagħad Mosè bena artal u semmieh Ġeħova-nissi,* 16 għax qal: “Peress li id Għamalek hi kontra t-tron taʼ Jah, Ġeħova se jiggwerra kontrih minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.”

18 Issa Ġetro, il-qassis taʼ Midjan, il-kunjatu taʼ Mosè, semaʼ b’kulma Alla kien għamel għal Mosè u għall-poplu tiegħu Iżrael, kif Ġeħova kien ħareġ lil Iżrael mill-Eġittu. 2 Ġetro, il-kunjatu taʼ Mosè, kien ħa lura lil Sefora, mart Mosè, wara li kienet intbagħtet lura għandu, 3 flimkien maż-żewġt itfal tagħha. Wieħed minnhom kien jismu Gersom,* għaliex Mosè qal, “Sirt resident barrani f’art barranija,” 4 u l-ieħor kien jismu Eligħeżer,* għaliex Mosè qal, “L-Alla taʼ missieri hu dak li jgħinni għax ħelisni mix-xabla tal-Fargħun.”

5 Għalhekk, Ġetro, flimkien mat-tfal u l-mara taʼ Mosè, mar għand Mosè fid-deżert fejn kien ikkampjat ħdejn il-muntanja tal-Alla l-veru. 6 Imbagħad bagħat jgħid lil Mosè: “Jien, Ġetro, il-kunjatu tiegħek, ġej għandek maʼ martek u ż-żewġt itfal tiegħek.” 7 Mosè mill-ewwel ħareġ jiltaqaʼ mal-kunjatu tiegħu, u miel u biesu. Huma staqsew lil xulxin kif kienu, u mbagħad daħlu fit-tinda.

8 Mosè rrakkonta lill-kunjatu tiegħu kulma Ġeħova kien għamel lill-Fargħun u lill-Eġittu biex jgħin lil Iżrael, it-tbatija kollha li ffaċċjaw fil-vjaġġ tagħhom, u kif Ġeħova kien ħelishom. 9 Ġetro feraħ minħabba l-ġid kollu li Ġeħova kien għamel għal Iżrael billi ħelishom mill-Eġittu.* 10 Imbagħad Ġetro qal: “Ikun imfaħħar Ġeħova, li ħeliskom mill-Eġittu u mill-Fargħun, u li ħeles lill-poplu minn taħt il-kontroll tal-Eġittu. 11 Issa naf li Ġeħova hu akbar mill-allat l-oħrajn kollha, għax hu pproteġa lill-poplu tiegħu mill-għedewwa arroganti tiegħu.” 12 Imbagħad Ġetro, il-kunjatu taʼ Mosè, ġab offerta tal-ħruq u sagrifiċċji għal Alla. U Aron u l-anzjani* kollha t’Iżrael marru jieklu mal-kunjatu taʼ Mosè quddiem l-Alla l-veru.

13 L-għada, Mosè qagħad bilqiegħda bħas-soltu biex jaqdi bħala mħallef għan-nies, u n-nies baqgħu ġejjin quddiem Mosè minn filgħodu sa filgħaxija. 14 Meta l-kunjatu taʼ Mosè ra kulma kien qed jagħmel għan-nies, qallu: “X’inhu dan li qed tagħmel għan-nies? Għala qed tagħmel dan waħdek waqt li n-nies kollha jibqgħu ġejjin quddiemek minn filgħodu sa filgħaxija?” 15 Mosè qal lill-kunjatu tiegħu: “Għax in-nies jibqgħu jiġu għandi biex jaraw x’inhi l-gwida t’Alla. 16 Meta jinqalaʼ xi każ, iġibuh għandi u jien irrid niġġudika bejn persuna u oħra, u ngħidilhom x’inhuma d-deċiżjonijiet tal-Alla l-veru u l-liġijiet tiegħu.”

17 Il-kunjatu taʼ Mosè qallu: “Dak li qed tagħmel mhux tajjeb. 18 Żgur li se tegħja, kemm int u kemm dan il-poplu li qiegħed miegħek, għax dan hu taʼ piż kbir għalik u ma tistax iġġorru waħdek. 19 Issa ismaʼ minni. Jien se nagħtik parir, u Alla se jkun miegħek. Int taqdi bħala r-rappreżentant għan-nies quddiem l-Alla l-veru, u int trid iġġib il-każijiet għand l-Alla l-veru. 20 Għandek tgħallimhom ir-regoli u l-liġijiet u tgħidilhom kif għandhom jgħixu u x’għandhom jagħmlu. 21 Imma int għandek tagħżel minn fost in-nies irġiel kapaċi li jirrispettaw ħafna lil* Alla, irġiel taʼ min jafdahom li jobogħdu l-qligħ diżonest, u tagħmilhom kapijiet fuq l-eluf, kapijiet fuq il-mijiet, kapijiet fuq il-ħamsinijiet, u kapijiet fuq l-għaxriet. 22 Dawn iridu jiġġudikaw lin-nies meta jinqalaʼ xi każ,* u huma jġibu għandek kull każ diffiċli, imma kull każ żgħir jiġġudikawh huma. Agħmilha eħfef għalik billi taqsam il-piż tiegħek magħhom. 23 Jekk tagħmel dan, u jekk hu skont dak li jrid Alla, jirnexxilek tissaporti l-piż, u kulħadd imur lura lejn daru sodisfatt.”

24 Mosè mill-ewwel semaʼ mill-kunjatu tiegħu u għamel kulma kien qallu. 25 Mosè għażel irġiel kapaċi minn Iżrael kollu u għamilhom kapijiet fuq in-nies, bħala kapijiet tal-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, u kapijiet tal-għaxriet. 26 Allura kienu jiġġudikaw lin-nies meta jinqalaʼ xi każ. Każ diffiċli kienu jiħduh għand Mosè, imma kull każ żgħir kienu jiġġudikawh huma. 27 Imbagħad Mosè sellem lill-kunjatu tiegħu, u dan telaq lejn artu.

19 Fit-tielet xahar wara li l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu, waslu fid-deżert tas-Sinaj. Fl-istess jum 2 li telqu minn Refidim, huma waslu fid-deżert tas-Sinaj u kkampjaw hemm quddiem il-muntanja.

3 Imbagħad Mosè telaʼ fuq il-muntanja biex jidher quddiem l-Alla l-veru, u Ġeħova għajjatlu mill-muntanja u qallu: “Dan għandek tgħid lil dar Ġakobb, lill-Iżraelin, 4 ‘Intom stess rajtu x’għamiltilhom lill-Eġizzjani, sabiex inġorrkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u nġibkom għandi. 5 Issa jekk tobdu kliemi f’kollox u żżommu l-patt tiegħi, żgur li ssiru l-poplu speċjali* tiegħi mill-popli kollha, għax l-art kollha hi tiegħi. 6 Issiru għalija saltna taʼ qassisin u poplu qaddis.’ Dan hu l-kliem li għandek tgħid lill-Iżraelin.”

7 Għalhekk, Mosè mar u ġabar lill-anzjani* tal-poplu u qalilhom il-kliem kollu li Ġeħova kien ikkmandah. 8 U n-nies kollha wieġbu b’fehma waħda: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.” Mosè minnufih mar jgħid it-tweġiba tal-poplu lil Ġeħova. 9 U Ġeħova qal lil Mosè: “Se niġi għandek fi sħaba sewda biex in-nies jisimgħu meta nkellmek, u biex dejjem ipoġġu l-fidi fik ukoll.” Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova dak li qal il-poplu.

10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Mur għand in-nies u qaddishom illum u għada, u huma jridu jaħslu ħwejjiġhom. 11 U jridu jkunu lesti għat-tielet jum, għaliex fit-tielet jum, jien, Ġeħova, se ninżel fuq il-Muntanja Sinaj quddiem għajnejn in-nies kollha. 12 Trid tagħmel limiti għan-nies mad-dawra kollha tal-muntanja, u tgħidilhom, ‘Oqogħdu attenti, titilgħux fuq il-muntanja jew taqbżu l-limiti tagħha. Jekk xi ħadd imiss il-muntanja żgur li jinqatel. 13 U lil min jagħmel hekk ħadd m’għandu jmissu, imma għandhom iwaddbulu l-ġebel jew iniffduh.* Sew jekk tkun bhima u sew jekk ikun bniedem, ma jibqax ħaj.’ Imma meta jindaqq il-qarn tal-muntun, ikunu jistgħu jersqu lejn il-muntanja.”

14 Imbagħad Mosè niżel minn fuq il-muntanja għal ħdejn in-nies, u beda jqaddishom, u huma ħaslu ħwejjiġhom. 15 Hu qal lin-nies: “Lestu ruħkom għat-tielet jum. M’għandux ikollkom x’taqsmu sesswalment.”*

16 U filgħodu fit-tielet jum, kien hemm ir-ragħad u s-sajjetti, u fuq il-muntanja kien hemm sħaba ħoxna u ħoss qawwi ħafna taʼ qarn. U n-nies kollha li kienu kkampjati bdew jirtogħdu. 17 Issa Mosè ħareġ lin-nies minn fejn kienu kkampjati biex jiltaqgħu mal-Alla l-veru, u huma qagħdu n-naħa t’isfel tal-muntanja. 18 Il-Muntanja Sinaj kollha bdiet iddaħħan għax Ġeħova niżel fuqha fin-nar. Id-duħħan tagħha kien tielaʼ ’l fuq bħad-duħħan taʼ forn, u l-muntanja kollha kienet qed titheżżeż ħafna. 19 Hekk kif il-ħoss tal-qarn kompla jitqawwa, Mosè tkellem u l-Alla l-veru wieġbu.

20 Għalhekk, Ġeħova niżel fuq il-quċċata tal-Muntanja Sinaj. Imbagħad Ġeħova għajjat lil Mosè biex jitlaʼ fuq il-quċċata tal-muntanja, u Mosè telaʼ. 21 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Inżel u wissi lin-nies biex ma jipprovawx jersqu lejja, Ġeħova, sabiex jarawni, inkella ħafna minnhom imutu. 22 U l-qassisin li regolarment jersqu qrib tiegħi, Ġeħova, iridu jqaddsu lilhom infushom, biex jien, Ġeħova, ma noqtolhomx.” 23 Mosè mbagħad qal lil Ġeħova: “In-nies ma jistgħux jitilgħu fuq il-Muntanja Sinaj, għaliex int diġà wissejtna u għedtilna, ‘Agħmlu limiti mad-dawra kollha tal-muntanja u qaddsuha.’” 24 Madankollu, Ġeħova qallu: “Mur, inżel, u erġaʼ itlaʼ, int u Aron miegħek, imma tħallix lill-qassisin u lin-nies jersqu biex jitilgħu ħdejja, Ġeħova, sabiex ma noqtolhomx.” 25 Għalhekk, Mosè niżel ħdejn in-nies u qalilhom.

20 Imbagħad Alla qal dan il-kliem kollu:

2 “Jien Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, l-art fejn kont ilsir. 3 M’għandux ikollok allat oħra ħliefi.*

4 “Tagħmilx għalik xi statwa skolpita jew forma* taʼ xi ħaġa li hemm fis-sema, fuq l-art, jew fl-ilmijiet. 5 Tmilx quddiemhom u lanqas tiġi mħajjar taqdihom, għaliex jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, irrid li tqim lili biss, li għall-iżball tal-missirijiet nikkastiga lit-tfal sat-tielet u r-rabaʼ ġenerazzjoni taʼ dawk li jobogħduni. 6 Imma dawk li jħobbuni u jobdu l-kmandamenti tiegħi nurihom imħabba u lealtà* sal-elf ġenerazzjoni.

7 “Tużax ismi, Ġeħova, b’mod ħażin, għax jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, nikkastiga lil min juża ismi b’mod ħażin.

8 “Ftakar li jum is-Sabat hu qaddis. 9 Għandek taħdem u tagħmel ix-xogħol kollu tiegħek f’sitt ijiem, 10 imma s-sebaʼ jum hu sabat għalija, Ġeħova l-Alla tiegħek. Tagħmel ebda xogħol, la int, la ibnek, la bintek, la l-ilsir tiegħek, la l-ilsira tiegħek, la l-bhejjem tiegħek, u lanqas ir-resident barrani tiegħek li qiegħed fil-belt* tiegħek. 11 Għax f’sitt ijiem jien, Ġeħova, għamilt is-sema, l-art, il-baħar, u kulma hemm fihom, u bdejt nistrieħ fis-sebaʼ jum. Huwa għalhekk li jien, Ġeħova, berikt jum is-Sabat u għamiltu qaddis.

12 “Irrispetta lil missierek u lil ommok, biex tgħix ħajja twila fuq l-art li qed nagħtik jien, Ġeħova l-Alla tiegħek.

13 “Toqtolx.*

14 “Tagħmilx adulterju.

15 “Tisraqx.

16 “Tixhidx falz meta tkun xhud kontra xi ħadd.

17 “Tixtieqx dar ħaddieħor. Tixtieqx il-mara taʼ ħaddieħor, la l-ilsir tiegħu, la l-ilsira tiegħu, la l-barri tiegħu, la l-ħmar tiegħu, u lanqas xi ħaġa oħra li hi tiegħu.”

18 Issa n-nies kollha kienu qed jisimgħu r-ragħad u l-ħoss tal-qarn u jaraw is-sajjetti u l-muntanja ddaħħan. U minħabba f’hekk, bdew jirtogħdu u qagħdu ’l bogħod. 19 Għalhekk qalu lil Mosè: “Aħna qed nibżgħu li jekk ikellimna Alla mmutu. Allura kellimna int u nisimgħuk.” 20 Għalhekk, Mosè qal lin-nies: “Tibżgħux, għaliex l-Alla l-veru ġie biex jgħaddikom minn prova ħalli jibqaʼ jkollkom rispett kbir lejh* u ma tidinbux.” 21 B’hekk, in-nies baqgħu ’l bogħod, imma Mosè mar ħdejn is-sħaba sewda fejn kien hemm l-Alla l-veru.

22 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Dan għandek tgħidilhom lill-Iżraelin, ‘Intom stess rajtu li jien kellimtkom mis-sema. 23 Tagħmlux allat tal-fidda jew tad-deheb, għax m’għandux ikollkom allat oħra ħliefi. 24 Għandkom tagħmluli artal mit-trab tal-art, u toffru fuqu l-offerti tal-ħruq tagħkom, is-sagrifiċċji tal-paċi* tagħkom, u l-imrieħel tal-baqar u tan-nagħaġ tagħkom. Se niġi għandkom u nberikkom f’kull post fejn nagħżel li ismi jiġi mfakkar. 25 U jekk tagħmluli artal tal-ġebel, tibnuhx b’ġebel maqtugħ bl-għodda.* Għax jekk tużaw l-għodda tagħkom fuqu, tniġġsuh. 26 U tagħmlux taraġ biex titilgħu fuq l-artal tiegħi, sabiex il-partijiet privati tagħkom ma jkunux mikxufin fuqu.’

21 “Dawn huma d-deċiżjonijiet ġudizzjali li trid twasslilhom:

2 “Jekk tixtri lsir Lhudi, hu jaqdi bħala lsir għal sitt snin, imma fis-sebaʼ sena jinħeles mingħajr ma jħallas xejn. 3 Jekk jidħol fil-jasar waħdu, joħroġ waħdu. Imma jekk ikun miżżewweġ, martu toħroġ miegħu. 4 Jekk sidu jagħtih mara u din twellidlu subien jew bniet, il-mara u t-tfal tagħha jkunu taʼ sidha u hu joħroġ waħdu. 5 Imma jekk l-ilsir jinsisti u jgħid, ‘Jien inħobb lil sidi, lil marti, u lit-tfal tiegħi, u ma rridx ninħeles,’ 6 sidu jrid jieħdu quddiemi, l-Alla l-veru. Imbagħad jieħdu ħdejn il-bieb jew il-koxxa tal-bieb, u sidu jtaqqablu widintu b’xifa, u hu jkun ilsir tiegħu ħajtu kollha.

7 “Jekk raġel ibigħ lil bintu bħala lsira, din ma tinħelisx mill-jasar bħalma jinħeles l-ilsir raġel. 8 Jekk ma togħġobx lil sidha, u b’hekk ma jagħżilhiex bħala konkubina imma jiddeċiedi li jbigħha lil xi ħadd ieħor,* hu ma jkollux id-dritt li jbigħha lil barranin, għax ikun ittradieha. 9 Jekk jagħżilha għal ibnu, għandu jittrattaha bħal bint. 10 Jekk jiżżewweġ mara oħra, lill-ewwel waħda m’għandux inaqqsilha l-ikel tagħha, ħwejjiġha, u dak li jmissha fiż-żwieġ. 11 Jekk ma jagħtihiex dawn it-tliet affarijiet, hi tinħeles mingħajr ma tħallas flus.

12 “Kull min iweġġaʼ lil xi ħadd u joqtlu, għandu jinqatel. 13 Imma jekk ma jkunx għamel dan apposta u jien, l-Alla l-veru, nippermetti li jiġri dan, hu jkun jistaʼ jaħrab f’post li jien se nagħżel għalikom. 14 Jekk xi ħadd jirrabja ħafna għal sieħbu u joqtlu apposta, għandu jinqatel anki jekk ikollok tieħdu minn ħdejn l-artal tiegħi. 15 Min isawwat lil missieru jew lil ommu, għandu jinqatel.

16 “Jekk xi ħadd jaħtaf bniedem u jbigħu jew jinstab għandu, dan għandu jinqatel.

17 “Kull min jisħet lil missieru jew lil ommu, għandu jinqatel.

18 “Jekk xi rġiel jargumentaw u wieħed minnhom iweġġaʼ lil sieħbu b’ġebla jew b’daqqa taʼ ponn* u dan ma jmutx imma jispiċċa f’sodda, għandu jiġri hekk: 19 Jekk ikun jistaʼ jqum u joħroġ jimxi bil-bastun, dak li jkun weġġgħu jkun meħlus mill-kastig. Hu għandu biss jagħtih kumpens għaż-żmien li ma setax jaħdem sakemm ikun fieq għalkollox.

20 “Jekk raġel isawwat bil-bastun lill-ilsir jew lill-ilsira tiegħu, u din tmut waqt li qed isawwatha, ir-raġel għandu jiġi kkastigat. 21 Madankollu, jekk l-ilsir jew l-ilsira tibqaʼ ħajja ġurnata jew tnejn, is-sid m’għandux jiġi kkastigat għax hi ġiet mixtrija bi flusu.

22 “Jekk xi rġiel jiġġieldu bejniethom u jweġġgħu lil mara tqila u hi twelled qabel iż-żmien* imma ma jkunx hemm konsegwenzi fatali,* il-ħati għandu jħallas għall-ħsarat skont kemm iwaħħlu r-raġel tal-mara. U hu għandu jħallas dan skont id-deċiżjoni tal-imħallfin. 23 Imma jekk xi ħadd minnhom* imut, il-ħati jrid imut ukoll. Ħajja b’ħajja, 24 għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, sieq b’sieq, 25 ħarqa b’ħarqa, ferita b’ferita, daqqa b’daqqa.

26 “Jekk raġel jagħti daqqa f’għajn l-ilsir jew l-ilsira tiegħu u jagħmiha, għandu jeħles lill-ilsir jew lill-ilsira bħala kumpens għal dik l-għajn. 27 U jekk itajjar is-sinna tal-ilsir jew tal-ilsira tiegħu, għandu jeħles lill-ilsir jew lill-ilsira bħala kumpens għas-sinna tagħha.

28 “Jekk barri jagħti bil-qrun lil raġel jew mara u din tmut, il-barri għandhom iwaddbulu l-ġebel sakemm imut u laħmu m’għandux jittiekel. Imma sid il-barri jkun meħlus mill-kastig. 29 Imma jekk barri kellu d-drawwa li jagħti bil-qrun u sidu kien ġie mwissi imma ma żammux marbut, u joqtol raġel jew mara, il-barri għandhom iwaddbulu l-ġebel u anki sidu għandu jinqatel. 30 Jekk sid il-barri jiġi mitlub iħallas fidwa* biex ma jinqatilx, hu għandu jħallas l-ammont mitlub. 31 Jekk il-barri jkun ta bil-qrun lil tifel jew tifla, lil sidu għandhom jagħmlulu skont din id-deċiżjoni ġudizzjali. 32 Jekk il-barri jkun ta bil-qrun lil xi lsir jew ilsira, sidu jagħti l-prezz taʼ 30 xekel* lil sid l-ilsir jew l-ilsira, u l-barri jwaddbulu l-ġebel sakemm imut.

33 “Jekk raġel jikxef jew iħaffer ħofra u ma jgħattihiex, u jaqaʼ fiha barri jew ħmar, 34 sid il-ħofra għandu jagħti kumpens. Hu għandu jħallas lis-sid tal-annimal mejjet, u l-annimal isir tiegħu. 35 Jekk il-barri taʼ xi ħadd iweġġaʼ l-barri taʼ xi ħadd ieħor u dan il-barri jmut, huma jridu jbigħu l-barri l-ħaj u jaqsmu l-flus bejniethom. Għandhom jaqsmu bejniethom ukoll l-annimal mejjet. 36 Imma jekk kien magħruf li barri kellu d-drawwa li jagħti bil-qrun imma sidu ma żammux marbut, irid jagħti bħala kumpens barri għal barri, u l-barri l-mejjet isir tiegħu.

22 “Jekk raġel jisraq barri jew nagħġa u joqtolha jew ibigħha, għandu jagħti bħala kumpens ħames barrin għall-barri u erbaʼ nagħġiet għan-nagħġa.

2 (“Jekk ħalliel jinqabad dieħel jisraq billejl u jaqlaʼ daqqa u jmut, min qatlu ma jkunx ħati taʼ qtil. 3 Imma jekk jiġri dan wara li tkun telgħet ix-xemx, min qatel ikun ħati taʼ qtil.)

“Il-ħalliel għandu jagħti kumpens. Jekk ma jkollu xejn, irid jiġi mibjugħ hu għall-affarijiet li seraq. 4 Jekk l-annimal li seraq jinstab ħaj għandu, kemm jekk ikun barri, ħmar, jew nagħġa, għandu jagħti kumpens doppju.

5 “Jekk xi ħadd jieħu l-annimali tiegħu jirgħaw f’għalqa jew f’għalqa tad-dwieli u jħallihom imorru jirgħaw f’għalqa taʼ ħaddieħor, għandu jagħti bħala kumpens l-aqwa prodott tal-għalqa jew tad-dwieli tiegħu.

6 “Jekk jiġi mqabbad nar u jinfirex max-xewk u jinqerdu l-qatet, għelieqi biċ-ċereali,* jew xi għalqa oħra, dak li jkun qabbad in-nar irid jagħti kumpens għal dak li nħaraq.

7 “Jekk raġel jagħti flus jew oġġetti lil sieħbu biex iżommhomlu u dawn jinsterqu mid-dar taʼ sieħbu, u l-ħalliel jinqabad, dan għandu jagħti kumpens doppju. 8 Jekk il-ħalliel ma jinqabadx, sid id-dar irid jinġieb quddiemi, l-Alla l-veru, biex jaraw jekk kienx hu li ħa* l-affarijiet taʼ sieħbu. 9 Kull meta xi ħadd jakkuża lil xi ħadd ieħor li qed iżomm xi ħaġa li mhix tiegħu, kemm jekk ikun barri, ħmar, nagħġa, libsa, jew kwalunkwe ħaġa li tkun intilfet, għandhom jiġu quddiemi, l-Alla l-veru, biex jiġi deċiż taʼ min hi verament. Jien niddikjara min minnhom hu ħati, u dan għandu jagħti kumpens doppju lil sieħbu.

10 “Jekk raġel jagħti lil sieħbu ħmar, barri, nagħġa, jew xi bhima oħra biex iżommhielu, u din tmut jew tiġi mmankata jew tinħataf minn xi ħadd u ma jkunx hemm xhieda, 11 għandha ssir ħalfa bejniethom quddiemi, Ġeħova, li hu ma ħax* dak li hu taʼ sieħbu, u s-sid irid jaċċettaha. L-ieħor m’għandux jagħti kumpens. 12 Imma jekk il-bhima nsterqet mingħandu,* hu jrid jagħti kumpens lil sidha. 13 Jekk ġiet imqattgħa minn xi bhima salvaġġa, hu għandu jġib dak li jkun fadal minnha bħala evidenza. Hu m’għandux jagħti kumpens għaliha jekk ġiet imqattgħa minn bhima salvaġġa.

14 “Imma jekk xi ħadd jissellef bhima mingħand sieħbu, u din tiġi mmankata jew tmut meta sidha ma jkunx magħha, dak li ssellifha jrid jagħti kumpens. 15 Jekk sidha jkun magħha, dak li ssellifha m’għandux jagħti kumpens. Jekk tkun ġiet mikrija, il-kumpens ikun il-flus li tħallsu għall-kirja.

16 “Issa jekk raġel iħajjar lil xi verġni li ma tkunx għarusa, u jkollu x’jaqsam magħha, irid iħallas il-prezz tal-għarusa biex issir il-mara tiegħu. 17 Jekk missierha jirrifjuta għalkollox li jagħtihielu, ir-raġel xorta jrid iħallas il-prezz li kieku jħallas għal għarusa verġni.

18 “M’għandkomx tħallu saħħara tgħix.

19 “Kull min ikollu x’jaqsam m’annimal għandu jinqatel.

20 “Kull min joffri sagrifiċċji lil xi alla ħlief lili, Ġeħova, għandu jinqered.

21 “Lil resident barrani m’għandkomx tittrattawh ħażin jew taħqruh, għax intom kontu residenti barranin fl-art tal-Eġittu.

22 “Taħqrux lil xi armla jew lill-orfni.* 23 Għax jekk taħqruhom u jgħajtuli għall-għajnuna, jien żgur li nismaʼ l-għajta tagħhom, 24 nirrabja ħafna, u noqtolkom bix-xabla. Imbagħad, in-nisa tagħkom isiru romol u t-tfal tagħkom isiru orfni.

25 “Jekk tisilfu xi flus lil xi ħadd fqir* mill-poplu tiegħi, lil xi ħadd li qed joqgħod magħkom, tkunux rgħiba* miegħu. Tiħdulux imgħax.

26 “Jekk tieħdu l-libsa taʼ xi ħadd bħala garanzija għal dak li sliftuh, għandkom tagħtuhielu lura qabel tinżel ix-xemx. 27 Għax dik biss għandu biex jitgħatta. Inkella x’se juża meta jmur biex jorqod? Meta jgħajjatli, jien żgur li se nisimgħu, għaliex jien ħanin.*

28 “Tidgħux bija,* l-Alla tagħkom, u tisħtux lil xi kap* fost il-poplu tagħkom.

29 “Toqogħdux taħsbuha biex tagħtu mill-ħsad, mill-inbid, u miż-żejt abbundanti tagħkom. L-ewwel tifel tagħkom għandkom tiddedikawh lili. 30 L-istess għandkom tagħmlu bil-barri u bin-nagħġa tagħkom: Għandkom tħalluhom m’ommhom sebat ijiem u fit-tmien jum tagħtuhomli.

31 “Għandkom turu li intom nies qaddisin għalija, u m’għandkomx tieklu laħam taʼ xi annimal li jkun tqattaʼ minn annimal salvaġġ fl-għelieqi. Itfgħuh lill-klieb.

23 “Ixxerrdux aħbar li mhix vera. Tikkooperawx maʼ xi ħadd mill-agħar billi tkunu xhieda li tippjanaw il-ħsara kontra ħaddieħor. 2 Tmorrux wara l-folla biex tagħmlu l-ħażen, u lanqas tgħawġu l-ġustizzja billi tixhdu falz biex taqblu mal-folla. 3 Meta xi ħadd fqir ikollu xi nuqqas taʼ qbil maʼ ħaddieħor, tiġġudikawx favur tiegħu għas-sempliċi fatt li hu fqir.

4 “Jekk issibu l-barri jew il-ħmar mitluf tal-għadu tagħkom, għandkom tiħduhulu lura. 5 Jekk taraw li l-ħmar taʼ xi ħadd li jobgħodkom waqaʼ fl-art taħt it-tagħbija tiegħu, m’għandkomx tinjorawh u titilqu. Għandkom tgħinuh biex jeħilsu.

6 “Tgħawġux il-ġustizzja meta tiġġudikaw il-każ taʼ xi ħadd fqir.

7 “Tinvolvux ruħkom f’akkuża* falza, u toqtlux lil min hu bla ħtija u ġust, għax lill-ħażin mhux se niddikjarah ġust.*

8 “Taċċettawx tixħim, għax it-tixħim jagħmi lil min jiġġudika bl-għerf u jistaʼ jgħawweġ il-kliem tan-nies sewwa.

9 “Taħqrux lir-resident barrani. Intom tafu x’jiġifieri li tkunu barranin, għaliex kontu residenti barranin fl-art tal-Eġittu.

10 “Għal sitt snin tridu tiżirgħu l-art tagħkom u tiġbru dak li tipproduċi. 11 Imma fis-sebaʼ sena taħdmuhiex u ħalluha tistrieħ, u jieklu minnha l-foqra mill-poplu tagħkom. Dak li jħallu huma, jikluh l-annimali slavaġ. Għandkom tagħmlu l-istess bl-għelieqi tad-dwieli u taż-żebbuġ tagħkom.

12 “F’sitt ijiem għandkom tagħmlu x-xogħol tagħkom, imma fis-sebaʼ jum ma taħdmux, sabiex il-barri u l-ħmar tagħkom jistrieħu u l-ilsir* tagħkom u r-resident barrani jieħdu r-ruħ.

13 “Għandkom toqogħdu attenti li tagħmlu kulma għedtilkom. Issemmux l-ismijiet t’allat oħrajn; m’għandhomx jinstemgħu ħerġin minn ħalqkom.

14 “Tliet darbiet fis-sena għandkom tiċċelebraw festa għalija. 15 Tridu tagħmlu l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira. Bħalma kkmandajtkom, tridu tieklu l-ħobż bla ħmira għal sebat ijiem fiż-żmien li għedtilkom, fix-xahar taʼ Abib,* għaliex f’dak iż-żmien ħriġtu mill-Eġittu. Ħadd m’għandu jidher quddiemi b’idu vojta. 16 Ukoll, tridu tagħmlu l-Festa tal-Ħsad* tal-ewwel prodott li żrajtu fl-għalqa, u l-Festa tal-Ġbir* fl-aħħar tas-sena meta tiġbru l-prodott mill-għalqa. 17 Tliet darbiet fis-sena l-irġiel kollha tagħkom għandhom jidhru quddiemi, Ġeħova l-Mulej il-veru.

18 “Toffrulix id-demm tas-sagrifiċċju maʼ xi ħaġa li jkun fiha l-ħmira. U dak li jibqaʼ mis-sagrifiċċji tax-xaħam li toffruli fil-festi tiegħi m’għandux jitħalla l-lejl kollu sa filgħodu.

19 “Tridu ġġibu l-aqwa mill-ewwel prodott tal-art tagħkom fid-dar tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom.

“Tgħallux gidi f’ħalib ommu.

20 “Qed nibgħat anġlu qabilkom biex jipproteġikom fit-triq u jwassalkom fil-post li ppreparajt għalikom. 21 Isimgħu minn kliemu u obduh. Tirribellawx kontrih, għax ma jaħfrilkomx in-nuqqasijiet tagħkom, għax hu jaġixxi f’ismi. 22 Madankollu, jekk tobdu kliemu f’kollox u tagħmlu kulma ngħidilkom, jien inkun għadu tal-għedewwa tagħkom u niħodha kontra dawk li jiħduha kontrikom. 23 Għax l-anġlu tiegħi jmur qabilkom u jwassalkom għand l-Amurrin, il-Ħittin, il-Pereżin, il-Kangħanin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin, u jien neqridhom għalkollox. 24 Tmilux quddiem l-allat tagħhom, tiġux mħajrin biex taqduhom, u timitawx il-prattiki tagħhom. Minflok, għandkom tkissru l-idoli u l-pilastri sagri tagħhom. 25 Intom għandkom taqdu lili, Ġeħova l-Alla tagħkom, u jien inbierek il-ħobż u l-ilma tagħkom. Jien inneħħi l-mard minn fostkom. 26 Ma jkunx hemm mara f’artkom li tkorri jew li ma jistax ikollha tfal. U jien nagħtikom ħajja twila.

27 “Qabel ma taslu se nġegħelhom jibżgħu minni, u jien inħawwad lin-nies kollha li jiġġieldu kontrikom, u nġiegħel lill-għedewwa kollha tagħkom jaħarbu minnkom.* 28 U nġegħelhom iħossuhom skuraġġiti* qabel ma taslu, u b’hekk inkeċċi minn quddiemkom lill-Ħiwwin, lill-Kangħanin, u lill-Ħittin. 29 Mhux se nkeċċihom minn quddiemkom f’sena waħda, biex l-art ma ssirx ħerba u biex l-annimali slavaġ ma jiżdidux sew kontrikom. 30 Inkeċċihom minn quddiemkom ftit ftit, sakemm tiżdiedu u tieħdu l-art f’idejkom.

31 “U nqiegħed il-fruntieri tagħkom mill-Baħar l-Aħmar sal-baħar tal-Filistin u mid-deżert sax-Xmara.* Għax jien se nagħtikom f’idejkom in-nies taʼ din l-art, u intom tkeċċuhom minn quddiemkom. 32 M’għandkomx tagħmlu patt magħhom jew m’allathom. 33 M’għandhomx jgħixu f’artkom, biex ma jġegħlukomx tidinbu kontrija. Jekk tqimu l-allat tagħhom, dan żgur isir nassa għalikom.”

24 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Itlaʼ għandi m’Aron, Nadab u Abiħu, u 70 mill-anzjani* t’Iżrael, u milu mill-bogħod. 2 Mosè, int biss għandek tersaq lejja, Ġeħova, imma l-oħrajn m’għandhomx jersqu, u l-poplu m’għandux jitlaʼ miegħek.”

3 U Mosè mar u qal lin-nies il-kliem kollu taʼ Ġeħova u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha, u n-nies kollha wieġbu b’leħen wieħed: “Aħna lesti li nagħmlu dak kollu li qal Ġeħova.” 4 Għalhekk, Mosè niżżel bil-miktub il-kliem kollu taʼ Ġeħova. Imbagħad qam kmieni filgħodu u fin-naħa t’isfel tal-muntanja bena artal u 12-il pilastru li jirrappreżentaw lit-12-il tribù t’Iżrael. 5 Wara dan, għażel xi rġiel Iżraelin żgħażagħ u dawn offrew offerti tal-ħruq u offrew barrin bħala sagrifiċċji tal-paċi lil Ġeħova. 6 Imbagħad Mosè ħa nofs id-demm u poġġieh fi skutelli, u l-bqija tad-demm raxxu fuq l-artal. 7 Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt u qrah b’leħen għoli lin-nies. U huma qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qal Ġeħova u se nobduh.” 8 Għalhekk, Mosè ħa d-demm u raxxu fuq in-nies u qal: “Dan hu d-demm tal-patt li Ġeħova għamel magħkom fi qbil mal-kliem kollu li għadkom kemm smajtu.”

9 Mosè u Aron, Nadab u Abiħu, u 70 mill-anzjani t’Iżrael telgħu, 10 u raw lill-Alla t’Iżrael. U taħt saqajh kien hemm xi ħaġa li kienet qisha art magħmula miż-żaffir u kienet pura bħas-sema bla sħab. 11 Hu ma kkastigax lill-irġiel importanti t’Iżrael, avolja raw viżjoni tal-Alla l-veru u kielu u xorbu.

12 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Itlaʼ ħdejja fuq il-muntanja u oqgħod hemmhekk. Jien se nagħtik it-twavel tal-ġebel bil-liġijiet u l-kmandamenti li se nikteb fuqhom biex ngħallem il-poplu.” 13 Għalhekk, Mosè u l-qaddej tiegħu Ġożwè bdew telgħin il-muntanja. Imbagħad Mosè kompla tielaʼ fuq il-muntanja tal-Alla l-veru. 14 Imma lill-anzjani kien qalilhom: “Stennewna hawn sakemm niġu lura ħdejkom. Għandkom lil Aron u Ħur magħkom. Kull min ikollu każ legali, jistaʼ jmur għandhom.” 15 Imbagħad Mosè telaʼ fuq il-muntanja waqt li s-sħaba kienet qed tgħattiha.

16 Il-glorja taʼ Ġeħova baqgħet fuq il-Muntanja Sinaj, u s-sħaba għattietha għal sitt ijiem. Fis-sebaʼ jum hu għajjat lil Mosè minn nofs is-sħaba. 17 U għall-Iżraelin li kienu qed josservaw, il-glorja taʼ Ġeħova dehret bħal nar li jeqred fuq il-quċċata tal-muntanja. 18 Imbagħad Mosè daħal fis-sħaba u kompla tielaʼ fuq il-muntanja. U Mosè baqaʼ 40 jum u 40 lejl fuq il-muntanja.

25 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: 2 “Għid lin-nies t’Iżrael biex jiġbruli kontribuzzjoni. Għandkom tiġbruha mingħand kull min jixtieq jagħti. 3 Din hi l-kontribuzzjoni li għandkom taċċettaw mingħandhom: deheb, fidda, ram, 4 ħajt blu, suf vjola,* ħajt aħmar jgħajjat,* għażel fin, xagħar tal-mogħoż, 5 ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, ġlud tal-bumerin, injam tal-akaċja, 6 żejt għal-lampi, balzmu għaż-żejt tad-dlik u għall-inċens ifuħ, 7 u ħaġar tal-oniċi u ħaġar ieħor biex jitqiegħdu fuq l-efod* u l-pettoral.* 8 Għandhom jagħmluli santwarju, u jien ngħix f’nofshom. 9 It-tabernaklu u l-għamara u l-għodda kollha tiegħu jridu jsiru eżatt bħall-mudell* li qed nurik.

10 “Għandhom jagħmlu arka* mill-injam tal-akaċja, twila żewġ kubiti* u nofs, wiesgħa kubitu u nofs, u għolja kubitu u nofs. 11 Imbagħad iksiha b’deheb pur. Trid tiksiha minn ġewwa u minn barra, u tagħmlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 12 U tagħmlilha erbaʼ ħolqiet mid-deheb u tpoġġihom ’il fuq mill-erbaʼ saqajn tagħha, ħolqa f’kull kantuniera. 13 U tagħmel lasti mill-injam tal-akaċja u tiksihom bid-deheb. 14 U tgħaddi l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub tal-Arka sabiex tinġarr bihom. 15 Il-lasti għandhom jibqgħu fil-ħoloq tal-Arka. M’għandhomx jitneħħew minnha. 16 U fl-Arka trid tqiegħed it-Testimonjanza* li se nagħtik.

17 “U tagħmel għatu tad-deheb pur, twil żewġ kubiti u nofs u wiesaʼ kubitu u nofs. 18 Għandek tagħmel żewġ kerubini tad-deheb. Iridu jkunu maħdumin bil-martell fuq iż-żewġt itruf tal-għatu. 19 Agħmel il-kerubini fuq iż-żewġt itruf, wieħed fuq kull tarf tal-għatu. 20 Il-kerubini jridu jkunu biż-żewġ ġwienaħ tagħhom miftuħin ’il fuq, jgħattu l-għatu bi ġwinħajhom, u jkunu faċċata taʼ xulxin. L-uċuħ tal-kerubini jkunu jħarsu lejn l-għatu. 21 Int tqiegħed l-għatu fuq l-Arka, u fl-Arka tqiegħed it-Testimonjanza li se nagħtik. 22 U nidhirlek hemmhekk u nkellmek minn fuq l-għatu. Minn bejn iż-żewġ kerubini li qegħdin fuq l-arka tat-Testimonjanza nagħtik il-kmandamenti kollha li għandek tgħaddi lill-Iżraelin.

23 “Tagħmel ukoll mejda mill-injam tal-akaċja, twila żewġ kubiti, wiesgħa kubitu, u għolja kubitu u nofs. 24 Trid tiksiha b’deheb pur u tagħmlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 25 U tagħmlilha xifer mad-dawra kollha daqs il-wisaʼ taʼ id* u bordura tad-deheb mad-dawra kollha tax-xifer. 26 Tagħmel għaliha erbaʼ ħolqiet tad-deheb u tpoġġihom fl-erbaʼ kantunieri fejn hemm l-erbaʼ saqajn imwaħħlin. 27 Il-ħoloq għandhom ikunu qrib ix-xifer biex jidħlu l-lasti fihom ħalli tinġarr il-mejda. 28 Il-lasti tagħmilhom mill-injam tal-akaċja, tiksihom bid-deheb, u ġġorr il-mejda bihom.

29 “Tagħmel ukoll il-platti, it-tazzi, il-buqari, u l-iskutelli tagħha li bihom iferrgħu l-offerti tax-xorb. Għandek tagħmilhom tad-deheb pur. 30 U tpoġġi l-ħobż tal-preżenza fuq il-mejda quddiemi l-ħin kollu.

31 “Tagħmel gandlier tad-deheb pur. Il-gandlier għandu jinħadem bil-martell. Il-bażi, iz-zokk, il-friegħi, il-fjuri, il-boċċi, u l-petali tiegħu għandhom ikunu magħmulin minn biċċa waħda. 32 U sitt fergħat joħorġu mill-ġnub tal-gandlier, tliet fergħat minn ġenb wieħed u tliet fergħat mill-ġenb l-ieħor. 33 Tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż ikunu fuq il-friegħi taʼ ġenb wieħed, bil-boċċi u l-petali bejniethom, u tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż ikunu fuq il-friegħi tal-ġenb l-ieħor, bil-boċċi u l-petali bejniethom. Hekk għandhom joħorġu s-sitt fergħat miz-zokk tal-gandlier. 34 U fuq iz-zokk tal-gandlier ikun hemm erbaʼ fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż, bil-boċċi u l-petali tiegħu bejniethom. 35 Ikun hemm boċċa taħt l-ewwel żewġ fergħat li joħorġu miz-zokk, boċċa taħt iż-żewġ fergħat li jmiss, u boċċa taħt iż-żewġ fergħat taʼ wara, għas-sitt fergħat li joħorġu miz-zokk. 36 Il-boċċi, il-friegħi, u l-gandlier kollu għandhom ikunu minn biċċa deheb pur waħda u maħduma bil-martell. 37 Tagħmillu sebaʼ lampi, u meta l-lampi jkunu mixgħulin, dawn idawlu l-parti taʼ quddiemu. 38 L-imqassijiet u r-reċipjenti għall-ftejjel maħruqin tiegħu jridu jkunu tad-deheb pur. 39 Il-gandlier u dawn l-għodod għandhom isiru minn talent* deheb pur. 40 U qis li tagħmilhom skont il-mudell* li qed nurik fuq il-muntanja.

26 “It-tabernaklu għandek tagħmlu b’għaxar biċċiet drapp tat-tined tal-għażel fin, ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat. Għandek tagħmilhom b’disinji taʼ kerubini rrakkmati. 2 Kull biċċa drapp tkun twila 28 kubitu* u wiesgħa erbaʼ kubiti. Id-drapp kollu għandu jkun l-istess qies. 3 Għaqqad ħames biċċiet drapp waħda m’oħra biex tiġi biċċa drapp kbira u agħmel l-istess bil-ħames biċċiet drapp l-oħra. Hekk ikollok biċċtejn drapp kbar. 4 Fuq kull biċċa drapp kbira, mat-tarf tal-ġenb, ħit ħoloq mill-ħajt blu sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jingħaqdu flimkien. 5 Tagħmel 50 ħolqa fuq biċċa waħda mid-drapp tat-tined, u 50 ħolqa f’tarf il-biċċa l-oħra tad-drapp tat-tined sabiex ikunu faċċata taʼ xulxin fejn jingħaqdu. 6 Agħmel 50 ganċ tad-deheb u għaqqad id-drappijiet tat-tined ma’ xulxin bil-ganċijiet, u b’hekk isiru biċċa drapp waħda għat-tabernaklu.

7 “Int tagħmel ukoll biċċiet tad-drapp mix-xagħar tal-mogħoż għat-tinda taʼ fuq it-tabernaklu. Tagħmel 11-il biċċa drapp tat-tined. 8 Kull biċċa drapp trid tkun twila 30 kubitu, u wiesgħa erbaʼ kubiti. Il-11-il biċċa drapp iridu jkunu l-istess qies. 9 U minnhom għaqqad ħames biċċiet flimkien u agħmel l-istess bis-sitta l-oħra, u itwi min-nofs is-sitt waħda li tgħatti l-parti taʼ quddiem tat-tinda. 10 Agħmel 50 ħolqa fit-tarf taʼ waħda mid-drappijiet tat-tinda, fit-tarf nett tal-biċċa drapp kbira, u 50 ħolqa fit-tarf tal-biċċa drapp l-oħra fejn jingħaqdu flimkien. 11 Agħmel 50 ganċ tar-ram u poġġi l-ganċijiet fil-ħoloq u għaqqad id-drappijiet tat-tinda flimkien, u b’hekk isiru biċċa drapp waħda għat-tabernaklu. 12 U nofs dak li jifdal mid-drappijiet tat-tinda jrid jiddendel għal fuq in-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 13 Il-kumplament tat-tul tad-drappijiet tat-tinda jrid jiddendel għal fuq it-tabernaklu kubitu fuq kull naħa, biex ikun mgħotti.

14 “Trid tgħatti t-tinda wkoll b’materjal magħmul mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor meħjutin flimkien u fuqhom qiegħed materjal magħmul mill-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien.

15 “U agħmel frejms weqfin magħmulin minn twavel tal-injam tal-akaċja għat-tabernaklu. 16 Kull frejm ikun twil għaxar kubiti u wiesaʼ kubitu u nofs. 17 Kull frejm ikollu żewġ minċotti* mwaħħlin bi dritt xulxin. Hekk għandek tagħmilhom il-frejms kollha tat-tabernaklu. 18 Trid tagħmel 20 frejm għan-naħa tax-xellug* tat-tabernaklu.

19 “Trid tagħmel 40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom taħt l-20 frejm: żewġ pedestalli taħt kull frejm għaż-żewġ minċotti tiegħu. 20 U għall-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, in-naħa tal-lemin,* agħmel 20 frejm 21 bl-40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm. 22 Għan-naħa taʼ wara* tat-tabernaklu, tagħmel sitt frejms magħmulin mit-twavel. 23 U tagħmel żewġ frejms bħala pilastri għaż-żewġ kantunieri tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 24 Dawn il-frejms għandu jkollhom żewġ twavel minn isfel sa fuq, li jmissu flimkien fejn hemm l-ewwel ħolqa. Għandhom ikunu hekk it-tnejn li huma u jifformaw iż-żewġ pilastri tal-kantunieri. 25 U jkun hemm tmien frejms bis-16-il pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm.

26 “U agħmel lasti mill-injam tal-akaċja, ħamsa għall-frejms taʼ ġenb wieħed tat-tabernaklu, 27 ħamsa għall-frejms tal-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, u ħamsa għall-frejms tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 28 U l-lasta tan-nofs, li tgħaddi minn nofs il-frejms, trid tkun minn tarf sa tarf.

29 “Trid tiksi bid-deheb il-frejms magħmulin mit-twavel, u tagħmlilhom ħoloq tad-deheb biex iżommu l-lasti, u tiksi l-lasti bid-deheb. 30 U tagħmel it-tabernaklu skont il-pjanta li wrejtek fuq il-muntanja.

31 “U agħmel purtiera minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Trid issir bil-kerubini rrakkmati fiha. 32 Dendilha fuq erbaʼ kolonni tal-akaċja miksijin bid-deheb. Il-ganċijiet tagħhom għandhom ikunu tad-deheb. Il-kolonni jridu jitpoġġew fuq erbaʼ pedestalli tal-fidda b’toqba fihom. 33 U dendel il-purtiera mal-ganċijiet u qiegħed l-arka tat-Testimonjanza ’l ġewwa mill-purtiera. Il-purtiera tifred il-Qaddis mill-Iktar Qaddis. 34 Qiegħed l-għatu fuq l-arka tat-Testimonjanza fl-Iktar Qaddis.

35 “Trid tqiegħed il-mejda ’l barra mill-purtiera, bil-gandlier faċċata tal-mejda lejn ix-xellug tat-tabernaklu, u l-mejda tpoġġiha fin-naħa tal-lemin. 36 U agħmel purtiera għad-daħla tat-tabernaklu minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin minsuġin kollha flimkien. 37 Għall-purtiera tad-daħla, agħmel ħames kolonni tal-akaċja u iksihom bid-deheb. Il-ganċijiet tagħhom għandhom ikunu tad-deheb, u agħmel ħames pedestalli tar-ram bit-toqob fihom għall-kolonni.

27 “U agħmel l-artal mill-injam tal-akaċja twil ħames kubiti* u wiesaʼ ħames kubiti. L-artal għandu jkun kwadru u għoli tliet kubiti. 2 Agħmel qarn fuq kull kantuniera tiegħu. L-erbat iqrun ikunu parti mill-artal u tiksi l-artal bir-ram. 3 Agħmel bramel biex titfaʼ l-irmied* fihom, u agħmel ukoll pali, skutelli, frieket, u reċipjenti għall-ġamar. Dawn l-għodod kollha tagħmilhom tar-ram. 4 Agħmel gradilja tar-ram għall-artal, u agħmel erbaʼ ħolqiet tar-ram fl-erbaʼ kantunieri tagħha. 5 U trid tpoġġi l-gradilja taħt ix-xifer tal-artal u din trid tasal sa nofs l-għoli tal-artal. 6 Trid tagħmel lasti għall-artal mill-injam tal-akaċja u tiksihom bir-ram. 7 Il-lasti jridu jidħlu ġol-ħoloq biex ikun hemm lasta fuq naħa u lasta fuq in-naħa l-oħra tal-artal meta jinġarr. 8 L-artal tagħmlu forma taʼ kaxxa magħmula mit-twavel u vojt minn ġewwa. Irid isir eżatt bħalma wrejtek fuq il-muntanja.

9 “Int se tagħmel il-bitħa tat-tabernaklu. Għan-naħa tax-xellug,* il-bitħa se jkollha mdendlin purtieri tal-għażel fin, twal 100 kubitu. 10 Ikollha 20 pilastru b’20 pedestall tar-ram b’toqba fihom. Il-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom ikunu tal-fidda. 11 Il-purtieri mdendlin għan-naħa tal-lemin* ukoll ikunu twal 100 kubitu, u jkollhom 20 pilastru u 20 pedestall tar-ram b’toqba fihom, b’ganċijiet u rbit* tal-fidda għall-pilastri. 12 Tul il-wisaʼ tal-bitħa, fin-naħa taʼ wara,* irid ikun hemm purtieri mdendlin twal 50 kubitu, b’għaxar pilastri u għaxar pedestalli b’toqba fihom. 13 Il-wisaʼ tal-bitħa tan-naħa taʼ quddiem* tkun 50 kubitu. 14 Ikun hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin fuq naħa waħda, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom. 15 U għan-naħa l-oħra, ikun hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom.

16 “Id-daħla tal-bitħa għandu jkollha purtiera twila 20 kubitu u magħmula minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin minsuġin kollha flimkien. Ikollha erbaʼ pilastri bl-erbaʼ pedestalli tagħhom. 17 Il-pilastri kollha madwar il-bitħa jkollhom irbit u ganċijiet tal-fidda, imma l-pedestalli tagħhom ikunu tar-ram. 18 Il-bitħa tkun twila 100 kubitu u wiesgħa 50 kubitu, u l-purtieri tal-għażel fin madwar il-bitħa jkunu għoljin ħames kubiti, u jrid ikollha pedestalli tar-ram. 19 L-għodod kollha li jintużaw fis-servizz tat-tabernaklu, kif ukoll l-imsiemer tat-tinda tiegħu u l-imsiemer kollha tal-bitħa, iridu jkunu tar-ram.

20 “Għandek tikkmanda lill-Iżraelin biex iġibulek żejt taż-żebbuġa pur għad-dwal, sabiex il-lampi jinżammu mixgħulin il-ħin kollu. 21 Fit-tinda tal-laqgħa, ’il barra mill-purtiera taʼ ħdejn it-Testimonjanza, Aron u t-tfal tiegħu se jieħdu ħsieb li l-lampi jibqgħu mixgħulin minn filgħaxija sa filgħodu quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. Din hi liġi għal żmien twil għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom, u l-Iżraelin iridu jżommu magħha.

28 “U minn fost l-Iżraelin għandek iġġib lil ħuk Aron, flimkien mat-tfal tiegħu, sabiex jaqdi bħala qassis għalija, Aron flimkien mat-tfal tiegħu Nadab u Abiħu, Elegħażar u Itamar. 2 Agħmel ħwejjeġ qaddisa għal ħuk Aron biex ikunu taʼ glorja u ġmiel għalih. 3 Għandek tkellem lil dawk kollha li huma tas-sengħa,* lil dawk li tajthom l-għerf,* u huma jagħmlu l-ħwejjeġ t’Aron sabiex ikun iddedikat lili* u jaqdi bħala qassis għalija.

4 “Dawn huma l-ħwejjeġ li jridu jagħmlu: pettoral,* efod,* libsa bla kmiem, libsa twila ċċangjata, turban, u terħa. Iridu jagħmlu dawn il-ħwejjeġ qaddisa għal ħuk Aron u għat-tfal tiegħu, sabiex hu jaqdi bħala qassis għalija. 5 Il-ħaddiema tas-sengħa jużaw id-deheb, il-ħajt blu, is-suf vjola, il-ħajt aħmar jgħajjat, u l-għażel fin.

6 “L-efod iridu jagħmluh mid-deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Dan irid ikun irrakkmat. 7 Irid ikollu biċċtejn għal fuq l-ispallejn biex jorbtu l-parti taʼ quddiem maʼ taʼ wara minn fuq. 8 Iċ-ċinturin minsuġ, li hu mqabbad mal-efod biex iżommu f’postu, irid ikun tal-istess materjal: deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin.

9 “Ħu żewġ ħaġriet tal-oniċi u naqqax fuqhom l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael, 10 sitt ismijiet fuq ħaġra u s-sitt ismijiet li jibqaʼ fuq il-ħaġra l-oħra, skont l-ordni taʼ meta twieldu. 11 Wieħed li jnaqqax il-ħaġar għandu jnaqqax l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael fuq iż-żewġ ħaġriet bħalma kieku jnaqqax siġill. Imbagħad trid tagħmel deheb mad-dawra tagħhom biex iżommhom f’posthom. 12 U tqiegħed iż-żewġ ħaġriet fuq il-biċċiet taʼ fuq l-ispallejn tal-efod bħala ħaġar taʼ tifkira għat-tfal t’Iżrael, u Aron irid iġorr l-ismijiet tagħhom quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, fuq iż-żewġ biċċiet taʼ fuq spallejh bħala tifkira. 13 Agħmel deheb mad-dawra tal-ħaġar biex iżommu f’postu, 14 u waħħal miegħu żewġ ħbula magħmulin minn ħajt tad-deheb pur.

15 “Trid tqabbad wieħed li jirrakkma biex jagħmel il-pettoral tal-ġudizzju. Dan irid ikun bħall-efod, magħmul mid-deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. 16 Għandu jkun kwadru meta jkun mitwi fi tnejn, twil xiber* u wiesaʼ xiber. 17 U trid twaħħal miegħu ħaġar prezzjuż, u jkun hemm erbaʼ ringieli taʼ ħaġar prezzjuż. L-ewwel ringiela jkun fiha rubin, topazju, u żmerald. 18 It-tieni ringiela turkina, żaffir, u djaspru. 19 It-tielet ringiela lesem,* agata, u ametist. 20 Ir-rabaʼ ringiela krisolitu, oniċi, u ġada. Dawn għandu jkollhom deheb mad-dawra tagħhom biex iżommhom f’posthom. 21 Ikun hemm ħaġra prezzjuża għal kull wieħed mit-tfal t’Iżrael. Kull ħaġra prezzjuża tiġi mnaqqxa, bħalma jiġi mnaqqax siġill, b’isem taʼ wieħed mit-12-il tribù.

22 “Fuq il-pettoral agħmel ħbula magħmulin minn ħajt tad-deheb pur. 23 U agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb għall-pettoral u qabbadhom maż-żewġt itruf tal-pettoral. 24 U għaddi ż-żewġ ħbula tad-deheb miż-żewġ ħolqiet fit-truf tal-pettoral. 25 Trid tgħaddi ż-żewġt itruf taż-żewġ ħbula miż-żewġ dwawar, u tqabbadhom mal-biċċiet taʼ fuq l-ispallejn tal-efod, fuq in-naħa taʼ quddiem. 26 Agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb u qabbadhom maż-żewġt itruf tal-pettoral fuq in-naħa taʼ ġewwa li tmiss mal-efod. 27 U agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb oħra fuq in-naħa taʼ quddiem tal-efod, taħt iż-żewġ biċċiet taʼ fuq l-ispallejn, viċin taʼ fejn jintrabat, ’il fuq miċ-ċinturin minsuġ tal-efod. 28 Il-pettoral irid jinżamm f’postu b’lazz blu li jorbot il-ħoloq tiegħu mal-ħoloq tal-efod. Dan se jżomm il-pettoral f’postu fuq l-efod, ’il fuq miċ-ċinturin minsuġ.

29 “Aron irid iġorr l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael fuq il-pettoral tal-ġudizzju fuq sidru* meta jidħol fil-Qaddis bħala tifkira dejjiema quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. 30 Int tqiegħed l-Urim u t-Tummim* fil-pettoral tal-ġudizzju, u jkunu fuq sider* Aron meta jidħol quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. Aron irid iġorr dawn l-affarijiet fuq sidru* quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, il-ħin kollu biex jagħmel ġudizzji għall-Iżraelin.

31 “Il-libsa bla kmiem li tintlibes taħt l-efod trid tagħmilha kollha tal-ħajt blu. 32 U jkollha fetħa fejn tidħol ir-ras fin-nofs tagħha. Il-fetħa għandu jkollha bordura minsuġa mad-dawra kollha minn xi ħadd li jinseġ bin-newl. Għandha tkun bħall-fetħa taʼ kurazza sabiex ma titqattax. 33 Agħmel rummien tal-ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat madwar il-keffa kollha, u bejniethom agħmel qniepen żgħar tad-deheb. 34 Għandek tagħmel qanpiena żgħira tad-deheb u rummiena, qanpiena żgħira tad-deheb u rummiena madwar il-keffa kollha tal-libsa bla kmiem. 35 U għandu jilbisha Aron sabiex jaqdi bħala qassis, u l-ħoss li tagħmel irid jinstemaʼ meta jidħol fis-santwarju quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, u meta joħroġ, għax inkella jmut.

36 “Agħmel strixxa tleqq tad-deheb pur u naqqax fuqha bħalma wieħed inaqqax fuq siġill: ‘Il-qdusija hi taʼ Ġeħova.’ 37 Orbotha mat-turban b’lazz blu. Din għandha tibqaʼ fuq in-naħa taʼ quddiem tat-turban. 38 Din tkun fuq moħħ Aron, u Aron irid iġorr ir-responsabbiltà meta xi ħadd jiżbalja kontra l-affarijiet qaddisin, li l-Iżraelin iqaddsu meta joffruhom bħala rigali qaddisin. Trid tkun dejjem fuq moħħu, sabiex jiksbu l-approvazzjoni quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom.

39 “Inseġ il-libsa twila ċċangjata tal-għażel fin, agħmel turban tal-għażel fin, u agħmel terħa minsuġa.

40 “Tagħmel ukoll ilbiesi twal, trieħi, u traban* għat-tfal t’Aron, għall-glorja u l-ġmiel. 41 Libbes lil ħuk Aron u lit-tfal tiegħu flimkien, idlikhom,* inkarigahom,* u ddedikahom lili,* u huma jaqdu bħala qassisin għalija. 42 Agħmlilhom ukoll qliezet qosra* tal-għażel biex jgħattu l-partijiet privati tagħhom. Għandhom ikunu minn ġenbejhom sa koxxtejhom. 43 Aron u t-tfal tiegħu jridu jilbsuhom meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew meta jersqu lejn l-artal biex jaqdu fil-post qaddis, sabiex ma jġibux ħtija fuqhom u jmutu. Din hi liġi għal dejjem għalih u għat-tfal tiegħu warajh.

29 “Qaddishom ħalli jaqdu bħala qassisin għalija billi tagħmel hekk: Ħu barri żgħir,* żewġ imtaten bla difett, 2 ħobż bla ħmira, ħobż bla ħmira forma taʼ ftira mħallat biż-żejt, u galletti bla ħmira biż-żejt fuqhom. Trid tagħmilhom mid-dqiq fin tal-qamħ 3 u tpoġġihom f’qoffa u ġġibhom quddiemi flimkien mal-barri u ż-żewġ imtaten.

4 “Int iġġib lil Aron u lit-tfal tiegħu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa u taħsilhom bl-ilma. 5 Imbagħad libbes lil Aron il-libsa twila, il-libsa bla kmiem tal-efod,* l-efod, u l-pettoral,* u orbot sew iċ-ċinturin minsuġ tal-efod maʼ qaddu. 6 Qegħedlu t-turban fuq rasu u poġġi s-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni* fuq it-turban, 7 u ħu ż-żejt tad-dlik, ferrgħu fuq rasu, u inkarigah.

8 “Imbagħad ġib lit-tfal tiegħu quddiemi u libbishom l-ilbiesi twal 9 u dawwar it-trieħi m’Aron kif ukoll mat-tfal tiegħu, u poġġilhom it-turban* tagħhom, u huma jkunu qassisin, din hi l-liġi tiegħi għal dejjem. B’dan il-mod għandek tinkariga lil Aron u lit-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin.*

10 “Imbagħad tippreżenta l-barri quddiem it-tinda tal-laqgħa, u Aron u t-tfal tiegħu jqiegħdu jdejhom fuq ras il-barri. 11 Oqtol il-barri quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 12 Ħu ftit mid-demm tal-barri fuq sebgħek u poġġih fuq il-qrun tal-artal, u dak kollu li jibqaʼ mid-demm ferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal. 13 Imbagħad ħu x-xaħam kollu li jiksi l-imsaren, ix-xaħam taʼ mal-fwied, u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam taʼ fuqhom, u aħraqhom* fuq l-artal. 14 Imma l-laħam tal-barri, il-ġilda tiegħu, u l-ħmieġ tiegħu taħraqhom bin-nar ’il barra mill-kampijiet. Din hi offerta għad-dnub.

15 “Imbagħad ħu wieħed mill-imtaten, u Aron u t-tfal tiegħu jqiegħdu jdejhom fuq rasu. 16 Oqtlu u ħu demmu u roxxu fuq kull naħa tal-artal. 17 Qattaʼ l-muntun kull biċċa għaliha, u aħsel imsarnu u saqajh* u qiegħed il-biċċiet flimkien maʼ rasu fuq l-artal. 18 Aħraq il-muntun kollu kemm hu fuq l-artal. Din hi offerta tal-ħruq għalija, Ġeħova, u r-riħa tagħha hi pjaċevoli għalija.* Hi offerta li tiġi maħruqa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.

19 “Imbagħad ħu l-muntun l-ieħor, u Aron u t-tfal tiegħu jqiegħdu jdejhom fuq rasu. 20 Oqtlu u ħu ftit minn demmu u poġġih fuq id-dendula tal-widna l-leminija t’Aron u fuq id-dendula tal-widna l-leminija tat-tfal tiegħu, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ idhom il-leminija u s-subaʼ l-kbir taʼ sieqhom il-leminija, u roxx id-demm fuq kull naħa tal-artal. 21 Imbagħad ħu ftit mid-demm li hemm fuq l-artal u ftit miż-żejt tad-dlik, u roxxhom fuq Aron u l-ħwejjeġ tiegħu, u fuq it-tfal tiegħu u l-ħwejjeġ tagħhom. B’hekk, huma u l-ħwejjeġ tagħhom ikunu qaddisin.

22 “Imbagħad mill-muntun ħu x-xaħam, id-denb oħxon, ix-xaħam li jiksi l-imsaren, ix-xaħam taʼ mal-fwied, iż-żewġ kilwiet u x-xaħam taʼ fuqhom, u s-sieq il-leminija, għax hu muntun offrut biex jiġu inkarigati l-qassisin. 23 Ħu wkoll ħobża tonda u ħobża biż-żejt forma taʼ ftira u galletta mill-qoffa tal-ħobż bla ħmira li qiegħda quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. 24 Trid tpoġġihom kollha fuq idejn Aron u fuq idejn it-tfal tiegħu, u xxejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. 25 Imbagħad ħudhom minn idejhom u aħraqhom fuq l-artal, fuq l-offerta tal-ħruq bħala riħa pjaċevoli* quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. Din hi offerta li tiġi maħruqa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.

26 “Imbagħad mill-muntun offrut biex Aron jiġi inkarigat bħala qassis, ħu s-sidra u xejjirha ’l quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, u din issir sehmek. 27 Qaddes is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq tas-sehem sagru li ġiet imxejra u li ttieħdet mill-muntun offrut biex jiġu inkarigati Aron u t-tfal tiegħu bħala qassisin. 28 U jsiru t’Aron u tat-tfal tiegħu b’regola għal dejjem li l-Iżraelin għandhom iżommu magħha, għaliex huma sehem sagru li l-Iżraelin għandhom jagħtu. Huma s-sehem sagru tagħhom għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom, mis-sagrifiċċji tal-paċi tagħhom.

29 “Il-ħwejjeġ qaddisa t’Aron se jintużaw mit-tfal tiegħu warajh meta jiġi mferraʼ ż-żejt fuqhom u jiġu inkarigati bħala qassisin. 30 Il-qassis minn fost it-tfal tiegħu li jilħaq minfloku u li jidħol fit-tinda tal-laqgħa biex jaqdi fil-post qaddis, jilbes dawn il-ħwejjeġ għal sebat ijiem.

31 “Int tieħu l-muntun offrut biex jiġu inkarigati l-qassisin u tgħalli l-laħam tiegħu f’post qaddis. 32 Aron u t-tfal tiegħu jieklu l-laħam tal-muntun u l-ħobż li jkun fil-qoffa fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 33 U jieklu dak li bih tkun saret it-tpattija biex jiġu inkarigati bħala qassisin* u biex jitqaddsu. Imma ebda individwu mhux awtorizzat* ma jistaʼ jieklu, għaliex hu xi ħaġa qaddisa. 34 Jekk xi laħam mis-sagrifiċċju li ġie offrut u xi ħobż jibqgħu sa filgħodu, trid taħraqhom bin-nar. M’għandhomx jittieklu, għaliex huma xi ħaġa qaddisa.

35 “Lil Aron u lit-tfal tiegħu għandek tagħmlilhom skont kulma kkmandajtek. Trid tieħu sebat ijiem biex tinkarigahom bħala qassisin.* 36 Kuljum għandek toffri barri bħala offerta għad-dnub biex tpatti għad-dnubiet, u b’hekk tippurifika l-artal mid-dnub. Barra minn hekk, għandek tferraʼ ż-żejt fuq l-artal biex tqaddsu. 37 Trid tieħu sebat ijiem biex tagħmel tpattija għall-artal, u trid tqaddsu biex isir artal mill-iktar qaddis. Kull min imiss l-artal għandu jkun qaddis.

38 “Għandek toffri fuq l-artal żewġ imtaten taʼ sena kuljum, b’mod regolari. 39 Offri muntun minnhom filgħodu u l-ieħor bejn inżul ix-xemx u d-dlam. 40 Mal-ewwel muntun, jiġu offruti għaxra fil-100 taʼ kejl t’efa* dqiq fin imħallat maʼ kwart taʼ ħinn* żejt taż-żebbuġa, u offerta tax-xorb taʼ kwart taʼ ħinn inbid. 41 Għandek toffri t-tieni muntun bejn inżul ix-xemx u d-dlam, flimkien mal-istess offerti taċ-ċereali* u tax-xorb bħal taʼ filgħodu. Toffrihom bħala riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom. 42 Din għandha tkun offerta tal-ħruq regolari matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, fejn se nidher biex inkellmek.

43 “Jien nidher hemmhekk lill-Iżraelin, u l-post jitqaddes bil-glorja tiegħi. 44 Inqaddes it-tinda tal-laqgħa u l-artal, u nqaddes lil Aron u lit-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin għalija. 45 Jien se ngħix fost il-poplu t’Iżrael, u nkun l-Alla tagħhom. 46 U żgur li jkunu jafu li jien Ġeħova l-Alla tagħhom, li ħriġthom mill-art tal-Eġittu sabiex ngħix fosthom. Jien Ġeħova l-Alla tagħhom.

30 “Agħmel artal bħala post biex taħraq l-inċens. Agħmlu mill-injam tal-akaċja. 2 Għandu jkun kwadru, twil kubitu,* wiesaʼ kubitu, u għoli żewġ kubiti. Il-qrun tiegħu jkunu parti minnu. 3 Iksi l-wiċċ, il-ġnub kollha, u l-qrun tiegħu bid-deheb pur u agħmillu bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 4 Tagħmillu wkoll żewġ ħolqiet tad-deheb ’l isfel mill-bordura tiegħu fuq iż-żewġt iġnub faċċata taʼ xulxin. U fihom jidħlu l-lasti biex iġorruh. 5 Il-lasti agħmilhom mill-injam tal-akaċja u iksihom bid-deheb. 6 L-artal poġġih quddiem il-purtiera li qiegħda qrib l-arka tat-Testimonjanza, quddiem l-għatu li qiegħed fuq it-Testimonjanza, fejn se nidhirlek.

7 “Aron għandu jaħraq l-inċens ifuħ fuqu meta jipprepara l-lampi kull filgħodu. 8 Aron għandu jaħraq l-inċens anki meta jixgħel il-lampi bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Din hi offerta tal-inċens regolari quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. 9 Toffrux fuq dan l-artal inċens ipprojbit jew offerta tal-ħruq jew offerta taċ-ċereali,* u tferrgħux offerta tax-xorb fuqu. 10 U Aron irid jagħmel tpattija fuq il-qrun tal-artal darba fis-sena. Bi ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub tat-tpattija, hu jagħmel tpattija għall-artal darba fis-sena matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. L-artal hu mill-iktar qaddis għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.”

11 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 12 “Kull meta tagħmel ċensiment u tgħodd lit-tfal t’Iżrael, kull wieħed irid jagħti fidwa* għalih innifsu lili, Ġeħova l-Alla tagħkom. Dan isir sabiex ebda kastig ma jiġi fuqhom meta jiġu rreġistrati. 13 Dawk kollha li huma rreġistrati jridu jagħtu nofs xekel* skont ix-xekel tal-post qaddis.* Xekel hu daqs 20 gera.* Il-kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom, hi nofs xekel. 14 Kull min hu rreġistrat u għandu minn 20 sena ’l fuq irid jagħti l-kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom. 15 Is-sinjuri m’għandhomx jagħtu iktar minn nofs xekel* u l-foqra m’għandhomx jagħtu inqas minn dan bħala kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom, biex issir tpattija għalihom infushom. 16 U ħu l-flus tal-fidda tat-tpattija mingħand l-Iżraelin u agħtihom għas-servizz tat-tinda tal-laqgħa, sabiex iservu bħala tifkira quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, għall-Iżraelin, biex issir tpattija għalihom infushom.”

17 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u qallu: 18 “Agħmel vaska u bażi għaliha tar-ram. Poġġiha bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u itfaʼ l-ilma fiha. 19 Aron u t-tfal tiegħu jaħslu jdejhom u saqajhom hemm. 20 Meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew meta jersqu ħdejn l-artal biex jaqdu u jagħmlu offerti li jiġu maħruqin lili, Ġeħova l-Alla tagħkom, għandhom jinħaslu bl-ilma, għax inkella jmutu. 21 Huma jaħslu jdejhom u saqajhom, ħalli ma jmutux, u dan iservi bħala regola għalihom għal dejjem, għalih u għat-tfal tiegħu matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom.”

22 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 23 “Imbagħad ħu l-aqwa fwejjaħ: 500 xekel mirra magħquda, 250 xekel kannella tfuħ, 250 xekel qasab aromatiku, 24 500 xekel kassja, skont ix-xekel tal-post qaddis,* u ħinn* żejt taż-żebbuġa. 25 Minnhom agħmel żejt tad-dlik qaddis. Iridu jiġu mħalltin bis-sengħa.* Dan għandu jkun żejt tad-dlik qaddis.

26 “Idlek bih it-tinda tal-laqgħa, l-arka tat-Testimonjanza, 27 il-mejda u l-għodod kollha tagħha, il-gandlier u l-għodod tiegħu, l-artal tal-inċens, 28 l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu, u l-vaska u l-bażi tagħha. 29 U qaddishom biex isiru mill-iktar qaddisin. Kull min imisshom għandu jkun qaddis. 30 U idlek* lil Aron u lit-tfal tiegħu, u qaddishom biex jaqdu bħala qassisin għalija.

31 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Dan għandu jibqaʼ bħala żejt tad-dlik qaddis għalija matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. 32 M’għandux jindilek fuq nies oħrajn, u m’għandkomx tagħmlu taħlita bħalu. Hu xi ħaġa qaddisa. Għandu jibqaʼ bħala xi ħaġa qaddisa għalikom. 33 Kull min jagħmel żejt ifuħ bħalu u jqiegħed ftit minnu fuq xi individwu mhux awtorizzat* irid jiġi maqtul.’”*

34 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Ħu l-istess kwantità minn dawn il-fwejjaħ: qtar tal-istakte, inċens ifuħ, galbanu jfuħ, u inċens abjad pur. 35 Agħmel minnhom inċens. It-taħlita tal-ħwawar trid tkun imħallta bis-sengħa,* immellħa, pura, u qaddisa. 36 Itħan ftit minnha fi trab fin u poġġi ftit minnu quddiem it-Testimonjanza fit-tinda tal-laqgħa, fejn se nidhirlek. Dan l-inċens għandu jkun mill-iktar qaddis għalikom. 37 Ħadd m’għandu jagħmel l-inċens b’din it-taħlita biex jużah hu. Għandek tqisu bħala xi ħaġa qaddisa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom. 38 Kull min jagħmel bħalu biex jieħu gost bir-riħa tiegħu jrid jiġi maqtul.”*

31 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Jien għażilt* lil Besalel mit-tribù taʼ Ġuda. Hu t-tifel taʼ Uri u n-neputi taʼ Ħur. 3 Se nagħtih l-ispirtu tiegħi* sabiex ikollu l-għerf, l-għarfien, ikun kapaċi jifhem, u jkun tas-sengħa f’kull tip taʼ xogħol: 4 biex jagħmel disinji artistiċi, biex jaħdem bid-deheb, il-fidda, u r-ram, 5 biex jaqtaʼ u jqiegħed il-ħaġar prezzjuż, u biex jagħmel kull tip t’oġġett bl-injam. 6 Iktar minn hekk, bħala għajnuna għalih jien inkarigajt lil Oħolijab, bin Aħisamak mit-tribù taʼ Dan, u qed nagħti l-għerf lil kull min hu tas-sengħa,* biex ikunu jistgħu jagħmlu kulma kkmandajtek: 7 it-tinda tal-laqgħa, l-arka tat-Testimonjanza u l-għatu taʼ fuqha, l-għodod kollha tat-tinda, 8 il-mejda u l-għodod tagħha, il-gandlier tad-deheb pur u l-għodod kollha tiegħu, l-artal tal-inċens, 9 l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu, il-vaska u l-bażi tagħha, 10 il-ħwejjeġ minsuġin bl-aqwa mod, il-ħwejjeġ qaddisa għal Aron il-qassis, il-ħwejjeġ tat-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin, 11 iż-żejt tad-dlik, u l-inċens ifuħ għas-santwarju. Huma se jagħmlu kulma kkmandajtek.”

12 Ġeħova qal ukoll lil Mosè: 13 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Għandkom tobdu bir-reqqa l-liġi tiegħi dwar is-Sabat, għax dan hu sinjal bejni u bejnkom matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom sabiex tkunu tafu li jien, Ġeħova l-Alla tagħkom, qed inqaddiskom. 14 Tridu żżommu s-Sabat, għax hu xi ħaġa qaddisa għalikom. Min jikser il-liġi tas-Sabat għandu jinqatel. Jekk xi ħadd jagħmel xi xogħol fih irid jiġi maqtul.* 15 F’sitt ijiem jistaʼ jsir ix-xogħol, imma s-sebaʼ jum ikun sabat li fih għandkom tistrieħu għalkollox. Hu xi ħaġa qaddisa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom. Kull min jagħmel xi xogħol f’jum is-Sabat għandu jinqatel. 16 L-Iżraelin iridu jżommu s-Sabat. Għandhom josservaw is-Sabat matul il-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom. Hu patt għal żmien twil. 17 Hu sinjal li jibqaʼ bejni u bejn il-poplu t’Iżrael, għaliex f’sitt ijiem jien, Ġeħova l-Alla tagħkom, għamilt is-sema u l-art u fis-sebaʼ jum waqaft mix-xogħol u straħt.’”

18 Malli spiċċa jitkellem miegħu fuq il-Muntanja Sinaj, hu ta lil Mosè żewġ twavel tat-Testimonjanza, twavel tal-ġebel miktubin bis-subaʼ t’Alla.

32 Sadanittant, in-nies raw li Mosè kien qed idum biex jinżel mill-muntanja. Għalhekk, inġabru madwar Aron u qalulu: “Agħmlilna alla li jimxi quddiemna, għax ma nafux x’sar minnu dan Mosè, il-bniedem li ħariġna mill-art tal-Eġittu.” 2 U Aron qalilhom: “Neħħu l-imsielet tad-deheb minn widnejn in-nisa tagħkom u t-tfal subien u bniet tagħkom, u ġibuhomli.” 3 Għalhekk, in-nies kollha bdew ineħħu l-imsielet tad-deheb li kellhom f’widnejhom u jagħtuhom lil Aron. 4 Imbagħad hu ħa d-deheb mingħandhom, u fformah b’għodda tat-tinqix u għamlu statwa ta’ barri żgħir.* Huma bdew jgħidu: “Iżrael, dan hu l-Alla tiegħek li ħarġek mill-art tal-Eġittu.”

5 Meta Aron ra dan, hu bena artal quddiemu. Imbagħad qal: “Għada ssir festa lil Ġeħova.” 6 Għalhekk, l-għada qamu kmieni u bdew joffru offerti tal-ħruq u jippreżentaw sagrifiċċji tal-paċi. Imbagħad in-nies qagħdu bilqiegħda jieklu u jixorbu. U wara qamu jixxalaw.

7 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Mur, inżel, għax il-poplu tiegħek, li ħriġt mill-art tal-Eġittu, aġixxa b’mod mill-agħar. 8 Huma malajr warrbu mit-triq li jien ikkmandajthom biex jimxu fiha. Għamlu għalihom barri żgħir* u qed imilu quddiemu u joffrulu sagrifiċċji u jgħidu, ‘Iżrael, dan hu l-Alla tiegħek li ħarġek mill-art tal-Eġittu.’” 9 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: “Jien rajt li dan il-poplu hu rasu iebsa.* 10 U nħossni rrabjat ħafna għalihom. Għalhekk, ħallini ħa neqridhom għalkollox u minflok nagħmel poplu kbir minnek.”

11 Imbagħad Mosè talab bil-ħniena lil Ġeħova l-Alla tiegħu u qallu: “Ġeħova, għala għandek tibqaʼ rrabjat mal-poplu tiegħek wara li int ħriġtu mill-art tal-Eġittu b’qawwa kbira u b’id b’saħħitha? 12 Jekk tagħmel hekk, l-Eġizzjani jgħidu, ‘Kellu intenzjoni ħażina meta ħariġhom. Hu ried joqtolhom fil-muntanji u jeqridhom għalkollox minn fuq wiċċ l-art.’ Tibqax irrabjat u erġaʼ kkunsidra d-deċiżjoni* tiegħek li teqred lil dan il-poplu. 13 Ftakar fil-qaddejja tiegħek Abraham, Iżakk, u Iżrael, li ħliftilhom bik innifsek u għedt: ‘Se nżid id-dixxendenti tagħkom* daqs l-istilel tas-sema, u din l-art kollha li jien għażilt se nagħtiha lilhom, sabiex jiħduha f’idejhom u tkun tagħhom għal dejjem.’”

14 Għalhekk, Ġeħova reġaʼ kkunsidra d-deċiżjoni* tiegħu u ma qeridx lill-poplu tiegħu bħalma qal li kien se jagħmel.

15 Imbagħad Mosè dar u niżel mill-muntanja biż-żewġ twavel tat-Testimonjanza f’idu. It-twavel kienu mnaqqxin fuq iż-żewġ naħat; kellhom il-kitba fuq quddiem u fuq wara. 16 Alla stess kien għamel it-twavel u naqqax kliemu fuqhom. 17 Meta Ġożwè beda jismaʼ l-għajjat tan-nies, qal lil Mosè: “Hemm ħoss taʼ battalja fil-kampijiet.” 18 Imma Mosè qal:

“Mhuwiex il-ħoss taʼ kant minħabba xi rebħa,

U mhuwiex il-ħoss taʼ biki minħabba xi telfa;

Qed nismaʼ ħoss taʼ kant ieħor.”

19 U malli Mosè resaq lejn il-kampijiet u ra l-barri żgħir* u ż-żfin, hu beda jirrabja ħafna u waddab it-twavel minn idejh u farrakhom in-naħa t’isfel tal-muntanja. 20 Imbagħad qabad il-barri żgħir* li kienu għamlu u ħarqu bin-nar u farrku u ġabu trab. Imbagħad ferrxu fl-ilma u ġiegħel lill-Iżraelin jixorbuh. 21 U Mosè qal lil Aron: “Int wassalt lil dan il-poplu biex jagħmel dnub kbir. Kif ġegħluk tagħmel dan?” 22 Aron wieġbu: “Tkunx irrabjat sidi. Int taf sew li dawn in-nies iħobbu jagħmlu dak li hu ħażin. 23 Allura qaluli, ‘Agħmlilna alla li jimxi quddiemna, għax ma nafux x’sar minnu dan Mosè, il-bniedem li ħariġna mill-art tal-Eġittu.’ 24 Għalhekk għedtilhom, ‘Min għandu xi deheb ineħħih u jagħtihuli.’ Imbagħad jien tfajtu fin-nar u ħareġ dan il-barri żgħir.”*

25 Mosè ra li n-nies kienu bla kontroll, għax Aron kien ħalliehom isiru bla kontroll, u b’hekk ġabu diżunur fuqhom quddiem l-għedewwa tagħhom. 26 Imbagħad Mosè qagħad fid-daħla tal-kampijiet u qal: “Kull min hu fuq in-naħa taʼ Ġeħova ħa jiġi ħdejja!” U l-Leviti kollha nġabru madwaru. 27 Issa hu qalilhom: “Dan qal Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Kull wieħed minnkom irid jaqbad ix-xabla tiegħu u jgħaddi mill-kampijiet kollha u joqtol lil ħuh, lill-ġar tiegħu, u lill-ħabib tal-qalb tiegħu.’” 28 Il-Leviti għamlu kif qalilhom Mosè. B’hekk, dakinhar mietu madwar 3,000 raġel. 29 Imbagħad Mosè qal: “Qaddsu lilkom infuskom* illum għas-servizz taʼ Ġeħova, għaliex kull wieħed minnkom ħadha kontra ibnu u ħuh stess. Illum hu jberikkom.”

30 L-għada stess, Mosè qal lin-nies: “Intom għamiltu dnub kbir ħafna, u issa jien se nitlaʼ ħdejn Ġeħova u nitolbu bil-ħniena biex forsi jaħfrilkom dan id-dnub.” 31 Għalhekk, Mosè mar lura ħdejn Ġeħova u qallu: “Dan il-poplu għamel dnub kbir ħafna! Għamlu għalihom alla tad-deheb! 32 Imma issa jekk jogħġbok, aħfrilhom id-dnub tagħhom jekk int lest li tagħmel dan, u jekk le, ħassarni mill-ktieb tiegħek li ktibt.” 33 Madankollu, Ġeħova qal lil Mosè: “Jien inħassar mill-ktieb tiegħi lil kull min dineb kontrija. 34 Issa mur, mexxi lin-nies lejn il-post li għedtlek dwaru. L-anġlu tiegħi jmur qablek, u dakinhar li nitlob kont mingħandhom, nikkastigahom għad-dnub tagħhom.” 35 Imbagħad Ġeħova beda jikkastiga lin-nies minħabba l-barri żgħir* li kienu għamlu permezz t’Aron.

33 Ġeħova qal ukoll lil Mosè: “Itlaq minn hawnhekk flimkien mal-poplu li int ħriġt mill-art tal-Eġittu. Ivvjaġġa lejn l-art li dwarha jien ħlift lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, billi għedt, ‘Lid-dixxendenti tiegħek* se nagħtiha.’ 2 U nibgħat anġlu qablek u nkeċċi lill-Kangħanin, l-Amurrin, il-Ħittin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin. 3 Mur f’art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. Imma jien m’iniex se niġi f’nofskom, għaliex intom poplu rasu iebsa,* u jistaʼ jkun li neqridkom għalkollox fit-triq.”

4 Meta n-nies semgħu dan il-kliem iebes, qabadhom dwejjaq kbar, u ħadd minnhom ma libes it-tiżjin tiegħu. 5 Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lill-Iżraelin, ‘Intom poplu rasu iebsa.* F’mument wieħed nistaʼ ngħaddi minn nofskom u neqridkom għalkollox. Għalhekk, terġgħux tilbsu t-tiżjin tagħkom waqt li jien nikkunsidra kif se nikkastigakom.’” 6 U l-Iżraelin neħħew it-tiżjin tagħhom ħdejn il-Muntanja Ħoreb u ma reġgħux libsuh minn hemm ’il quddiem.

7 Issa Mosè ħa t-tinda tiegħu u ramaha ’l barra mill-kampijiet, ftit ’il bogħod minnhom, u semmieha tinda tal-laqgħa. Min ried ikun jaf x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova kien joħroġ lejn it-tinda tal-laqgħa, li kienet ’il barra mill-kampijiet. 8 Hekk kif Mosè kien joħroġ lejn it-tinda, in-nies kollha kienu jqumu u joqogħdu fid-daħla tat-tinda tagħhom stess, u jibqgħu jħarsu lejn Mosè sakemm jidħol fit-tinda. 9 Malli Mosè kien jidħol fit-tinda, il-kolonna tas-sħab kienet tinżel u toqgħod fid-daħla tat-tinda waqt li Alla kien ikellem lil Mosè. 10 Meta n-nies kollha kienu jaraw il-kolonna tas-sħab fid-daħla tat-tinda, kull wieħed minnhom kien imil fid-daħla tat-tinda tiegħu stess. 11 Ġeħova kien ikellem lil Mosè wiċċ imb wiċċ, bħalma bniedem ikellem bniedem ieħor. Meta Mosè kien jerġaʼ lura lejn il-kampijiet, Ġożwè bin Nun, il-qaddej u l-assistent tiegħu, ma kienx jitlaq mit-tinda.

12 Issa Mosè qal lil Ġeħova: “Int qed tgħidli biex immexxi lil dan il-poplu, imma m’għedtlix lil min se tibgħat miegħi. Iktar minn hekk, int għedt, ‘Nafek b’ismek,* u int approvat f’għajnejja.’ 13 Jekk jogħġbok, jekk jien approvat f’għajnejk, ħallini nkun naf triqatek, biex inkun nafek u nkompli nkun approvat f’għajnejk. Ukoll, ftakar li dan il-ġens hu l-poplu tiegħek.” 14 Għalhekk Alla* qal: “Jien stess se niġi miegħek u nserraħlek moħħok.” 15 Wara Mosè qallu: “Jekk ma tiġix magħna int, tibgħatniex minn hawn. 16 In-nies kif se jkunu jafu li jien u l-poplu tiegħek approvati f’għajnejk? Mhux billi tiġi magħna, ħalli jien u l-poplu tiegħek inkunu differenti mill-popli l-oħrajn kollha fuq wiċċ l-art?”

17 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: “Se nagħmel ukoll dan li qed titlobni, għaliex int approvat f’għajnejja u jien nafek b’ismek.” 18 Imbagħad Mosè qallu: “Jekk jogħġbok, urini l-glorja tiegħek.” 19 Imma hu qal: “Jien se nġiegħlek tara t-tjieba kollha tiegħi, u se niddikjara quddiemek ismi, Ġeħova, u se napprova u nuri ħniena lil min nixtieq.” 20 Imma żied: “Int ma tistax tara wiċċi, għaliex ebda bniedem ma jistaʼ jarani u jibqaʼ ħaj.”

21 Ġeħova kompla jgħid: “Hawn post ħdejja. Oqgħod fuq dik il-blata. 22 Meta tkun għaddejja l-glorja tiegħi, inpoġġik f’għar fil-blata u nipproteġik b’idi sakemm inkun għaddejt. 23 Imbagħad inneħħi idi, u int tara dahri. Imma ma tistax tara wiċċi.”

34 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Aqtaʼ żewġ twavel tal-ġebel bħal dawk tal-ewwel li farrakt int, u jien nikteb fuqhom il-kliem li kien hemm fuq l-ewwel twavel. 2 Kun lest biex filgħodu titlaʼ fuq il-Muntanja Sinaj u toqgħod quddiemi hemmhekk fuq il-quċċata tal-muntanja. 3 Imma ħadd ma jistaʼ jitlaʼ miegħek u ħadd iktar m’għandu jidher fuq il-muntanja kollha. Lanqas l-imrieħel tan-nagħaġ jew tal-baqar m’għandhom jirgħaw quddiem din il-muntanja.”

4 Għalhekk, Mosè qataʼ żewġ twavel tal-ġebel bħal dawk tal-ewwel u qam kmieni u telaʼ fuq il-Muntanja Sinaj, bħalma kien ikkmandah Ġeħova, u ħa f’idu ż-żewġ twavel tal-ġebel. 5 Imbagħad Ġeħova niżel fis-sħaba u qagħad miegħu hemmhekk u Ġeħova ddikjara ismu stess. 6 Ġeħova kien għaddej minn quddiemu u ddikjara: “Jien Ġeħova, jien Ġeħova, Alla ħanin u qalbi tajba,* ma nirrabjax malajr, nuri ħafna mħabba u lealtà,* u dejjem inżomm kelmti. 7 Jien nuri mħabba u lealtà lejn l-eluf, naħfer l-iżball u l-ksur tal-liġi u d-dnub,* imma bl-ebda mod ma nħalli lill-ħati bla kastig, u nġib il-kastig għall-iżball tal-missirijiet fuq it-tfal, fuq in-neputijiet, u fuq it-tielet u r-rabaʼ ġenerazzjoni.”

8 Mosè għaġġel biex imil u jinxteħet fl-art. 9 Imbagħad qal: “Ġeħova, jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, jekk jogħġbok Ġeħova, ejja magħna minkejja li aħna poplu rasu iebsa,* u aħfer l-iżball u d-dnub tagħna, u aċċettana bħala l-poplu tiegħek.” 10 Ġeħova wieġbu: “Qed nagħmel patt: Quddiem in-nies tiegħek kollha, se nagħmel affarijiet tal-għaġeb li qatt ma saru* fl-art kollha jew qalb il-popli kollha. U n-nies kollha li int tgħix fosthom se jaraw ix-xogħol tiegħi, għaliex miegħek qed nagħmel xi ħaġa meraviljuża.

11 “Oqogħdu attenti għal dak li qed nikkmandakom illum. Jien qed inkeċċi minn quddiemkom l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Ħittin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin. 12 Oqogħdu attenti li ma tagħmlux xi patt man-nies li joqogħdu fl-art li sejrin fiha, inkella dan ikun taʼ nassa għalikom. 13 Imma tridu tkissru l-artali tagħhom, tfarrku l-pilastri sagri tagħhom, u tqaċċtu l-arbli sagri* tagħhom. 14 Tmilux quddiem alla ieħor, għax jien, Ġeħova, Alla li rrid li tqimu lili biss.* Iva, jien Alla li rrid li tqimu lili biss. 15 Tagħmlux xi patt man-nies taʼ dik l-art, għax meta jipprostitwixxu ruħhom billi jqimu lill-allat tagħhom u joffrulhom is-sagrifiċċji, xi ħadd minnhom se jistidinkom u intom tieklu mis-sagrifiċċju tiegħu. 16 Imbagħad żgur li żżewġu lil xi wħud mill-bniet tagħhom lit-tfal subien tagħkom, u l-bniet tagħhom se jipprostitwixxu ruħhom billi jqimu lill-allat tagħhom u jġiegħlu lit-tfal tagħkom jagħmlu l-istess.

17 “Tagħmlux allat minn metall imdewweb.

18 “Tridu tagħmlu l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira. Bħalma kkmandajtkom, tridu tieklu l-ħobż bla ħmira għal sebat ijiem fiż-żmien li għedtilkom, fix-xahar taʼ Abib,* għaliex f’dak iż-żmien ħriġtu mill-Eġittu.

19 “Kull l-ewwel iben* ikun tiegħi, inkluż l-ewwel ferħ maskil mill-bhejjem kollha tiegħek, kemm jekk tal-barrin u kemm jekk tan-nagħaġ. 20 L-ewwel ferħ taʼ ħmar tridu tifduh* billi tissagrifikaw nagħġa, u jekk ma tifduhx, tridu tiksrulu għonqu. U tridu tifdu lil kull l-ewwel tifel mit-tfal tagħkom billi tixtruh lura. Ħadd m’għandu jidher quddiemi b’idu vojta.

21 “F’sitt ijiem għandkom tagħmlu x-xogħol tagħkom, imma fis-sebaʼ jum tistrieħu.* Tistrieħu wkoll anki matul żmien il-ħrit u l-ħsad.

22 “U tiċċelebraw il-Festa tal-Ġimgħat tagħkom bl-ewwel prodott tal-ħsad tal-qamħ, u l-Festa tal-Ġbir* fl-aħħar tas-sena.

23 “Tliet darbiet fis-sena l-irġiel kollha tagħkom għandhom jidhru quddiemi, Ġeħova, il-Mulej il-veru u l-Alla t’Iżrael. 24 Għax se nkeċċi lill-popli minn quddiemkom, u nkabbar it-territorju tagħkom, u ħadd ma jkun jixtieq artkom meta titilgħu biex tidhru quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, tliet darbiet fis-sena.

25 “Toffrulix id-demm tas-sagrifiċċju maʼ xi ħaġa li jkun fiha l-ħmira. U s-sagrifiċċju tal-festa tal-Qbiż m’għandux jitħalla l-lejl kollu sa filgħodu.

26 “L-aqwa mill-ewwel prodott tal-ħamrija tagħkom għandkom tiħduh fid-dar tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom.

“Tgħallux gidi f’ħalib ommu.”

27 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: “Niżżel bil-miktub dan il-kliem, għax fi qbil miegħu se nagħmel patt miegħek u m’Iżrael.” 28 U hu baqaʼ hemmhekk maʼ Ġeħova 40 jum u 40 lejl. La kiel ħobż u lanqas xorob ilma. U Hu kiteb fuq it-twavel il-kliem tal-patt, l-Għaxar Kmandamenti.*

29 Mosè mbagħad niżel mill-Muntanja Sinaj biż-żewġ twavel tat-Testimonjanza f’idu. Meta niżel mill-muntanja, Mosè ma kienx jaf li mill-ġilda taʼ wiċċu kienu ħerġin ir-raġġi minħabba li kien tkellem m’Alla. 30 Meta Aron u l-Iżraelin kollha raw lil Mosè, huma nnotaw li mill-ġilda taʼ wiċċu kienu ħerġin ir-raġġi u beżgħu jersqu lejh.

31 Imma Mosè għajtilhom, u Aron u l-kapijiet kollha tal-ġemgħa marru ħdejh, u Mosè kellimhom. 32 Wara dan resqu lejh l-Iżraelin kollha, u hu tahom il-kmandi kollha li Ġeħova kien tah fuq il-Muntanja Sinaj. 33 Meta Mosè kien jispiċċa jitkellem magħhom, kien ipoġġi velu fuq wiċċu. 34 Imma meta Mosè kien jidħol quddiem Ġeħova biex ikellmu, kien ineħħi l-velu sakemm joħroġ. Imbagħad kien joħroġ u jgħid lill-Iżraelin il-kmandi li jkun irċieva. 35 U l-Iżraelin kienu jaraw li mill-ġilda taʼ wiċċ Mosè kienu joħorġu r-raġġi. Imbagħad Mosè kien ipoġġi lura l-velu fuq wiċċu sakemm jidħol biex ikellem lil Alla.*

35 Iktar tard, Mosè ġabar lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin flimkien u qalilhom: “Dawn huma l-affarijiet li Ġeħova kkmandana nagħmlu: 2 F’sitt ijiem jistaʼ jsir ix-xogħol, imma s-sebaʼ jum isir għalikom xi ħaġa qaddisa, sabat taʼ mistrieħ komplet lil Ġeħova. Kull min jagħmel xi xogħol fih jinqatel. 3 M’għandkomx tqabbdu n-nar f’xi post fejn tgħixu f’jum is-Sabat.”

4 Mosè mbagħad qal lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin: “Hekk ikkmanda Ġeħova, 5 ‘Iġbru minn fostkom kontribuzzjoni għal Ġeħova. Kull min lest li jagħti minn qalbu, ħa jġib kontribuzzjoni għal Ġeħova: deheb, fidda, ram, 6 ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, għażel fin, xagħar tal-mogħoż, 7 ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, ġlud tal-bumerin, injam tal-akaċja, 8 żejt għal-lampi, balzmu għaż-żejt tad-dlik u għall-inċens ifuħ, 9 ħaġar tal-oniċi, u ħaġar prezzjuż ieħor biex jitqiegħed mal-efod* u l-pettoral.*

10 “‘Kull min hu tas-sengħa* fostkom ħa jiġi u jagħmel kulma kkmanda Ġeħova, 11 jiġifieri t-tabernaklu bit-tinda u l-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u l-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien biex jgħattuh, il-ganċijiet u l-frejms magħmulin mit-twavel, il-lasti, il-kolonni, u l-pedestalli tiegħu b’toqba fihom; 12 l-Arka u l-lasti tagħha, l-għatu, u l-purtiera li tifred; 13 il-mejda u l-lasti tagħha, l-għodod kollha tagħha, u l-ħobż tal-preżenza; 14 il-gandlier għad-dawl u l-għodod tiegħu, il-lampi tiegħu, u ż-żejt għad-dawl; 15 l-artal tal-inċens u l-lasti tiegħu; iż-żejt tad-dlik u l-inċens ifuħ; il-purtiera għad-daħla tat-tabernaklu; 16 l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-gradilja tar-ram tiegħu, il-lasti u l-għodod kollha tiegħu; il-vaska u l-bażi tagħha; 17 il-purtieri mdendlin tal-bitħa, il-pilastri u l-pedestalli tagħha b’toqba fihom; il-purtiera tad-daħla tal-bitħa; 18 l-imsiemer tat-tinda tat-tabernaklu u l-imsiemer tat-tinda tal-bitħa u l-ħbula tagħhom; 19 il-ħwejjeġ minsuġin bl-aqwa mod biex jaqdu bihom fis-santwarju, il-ħwejjeġ qaddisa għal Aron il-qassis, u l-ħwejjeġ tat-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin.’”

20 Għalhekk, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin ħarġet minn quddiem Mosè. 21 Imbagħad, dawk kollha li qalbhom qanqlithom marru u ħadu l-kontribuzzjoni tagħhom għal Ġeħova biex tintuża għat-tinda tal-laqgħa, għas-servizz kollu tagħha, u għall-ħwejjeġ qaddisa. 22 L-irġiel flimkien man-nisa, kull min kien lest li jagħti minn qalbu baqaʼ jmur u jieħu labar li jintlibsu fuq il-ħwejjeġ, imsielet, ċrieket, u ġojjelli oħra, kif ukoll kull xorta t’oġġetti tad-deheb. Ilkoll ippreżentaw l-offerti* tad-deheb tagħhom lil Ġeħova. 23 U kull min kellu ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, għażel fin, xagħar tal-mogħoż, ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, u ġlud tal-bumerin, ħadhom bħala kontribuzzjoni. 24 Kull min kien lest li jagħti fidda u ram ħadhom bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova, u kull min kellu l-injam tal-akaċja ħadu biex jintuża għax-xogħol.

25 In-nisa kollha li kienu tas-sengħa f’li jagħmlu l-ħajt, ħadu dak li ħadmu b’idejhom: ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. 26 U n-nisa kollha tas-sengħa li qalbhom qanqlithom għamlu ħajt mix-xagħar tal-mogħoż.

27 U l-kapijiet ħadu l-ħaġar tal-oniċi u ħaġar prezzjuż ieħor biex jitqiegħdu mal-efod u l-pettoral, 28 u l-balzmu u ż-żejt biex jintużaw għad-dawl, għaż-żejt tad-dlik, u għall-inċens ifuħ. 29 L-irġiel u n-nisa kollha li qalbhom qanqlithom ħadu xi ħaġa għax-xogħol li Ġeħova kien ikkmandahom jagħmlu permezz taʼ Mosè. L-Iżraelin ħaduha bħala offerta volontarja lil Ġeħova.

30 Imbagħad Mosè qal lill-Iżraelin: “Ġeħova għażel lil Besalel mit-tribù taʼ Ġuda. Hu t-tifel taʼ Uri u n-neputi taʼ Ħur. 31 U Alla tah l-ispirtu tiegħu sabiex ikollu l-għerf, l-għarfien, ikun kapaċi jifhem, u jkun tas-sengħa f’kull tip taʼ xogħol: 32 biex jagħmel disinji artistiċi, biex jaħdem bid-deheb, il-fidda, u r-ram, 33 biex jaqtaʼ u jqiegħed il-ħaġar prezzjuż, u biex jagħmel kull tip t’oġġett artistiku bl-injam. 34 U Alla ta lilu u lil Oħolijab, bin Aħisamak mit-tribù taʼ Dan, l-abbiltà li jgħallmu lil oħrajn. 35 Hu tahom is-sengħa* biex jagħmlu x-xogħol kollu taʼ min jirrakkma, taʼ min jinseġ bil-ħajt blu, bis-suf vjola, bil-ħajt aħmar jgħajjat, u bl-għażel fin, taʼ min jinseġ bin-newl, u kull tip taʼ xogħol. Dawn l-irġiel se jagħmlu kull tip taʼ xogħol u jippreparaw kull tip taʼ disinn.

36 “Besalel se jaħdem flimkien m’Oħolijab u kull raġel tas-sengħa* li Ġeħova tah l-għerf u l-abbiltà li jifhem biex ikun jaf kif jagħmel ix-xogħol kollu tas-servizz qaddis bħalma kkmanda Ġeħova.”

2 Mosè mbagħad għajjat lil Besalel u lil Oħolijab u lil kull raġel tas-sengħa li Ġeħova kien tah l-għerf, jiġifieri lil kull min qalbu qanqlitu u offra biex jagħmel ix-xogħol. 3 Imbagħad ħadu mingħand Mosè l-kontribuzzjoni kollha li l-Iżraelin kienu taw għax-xogħol tas-servizz qaddis. Madankollu, dawn baqgħu jagħtuh offerti volontarji kull filgħodu.

4 Wara li bdew jagħmlu x-xogħol qaddis, il-ħaddiema tas-sengħa kollha bdew imorru wieħed wara l-ieħor 5 u jgħidu lil Mosè: “In-nies qed iġibu ħafna iktar milli hemm bżonn għax-xogħol li Ġeħova kkmanda li jsir.” 6 Għalhekk, Mosè kkmanda li jsir avviż mal-kampijiet kollha, li jgħid: “Irġiel u nisa, iġġibux iktar affarijiet għall-kontribuzzjoni qaddisa.” B’hekk, in-nies ma tħallewx iġibu iżjed, 7 għax kien hemm biżżejjed biex isir ix-xogħol kollu, anzi żżejjed.

8 Allura, il-ħaddiema tas-sengħa kollha għamlu t-tabernaklu minn għaxar biċċiet drapp tat-tined tal-għażel fin, ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat. Hu* għamilhom b’kerubini rrakkmati fuqhom. 9 Kull biċċa drapp kienet twila 28 kubitu* u wiesgħa erbaʼ kubiti. Id-drapp kollu kien tal-istess qies. 10 Imbagħad hu għaqqad ħames biċċiet drapp waħda m’oħra, u għamel l-istess bil-ħames biċċiet drapp l-oħra. 11 U fuq kull biċċa drapp kbira, mat-tarf tal-ġenb, ħiet ħoloq mill-ħajt blu sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jingħaqdu flimkien. 12 Hu għamel 50 ħolqa fuq biċċa waħda mid-drapp tat-tined, u 50 ħolqa f’tarf il-biċċa l-oħra tad-drapp tat-tined sabiex ikunu faċċata taʼ xulxin fejn jingħaqdu. 13 Fl-aħħar, għamel 50 ganċ tad-deheb u għaqqad id-drappijiet tat-tined ma’ xulxin bil-ganċijiet, u b’hekk saru biċċa drapp waħda għat-tabernaklu.

14 Wara għamel biċċiet tad-drapp mix-xagħar tal-mogħoż għat-tinda taʼ fuq it-tabernaklu. Għamel 11-il biċċa drapp tat-tined. 15 Kull biċċa drapp kienet twila 30 kubitu, u wiesgħa erbaʼ kubiti. Il-11-il biċċa drapp kienu tal-istess qies. 16 U minnhom għaqqad ħames biċċiet flimkien u għamel l-istess bis-sitta l-oħra. 17 Imbagħad għamel 50 ħolqa fit-tarf nett taʼ waħda mid-drappijiet tat-tinda, u 50 ħolqa fit-tarf tal-biċċa drapp l-oħra u għaqqadhom flimkien. 18 U għamel 50 ganċ tar-ram biex jgħaqqad id-drappijiet tat-tinda flimkien u jsiru biċċa drapp waħda.

19 U għatta t-tinda b’materjal magħmul mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor meħjutin flimkien u fuqhom qiegħed materjal magħmul mill-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien.

20 Imbagħad għamel frejms weqfin magħmulin minn twavel tal-injam tal-akaċja għat-tabernaklu. 21 Kull frejm kien twil għaxar kubiti u wiesaʼ kubitu u nofs. 22 Kull frejm kellu żewġ minċotti* mwaħħlin bi dritt xulxin. Hekk għamilhom il-frejms kollha tat-tabernaklu. 23 Hu għamel 20 frejm għan-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu. 24 Imbagħad għamel 40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom taħt l-20 frejm: żewġ pedestalli taħt kull frejm għaż-żewġ minċotti tiegħu. 25 U għall-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, in-naħa tat-Tramuntana, għamel 20 frejm 26 bl-40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm.

27 Għan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu, li tħares lejn il-Punent, hu għamel sitt frejms magħmulin mit-twavel. 28 Hu għamel żewġ frejms bħala pilastri għaż-żewġ kantunieri tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 29 Dawn il-frejms kellhom żewġ twavel minn isfel sa fuq, li jmissu flimkien fejn hemm l-ewwel ħolqa. Hekk għamilhom iż-żewġ pilastri tal-kantunieri. 30 Għalhekk, b’kollox kien hemm tmien frejms bis-16-il pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm.

31 Imbagħad għamel lasti mill-injam tal-akaċja, ħamsa għall-frejms taʼ ġenb wieħed tat-tabernaklu, 32 ħamsa għall-frejms tal-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, u ħamsa għall-frejms tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu, li tħares lejn il-Punent. 33 Imbagħad għamel il-lasta tan-nofs biex tgħaddi minn nofs il-frejms minn tarf sa tarf. 34 Hu kesa bid-deheb il-frejms magħmulin mit-twavel, u għamlilhom ħoloq tad-deheb biex iżommu l-lasti, u kesa l-lasti bid-deheb.

35 Imbagħad għamel purtiera minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Għamilha bil-kerubini rrakkmati fiha. 36 Imbagħad għamlilha erbaʼ kolonni tal-akaċja miksijin bid-deheb u ganċijiet tad-deheb. Hu għamel erbaʼ pedestalli tal-fidda b’toqba fihom għall-kolonni. 37 Wara għamel purtiera għad-daħla tat-tabernaklu minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin minsuġin kollha flimkien, 38 u għamlilha wkoll il-ħames kolonni bil-ganċijiet tagħhom. Hu ksielhom il-parti taʼ fuq u l-irbit* bid-deheb, imma l-ħames pedestalli bit-toqob fihom kienu tar-ram.

37 Besalel imbagħad għamel l-Arka mill-injam tal-akaċja. Din kienet twila żewġ kubiti* u nofs, wiesgħa kubitu u nofs, u għolja kubitu u nofs. 2 Hu ksieha b’deheb pur minn ġewwa u minn barra u għamlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 3 Imbagħad għamlilha erbaʼ ħolqiet mid-deheb biex jitpoġġew ’il fuq mill-erbaʼ saqajn tagħha, żewġ ħolqiet fuq ġenb u żewġ ħolqiet fuq il-ġenb l-ieħor. 4 Wara għamel lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bid-deheb. 5 Imbagħad għadda l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub tal-Arka biex tinġarr minnhom.

6 Hu għamel l-għatu tad-deheb pur. Dan kien twil żewġ kubiti u nofs u wiesaʼ kubitu u nofs. 7 Imbagħad għamel żewġ kerubini tad-deheb maħdumin bil-martell fuq iż-żewġt itruf tal-għatu. 8 Kien hemm kerubin fuq tarf u kerubin fuq it-tarf l-ieħor. Il-kerubini għamilhom fuq iż-żewġt itruf tal-għatu. 9 Iż-żewġ kerubini kellhom ġwinħajhom miftuħin ’il fuq, jgħattu l-għatu bi ġwinħajhom. Kienu faċċata taʼ xulxin, u wiċċhom kien iħares lejn l-għatu.

10 Imbagħad għamel il-mejda mill-injam tal-akaċja. Din kienet twila żewġ kubiti, wiesgħa kubitu, u għolja kubitu u nofs. 11 Hu ksieha b’deheb pur u għamlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 12 Imbagħad għamlilha xifer daqs il-wisaʼ taʼ id* mad-dawra tagħha u bordura tad-deheb mad-dawra tax-xifer. 13 Barra minn hekk, għamlilha erbaʼ ħolqiet mid-deheb u poġġa l-ħoloq fl-erbaʼ kantunieri fejn kien hemm l-erbaʼ saqajn imwaħħlin. 14 Il-ħoloq kienu qrib ix-xifer biex jidħlu l-lasti fihom ħalli tinġarr il-mejda. 15 Imbagħad għamel lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bid-deheb biex tinġarr il-mejda. 16 Mid-deheb pur għamel l-għodod taʼ fuq il-mejda: il-platti, it-tazzi, l-iskutelli, u l-buqari tagħha li bihom kienu se jferrgħu l-offerti tax-xorb.

17 Imbagħad għamel il-gandlier tad-deheb pur u ħadmu bil-martell. Il-bażi, iz-zokk, il-fjuri, il-boċċi, u l-petali tiegħu kienu biċċa waħda. 18 Sitt fergħat kienu ħerġin miz-zokk tal-gandlier, tliet fergħat minn ġenb u tliet fergħat mill-ġenb l-ieħor. 19 Tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż kienu fuq il-friegħi taʼ ġenb wieħed, bil-boċċi u l-petali bejniethom, u tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż kienu fuq il-friegħi tal-ġenb l-ieħor, bil-boċċi u l-petali bejniethom. Hekk saru s-sitt fergħat li kienu ħerġin miz-zokk tal-gandlier. 20 U fuq iz-zokk tal-gandlier kien hemm erbaʼ fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż, bil-boċċi u l-petali bejniethom. 21 Kien hemm boċċa taħt l-ewwel żewġ fergħat li kienu ħerġin miz-zokk, boċċa taħt iż-żewġ fergħat li jmiss, u boċċa taħt iż-żewġ fergħat taʼ wara, għas-sitt fergħat li kienu ħerġin miz-zokk tal-gandlier. 22 Il-boċċi, il-friegħi, u l-gandlier kollu kienu minn biċċa deheb pur waħda maħduma bil-martell. 23 Imbagħad għamel mid-deheb pur is-sebaʼ lampi tiegħu, l-għodod li jitfu l-ftila bihom, u r-reċipjenti tiegħu għall-ftejjel maħruqin. 24 Il-gandlier u l-għodod kollha tiegħu għamilhom b’talent* deheb pur.

25 Imbagħad għamel l-artal tal-inċens mill-injam tal-akaċja. Dan kien kwadru, twil kubitu, wiesaʼ kubitu, u għoli żewġ kubiti. Il-qrun tiegħu kienu parti minnu. 26 Hu kesa bid-deheb pur il-wiċċ, il-ġnub kollha, u l-qrun tiegħu, u għamillu bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 27 U għamillu żewġ ħolqiet tad-deheb ’l isfel mill-bordura tiegħu fuq iż-żewġt iġnub faċċata taʼ xulxin biex jidħlu l-lasti fihom u jġorruh minnhom. 28 Wara dan, għamel il-lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bid-deheb. 29 Għamel ukoll iż-żejt tad-dlik qaddis u l-inċens pur ifuħ, imħalltin bis-sengħa.*

38 Hu għamel l-artal tal-offerta tal-ħruq mill-injam tal-akaċja. Dan kien kwadru, twil ħames kubiti,* wiesaʼ ħames kubiti, u għoli tliet kubiti. 2 Imbagħad għamel qarn fuq kull kantuniera tiegħu. L-erbat iqrun kienu parti mill-artal. Wara hu ksieh bir-ram. 3 Wara dan, għamel l-għodod kollha tal-artal, il-bramel, il-pali, l-iskutelli, il-frieket, u r-reċipjenti għall-ġamar. Dawn l-għodod kollha għamilhom tar-ram. 4 Hu għamel ukoll gradilja tar-ram għall-artal, taħt ix-xifer tiegħu. Din kienet tasal sa nofs l-għoli tiegħu. 5 U għamel erbaʼ ħolqiet tar-ram fl-erbaʼ kantunieri ħdejn il-gradilja tar-ram, biex jidħlu l-lasti fihom. 6 Wara dan, għamel il-lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bir-ram. 7 Hu għadda l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub tal-artal biex jinġarr minnhom. L-artal għamlu forma taʼ kaxxa magħmula mit-twavel u vojt minn ġewwa.

8 Imbagħad għamel il-vaska u l-bażi tagħha tar-ram. Hu uża l-mirja* li taw bħala kontribuzzjoni n-nisa li kienu organizzati biex jaqdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.

9 Imbagħad hu għamel il-bitħa tat-tabernaklu. Għan-naħa tan-Nofsinhar, hu għamel purtieri mdendlin tal-għażel fin, twal 100 kubitu. 10 Kien hemm 20 pilastru b’20 pedestall tar-ram b’toqba fihom, u l-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 11 Ukoll, għan-naħa tat-Tramuntana kien hemm 100 kubitu taʼ purtieri mdendlin. L-20 pilastru u l-20 pedestall tagħhom b’toqba fihom kienu tar-ram. Il-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 12 Imma għan-naħa tal-Punent, il-purtieri mdendlin kienu twal 50 kubitu. Kien hemm għaxar pilastri u għaxar pedestalli b’toqba fihom, u l-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 13 Il-wisaʼ tal-bitħa għan-naħa tal-Lvant kienet 50 kubitu. 14 Kien hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin fuq naħa waħda, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom. 15 U għan-naħa l-oħra tad-daħla tal-bitħa, kien hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom. 16 Il-purtieri mdendlin taʼ madwar il-bitħa kienu kollha tal-għażel fin. 17 Il-pedestalli għall-pilastri kienu tar-ram, il-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda, il-parti taʼ fuq kienet miksija bil-fidda, u kien hemm irbit tal-fidda għall-pilastri kollha tal-bitħa.

18 Il-purtiera tad-daħla tal-bitħa kienet minsuġa minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Kienet twila 20 kubitu u għolja ħames kubiti, l-istess għoli tal-purtieri mdendlin tal-bitħa. 19 L-erbaʼ pilastri tagħha bl-erbaʼ pedestalli b’toqba fihom kienu tar-ram. Il-ganċijiet tagħhom kienu tal-fidda u l-parti taʼ fuq tagħhom u l-irbit* tagħhom kienu miksijin bil-fidda. 20 L-imsiemer kollha tat-tinda għat-tabernaklu u taʼ madwar il-bitħa kienu tar-ram.

21 Mosè kkmanda li ssir lista tal-materjal użat biex jinbena t-tabernaklu, jiġifieri t-tabernaklu tat-Testimonjanza. Il-Leviti għamlu dan taħt id-direzzjoni taʼ Itamar bin Aron il-qassis. 22 Besalel, it-tifel taʼ Uri u n-neputi taʼ Ħur, mit-tribù taʼ Ġuda, għamel kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 23 Miegħu kien hemm Oħolijab, bin Aħisamak mit-tribù taʼ Dan. Hu kien raġel tas-sengħa u wieħed li jirrakkma u wieħed li jinseġ il-ħajt blu, is-suf vjola, il-ħajt aħmar jgħajjat, u l-għażel fin.

24 Id-deheb kollu li ntuża għax-xogħol kollu tal-post qaddis kien daqs id-deheb tal-offerta li tiġi mxejra, 29 talent* u 730 xekel* skont ix-xekel tal-post qaddis.* 25 U l-fidda taʼ dawk mill-ġemgħa li kienu rreġistrati kienet 100 talent u 1,775 xekel skont ix-xekel tal-post qaddis.* 26 Kull individwu minn 20 sena ’l fuq li kien irreġistrat ta nofs xekel skont ix-xekel tal-post qaddis,* u b’kollox kien hemm 603,550 raġel.

27 Intużaw 100 talent fidda biex isiru l-pedestalli b’toqba fihom għall-post qaddis u l-pedestalli b’toqba fihom għall-purtiera; 100 pedestall kienu jiżnu 100 talent, talent għal kull pedestall. 28 Mill-1,775 xekel, għamel ganċijiet għall-pilastri, ksielhom il-parti taʼ fuq bil-fidda, u għaqqadhom flimkien.

29 Ir-ram tal-offerta* kien 70 talent u 2,400 xekel. 30 B’dan hu għamel il-pedestalli b’toqba fihom għad-daħla tat-tinda tal-laqgħa, l-artal tar-ram u l-gradilja tiegħu tar-ram, l-għodod kollha tal-artal, 31 il-pedestalli b’toqba fihom taʼ madwar il-bitħa, il-pedestalli b’toqba fihom tad-daħla tal-bitħa, u l-imsiemer kollha tat-tinda tat-tabernaklu u tat-tinda taʼ madwar il-bitħa.

39 Mill-ħajt blu, is-suf vjola, u l-ħajt aħmar jgħajjat, huma għamlu ħwejjeġ minsuġin bl-aqwa mod biex il-qassisin jaqdu bihom fil-post qaddis. Għamlu l-ħwejjeġ qaddisa għal Aron, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

2 Hu għamel l-efod* mid-deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. 3 Huma ħadmu pjanċi tad-deheb u għamluhom folji rqaq, u hu qatagħhom fi ħjut biex jirrakkmahom mal-ħajt blu, is-suf vjola, u l-ħajt aħmar jgħajjat, u għamel l-efod bihom. 4 Huma għamlu biċċtejn għal fuq l-ispallejn biex jorbtu l-parti taʼ quddiem maʼ taʼ wara minn fuq. 5 U ċ-ċinturin minsuġ li ġie mqabbad mal-efod biex iżommu f’postu kien tal-istess materjal: deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

6 Imbagħad għamlu deheb mad-dawra tal-ħaġar tal-oniċi biex iżommhom f’posthom, u naqqxu l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael fuqhom bħalma kieku jnaqqxu siġill. 7 Hu qegħedhom fuq il-biċċiet taʼ fuq l-ispallejn tal-efod bħala ħaġar taʼ tifkira għat-tfal t’Iżrael, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 8 Imbagħad irrakkma l-pettoral* bis-sengħa, bħalma rrakkma l-efod: bid-deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. 9 Meta l-pettoral kien ikun mitwi fi tnejn, dan kien ikun kwadru, u t-tul u l-wisaʼ tiegħu kienu daqs xiber taʼ id.* 10 U waħħlu miegħu erbaʼ ringieli taʼ ħaġar prezzjuż. L-ewwel ringiela kien fiha rubin, topazju, u żmerald. 11 It-tieni ringiela kien fiha turkina, żaffir, u djaspru. 12 It-tielet ringiela kien fiha lesem,* agata, u ametist. 13 U r-rabaʼ ringiela kien fiha krisolitu, oniċi, u ġada. Dawn kellhom deheb mad-dawra tagħhom biex iżommhom f’posthom. 14 Kien hemm ħaġra prezzjuża għal kull wieħed mit-tfal t’Iżrael. Kull ħaġra prezzjuża ġiet imnaqqxa, bħalma jiġi mnaqqax siġill, b’isem taʼ wieħed mit-12-il tribù.

15 Fuq il-pettoral għamlu ħbula magħmulin minn ħajt tad-deheb pur. 16 U għamlu żewġ dwawar tad-deheb u żewġ ħolqiet tad-deheb u qabbdu ż-żewġ ħolqiet maż-żewġt itruf tal-pettoral. 17 Wara dan, għaddew iż-żewġ ħbula tad-deheb miż-żewġ ħolqiet fit-truf tal-pettoral. 18 U għaddew iż-żewġt itruf taż-żewġ ħbula miż-żewġ dwawar, u qabbduhom mal-biċċiet taʼ fuq l-ispallejn tal-efod, fuq in-naħa taʼ quddiem. 19 Imbagħad għamlu żewġ ħolqiet tad-deheb u qabbduhom maż-żewġt itruf tal-pettoral fuq in-naħa taʼ ġewwa li tmiss mal-efod. 20 Imbagħad għamlu żewġ ħolqiet tad-deheb oħra fuq in-naħa taʼ quddiem tal-efod, taħt iż-żewġ biċċiet taʼ fuq l-ispallejn, viċin taʼ fejn jintrabat, ’il fuq miċ-ċinturin minsuġ tal-efod. 21 Fl-aħħar, rabtu l-pettoral b’lazz blu li jorbot il-ħoloq tiegħu mal-ħoloq tal-efod. Dan iżomm il-pettoral f’postu fuq l-efod, ’il fuq miċ-ċinturin minsuġ, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

22 Imbagħad għamel il-libsa bla kmiem li tintlibes taħt l-efod, minsuġa minn wieħed tas-sengħa, kollha kemm hi tal-ħajt blu. 23 Il-fetħa fejn tidħol ir-ras kienet fin-nofs tal-libsa, bħall-fetħa taʼ kurazza. Il-fetħa kellha bordura mad-dawra kollha sabiex ma titqattax. 24 Imbagħad mal-keffa tal-libsa bla kmiem għamlu rummien tal-ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat mibrumin kollha flimkien. 25 U għamlu qniepen żgħar tad-deheb pur u poġġewhom bejn ir-rummien mad-dawra kollha tal-keffa tal-libsa bla kmiem; 26 qanpiena żgħira tad-deheb u rummiena, qanpiena żgħira tad-deheb u rummiena madwar il-keffa kollha tal-libsa bla kmiem, li kienet tintuża biex jaqdi biha l-qassis, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

27 U għamlu l-ilbiesi twal tal-għażel fin, maħdumin minn xi ħadd li jinseġ bin-newl, għal Aron u għat-tfal tiegħu, 28 it-turban tal-għażel fin u t-traban* tal-għażel fin tat-tfal t’Aron, il-qliezet qosra* tal-għażel fin, 29 u t-terħa tal-għażel fin, ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat minsuġin kollha flimkien, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

30 Fl-aħħar, għamlu l-istrixxa tleqq, jiġifieri s-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni,* mid-deheb pur u naqqxu fuqha bħalma wieħed inaqqax siġill: “Il-qdusija hi taʼ Ġeħova.” 31 Huma rabtu magħha lazz tal-ħajt blu biex ipoġġuha fuq it-turban, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

32 Għalhekk, tlesta x-xogħol kollu tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa, u l-Iżraelin għamlu kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. Għamlu preċiż hekk.

33 Imbagħad ħadu għand Mosè l-partijiet kollha tat-tabernaklu: it-tinda u l-għodod kollha tagħha, il-ganċijiet, il-frejms magħmulin mit-twavel, il-lasti, u l-kolonni u l-pedestalli tagħhom b’toqba fihom; 34 il-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor meħjutin flimkien u l-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien biex jgħattuh, u l-purtiera li tifred; 35 l-arka tat-Testimonjanza, il-lasti tagħha, u l-għatu; 36 il-mejda, l-għodod kollha tagħha, u l-ħobż tal-preżenza; 37 il-gandlier tad-deheb pur, il-lampi tiegħu li qegħdin f’ringiela, l-għodod kollha tiegħu, u ż-żejt għad-dawl; 38 l-artal tad-deheb, iż-żejt tad-dlik, l-inċens ifuħ, u l-purtiera għad-daħla tat-tinda; 39 l-artal tar-ram, il-gradilja tiegħu tar-ram, il-lasti tiegħu, l-għodod kollha tiegħu, u l-vaska u l-bażi tagħha; 40 il-purtieri mdendlin tal-bitħa, il-pilastri tagħha bil-pedestalli b’toqba fihom, il-purtiera għad-daħla tal-bitħa, il-ħbula u l-imsiemer tat-tined tagħha, u l-għodod kollha għas-servizz tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa; 41 il-ħwejjeġ minsuġin bl-aqwa mod biex jaqdu bihom fis-santwarju, il-ħwejjeġ qaddisa għal Aron il-qassis, u l-ħwejjeġ għat-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin.

42 L-Iżraelin għamlu x-xogħol kollu skont kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 43 Meta Mosè eżamina x-xogħol kollu tagħhom, hu ra li kienu għamluh bħalma kien ikkmanda Ġeħova. B’hekk Mosè berikhom.

40 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 2 “Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, għandek tarma t-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa. 3 Poġġi l-arka tat-Testimonjanza fih u dendel il-purtiera li tifred biex l-Arka ma tidhirx. 4 Daħħal il-mejda u qiegħed l-affarijiet li għandhom ikunu fuqha u daħħal il-gandlier u ixgħel il-lampi tiegħu. 5 Imbagħad poġġi l-artal tad-deheb għall-inċens quddiem l-arka tat-Testimonjanza u dendel f’postha l-purtiera tad-daħla tat-tabernaklu.

6 “Poġġi l-artal tal-offerta tal-ħruq quddiem id-daħla tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa, 7 u qiegħed il-vaska bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u itfaʼ l-ilma fiha. 8 Imbagħad arma l-purtieri tal-bitħa mad-dawra kollha u dendel il-purtiera tad-daħla tal-bitħa. 9 Wara, ħu ż-żejt tad-dlik u idlek it-tabernaklu u kulma fih, u qaddes lilu u l-għodod kollha tiegħu. 10 Għandek tidlek l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu u tagħmlu artal mill-iktar qaddis. 11 U idlek il-vaska u l-bażi tagħha u qaddisha.

12 “Imbagħad ħu lil Aron u lit-tfal tiegħu ħdejn id-daħla tat-tinda tal-laqgħa u aħsilhom bl-ilma. 13 U lil Aron libbsu l-ħwejjeġ qaddisa, idilku,* u qaddsu biex jaqdi bħala qassis għalija. 14 Wara ġib lit-tfal tiegħu qrib u libbishom l-ilbiesi twal. 15 Inkarigahom billi tidlikhom bħalma dlikt lil missierhom biex jaqdu bħala qassisin għalija. U peress li jiġu midlukin, huma jirċievu d-dritt li jkunu qassisin għal żmien twil, matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom.”

16 Mosè għamel skont kulma kien ikkmandah Ġeħova. Għamel preċiż hekk.

17 Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar tat-tieni sena, intrama t-tabernaklu. 18 Meta Mosè rama t-tabernaklu, hu qiegħed il-pedestalli b’toqba fihom, poġġa l-frejms magħmulin mit-twavel f’posthom, daħħal il-lasti, u poġġa l-kolonni. 19 Hu firex it-tinda fuq it-tabernaklu u fuqha qiegħed il-ġlud meħjutin flimkien, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.

20 Wara dan, ħa t-Testimonjanza u poġġieha fl-Arka u daħħal il-lasti tal-Arka u poġġa l-għatu fuqha. 21 Hu daħħal l-Arka fit-tabernaklu u dendel il-purtiera li tifred f’postha biex l-arka tat-Testimonjanza ma tidhirx, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.

22 Imbagħad, poġġa l-mejda ’l barra mill-purtiera fit-tinda tal-laqgħa, fuq in-naħa tat-Tramuntana tat-tabernaklu, 23 u qiegħed ir-ringiela tal-ħobż fuqha quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.

24 Hu qiegħed il-gandlier fit-tinda tal-laqgħa quddiem il-mejda, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu. 25 Hu xegħel il-lampi quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.

26 Wara qiegħed l-artal tad-deheb fit-tinda tal-laqgħa quddiem il-purtiera, 27 biex jaħraq l-inċens ifuħ fuqu, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.

28 Imbagħad dendel il-purtiera tad-daħla tat-tabernaklu f’postha.

29 U qiegħed l-artal tal-offerta tal-ħruq fid-daħla tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa, biex joffri fuqu l-offerta tal-ħruq u l-offerta taċ-ċereali,* bħalma Ġeħova kien ikkmandah.

30 Imbagħad qiegħed il-vaska bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u tefaʼ l-ilma fiha. 31 Mosè, Aron, u t-tfal tiegħu ħaslu jdejhom u saqajhom hemm. 32 Kull meta kienu jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew jersqu lejn l-artal, kienu jinħaslu, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

33 Fl-aħħar, rama l-bitħa madwar it-tabernaklu u l-artal, u dendel il-purtiera għad-daħla tal-bitħa.

Għalhekk, Mosè lesta x-xogħol. 34 U s-sħaba bdiet tgħatti t-tinda tal-laqgħa, u l-glorja taʼ Ġeħova mliet it-tabernaklu. 35 Mosè ma setax jidħol fit-tinda tal-laqgħa għax is-sħaba baqgħet fuqha, u l-glorja taʼ Ġeħova mliet it-tabernaklu.

36 U meta s-sħaba kienet togħla minn fuq it-tabernaklu, l-Iżraelin kienu jżarmaw il-kampijiet minn fejn ikunu. Dan għamluh matul il-vjaġġ kollu tagħhom fid-deżert. 37 Madankollu, jekk is-sħaba ma togħliex, ma kinux iżarmaw il-kampijiet sa dakinhar li kienet togħla. 38 Għax matul il-vjaġġ kollu, il-poplu kollu t’Iżrael setaʼ jara li s-sħaba taʼ Ġeħova kienet tkun fuq it-tabernaklu matul il-jum, u matul il-lejl kien ikun hemm nar fuqu.

Letteralment “it-tfal t’Iżrael.”

Letteralment “jibżgħu mill-Alla.”

Letteralment “beżgħu mill-Alla.”

Jew “arka; kaxxa.”

Ifisser “Imtellaʼ,” jiġifieri salvat mill-ilma.

Jew “hekk kif Mosè kien qed isir b’saħħtu.”

Jew “iddefenda.”

Jiġifieri Ġetro.

Ifisser “Resident Barrani Hemmhekk.”

Jew “tqimu.”

Jew “Nagħżel li.”

Jew “Jien Se Nuri li Jien Dak li Se Nuri li Jien.” Ara App. A4.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “tirrapreżenta lil Alla għalih.”

Letteralment “iwebbes qalbu.”

Jistaʼ jirreferi għat-tifel taʼ Mosè.

Jew “sikkina taż-żnied.”

Jistaʼ jirreferi għal saqajn l-anġlu.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “ġorru t-tagħbijiet tagħkom.”

Dawn kienu magħżulin mill-Iżraelin.

Jew “għax huma għażżenin.”

Dan jirreferi għaz-zkuk taċ-ċereali li jkun għad fadal fl-għelieqi wara l-ħsad.

Jew “Intom għażżenin, intom għażżenin.”

Letteralment “driegħ maħruġ ’il barra.”

Letteralment “erfajt idi.”

Letteralment “skont l-armati tagħhom.”

Letteralment “għamiltek Alla.”

Letteralment “iwebbes qalbu.”

Letteralment “l-armati tiegħi, il-poplu tiegħi.”

Letteralment “il-bastun.”

Jiġifieri l-kanali min-Nil.

Jew “fil-mejjilli.”

Letteralment “webbes qalbu.”

Letteralment “Dan hu s-subaʼ t’Alla!”

Dan kien dubbien li joqros.

Jiġifieri l-Eġizzjani.

Letteralment “iwebbes qalbu.”

Jew “titneħħa.”

Jistaʼ jkun li jiddeskrivi sajjetti qawwijin.

Pjanta li kienu jikkultivaw fl-Eġittu biex jagħmlu ħwejjeġ tal-għażel.

Jiġifieri barley.

Letteralment “ikun taʼ nassa għalina.”

Milli jidher Mosè.

Letteralment “iwebbes qalbu.”

Jew “tippermetti li jkollna.”

Letteralment “difer.”

Letteralment “iwebbes qalbu.”

Letteralment “hu u l-iktar ġar qrib tiegħu.”

Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.

Letteralment “b’ġenbejkom imħażżmin.”

Jew “ruħu.”

Jew “maqtugħ minn m’Iżrael.”

Letteralment “l-armati.”

Jew “ruħu.”

Jew “maqtugħ minn mal-ġemgħa t’Iżrael.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jiġifieri ħaruf jew gidi.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “ir-rovina.”

Letteralment “fid-dar tal-ġiebja.”

Jew “mejjilli li kienu jagħġnu l-ħobż fihom.”

Jiġifieri grupp taʼ wħud mhux Iżraelin, inkluż Eġizzjani.

Letteralment “l-armati.”

Letteralment “lit-tfal t’Iżrael flimkien mal-armati tagħhom.”

Jew “Warrab għalija.”

Letteralment “kull l-ewwel imwieled li jiftaħ kull ġuf.”

Letteralment “id-dar tal-ilsiera.”

Ara App. B15.

Letteralment “fil-fruntieri.”

Letteralment “bejn għajnejkom.”

Letteralment “kull min jiftaħ il-ġuf.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “kulma jiftaħ il-ġuf.”

Letteralment “bejn għajnejkom.”

Letteralment “iwebbes qalbu.”

Letteralment “b’idhom merfugħa.”

Jiġifieri madwar is-2 a.m. sas-6 a.m.

Letteralment “l-id.”

Letteralment “jibżgħu minn.”

“Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.

Letteralment “jibżgħu minnu.”

Jew “Bl-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “Uġigħ tal-ħlas.”

Letteralment “Ix-xejikki.” Xejikk kien kap taʼ tribù.

Jew “it-tiranni.”

Letteralment “tħawwilhom.”

Ifisser “Morr.”

Madwar 2.2 litri. Ara App. B14.

Jew “erwieħ.”

Jew “tosservaw is-sabat.”

Aktarx ġejja mill-espressjoni Ebrajka “man hu’?” li tfisser “X’inhu?”

Milli jidher din kienet kaxxa li fiha kienu jinżammu dokumenti importanti.

Efa kienet daqs 22 litru. Ara App. B14.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ifisser “Għaddew minn Prova; Prova.”

Ifisser “Argumenti.”

Letteralment “minn taħt is-smewwiet.”

Ifisser “Ġeħova Hu l-Arblu Tiegħi Bħala Sinjal.”

Ifisser “Resident Barrani Hemmhekk.”

Ifisser “Alla Tiegħi Hu Għajnuna.”

Letteralment “minn id l-Eġittu.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “jibżgħu minn.”

Letteralment “f’kull żmien.”

Jew “il-propjetà prezzjuża.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jistaʼ jkun permezz taʼ vleġġa.

Letteralment “Tersqux lejn mara.”

Letteralment “kontra wiċċi.”

Jew “rappreżentazzjoni.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”

Hawnhekk “toqtolx” jirreferi għal qtil apposta u kontra l-liġi.

Letteralment “biżaʼ minnu.”

Jew “is-sagrifiċċji taʼ sħubija.”

Jew “b’ġebel minġur.”

Letteralment “tiġi mifdija.”

Jew forsi “b’għodda.”

Letteralment “u t-tfal tagħha joħorġu.”

Jew “gravi.”

Jiġifieri l-mara jew it-tarbija.

Jew “kumpens.”

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “medd idu fuq.”

Letteralment “ma meddx idu fuq.”

Milli jidher minħabba traskuraġni jew ċirkustanzi li setgħu ġew evitati.

Letteralment “tifel bla missier.”

Jew “batut.”

Jew “tiħdulux flus bl-użura.”

Jew “nuri mogħdrija.”

Jew “Tisħtux lili.”

Jew “mexxej.”

Letteralment “f’kelma.”

Jew “neħilsu.”

Letteralment “bin l-ilsira.”

Ara App. B15.

Magħrufa wkoll bħala l-Festa tal-Ġimgħat, jew Pentekoste.

Magħrufa wkoll bħala l-Festa tal-Għerejjex (tat-Tabernakli).

Jew “indawwar lejkom dahar l-għedewwa tagħkom kollha.”

Jew forsi “ppanikjati; imwerwrin.”

Jiġifieri l-Ewfrat.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “suf miżbugħ vjola ħamrani.”

Iż-żebgħa użata għal dan il-ħajt tiġi mill-insett tal-kukku.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “bħad-disinn.”

Jew “kaxxa.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Madwar 7.4 ċentimetri. Ara App. B14.

Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.

Jew “id-disinn.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Jew “injamiet vertikali.”

Letteralment “tan-Nofsinhar.”

Letteralment “tat-Tramuntana.”

Letteralment “Lejn il-Punent.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Jew “l-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.

Letteralment “tan-Nofsinhar.”

Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”

Letteralment “tat-Tramuntana.”

Jew “ħoloq; anelli; qfieli.”

Letteralment “tal-Punent.”

Letteralment “tal-Lvant.”

Letteralment “għorrief f’qalbhom.”

Letteralment “l-ispirtu tal-għerf.”

Jew “ikun qaddis.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jiġifieri xiber taʼ id, madwar 22.2 ċentimetri. Ara App. B14.

Ħaġra prezzjuża mhix identifikata li tistaʼ tkun ambra, ġjaċint, opal, jew tormalina.

Letteralment “qalbu.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “qalb.”

Letteralment “qalbu.”

Dawn it-traban kienu magħmulin mid-drapp u kienu jkunu mdawrin maʼ ras il-qassisin l-oħra. Kellhom forma differenti mit-turban tal-qassis il-kbir.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “imlielhom idhom.”

Jew “agħmilhom qaddisin.”

Jew “qliezet taʼ taħt.”

Jew “għoġol.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “il-kuruna qaddisa.”

Dan it-turban kien magħmul mid-drapp u kien ikun imdawwar maʼ ras il-qassisin l-oħra. Kellu forma differenti mit-turban tal-qassis il-kbir.

Letteralment “imla id Aron u id it-tfal tiegħu.”

Letteralment “agħmilhom idaħħnu.”

Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.

Jew “tikkalma.” Letteralment “u hi riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Letteralment “timlielhom idhom.”

Letteralment “ebda stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.

Letteralment “timlielhom idhom.”

Efa kienet daqs 22 litru. Ara App. B14.

Ħinn kien daqs 3.67 litri. Ara App. B14.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Madwar 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “skont ix-xekel qaddis.”

Gera kien daqs 0.57 grammi. Ara App. B14.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “skont ix-xekel qaddis.”

Ħinn kien daqs 3.67 litri. Ara App. B14.

Jew “maħdumin minn wieħed li jagħmel żejt ifuħ.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “xi stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.

Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”

Jew “maħduma minn wieħed li jagħmel żejt ifuħ.”

Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”

Letteralment “għajjatt b’ismu.”

Letteralment “t’Alla.”

Letteralment “qed inqiegħed l-għerf f’qalb dawk kollha li għandhom qalbhom għarfa.”

Jew “maqtugħ minn fost il-poplu tiegħu.”

Jew “statwa t’għoġol mill-metall imdewweb.”

Jew “statwa t’għoġol mill-metall imdewweb.”

Letteralment “għonqu iebes.”

Jew “ħa jiddispjaċik għad-deċiżjoni.”

Jew “lil dawk li se jiġu minnkom.”

Jew “iddispjaċieh għad-deċiżjoni.”

Jew “l-għoġol.”

Jew “l-għoġol.”

Jew “l-għoġol.”

Letteralment “Imlew idkom.”

Jew “l-għoġol.”

Jew “Lil dawk li se jiġu minnek.”

Letteralment “għonqu iebes.”

Letteralment “għonqu iebes.”

Jew “Għażiltek.”

Letteralment “hu.”

Jew “nuri mogħdrija.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “għonqu iebes.”

Jew “inħolqu.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “li ma nittollerax rivali.”

Ara App. B15.

Letteralment “Kulma jiftaħ il-ġuf.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “iżżommu s-sabat.”

Magħrufa wkoll bħala l-Festa tal-Għerejjex (tat-Tabernakli).

Letteralment “l-Għaxar Kelmiet.” Magħrufin ukoll bħala Dekalogu.

Letteralment “lilu.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “għaref f’qalbu.”

Jew “l-offerti li jiġu mxejrin.”

Letteralment “Imlielhom qalbhom bl-għerf.”

Letteralment “kull raġel għaref f’qalbu.”

Milli jidher Besalel.

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Jew “injamiet vertikali.”

Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Madwar 7.4 ċentimetri. Ara App. B14.

Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.

Jew “maħdumin minn wieħed li jagħmel żejt ifuħ.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Jiġifieri mirja minn metall illostrat sew.

Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”

Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”

Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”

Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”

Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”

Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “skont ix-xekel qaddis.”

Jew “skont ix-xekel qaddis.”

Jew “skont ix-xekel qaddis.”

Jew “tal-offerta li tiġi mxejra.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Madwar 22.2 ċentimetri. Ara App. B14.

Ħaġra prezzjuża mhix identifikata li tistaʼ tkun ambra, ġjaċint, opal, jew tormalina.

Dawn it-traban kienu magħmulin mid-drapp u kienu jkunu mdawrin maʼ ras il-qassisin l-oħra. Kellhom forma differenti mit-turban tal-qassis il-kbir.

Jew “qliezet taʼ taħt.”

Jew “il-kuruna qaddisa.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja