LEVITIKU
1 U Ġeħova għajjat lil Mosè u kellmu mit-tinda tal-laqgħa u qallu: 2 “Kellem lill-Iżraelin* u għidilhom, ‘Jekk xi ħadd minnkom jippreżenta offerta lil Ġeħova mill-annimali tiegħu, għandu jippreżenta l-offerta mill-imrieħel tal-baqar jew tan-nagħaġ.
3 “‘Jekk l-offerta tiegħu tkun offerta tal-ħruq mill-baqar, għandu jippreżenta barri bla difett. Għandu jippreżentah minn jeddu quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 4 U jrid iqiegħed idu fuq ras l-offerta tal-ħruq, u Alla jaċċetta l-offerta u jaħfirlu dnubietu.
5 “‘Imbagħad il-barri żgħir* irid jinqatel quddiem Ġeħova. U t-tfal t’Aron, il-qassisin, jippreżentaw id-demm u jroxxu d-demm fuq kull naħa tal-artal, li qiegħed fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 6 L-offerta tal-ħruq għandha titqaxxar u titqattaʼ f’biċċiet. 7 It-tfal t’Aron, il-qassisin, għandhom ipoġġu faħam jaqbad fuq l-artal u jqiegħdu l-ħatab fuq in-nar. 8 U huma jirranġaw il-biċċiet tal-offerta mar-ras u x-xaħam* fuq il-ħatab jaqbad taʼ fuq l-artal. 9 L-imsaren u s-saqajn* jiġu maħsulin bl-ilma, u l-qassis jaħraq* il-barri kollu kemm hu fuq l-artal bħala offerta tal-ħruq li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
10 “‘Jekk l-offerta tal-ħruq li jagħmel tkun mill-imtaten żgħar jew mill-mogħoż, hu għandu jippreżenta minnhom raġel bla difett. 11 Dan għandu jinqatel fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-artal quddiem Ġeħova, u t-tfal t’Aron, il-qassisin, iroxxu demmu fuq kull naħa tal-artal. 12 Imbagħad jitqattaʼ f’biċċiet, u l-qassis jirranġahom flimkien mar-ras u x-xaħam* fuq il-ħatab jaqbad taʼ fuq l-artal. 13 Hu jaħsel l-imsaren u s-saqajn* bl-ilma, u l-qassis jippreżentah kollu kemm hu u jaħarqu fuq l-artal. Din hi offerta tal-ħruq li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
14 “‘Madankollu, jekk joffri għasafar bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova, hu jrid jippreżenta l-offerta tiegħu mill-gamiem jew mill-bċieċen. 15 Il-qassis jippreżenta l-offerta fuq l-artal u jagħmlilha qatgħa f’għonqha u jaħraqha fuq l-artal, imma demmha għandu jiġi mċarċar fil-ġenb tal-artal. 16 Hu għandu jneħħilha l-ħawsla u r-rix tagħha u jixħithom maġenb l-artal, lejn il-Lvant, fil-post tal-irmied.* 17 U jagħmlilha qatgħa bejn ġwinħajha mingħajr ma jaqsamha fi tnejn. Imbagħad il-qassis jaħraqha fuq l-artal fuq il-ħatab jaqbad. Din hi offerta tal-ħruq li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
2 “‘Issa jekk xi ħadd jippreżenta offerta taċ-ċereali* bħala offerta lil Ġeħova, għandha tkun tad-dqiq fin, u hu għandu jitfaʼ ż-żejt u l-inċens abjad fuqha. 2 Imbagħad jiħodha għand it-tfal t’Aron, il-qassisin, u l-qassis jaqbad ponn mid-dqiq fin imħallat biż-żejt flimkien mal-inċens abjad kollu, u jaħraqhom fuq l-artal bħala simbolu tal-offerta sħiħa,* offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 3 Dak li jifdal mill-offerta jkun t’Aron u tat-tfal tiegħu, bħala xi ħaġa mill-iktar qaddisa mill-offerti li jiġu maħruqin lil Ġeħova.
4 “‘Jekk int tippreżenta offerta taċ-ċereali li ġiet imsajra fil-forn, għandha tkun tad-dqiq fin, ħobż bla ħmira forma taʼ ftira mħallat biż-żejt jew galletti bla ħmira biż-żejt fuqhom.
5 “‘Jekk tagħmel offerta taċ-ċereali msajra fuq il-pjanċa, għandha tkun tad-dqiq fin bla ħmira mħallat maż-żejt. 6 Għandha titqattaʼ biċċiet, u int trid titfaʼ ż-żejt fuqha. Din hi offerta taċ-ċereali.
7 “‘Jekk tagħmel offerta taċ-ċereali msajra f’borma, għandha ssir mid-dqiq fin biż-żejt. 8 Din l-offerta taċ-ċereali għandek iġġibha lil Ġeħova, u tiġi ppreżentata lill-qassis u dan jiħodha qrib l-artal. 9 U l-qassis jieħu ftit mill-offerta bħala simbolu tal-offerta sħiħa* u jaħarqu fuq l-artal, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 10 Dak li jifdal mill-offerta jkun t’Aron u tat-tfal tiegħu, bħala xi ħaġa mill-iktar qaddisa mill-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova.
11 “‘Ebda offerta taċ-ċereali li tippreżentaw lil Ġeħova m’għandu jkollha ħmira fiha, għax ma tridu taħarqu xejn li fih il-ħmira jew l-għasel bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.
12 “‘Tistgħu tippreżentawhom lil Ġeħova bħala offerta tal-ewwel prodott, imma m’għandhomx jittellgħu fuq l-artal bħala riħa pjaċevoli.*
13 “‘Kull offerta taċ-ċereali li tagħmel trid tħawwarha bil-melħ; u l-melħ tal-patt tal-Alla tiegħek tħallihx ikun nieqes mill-offerta tiegħek. Maʼ kull offerta li tagħmel trid tippreżenta l-melħ.
14 “‘Jekk lil Ġeħova tippreżentalu l-offerta taċ-ċereali tal-ewwel prodott, għandek tippreżenta ċereali ġodda* inkaljati bin-nar u mitħunin ħoxnin, bħala l-offerta taċ-ċereali tal-ewwel prodott tiegħek. 15 U trid titfaʼ ż-żejt u l-inċens abjad fuqha. Din hi offerta taċ-ċereali. 16 Il-qassis irid jaħraq bħala simbolu tal-offerta sħiħa* ftit miċ-ċereali mitħun oħxon u miż-żejt flimkien mal-inċens abjad kollu tagħha, bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.
3 “‘Jekk l-offerta tiegħu tkun sagrifiċċju tal-paċi,* u jekk jippreżentaha mill-merħla tal-baqar, sew jekk barri u sew jekk baqra, għandu jippreżentaha bla difett quddiem Ġeħova. 2 Hu jrid iqiegħed idu fuq ras l-offerta tiegħu, u din tinqatel fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa; u t-tfal t’Aron, il-qassisin, iroxxu d-demm fuq kull naħa tal-artal. 3 Hu jippreżenta parti mis-sagrifiċċju tal-paċi bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova: ix-xaħam li jiksi l-imsaren, ix-xaħam kollu taʼ madwar l-imsaren, 4 u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 5 U t-tfal t’Aron iridu jaħarquhom fuq l-offerta tal-ħruq li qiegħda fuq il-ħatab jaqbad tal-artal. Din hi offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
6 “‘Jekk l-offerta tiegħu tkun mill-merħla tan-nagħaġ bħala sagrifiċċju tal-paċi lil Ġeħova, hu jippreżenta minnhom raġel jew mara bla difett. 7 Jekk jippreżenta muntun żgħir bħala l-offerta tiegħu, allura jrid jippreżentah quddiem Ġeħova. 8 Hu jqiegħed idu fuq ras l-offerta tiegħu, u din tinqatel quddiem it-tinda tal-laqgħa. U t-tfal t’Aron iroxxu demmha fuq kull naħa tal-artal. 9 U mis-sagrifiċċju tal-paċi jippreżenta x-xaħam bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. Hu jneħħi d-denb imxaħħam kollu minn ħdejn is-sinsla, ix-xaħam li jiksi l-imsaren, ix-xaħam kollu taʼ madwar l-imsaren, 10 u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 11 U l-qassis irid jaħraqhom fuq l-artal bħala ikel,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.
12 “‘Jekk l-offerta tiegħu tkun mill-mogħoż, irid jippreżentaha quddiem Ġeħova. 13 Hu jqiegħed idu fuq rasha, u din tinqatel quddiem it-tinda tal-laqgħa. U t-tfal t’Aron iroxxu demmha fuq kull naħa tal-artal. 14 Il-parti li jippreżenta bħala l-offerta tiegħu li tiġi maħruqa għal Ġeħova hi x-xaħam li jiksi l-imsaren, ix-xaħam kollu taʼ madwar l-imsaren, 15 u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 16 Il-qassis irid jaħraqhom fuq l-artal bħala ikel,* offerta li tiġi maħruqa bħala riħa pjaċevoli.* Ix-xaħam kollu hu taʼ Ġeħova.
17 “‘Din hi liġi li għandha sservi għall-ġenerazzjonijiet tagħkom fil-postijiet kollha fejn tgħixu: M’għandkom tieklu assolutament ebda xaħam jew demm.’”
4 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Għid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi ħadd jidneb bi żball billi jagħmel waħda mill-affarijiet li Ġeħova kkmanda li m’għandhomx isiru, ħa jsir dan li ġej:
3 “‘Jekk il-qassis il-kbir* jidneb u b’hekk iġib il-ħtija fuq il-poplu, hu għandu jippreżenta barri żgħir bla difett lil Ġeħova bħala offerta għad-dnub minħabba d-dnub li jkun għamel. 4 U jġib il-barri fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa quddiem Ġeħova u jqiegħed idu fuq ras il-barri u joqtlu quddiem Ġeħova. 5 Imbagħad il-qassis il-kbir jaqbad ftit mid-demm tal-barri u jieħdu fit-tinda tal-laqgħa. 6 U hu jbill sebgħu fid-demm u jroxx ftit mid-demm sebaʼ darbiet quddiem Ġeħova, quddiem il-purtiera tal-post qaddis. 7 Il-qassis ipoġġi wkoll ftit mid-demm fuq il-qrun tal-artal tal-inċens ifuħ, li qiegħed quddiem Ġeħova fit-tinda tal-laqgħa. Dak kollu li jibqaʼ mid-demm tal-barri jferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal tal-offerta tal-ħruq, li qiegħed fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.
8 “‘Imbagħad hu jneħħi x-xaħam kollu tal-barri tal-offerta għad-dnub, li jinkludi x-xaħam li jiksi l-imsaren u x-xaħam kollu taʼ madwar l-imsaren, 9 u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 10 Dawn huma l-istess partijiet li jitneħħew mill-barri tas-sagrifiċċju tal-paċi. U l-qassis jaħraqhom fuq l-artal tal-offerta tal-ħruq.
11 “‘Imma dwar il-ġilda tal-barri u l-laħam kollu tiegħu flimkien maʼ rasu, saqajh,* imsarnu, u l-ħmieġ tiegħu, 12 jiġifieri kulma jibqaʼ mill-barri, hu jara li jinħareġ ’il barra mill-kampijiet f’post nadif fejn jintrema l-irmied,* u jaħarqu fuq il-ħatab jaqbad. Għandu jiġi maħruq fejn jintrema l-irmied.
13 “‘Ejja ngħidu li l-Iżraelin kollha jkunu saru ħatjin għax għamlu dnub bi żball, imma l-kongregazzjoni ma tkunx saret taf li għamlu xi ħaġa li Ġeħova kkmandahom biex ma jagħmlux. 14 F’każ li d-dnub isir magħruf, il-kongregazzjoni trid tippreżenta barri żgħir bħala offerta għad-dnub u ġġibu quddiem it-tinda tal-laqgħa. 15 L-anzjani* tal-ġemgħa jqiegħdu jdejhom fuq ras il-barri quddiem Ġeħova, u l-barri jinqatel quddiem Ġeħova.
16 “‘Imbagħad il-qassis il-kbir irid jieħu ftit mid-demm tal-barri fit-tinda tal-laqgħa. 17 Il-qassis ibill sebgħu fid-demm u jroxxu sebaʼ darbiet quddiem Ġeħova, quddiem il-purtiera. 18 Hu jpoġġi ftit mid-demm fuq il-qrun tal-artal li qiegħed quddiem Ġeħova u li qiegħed fit-tinda tal-laqgħa. U dak kollu li jibqaʼ mid-demm iferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal tal-offerta tal-ħruq, li qiegħed fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 19 U jneħħilu x-xaħam kollu u jaħarqu fuq l-artal. 20 Lill-barri jagħmillu bħalma għamel lill-barri l-ieħor tal-offerta għad-dnub. Hekk irid jagħmel, u l-qassis jagħmel tpattija għalihom, u b’hekk jinħafrilhom dnubhom. 21 Hu jara li l-barri jinħareġ ’il barra mill-kampijiet u jinħaraq, bħalma nħaraq l-ewwel barri. Din hi offerta għad-dnub għall-kongregazzjoni.
22 “‘Meta wieħed mill-kapijiet tal-poplu jidneb bi żball billi jagħmel xi ħaġa minn dak kollu li Ġeħova l-Alla tiegħu jikkmanda li m’għandux isir u jsir ħati, 23 jew jinduna li jkun għamel dnub kontra l-kmandament, hu jrid iġib gidi bla difett bħala l-offerta tiegħu. 24 Hu jqiegħed idu fuq ras il-gidi u joqtlu fil-post fejn l-offerta tal-ħruq tinqatel quddiem Ġeħova. Din hi offerta għad-dnub. 25 Il-qassis jieħu ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub b’sebgħu u jpoġġih fuq il-qrun tal-artal tal-offerta tal-ħruq, u jferraʼ l-bqija tad-demm man-naħa t’isfel tal-artal tal-offerta tal-ħruq. 26 Hu jaħraq ix-xaħam kollu tiegħu fuq l-artal bħax-xaħam tas-sagrifiċċju tal-paċi. U l-qassis jagħmel tpattija għalih għad-dnub tiegħu, u b’hekk jinħafirlu.
27 “‘U jekk xi ħadd min-nies tal-pajjiż jidneb bi żball billi jagħmel xi ħaġa minn dak li Ġeħova jikkmanda li m’għandux isir, 28 jew jekk jinduna li jkun għamel dnub, irid iġib gidja bla difett bħala l-offerta tiegħu għad-dnub li jkun għamel. 29 Hu jqiegħed idu fuq ras l-offerta għad-dnub u joqtolha fl-istess post fejn qatel l-offerta tal-ħruq. 30 Il-qassis jieħu ftit minn demmha b’sebgħu u jpoġġih fuq il-qrun tal-artal tal-offerta tal-ħruq, u jferraʼ l-bqija taʼ demmha man-naħa t’isfel tal-artal. 31 Hu jneħħilha x-xaħam kollu bħalma tneħħa x-xaħam tas-sagrifiċċju tal-paċi u jaħraqha fuq l-artal bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. U l-qassis jagħmel tpattija għalih, u b’hekk jinħafirlu dnubu.
32 “‘Imma jekk l-offerta tiegħu għad-dnub tkun mill-ħrief, għandu jġib ħarufa bla difett. 33 Hu jqiegħed idu fuq rasha u joqtolha bħala offerta għad-dnub fil-post fejn tinqatel l-offerta tal-ħruq. 34 Il-qassis jieħu ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub b’sebgħu u jpoġġih fuq il-qrun tal-artal tal-offerta tal-ħruq, u jferraʼ l-bqija tad-demm man-naħa t’isfel tal-artal. 35 Hu jneħħi x-xaħam kollu tagħha, l-istess bħalma jitneħħa x-xaħam tal-muntun żgħir tas-sagrifiċċju tal-paċi, u jaħarqu fuq l-artal, fuq l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova. U l-qassis jagħmel tpattija għalih għad-dnub li jkun għamel, u b’hekk jinħafirlu.
5 “‘Jekk xi ħadd ra xi ħaġa ħażina ssir, jew sar jaf dwarha, u jismaʼ li hemm bżonn taʼ xhieda* taʼ dan, imma ma jirrapportahiex, hu jkun ħati taʼ dnub u jrid ibati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.
2 “‘Jekk xi ħadd imiss xi ħaġa mhix nadifa, sew jekk hu ġisem mejjet t’annimal salvaġġ, t’annimal li jiġi mrobbi, jew t’annimal żgħir li jgħix fi qtajjaʼ, hu ma jkunx nadif u jsir ħati anki jekk ma jindunax. 3 Jew jekk xi ħadd mingħajr ma jinduna jmiss xi nuqqas taʼ ndafa taʼ bniedem, kwalunkwe ħaġa mhix nadifa li biha jistaʼ ma jibqax nadif, u wara jinduna b’dan, hu jsir ħati.
4 “‘Jekk xi ħadd jaħlef li jagħmel id-deni jew il-ġid bla ma jaħsibha, imma wara jinduna li ħalef bla ma ħasibha, isir ħati.*
5 “‘Jekk isir ħati taʼ xi waħda minn dawn l-affarijiet, għandu jgħid b’liema mod dineb. 6 Ukoll, irid iġib lil Ġeħova l-offerta għall-ħtija għad-dnub li jkun għamel, jiġifieri ħarufa jew gidja mill-merħla, bħala offerta għad-dnub. Imbagħad il-qassis jagħmel tpattija għalih għad-dnub tiegħu.
7 “‘Iżda, jekk ma jkollux biex jagħti annimal mill-merħla, irid iġib żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen lil Ġeħova bħala l-offerta għall-ħtija tiegħu għad-dnub, wieħed għall-offerta għad-dnub u wieħed għall-offerta tal-ħruq. 8 U jrid jiħodhom lill-qassis, u dan l-ewwel jippreżenta l-wieħed għall-offerta għad-dnub u jagħmillu qatgħa fin-naħa taʼ quddiem t’għonqu, imma m’għandux jaqtagħlu rasu barra. 9 Hu jroxx ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub mal-ġenb tal-artal, imma l-bqija tad-demm jiġi mċarċar man-naħa t’isfel tal-artal. Din hi offerta għad-dnub. 10 L-ieħor joffrih bħala offerta tal-ħruq skont il-proċedura tas-soltu. U l-qassis jagħmel tpattija għalih għad-dnub li jkun għamel, u b’hekk jinħafirlu.
11 “‘Issa jekk ma jkollux biex jagħti żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen, irid jieħu bħala l-offerta tiegħu għad-dnub għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin bħala offerta għad-dnub. Ma jridx iżid żejt fuqha jew iqiegħed inċens abjad fuqha, għax din hi offerta għad-dnub. 12 Hu jiħodha għand il-qassis, u l-qassis jaqbad ponn minnha bħala simbolu tal-offerta sħiħa* u jaħraqha fuq l-artal, fuq l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova. Din hi offerta għad-dnub. 13 Il-qassis jagħmel tpattija għalih, għal kwalunkwe dnub li jkun għamel mid-dnubiet li ssemmew, u dan jinħafirlu. Il-bqija tal-offerta ssir tal-qassis, l-istess bħall-offerta taċ-ċereali.’”*
14 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 15 “Jekk xi ħadd ma jkunx leali billi jidneb bi żball kontra l-affarijiet qaddisin taʼ Ġeħova, irid iġib lil Ġeħova muntun bla difett mill-merħla bħala offerta għall-ħtija. Il-valur tagħha fi xwiekel* tal-fidda jiġi kkalkulat skont ix-xekel tal-post qaddis.* 16 U jħallas il-valur tal-affarijiet qaddisa li dineb kontrihom u jżid ukoll 20 fil-100 taʼ kemm jiswa. Hu jagħtih lill-qassis, sabiex il-qassis jagħmel tpattija għalih bil-muntun tal-offerta għall-ħtija, u b’hekk jinħafirlu dnubu.
17 “Jekk xi ħadd jidneb għax jagħmel xi ħaġa minn dak li Ġeħova jikkmanda li m’għandux isir, anki jekk ma jindunax, xorta waħda jkun ħati u jrid ibati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu. 18 Hu jrid jieħu għand il-qassis muntun bla difett mill-merħla skont il-valur stmat, bħala offerta għall-ħtija. Imbagħad il-qassis jagħmel tpattija għalih għall-iżball li jkun għamel mhux apposta u bla ma jaf, u jinħafirlu. 19 Peress li sar ħati billi dineb kontra Ġeħova, hu għandu jagħmel din l-offerta għall-ħtija.”
6 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Jekk xi ħadd jidneb u ma jkunx leali lejn Ġeħova billi jqarraq b’xi ħadd dwar xi ħaġa li fdalu jew refaʼ għandu, jew jisirqu jew jiħodlu xi ħaġa bi frodi, 3 jew isib xi ħaġa mitlufa u jqarraq dwarha, u jekk jaħlef b’mod falz dwar xi dnub bħal dan li hu jistaʼ jagħmel, għandu jsir hekk: 4 Jekk dineb u sar ħati, irid jagħti lura dak li seraq, dak li ħa bil-forza, dak li ħa bi frodi, dak li ġie fdat għandu, jew il-ħaġa mitlufa li sab, 5 jew kwalunkwe ħaġa li dwarha ħalef b’mod falz, u jrid jagħti kumpens sħiħ għaliha, u jżid magħha 20 fil-100 taʼ kemm tiswa. Hu jagħtiha lil sidha dakinhar li jinstab ħati. 6 U bħala offerta għall-ħtija, hu jieħu lil Ġeħova muntun bla difett mill-merħla skont il-valur stmat, bħala offerta għall-ħtija. Hu jiħodha għand il-qassis. 7 Il-qassis jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova, u b’hekk tinħafirlu kwalunkwe ħaġa li setaʼ għamel u li biha nstab ħati.”
8 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 9 “Ikkmanda lil Aron u lit-tfal tiegħu u għidilhom, ‘Din hi l-liġi tal-offerta tal-ħruq: L-offerta tal-ħruq tibqaʼ fuq in-nar tal-artal il-lejl kollu sa filgħodu, u n-nar jitħalla jaqbad fuq l-artal. 10 Il-qassis jilbes il-libsa uffiċjali tal-għażel u l-qalziet qasir* tal-għażel minn taħt fuq il-ġilda. Imbagħad ineħħi l-irmied* tal-offerta tal-ħruq li nħarqet bin-nar fuq l-artal, u jqiegħdu maġenb l-artal. 11 Imbagħad jbiddel ħwejġu u joħroġ l-irmied lejn post nadif ’il barra mill-kampijiet. 12 In-nar jitħalla jaqbad fuq l-artal. M’għandux jintefa. U l-qassis irid jaħraq il-ħatab fuqu kull filgħodu u jqiegħed l-offerta tal-ħruq fuqu, u jaħraq fuqu x-xaħam tas-sagrifiċċji taʼ paċi. 13 In-nar jinżamm jaqbad il-ħin kollu fuq l-artal. M’għandux jintefa.
14 “‘Issa din hi l-liġi tal-offerta taċ-ċereali:* It-tfal t’Aron għandhom jippreżentawha quddiem Ġeħova, quddiem l-artal. 15 Wieħed minnhom jieħu ponn mid-dqiq fin imħallat biż-żejt tal-offerta taċ-ċereali u l-inċens abjad kollu tagħha, u jaħraqhom fuq l-artal bħala riħa pjaċevoli,* bħala simbolu tal-offerta sħiħa* għal Ġeħova. 16 Dak li jibqaʼ minnha jikluh Aron u t-tfal tiegħu. Jittiekel bħala ħobż bla ħmira f’post qaddis. Jikluh fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa. 17 M’għandux jissajjar bil-ħmira. Jien tajtu bħala sehemhom mill-offerti tiegħi li jiġu maħruqin. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa, bħall-offerta għad-dnub u bħall-offerta għall-ħtija. 18 Dan jittiekel minn kull raġel mit-tfal t’Aron. Dan hu sehemhom għal dejjem matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom mill-offerti taʼ Ġeħova li jiġu maħruqin. Kulma jmiss mal-offerti jitqaddes.’”
19 Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè: 20 “Din hi l-offerta li Aron u t-tfal tiegħu jridu jippreżentaw lil Ġeħova dakinhar li Aron jiġi midluk: l-għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin bħala offerta regolari taċ-ċereali, nofsha filgħodu u nofsha filgħaxija. 21 Din titħallat biż-żejt u ssir fuq pjanċa. Int tiħodha mħallta sew biż-żejt u tippreżentaha f’biċċiet bħala prodott imsajjar tal-offerta taċ-ċereali, bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 22 Din jagħmilha l-qassis il-kbir* li jiġi warajh mit-tfal tiegħu. Din hi liġi għal żmien twil: Bħala offerta sħiħa tiġi maħruqa għal Ġeħova. 23 Kull offerta taċ-ċereali taʼ qassis għandha tkun offerta sħiħa. Din m’għandhiex tittiekel.”
24 Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè u qallu: 25 “Għid lil Aron u lit-tfal tiegħu, ‘Din hi l-liġi tal-offerta għad-dnub: Fil-post fejn tinqatel l-offerta tal-ħruq għandha tinqatel ukoll l-offerta għad-dnub quddiem Ġeħova. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 26 Il-qassis li joffriha għad-dnub jiekol sehmu mill-offerta. Jittiekel f’post qaddis, fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa.
27 “‘Kulma jmiss maʼ laħamha jsir qaddis, u meta xi ħadd iċappas ħwejġu bi ftit minn demmha, il-ħaġa li ċċappset bid-demm għandek taħsilha f’post qaddis. 28 Ir-reċipjent tal-fuħħar li titgħalla fih għandu jitkisser. Imma jekk titgħalla f’reċipjent tar-ram, dan għandu jingħorok u jitlaħlaħ bl-ilma.
29 “‘Kull raġel minn fost il-qassisin jiekol sehmu mill-offerta. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 30 Madankollu, ebda offerta għad-dnub ma trid tittiekel jekk ftit mid-demm tagħha jiddaħħal fit-tinda tal-laqgħa biex issir tpattija fil-post qaddis. Għandha tiġi maħruqa bin-nar.
7 “‘Din hi l-liġi tal-offerta għall-ħtija: Hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 2 Fil-post fejn tinqatel l-offerta tal-ħruq tinqatel ukoll l-offerta għall-ħtija, u demmha jiġi mxerred maʼ kull naħa tal-artal. 3 Il-qassis* jippreżenta x-xaħam kollu, li jinkludi d-denb imxaħħam, ix-xaħam li jiksi l-imsaren, 4 u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 5 Il-qassis jaħraqhom fuq l-artal bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. Din hi offerta għall-ħtija. 6 Irid jikolha kull raġel minn fost il-qassisin, u trid tittiekel f’post qaddis. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 7 Il-liġi dwar l-offerta għad-dnub tapplika wkoll għall-offerta għall-ħtija. Din issir tal-qassis li jagħmel it-tpattija biha.
8 “‘Meta l-qassis jippreżenta l-offerta tal-ħruq għal xi ħadd, il-ġilda tal-offerta tal-ħruq li ġiet ippreżentata lill-qassis issir tiegħu.
9 “‘Kull offerta taċ-ċereali* msajra fil-forn, ġol-borma, jew fuq il-pjanċa ssir tal-qassis li jippreżentaha. 10 Imma kull offerta taċ-ċereali li tkun imħallta biż-żejt jew li hi xotta tkun tat-tfal subien kollha t’Aron. Is-sehem taʼ kull wieħed minnhom ikun indaqs.
11 “‘Issa din hi l-liġi tas-sagrifiċċju tal-paċi li wieħed jistaʼ jippreżenta lil Ġeħova: 12 Jekk jippreżentah biex jesprimi ringrazzjament, hu jippreżenta flimkien mas-sagrifiċċju taʼ ringrazzjament ħobż bla ħmira forma taʼ ftira mħallat biż-żejt, galletti bla ħmira biż-żejt fuqhom, u ħobż forma taʼ ftira magħmul bi dqiq fin, imħallat sew biż-żejt. 13 Hu jippreżenta l-offerta tiegħu maʼ ħobż bil-ħmira forma taʼ ftira u s-sagrifiċċji tal-paċi b’sinjal taʼ ringrazzjament. 14 Minnha jrid jippreżenta waħda minn kull offerta bħala sehem sagru għal Ġeħova. Din tkun tal-qassis li jroxx id-demm tas-sagrifiċċji tal-paċi. 15 Il-laħam tas-sagrifiċċji tal-paċi tiegħu b’sinjal taʼ ringrazzjament għandu jittiekel dakinhar li joffrih. Ma jrid jerfaʼ xejn minnu għal filgħodu.
16 “‘Jekk is-sagrifiċċju tal-offerta tiegħu jkun wegħda jew offerta volontarja, għandu jittiekel dakinhar li hu jippreżenta s-sagrifiċċju tiegħu, u l-għada dak li jifdal minnu jistaʼ jittiekel ukoll. 17 Imma dak kollu li jifdal mil-laħam tas-sagrifiċċju fit-tielet jum għandu jinħaraq bin-nar. 18 Madankollu, jekk xi laħam tas-sagrifiċċju tal-paċi tiegħu jittiekel fit-tielet jum, min jippreżentah ma jiġix aċċettat b’approvazzjoni. Ma jibbenefikax minnu. Hi xi ħaġa moqżieża, u min jiekol ftit minnu jbati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu. 19 Il-laħam li jmiss maʼ xi ħaġa mhix nadifa m’għandux jittiekel. Għandu jinħaraq bin-nar. Kull min hu nadif jistaʼ jiekol il-laħam nadif.
20 “‘Imma kull persuna li mhix nadifa u li tiekol il-laħam tas-sagrifiċċju tal-paċi, li hu għal Ġeħova, trid tiġi maqtula.* 21 Jekk xi ħadd imiss xi ħaġa mhix nadifa, kemm jekk hi n-nuqqas taʼ ndafa taʼ bniedem jew annimal mhux nadif jew kwalunkwe ħaġa mhix nadifa li hi diżgustanti, u jiekol ftit mil-laħam tas-sagrifiċċju tal-paċi, li hu għal Ġeħova, din il-persuna trid tiġi maqtula.’”*
22 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 23 “Għid lill-Iżraelin, ‘Tieklu ebda xaħam taʼ barri, muntun żgħir, jew bodbod. 24 Ix-xaħam t’annimal li jinstab mejjet u x-xaħam t’annimal li nqatel minn annimal ieħor jistaʼ jintuża għal kwalunkwe ħaġa oħra, imma qatt m’għandkom tikluh. 25 Għax kull min jiekol ix-xaħam t’annimal li jippreżenta bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, irid jiġi maqtul.*
26 “‘Tgħixu fejn tgħixu m’għandkom tieklu ebda demm, sew jekk tal-għasafar u sew jekk tal-annimali. 27 Kull persuna li tiekol xi demm, għandha tiġi maqtula.’”*
28 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 29 “Għid lill-Iżraelin, ‘Kull min jippreżenta s-sagrifiċċju tal-paċi tiegħu lil Ġeħova, għandu jġib parti mis-sagrifiċċju tiegħu bħala offerta lil Ġeħova. 30 Hu jrid jieħu b’idejh stess ix-xaħam u s-sidra bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, u hu jxejjirha ’l quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. 31 Il-qassis jaħraq ix-xaħam fuq l-artal, imma s-sidra tkun t’Aron u tat-tfal tiegħu.
32 “‘Mis-sagrifiċċji tal-paċi tagħkom tagħtu s-sieq il-leminija bħala sehem sagru lill-qassis. 33 It-tifel t’Aron li jippreżenta d-demm tas-sagrifiċċji tal-paċi u x-xaħam ikollu s-sieq il-leminija bħala sehmu. 34 Għax is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq tas-sehem sagru niħodhom mis-sagrifiċċji tal-paċi tal-Iżraelin, u nagħtihom lil Aron il-qassis u lit-tfal tiegħu, bħala liġi għal żmien twil għall-Iżraelin.
35 “‘Dan kien is-sehem mill-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova li kellu jitwarrab għall-qassisin, għal Aron u t-tfal tiegħu, dakinhar li ppreżentahom biex jaqdu bħala qassisin għal Ġeħova. 36 Ġeħova kkmanda li jingħatalhom dan is-sehem mingħand l-Iżraelin dakinhar li ġew inkarigati* minnu. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet tagħhom.’”
37 Din hi l-liġi dwar l-offerta tal-ħruq, l-offerta taċ-ċereali, l-offerta għad-dnub, l-offerta għall-ħtija, is-sagrifiċċju biex jiġu inkarigati l-qassisin, u s-sagrifiċċju tal-paċi, 38 bħalma Ġeħova kkmanda lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj dakinhar li kkmanda lill-Iżraelin biex jippreżentaw l-offerti tagħhom lil Ġeħova fid-deżert tas-Sinaj.
8 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u qallu: 2 “Ħu lil Aron u lit-tfal tiegħu, il-ħwejjeġ, iż-żejt tad-dlik, il-barri tal-offerta għad-dnub, iż-żewġ imtaten, u l-qoffa tal-ħobż bla ħmira, 3 u laqqaʼ lill-Iżraelin kollha fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.”
4 Imbagħad Mosè għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova, u l-Iżraelin iltaqgħu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 5 Mosè issa qalilhom: “Dan ikkmandana nagħmlu Ġeħova.” 6 Għalhekk, Mosè ħa ħdejh lil Aron u lit-tfal tiegħu u ħasilhom bl-ilma. 7 Imbagħad hu libbes lil Aron il-libsa twila, dawwarlu t-terħa miegħu, u libbsu l-libsa bla kmiem. Wara qegħedlu fuqu l-efod,* rabtu biċ-ċinturin minsuġ tal-efod, u ssikkah sew miegħu. 8 U poġġielu fuqu l-pettoral* u fil-pettoral poġġa l-Urim u t-Tummim. 9 Imbagħad poġġielu t-turban fuq rasu, u fuq in-naħa taʼ quddiem tat-turban poġġa l-istrixxa tleqq tad-deheb, is-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni,* bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
10 Imbagħad Mosè ħa ż-żejt tad-dlik, dilek it-tabernaklu u kulma kien fih, u qaddishom. 11 Wara raxx ftit minnu sebaʼ darbiet fuq l-artal, u dilek l-artal, l-għodod kollha tiegħu, il-vaska, u l-bażi tagħha sabiex iqaddishom. 12 Fl-aħħar tefaʼ ftit miż-żejt tad-dlik fuq ras Aron u dilku sabiex iqaddsu.
13 Mosè mbagħad ħa ħdejh lit-tfal t’Aron, libbishom l-ilbies twil, dawrilhom it-trieħi magħhom, u poġġielhom* turban* fuq rashom, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.
14 Imbagħad ħa l-barri tal-offerta għad-dnub, u Aron u t-tfal tiegħu meddew idejhom fuq ras il-barri tal-offerta għad-dnub. 15 Mosè qatlu, ħa d-demm b’sebgħu, poġġieh fuq il-qrun tal-artal fuq kull naħa, u ppurifika l-artal mid-dnub, imma l-bqija tad-demm ferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal. B’hekk, hu qaddes l-artal sabiex ikunu jistgħu jsiru s-sagrifiċċji tat-tpattija fuqu. 16 Wara ħa x-xaħam kollu taʼ fuq l-imsaren, ix-xaħam tal-fwied, u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam tagħhom, u Mosè ħaraqhom fuq l-artal. 17 Imbagħad il-kumplament tal-barri, inkluż il-ġilda, il-laħam, u l-ħmieġ tiegħu, ħaraqhom bin-nar ’il barra mill-kampijiet, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.
18 Hu issa ħa ħdejh il-muntun tal-offerta tal-ħruq, u Aron u t-tfal tiegħu poġġew idejhom fuqu. 19 Imbagħad Mosè qatlu u raxx id-demm fuq kull naħa tal-artal. 20 U l-muntun ġie mqattaʼ kull biċċa għaliha, u Mosè ħaraq ir-ras, il-biċċiet, u x-xaħam.* 21 L-imsaren u s-saqajn* ħasilhom bl-ilma, u Mosè ħaraq il-muntun kollu kemm hu fuq l-artal. Din kienet offerta tal-ħruq bħala riħa pjaċevoli.* Kienet offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
22 Imbagħad ħa ħdejh it-tieni muntun li kellu jiġi offrut biex jiġu inkarigati bħala qassisin, u Aron u t-tfal tiegħu poġġew idejhom fuqu. 23 Mosè qatlu, ħa ftit minn demmu u poġġieh fuq id-dendula tal-widna l-leminija t’Aron, fuq is-subaʼ l-kbir taʼ idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija. 24 Wara, ħa ħdejh lit-tfal t’Aron u poġġa ftit mid-demm fuq id-dendula tal-widna l-leminija tagħhom, fuq is-subaʼ l-kbir taʼ idhom il-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ sieqhom il-leminija. Hu raxx il-bqija tad-demm fuq kull naħa tal-artal.
25 Imbagħad ħa x-xaħam, id-denb imxaħħam, ix-xaħam kollu taʼ fuq l-imsaren, ix-xaħam tal-fwied, iż-żewġ kilwiet u x-xaħam tagħhom, u s-sieq il-leminija. 26 Mill-qoffa tal-ħobż bla ħmira li kienet quddiem Ġeħova ħa ħobża bla ħmira forma taʼ ftira, ħobża biż-żejt forma taʼ ftira, u galletta. Imbagħad poġġiehom fuq il-biċċiet tax-xaħam u fuq is-sieq il-leminija. 27 Wara, poġġiehom kollha fuq il-pali taʼ jdejn Aron u fuq il-pali taʼ jdejn it-tfal tiegħu u beda jxejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. 28 Imbagħad Mosè ħadhom minn idejhom u ħaraqhom fuq l-artal, fuq l-offerta tal-ħruq. Dawn kienu sagrifiċċju bħala riħa pjaċevoli* biex jiġu inkarigati l-qassisin. Kienet offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.
29 Wara, Mosè ħa s-sidra u beda jxejjirha ’l quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. Din saret sehem Mosè mill-muntun offrut meta jiġu inkarigati l-qassisin, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.
30 U Mosè ħa ftit miż-żejt tad-dlik u ftit mid-demm li kien fuq l-artal, u raxxhom fuq Aron u ħwejġu, u fuq it-tfal tiegħu u ħwejjiġhom. B’hekk, hu qaddes lil Aron u l-ħwejjeġ tiegħu u lit-tfal tiegħu u ħwejjiġhom.
31 Imbagħad Mosè qal lil Aron u lit-tfal tiegħu: “Għallu l-laħam fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u kuluh hemmhekk mal-ħobż li qiegħed fil-qoffa li tintuża meta jiġu inkarigati l-qassisin, għax jien ġejt ikkmandat, ‘Iridu jikluh Aron u t-tfal tiegħu.ʼ 32 Dak li jibqaʼ mil-laħam u mill-ħobż taħarquh bin-nar. 33 Għal sebat ijiem toħorġux mid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, sakemm jgħaddu l-jiem li fihom tiġu inkarigati, għaliex hemm bżonn sebat ijiem biex tiġu inkarigati bħala qassisin.* 34 Ġeħova kkmanda li nagħmlu bħalma għamilna llum sabiex issir tpattija għalikom. 35 Intom toqogħdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa binhar u billejl għal sebat ijiem, u tagħmlu dak li intom obbligati lejn Ġeħova, sabiex ma tmutux; għax jien hekk ġejt ikkmandat.”
36 U Aron u t-tfal tiegħu għamlu kulma Ġeħova kien ikkmanda permezz taʼ Mosè.
9 Fit-tmien jum, Mosè għajjat lil Aron, lit-tfal tiegħu, u lill-anzjani* t’Iżrael. 2 Hu qal lil Aron: “Ħu għalik barri żgħir* bħala offerta għad-dnub u muntun bħala offerta tal-ħruq, it-tnejn bla difett, u ppreżentahom quddiem Ġeħova. 3 Imma lill-Iżraelin għidilhom: ‘Ħudu bodbod bħala offerta għad-dnub, barri żgħir* u muntun żgħir, kull wieħed taʼ sena u bla difett, bħala offerta tal-ħruq, 4 u barri u muntun għas-sagrifiċċji tal-paċi, biex toffruhom bħala sagrifiċċju quddiem Ġeħova. Ħudu wkoll offerta taċ-ċereali* mħallta biż-żejt, għaliex illum Ġeħova se jidher lilkom.’”
5 Għalhekk, ħadu quddiem it-tinda tal-laqgħa dak li kien ikkmanda Mosè. Imbagħad il-ġemgħa kollha resqet qrib u qagħdet quddiem Ġeħova. 6 U Mosè qal: “Dan ikkmandakom tagħmlu Ġeħova, sabiex taraw il-glorja taʼ Ġeħova.” 7 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Mur ħdejn l-artal u ppreżenta l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq tiegħek, u agħmel tpattija għalik u għal familtek.* Wara, ippreżenta l-offerta tan-nies u agħmel tpattija għalihom, bħalma kkmanda Ġeħova.”
8 Aron minnufih mar ħdejn l-artal u qatel il-barri żgħir* tal-offerta għad-dnub li kienet għalih. 9 Imbagħad it-tfal t’Aron ippreżentawlu d-demm u hu bell sebgħu fid-demm u poġġieh fuq il-qrun tal-artal, u l-bqija tad-demm ferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal. 10 Hu ħaraq fuq l-artal ix-xaħam u l-kliewi u x-xaħam tal-fwied mill-offerta għad-dnub, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 11 U l-laħam u l-ġilda ħaraqhom bin-nar ’il barra mill-kampijiet.
12 Imbagħad Aron qatel l-offerta tal-ħruq, u t-tfal tiegħu newlulu d-demm u hu raxxu fuq kull naħa tal-artal. 13 Huma newlulu l-biċċiet tal-offerta tal-ħruq u r-ras, u ħaraqhom fuq l-artal. 14 Barra minn hekk, ħasel l-imsaren u s-saqajn* u ħaraqhom fuq l-offerta tal-ħruq taʼ fuq l-artal.
15 Imbagħad hu ppreżenta l-offerta tan-nies u ħa l-bodbod tal-offerta għad-dnub li kien għalihom u qatlu u għamel offerta għad-dnub bih bħalma għamel bl-ewwel wieħed. 16 Hu ppreżenta l-offerta tal-ħruq u offrieha skont il-proċedura tas-soltu.
17 Imbagħad hu ppreżenta l-offerta taċ-ċereali u mela idu bi ftit minnha u ħarqu fuq l-artal, flimkien mal-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu.
18 Wara, Aron qatel il-barri u l-muntun tas-sagrifiċċju tal-paċi li kien għan-nies. Imbagħad it-tfal tiegħu newlulu d-demm u hu raxxu fuq kull naħa tal-artal. 19 Dwar il-biċċiet tax-xaħam tal-barri, id-denb imxaħħam tal-muntun, ix-xaħam li jiksi l-imsaren, il-kliewi, u x-xaħam tal-fwied, 20 huma poġġew dawn il-biċċiet kollha tax-xaħam fuq l-isdra, u mbagħad hu ħaraq il-biċċiet tax-xaħam fuq l-artal. 21 Imma l-isdra u s-sieq il-leminija, Aron xejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmanda Mosè.
22 Imbagħad Aron għolla jdejh lejn in-nies u berikhom u niżel minn ħdejn l-artal wara li offra l-offerta għad-dnub, l-offerta tal-ħruq, u s-sagrifiċċji tal-paċi. 23 Fl-aħħar, Mosè u Aron daħlu fit-tinda tal-laqgħa, imbagħad ħarġu u bierku lin-nies.
Issa l-glorja taʼ Ġeħova dehret lin-nies kollha, 24 u Ġeħova bagħat nar u beda jaħraq l-offerta tal-ħruq u l-biċċiet tax-xaħam fuq l-artal. Meta n-nies kollha raw dan, bdew jgħajtu u nxteħtu wiċċhom fl-art.
10 Iktar tard, Nadab u Abiħu, it-tfal t’Aron, ħadu reċipjent għall-inċens kull wieħed u poġġew in-nar fih u tefgħu l-inċens fuqu. Imbagħad bdew joffru quddiem Ġeħova nar ipprojbit, li hu ma kienx ikkmandahom jagħmlu. 2 U ħareġ nar minn quddiem Ġeħova u qeridhom, u b’hekk mietu quddiem Ġeħova. 3 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Hekk qal Ġeħova, ‘Ħa nitqaddes fost dawk li jiġu quddiemi, u ħa nkun glorifikat quddiem in-nies kollha.’” U Aron ma qal xejn.
4 Għalhekk, Mosè għajjat lil Misael u lil Elsafan, it-tfal taʼ Użżijel, iz-ziju t’Aron, u qalilhom: “Ejjew u ġorru lil ħutkom minn quddiem il-post qaddis u ħuduhom f’post ’il barra mill-kampijiet.” 5 Għalhekk huma marru u ġarrew l-irġiel bl-ilbies twil tagħhom f’post ’il barra mill-kampijiet, bħalma kien qalilhom Mosè.
6 Mosè mbagħad qal lil Aron u lit-tfal l-oħrajn tiegħu, Elegħażar u Itamar: “Tittraskurawx xagħarkom jew iċċarrtu ħwejjiġkom, sabiex ma tmutux u biex Alla ma jirrabjax kontra l-ġemgħa kollha. Se jkunu ħutkom l-Iżraelin li se jibku għal dawk li Ġeħova qatel bin-nar. 7 M’għandkomx toħorġu mid-daħla tat-tinda tal-laqgħa għax inkella tmutu, għaliex iż-żejt tad-dlik taʼ Ġeħova qiegħed fuqkom.” Għalhekk, huma għamlu kif qalilhom Mosè.
8 Imbagħad Ġeħova qal lil Aron: 9 “La int u lanqas it-tfal tiegħek m’għandkom tixorbu nbid jew xorb alkoħoliku ieħor meta tidħlu fit-tinda tal-laqgħa għax inkella tmutu. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet tagħkom. 10 B’hekk, tkunu tistgħu tagħmlu distinzjoni bejn dak li hu qaddis u dak li mhux qaddis u bejn dak li mhux nadif u dak li hu nadif, 11 u tkunu tistgħu tgħallmu lill-Iżraelin il-liġijiet kollha li Ġeħova tahom permezz taʼ Mosè.”
12 Imbagħad Mosè kellem lil Aron u lit-tfal subien li kien baqagħlu, Elegħażar u Itamar, u qalilhom: “Ħudu dak li baqaʼ mill-offerta taċ-ċereali* li hi mill-offerti li ġew maħruqin għal Ġeħova u kuluh bħala ħobż bla ħmira ħdejn l-artal, għaliex dan hu xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 13 Tridu tikluh f’post qaddis, għaliex dan hu s-sehem tiegħek u tat-tfal tiegħek mill-offerti li ġew maħruqin għal Ġeħova, għax jien hekk ġejt ikkmandat. 14 Tieklu wkoll is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq tas-sehem sagru f’post nadif, int u t-tfal subien u bniet tiegħek, għaliex dawn l-affarijiet ingħataw bħala s-sehem tiegħek u tat-tfal tiegħek mis-sagrifiċċji tal-paċi tal-Iżraelin. 15 Huma jġibu s-sieq tas-sehem sagru u s-sidra tal-offerta li tiġi mxejra flimkien mal-offerti tax-xaħam li jiġu maħruqin, sabiex ixejru l-offerta li tiġi mxejra ’l quddiem u lura quddiem Ġeħova. Din isservi bħala sehem għal dejjem għalik u għat-tfal tiegħek, bħalma kkmanda Ġeħova.”
16 U Mosè fittex bir-reqqa l-bodbod tal-offerta għad-dnub, u sar jaf li kien ġie maħruq. Għalhekk, irrabja għal Elegħażar u Itamar, it-tfal subien li Aron kien baqagħlu, u qalilhom: 17 “Għala ma kiltux l-offerta għad-dnub fil-post qaddis, ladarba hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa u hu tahielkom ħalli twieġbu għall-iżball tal-ġemgħa u tagħmlu tpattija għalihom quddiem Ġeħova? 18 Demmha ma ddaħħalx fil-post qaddis. Kellkom assolutament tikluha fil-post qaddis, bħalma ġejt kmandat jien.” 19 Aron wieġeb lil Mosè: “Illum huma ppreżentaw l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq tagħhom quddiem Ġeħova, u xorta ġrawli dawn l-affarijiet koroh. Kieku llum jien kilt l-offerta għad-dnub, kien dan se jogħġob lil Ġeħova?” 20 U Mosè qabel maʼ dak li semaʼ.
11 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: 2 “Għidu lill-Iżraelin, ‘Dawn huma l-annimali* li tistgħu tieklu: 3 Kull annimal li għandu d-dwiefer maqsumin fi tnejn u li jixtarr.*
4 “‘Imma mill-annimali li jixtarru jew li għandhom qasma fid-dwiefer m’għandkomx tieklu dawn: il-ġemel, għax għalkemm jixtarr, m’għandux qasma fid-dwiefer. Mhuwiex nadif għalikom. 5 Il-fenek tad-deżert ukoll, għax għalkemm jixtarr, m’għandux qasma fid-dwiefer. Mhuwiex nadif għalikom. 6 Il-fenek salvaġġ ukoll, għax għalkemm jixtarr, m’għandux qasma fid-dwiefer. Mhuwiex nadif għalikom. 7 Il-ħanżir ukoll, għax għalkemm għandu d-dwiefer maqsumin fi tnejn, ma jixtarrx. Mhuwiex nadif għalikom. 8 Tieklu ebda laħam tagħhom, u tmissux il-ġisem mejjet tagħhom. Mhumiex nodfa għalikom.
9 “‘Minn kulma hemm fl-ilmijiet tistgħu tieklu dawn: Kulma għandu l-ġwienaħ u l-qxur* fl-ilma tal-ibħra jew tax-xmajjar, tistgħu tikluh. 10 Imma kulma hemm fl-ibħra u fix-xmajjar li m’għandux ġwienaħ u qxur, minn kull ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u minn kull ħliqa ħajja oħra li hemm fl-ilmijiet, ikun xi ħaġa moqżieża għalikom. 11 Iva, dawn għandhom ikunu moqżieża għalikom, u m’għandkom tieklu ebda laħam tagħhom, u tridu titqażżu l-ġisem mejjet tagħhom. 12 Kulma hemm fl-ilmijiet li m’għandux ġwienaħ u qxur ikun xi ħaġa moqżieża għalikom.
13 “‘Dawn huma l-ħlejjaq li jtiru li għandkom titqażżu u li m’għandhomx tieklu: l-ajkla, l-arpa, l-avultun iswed, 14 l-astun aħmar u kull tip t’astun iswed, 15 kull tip taʼ ċawlun, 16 in-nagħma, il-kokka, il-gawwija, kull tip taʼ seqer, 17 il-kokka żgħira, il-margun, il-kokka tal-qrun, 18 iċ-ċinju, il-pellikan, l-avultun, 19 iċ-ċikonja, kull tip taʼ russett, id-daqquqa tat-toppu, u l-farfett il-lejl. 20 Kull insett bil-ġwienaħ li jgħix fi qtajjaʼ u li jimxi fuq erbaʼ saqajn ikun xi ħaġa moqżieża għalikom.
21 “‘Mill-insetti bil-ġwienaħ li jgħixu fi qtajjaʼ u li jimxu fuq erbaʼ saqajn, tistgħu tieklu biss dawk li għandhom saqajn biex jaqbżu bihom ’il fuq mis-saqajn l-oħra. 22 Minn dawn tistgħu tieklu: diversi tipi taʼ ġurati li jpassu, il-ġurati li jaqbżu, ġurati oħra li jittieklu, u anki l-grillu. 23 Kull insett ieħor bil-ġwienaħ li jgħix fi qtajjaʼ u li għandu erbaʼ saqajn ikun xi ħaġa moqżieża għalikom. 24 Jekk tikluhom ma tibqgħux nodfa. Kull min imiss il-ġisem mejjet tagħhom ma jkunx nadif sa filgħaxija. 25 Kull min iġorr il-ġisem mejjet taʼ xi wieħed minnhom irid jaħsel ħwejġu; hu ma jkunx nadif sa filgħaxija.
26 “‘Kwalunkwe annimal li għandu qasma fid-dwiefer imma mhumiex maqsumin fi tnejn u ma jixtarrx, mhux nadif għalikom. Kull min imisshom ma jkunx nadif. 27 Kull ħliqa ħajja li timxi fuq qiegħ saqajha* fost il-ħlejjaq kollha li jimxu fuq l-erbaʼ saqajn, ma tkunx nadifa għalikom. Kull min imiss il-ġisem mejjet tagħhom ma jkunx nadif sa filgħaxija. 28 Min iġorr il-ġisem mejjet tagħhom irid jaħsel ħwejġu, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. Mhumiex nodfa għalikom.
29 “‘Dawn huma l-ħlejjaq li jgħixu fi qtajjaʼ fuq l-art u li mhumiex nodfa għalikom: it-talpa, il-ġurdien, kull tip taʼ gremxul, 30 il-wiżgħa, il-gremxula kbira, il-gremxula tal-ilma, ix-xaħmet l-art, u l-kamaleonte. 31 Dawn il-ħlejjaq li jgħixu fi qtajjaʼ mhumiex nodfa għalikom. Kull min imiss il-ġisem mejjet tagħhom ma jkunx nadif sa filgħaxija.
32 “‘Kwalunkwe ħaġa li jaqgħu fuqha meta jmutu ma tkunx nadifa, sew jekk tkun reċipjent tal-injam, libsa, ġilda, u drapp tal-ixkora. Kull oġġett bħal dan li jiġi użat għandu jiġi mgħaddas fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija; imbagħad ikun nadif. 33 Jekk jaqgħu f’reċipjent tal-fuħħar għandek tkissru u kulma jkun hemm fih ma jkunx nadif. 34 Kull tip taʼ ikel li jmiss mal-ilma minn reċipjent bħal dan ma jkunx nadif, u kull likwidu li jinxtorob u li jkun f’reċipjent bħal dan ma jkunx nadif. 35 Kull ħaġa li jaqaʼ fuqha l-ġisem mejjet tagħhom ma tkunx nadifa. Sew jekk ikun forn jew kenur żgħir, għandu jitkisser biċċiet. Mhux nadif, u jibqaʼ mhux nadif għalikom. 36 Huma biss l-għajn tal-ilma u l-ġiebja li jiġi maħżun l-ilma fiha li jibqgħu nodfa, imma kull min imiss il-ġisem mejjet taʼ dawn il-ħlejjaq ma jkunx nadif. 37 U jekk il-ġisem mejjet tagħhom jaqaʼ fuq żerriegħa taʼ xitla li trid tinżeraʼ, din tkun nadifa. 38 Imma jekk jintefaʼ l-ilma fuq iż-żerriegħa u parti mill-ġisem mejjet tagħhom taqaʼ fuqha, iż-żerriegħa ma tkunx nadifa għalikom.
39 “‘Jekk xi annimal li tużaw għall-ikel imut, kull min imiss il-ġisem mejjet tiegħu ma jkunx nadif sa filgħaxija. 40 Kull min jiekol xi parti mill-ġisem mejjet tiegħu jrid jaħsel ħwejġu, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. Kull min iġorr il-ġisem mejjet tiegħu jrid jaħsel ħwejġu, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 41 Kull ħliqa tal-art mhux nadifa li tgħix fi qtajjaʼ tkun xi ħaġa moqżieża. Tikluhiex. 42 Kemm jekk hi ħliqa li titkaxkar fuq żaqqha, ħliqa li timxi fuq erbaʼ saqajn, u ħliqa tal-art li tgħix fi qtajjaʼ u li għandha ħafna saqajn, m’għandkomx tikluha għaliex hi xi ħaġa moqżieża. 43 Tħallux lilkom infuskom issiru moqżieża b’xi ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ, u tniġġsux lilkom infuskom u ssiru mhux nodfa bihom. 44 Għax jien Ġeħova l-Alla tagħkom, u tridu tqaddsu lilkom infuskom u ssiru qaddisin, għax jien qaddis. Għalhekk, issirux mhux nodfa b’xi ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u li tiċċaqlaq fuq l-art. 45 Għax jien Ġeħova, li tellajtkom mill-art tal-Eġittu biex nurikom li jien Alla, u intom tridu tkunu qaddisin, għaliex jien qaddis.
46 “‘Din hi l-liġi dwar l-annimali, il-ħlejjaq li jtiru, kull ħliqa ħajja li tiċċaqlaq fl-ilmijiet, u dwar kull ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ fuq l-art, 47 sabiex tagħmlu distinzjoni bejn dak li mhux nadif u dak li hu nadif u bejn il-ħlejjaq ħajjin li jistgħu jittieklu u dawk li ma jistgħux jittieklu.’”
12 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Għid lill-Iżraelin, ‘Jekk mara toħroġ tqila u twelled tifel, ma tkunx nadifa għal sebat ijiem, bħal meta jiġiha d-demm taʼ kull xahar. 3 U fit-tmien jum, it-tifel irid jiġi ċirkonċiż. 4 Hi tibqaʼ tindaf mid-demm għal 33 jum ieħor. M’għandhiex tmiss xi ħaġa qaddisa, u m’għandhiex tidħol fil-post qaddis sakemm jgħaddu l-jiem tal-purifikazzjoni tagħha.
5 “‘Jekk twelled tifla, ma tkunx nadifa għal 14-il jum, bħal meta jiġiha d-demm taʼ kull xahar. Hi tibqaʼ tindaf mid-demm għal 66 jum ieħor. 6 Meta jgħaddu l-jiem tal-purifikazzjoni tagħha għal tifel jew għal tifla, trid tieħu għand il-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa muntun żgħir fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq u beċċun jew gamiema bħala offerta għad-dnub. 7 Hu jippreżenta l-offerta quddiem Ġeħova u jagħmel tpattija għaliha, u hi tkun nadifa mit-tnixxija tad-demm. Din hi l-liġi għall-mara li twelled tifel jew tifla. 8 Imma jekk ma jkollhiex biex tagħti muntun żgħir, trid tieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen, wieħed bħala offerta tal-ħruq u l-ieħor bħala offerta għad-dnub, u l-qassis jagħmel tpattija għaliha, u hi tkun nadifa.’”
13 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: 2 “Jekk xi ħadd ikollu nefħa, qoxra, jew tebgħa fil-ġilda tiegħu u din tistaʼ ssir il-marda tal-ġdiem* fil-ġilda tiegħu, irid jinġieb għand Aron il-qassis jew għand wieħed mit-tfal tiegħu l-qassisin. 3 Il-qassis jeżamina l-infezzjoni fil-ġilda. Meta s-suf jew ix-xagħar fl-infezzjoni jibjad u din tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, din tkun il-marda tal-ġdiem. Il-qassis jeżaminaha u jiddikjarah mhux nadif. 4 Imma jekk it-tebgħa fil-ġilda tkun bajda u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u s-suf jew ix-xagħar ma jkunx bjad, il-qassis iżomm kwarantina għal sebat ijiem lil dak li għandu l-infezzjoni. 5 Imbagħad il-qassis jeżaminah fis-sebaʼ jum, u jekk ikun jidher li l-infezzjoni baqgħet kif kienet u ma nfirxitx fil-ġilda, il-qassis iżommu kwarantina għal sebat ijiem oħra.
6 “Il-qassis għandu jerġaʼ jeżaminah fis-sebaʼ jum, u jekk l-infezzjoni tkun iċċarat u ma tkunx infirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah nadif; din kienet biss qoxra. L-individwu mbagħad jaħsel ħwejġu u jkun nadif. 7 Imma jekk il-qoxra* tkun infirxet fil-ġilda wara li jkun deher quddiem il-qassis biex jiddikjarah nadif, jerġaʼ jidher* quddiem il-qassis. 8 Il-qassis jeżaminaha, u jekk il-qoxra tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis imbagħad jiddikjarah mhux nadif. Dan ikun ġdiem.
9 “Jekk xi ħadd toħroġlu l-marda tal-ġdiem irid jinġieb għand il-qassis, 10 u l-qassis jeżaminah. Jekk ikun hemm nefħa bajda fil-ġilda u s-suf jew ix-xagħar jibjad minħabba fiha u jkun hemm ferita fin-nefħa, 11 dan ikun ġdiem kroniku fil-ġilda tiegħu, u l-qassis jiddikjarah mhux nadif. M’għandux iżommu kwarantina, għax mhuwiex nadif. 12 Issa jekk il-ġdiem jinfirex mal-ġilda kollha u l-ġdiem jiksi l-ġilda tal-marid minn rasu sa saqajh, sa fejn jistaʼ jara l-qassis, 13 u l-qassis ikun eżaminah u jara li l-ġdiem ksielu l-ġilda kollha, imbagħad jiddikjara li l-marda tar-raġel ma titteħidx.* Kollha bjadet, u hu jkun nadif. 14 Imma meta tidher ferita fiha, hu ma jkunx nadif. 15 Meta l-qassis jara l-ferita, hu jiddikjarah mhux nadif. Il-ferita mhix nadifa. Din tkun ġdiem. 16 Imma jekk il-ferita terġaʼ tibjad, hu jmur għand il-qassis. 17 Il-qassis jeżaminah, u jekk l-infezzjoni tkun saret bajda, il-qassis jiddikjara lir-raġel infettat nadif. Hu jkun nadif.
18 “Jekk xi ħadd joħroġlu xi musmar fil-ġilda tiegħu u jfiqlu, 19 imma minflok il-musmar titlagħlu nefħa bajda jew tebgħa bajda ħamranija, hu jrid jidher quddiem il-qassis. 20 Il-qassis jeżaminaha, u jekk tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u s-suf taʼ ġo fiha jkun bjad, il-qassis jiddikjarah mhux nadif. Din tkun il-marda tal-ġdiem li tkun ħarġet fil-musmar. 21 Imma jekk il-qassis jeżaminaha u jara li m’hemmx suf abjad fiha u mhijiex iktar fonda mill-ġilda u tidher ċara, il-qassis iżommu kwarantina għal sebat ijiem. 22 U jekk ikun jidher ovvju li nfirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah mhux nadif. Din tkun marda. 23 Imma jekk it-tebgħa tibqaʼ fejn kienet u ma tkunx infirxet, din tkun biss infjammazzjoni tal-musmar, u l-qassis jiddikjarah nadif.
24 “Jew jekk xi ħadd ikollu ħarqa bin-nar u l-laħam misluħ tal-ħarqa jsir tebgħa bajda ħamranija jew bajda, 25 il-qassis jeżaminaha. Jekk is-suf fit-tebgħa jkun sar abjad u din tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, dan ikun ġdiem li jkun ħareġ fil-ferita li tkun saret bin-nar, u l-qassis jiddikjarah mhux nadif. Din hi l-marda tal-ġdiem. 26 Imma jekk il-qassis jeżaminaha u jara li ma jkunx hemm xagħar abjad fit-tebgħa u li din ma tkunx iktar fonda mill-ġilda u tkun ċara, il-qassis iżommu kwarantina għal sebat ijiem. 27 Il-qassis jeżaminah fis-sebaʼ jum, u jekk ikun jidher ovvju li nfirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah mhux nadif. Din hi l-marda tal-ġdiem. 28 Imma jekk it-tebgħa tibqaʼ fejn kienet u ma tkunx infirxet fil-ġilda u tkun ċara, tkun biss nefħa tal-ħarqa bin-nar, u l-qassis jiddikjarah nadif, għaliex tkun infjammazzjoni tal-ħarqa.
29 “Meta xi ħadd, raġel jew mara, ikollu infezzjoni f’rasu jew f’geddumu, 30 il-qassis jeżamina l-infezzjoni. Jekk tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u x-xagħar* ikun isfar u rqiq, il-qassis jiddikjarah mhux nadif. Hi infezzjoni fil-qorriegħa jew fid-daqna. Dan ikun ġdiem fir-ras jew fil-geddum. 31 Imma jekk il-qassis jara li l-infezzjoni ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u ma jkunx hemm xagħar iswed fiha, il-qassis irid iżomm kwarantina għal sebat ijiem lil dak infettat. 32 Il-qassis irid jeżamina l-infezzjoni fis-sebaʼ jum, u jekk ma tkunx infirxet u ma jkunx ħareġ xagħar isfar fiha u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, 33 dak li għandu l-infezzjoni jrid iqaxxar xagħru u d-daqna, imma ma jqaxxarx il-parti infettata. Imbagħad il-qassis irid iżommu kwarantina għal sebat ijiem.
34 “Il-qassis jerġaʼ jeżamina l-parti infettata fis-sebaʼ jum, u jekk l-infezzjoni fil-qorriegħa u fid-daqna ma tkunx infirxet fil-ġilda u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, il-qassis irid jiddikjarah nadif, u hu jrid jaħsel ħwejġu u jkun nadif. 35 Imma jekk ikun jidher ċar li l-infezzjoni nfirxet fil-ġilda wara li jkun ġie ddikjarat nadif, 36 il-qassis jeżaminah, u jekk l-infezzjoni tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis ma jkollux għalfejn jara jekk hemmx xagħar isfar għax ma jkunx nadif. 37 Imma jekk wara li jeżaminah jara li l-infezzjoni ma tkunx infirxet u jkun kiber xagħar iswed fiha, l-infezzjoni tkun fieqet. Hu jkun nadif, u l-qassis jiddikjarah nadif.
38 “Jekk xi ħadd, raġel jew mara, ikollu tbajjaʼ fil-ġilda u dawn ikunu bojod, 39 il-qassis irid jeżaminahom. Jekk it-tbajjaʼ fil-ġilda jkunu bojod ċari, dan ma jkunx raxx li jagħmel il-ħsara. L-individwu jkun nadif.
40 “Jekk raġel jaqagħlu xagħru u jsir qargħi, hu jkun nadif. 41 Jekk jaqagħlu xagħru min-naħa taʼ quddiem u jitfartas minn hemm, hu jkun nadif. 42 Imma jekk toħroġ ferita bajda ħamranija fuq il-parti bla xagħar tal-qorriegħa jew fuq il-parti taʼ quddiem taʼ rasu, dan ikun ġdiem li ħareġ fil-qorriegħa tiegħu jew fil-parti taʼ quddiem taʼ rasu. 43 Il-qassis jeżaminah, u jekk in-nefħa mill-infezzjoni tkun bajda ħamranija fil-parti bla xagħar tal-qorriegħa tiegħu jew tal-parti taʼ quddiem taʼ rasu u tidher bħall-ġdiem fil-ġilda, 44 hu jkollu l-ġdiem. Ma jkunx nadif, u l-qassis għandu jiddikjarah mhux nadif minħabba l-marda fuq rasu. 45 Fil-każ taʼ dak li għandu l-marda tal-ġdiem, irid jilbes ħwejjeġ imqattgħin u xagħru għandu jkun imħabbel u għandu jgħatti l-mustaċċi u jgħajjat, ‘Mhux nadif, mhux nadif!’ 46 Sakemm ikollu din il-marda hu ma jkunx nadif. Peress li mhux nadif għandu jgħix maqtugħ minn kulħadd. Il-post fejn jgħix ikun ’il barra mill-kampijiet.
47 “Jekk il-marda tal-ġdiem tikkontamina libsa, sew jekk tkun libsa tas-suf jew tal-għażel, 48 sew fid-drapp minsuġ* tal-għażel jew tas-suf, sew f’xi materjal tal-ġilda jew f’xi ħaġa magħmula mill-ġilda, 49 u t-tebgħa tal-marda ħadra safranija jew ħamranija tikkontamina l-libsa, il-materjal tal-ġilda, id-drapp minsuġ, jew kwalunkwe ħaġa magħmula mill-ġilda, din tkun ikkontaminata bil-ġdiem, u trid tintwera lill-qassis. 50 Il-qassis jeżamina l-marda, u jrid iżomm kwarantina l-ħaġa li jkollha l-marda fuqha għal sebat ijiem. 51 Meta jeżamina l-marda fis-sebaʼ jum u jara li nfirxet fil-libsa, fid-drapp minsuġ, jew fil-materjal tal-ġilda (ikun xi jkun l-użu tal-ġilda), il-marda tkun ġdiem bla fejqan, u l-ħaġa ma tkunx nadifa. 52 Hu jrid jaħraq il-libsa jew id-drapp minsuġ tas-suf jew tal-għażel, jew kull ħaġa tal-ġilda li fiha toħroġ il-marda, għaliex dan ikun ġdiem bla fejqan. Il-ħaġa għandha tinħaraq fin-nar.
53 “Imma jekk il-qassis jeżaminaha u l-marda ma tkunx infirxet fil-libsa jew fid-drapp minsuġ jew f’xi ħaġa tal-ġilda, 54 il-qassis jikkmanda li għandhom jaħslu l-ħaġa kkontaminata, u jżommha kwarantina għal sebat ijiem oħra. 55 Il-qassis jeżamina l-ħaġa kkontaminata wara li tkun ġiet maħsula sew. Jekk il-kontaminazzjoni baqgħet tidher l-istess, anki jekk il-marda ma tkunx infirxet, din ma tkunx nadifa. Għandek taħraqha fin-nar għax din tkun therriet, sew jekk minn ġewwa jew minn barra.
56 “Imma jekk il-qassis eżaminaha u l-parti kkontaminata tkun iċċarat wara li ġiet maħsula sew, imbagħad hu jaqtagħha mil-libsa jew mill-ġilda jew mid-drapp minsuġ. 57 Madankollu, jekk tkun għadha tidher f’parti oħra tal-libsa jew fid-drapp minsuġ jew f’xi ħaġa tal-ġilda, mela tkun qed tinfirex, u għalhekk għandek taħraq kwalunkwe ħaġa kkontaminata. 58 Imma meta l-kontaminazzjoni titlaq għalkollox mil-libsa jew mid-drapp minsuġ jew minn xi ħaġa tal-ġilda li taħsel, il-ħaġa għandha tiġi maħsula għat-tieni darba, u tkun nadifa.
59 “Din hi l-liġi dwar il-marda tal-ġdiem f’libsa tas-suf jew tal-għażel, jew fid-drapp minsuġ, jew f’xi ħaġa tal-ġilda, sabiex tiġi ddikjarata nadifa jew mhix nadifa.”
14 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Din tkun il-liġi dwar min ikollu l-ġdiem fil-jum li jinġieb għand il-qassis biex jiġi ddikjarat nadif. 3 Il-qassis joħroġ ’il barra mill-kampijiet u jeżaminah. Jekk dan ikun fieq mill-marda tal-ġdiem, 4 il-qassis jikkmandah biex iġib żewġ għasafar ħajjin u nodfa, injam taċ-ċedru, ħajt aħmar jgħajjat, u żuf* biex jindaf. 5 Il-qassis jikkmanda biex wieħed mill-għasafar jinqatel fuq reċipjent tal-fuħħar li fih ilma ġieri. 6 Imma għandu jaqbad l-għasfur il-ħaj flimkien mal-injam taċ-ċedru, il-ħajt aħmar jgħajjat, u ż-żuf, u jbillhom flimkien fid-demm tal-għasfur li nqatel fuq l-ilma ġieri. 7 Imbagħad iroxxu sebaʼ darbiet fuq dak li qed jindaf mill-ġdiem u jiddikjarah nadif, u jitlaq l-għasfur il-ħaj fil-kampanja.
8 “Dak li qed jindaf irid jaħsel ħwejġu u jqaxxar xagħru u s-suf kollu u jinħasel fl-ilma, u jkun nadif. Wara, ikun jistaʼ jidħol ħdejn il-kampijiet imma għal sebat ijiem ma jidħolx fit-tinda tiegħu. 9 Fis-sebaʼ jum, hu għandu jqaxxar xagħru u l-leħja u s-suf taʼ fuq għajnejh. Wara li jkun qaxxar kollox, hu jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u jkun nadif.
10 “Fit-tmien jum hu jieħu żewġ imtaten żgħar bla difett, ħarufa waħda bla difett fl-ewwel sena tagħha, 30 fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali,* u kejl taʼ log* żejt; 11 u l-qassis li jiddikjarah nadif irid jippreżenta lir-raġel li qed jindaf, flimkien mal-offerti, quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 12 Il-qassis jieħu wieħed mill-imtaten żgħar u joffrih bħala offerta għall-ħtija flimkien mal-kejl taʼ log żejt, u jxejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. 13 Imbagħad joqtol il-muntun żgħir fil-post fejn is-soltu tinqatel l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq, f’post qaddis, għax bħalma l-offerta għad-dnub hi tal-qassis, hekk ukoll hi l-offerta għall-ħtija. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa.
14 “Imbagħad il-qassis jieħu ftit mid-demm tal-offerta għall-ħtija, u l-qassis ipoġġih fuq id-dendula tal-widna l-leminija taʼ dak li qed jindaf, fuq is-subaʼ l-kbir t’idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija. 15 U l-qassis jieħu ftit mill-kejl taʼ log żejt u jferrgħu fuq il-pala t’idu x-xellugija. 16 Il-qassis imbagħad ibill is-subaʼ t’idu l-leminija fiż-żejt li jkollu fuq il-pala t’idu x-xellugija u jroxx b’sebgħu ftit miż-żejt sebaʼ darbiet quddiem Ġeħova. 17 Imbagħad il-qassis ipoġġi wkoll ftit mill-bqija taż-żejt li jkollu fil-pala t’idu fuq id-demm tal-offerta għall-ħtija li jkun poġġa mad-dendula tal-widna l-leminija taʼ dak li qed jindaf, fuq is-subaʼ l-kbir t’idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija. 18 U dak li jibqaʼ miż-żejt li jkollu fuq il-pala t’idu, il-qassis ipoġġih fuq ras dak li qed jindaf u jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova.
19 “Il-qassis jissagrifika l-offerta għad-dnub u jagħmel tpattija għal dak li qed jindaf, u wara joqtol l-offerta tal-ħruq. 20 U l-qassis joffri l-offerta tal-ħruq u l-offerta taċ-ċereali fuq l-artal u jagħmel tpattija għalih, u hu jkun nadif.
21 “Madankollu, jekk ikun fqir u ma jkollux biex jagħti dawn l-affarijiet, jieħu muntun żgħir wieħed bħala offerta għall-ħtija li tiġi mxejra, sabiex jagħmel tpattija għalih innifsu, flimkien maʼ għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali, kejl taʼ log żejt, 22 u żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen, skont dak li jistaʼ jagħti. Wieħed iservi bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq. 23 Fit-tmien jum, hu jġibhom lill-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa quddiem Ġeħova biex jiġi ddikjarat nadif.
24 “Il-qassis jieħu l-muntun żgħir tal-offerta għall-ħtija u l-kejl taʼ log żejt u jxejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. 25 Imbagħad joqtol il-muntun żgħir tal-offerta għall-ħtija, jieħu ftit mid-demm tal-offerta għall-ħtija, u jpoġġih fuq id-dendula tal-widna l-leminija taʼ dak li qed jindaf, fuq is-subaʼ l-kbir t’idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija. 26 U l-qassis iferraʼ ftit miż-żejt fuq il-pala t’idu x-xellugija, 27 u bis-subaʼ t’idu l-leminija jroxx ftit miż-żejt li jkollu fuq il-pala t’idu x-xellugija sebaʼ darbiet quddiem Ġeħova. 28 U miż-żejt li jkollu fuq il-pala t’idu, il-qassis ipoġġi ftit fuq id-dendula tal-widna l-leminija taʼ dak li qed jindaf, fuq is-subaʼ l-kbir t’idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija, fuq l-istess post fejn poġġa d-demm tal-offerta għall-ħtija. 29 U dak li jibqaʼ miż-żejt li jkollu fil-pala t’idu, il-qassis ipoġġih fuq ras dak li qed jindaf sabiex jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova.
30 “Il-qassis joffri waħda mill-gamiem jew wieħed mill-bċieċen, skont dak li jistaʼ jagħti r-raġel, 31 wieħed bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq, u b’hekk joffri dak li jkun jistaʼ flimkien mal-offerta taċ-ċereali. U l-qassis jagħmel tpattija għal dak li qed jindaf quddiem Ġeħova.
32 “Din hi l-liġi għal min ikollu l-marda tal-ġdiem imma ma jkollux biex jagħti dak li jiġi offrut normalment meta jiġi ddikjarat nadif.”
33 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: 34 “Meta tidħlu fl-art taʼ Kangħan, li qed nagħtikom biex tkun tagħkom, u nippermetti li xi dar fl-art tagħkom tiġi kkontaminata bil-marda tal-ġdiem, 35 sid id-dar irid imur għand il-qassis u jgħidlu, ‘Hemm tip taʼ kontaminazzjoni fid-dar tiegħi.’ 36 Il-qassis jikkmanda biex ibattlu d-dar qabel ma jmur jeżamina l-kontaminazzjoni, sabiex ma jiddikjarax kulma hemm fid-dar mhux nadif. Imbagħad jidħol jeżamina d-dar. 37 Hu jeżamina l-parti affettwata, u jekk il-ħitan tad-dar huma kkontaminati bi brix aħdar safrani jew ħamrani li jkun jidher iktar imdaħħal ’il ġewwa minn wiċċ il-ħajt, 38 il-qassis irid joħroġ mid-dar, u jżomm id-dar kwarantina għal sebat ijiem.
39 “Imbagħad il-qassis jerġaʼ lura fis-sebaʼ jum u jeżaminaha. Jekk il-kontaminazzjoni nfirxet fil-ħitan tad-dar, 40 il-qassis jikkmanda biex jaqilgħu l-ġebel ikkontaminat u jitfgħuh ’il barra mill-belt f’post mhux nadif. 41 Imbagħad jgħidilhom joborxu sew id-dar minn ġewwa, u l-kisi li jaqilgħu għandu jintrema ’l barra mill-belt f’post mhux nadif. 42 Imbagħad jieħdu ġebel ieħor u jpoġġuh minflok il-ġebel li qalgħu, u d-dar tiġi mkaħħla b’tajn ieħor.
43 “Iżda jekk il-kontaminazzjoni terġaʼ tidher u tinfirex mad-dar wara li jkunu qalgħu l-ġebel u wara li jkunu barxu d-dar u reġgħu kaħħluha, 44 il-qassis jidħol jeżaminaha. Jekk il-kontaminazzjoni tkun infirxet fid-dar, dan ikun ġdiem bla fejqan fid-dar. Ma tkunx nadifa. 45 Hu jgħidilhom iwaqqgħu d-dar. Il-ġebel, l-injam, u l-kisi kollu tad-dar iġorruhom ’il barra mill-belt lejn post mhux nadif. 46 Imma kull min jidħol fid-dar fil-jiem li tkun qed tinżamm kwarantina ma jkunx nadif sa filgħaxija. 47 U kull min jorqod jew jiekol fid-dar għandu jaħsel ħwejġu.
48 “Madankollu, jekk il-qassis jiġi u jara li l-kontaminazzjoni ma tkunx infirxet fid-dar wara li d-dar tkun reġgħet tkaħħlet, imbagħad il-qassis jiddikjara d-dar nadifa, għax ma jkunx għad hemm il-kontaminazzjoni. 49 U biex jippurifika d-dar min-nuqqas taʼ ndafa,* jieħu żewġ għasafar, injam taċ-ċedru, ħajt aħmar jgħajjat, u żuf. 50 U joqtol wieħed mill-għasafar fuq reċipjent tal-fuħħar li fih ilma ġieri. 51 U jieħu l-injam taċ-ċedru, iż-żuf, il-ħajt aħmar jgħajjat, u l-għasfur ħaj u jbillhom fid-demm tal-għasfur li nqatel fuq l-ilma ġieri, u għandu jroxxu lejn id-dar sebaʼ darbiet. 52 U jippurifika d-dar min-nuqqas taʼ ndafa* bid-demm tal-għasfur, l-ilma ġieri, l-għasfur il-ħaj, l-injam taċ-ċedru, iż-żuf, u l-ħajt aħmar jgħajjat. 53 Imbagħad hu jitlaq l-għasfur il-ħaj ’il barra mill-belt fil-kampanja u jagħmel tpattija għad-dar, u din tkun nadifa.
54 “Din hi l-liġi dwar kwalunkwe marda tal-ġdiem, infezzjoni tal-qorriegħa jew tad-daqna, 55 ġdiem li joħroġ fil-ħwejjeġ jew fid-dar, 56 u dwar xi nefħa, qoxra, u tebgħa, 57 sabiex tkunu tafu meta xi ħaġa ma tkunx nadifa u meta xi ħaġa tkun nadifa. Din hi l-liġi dwar il-ġdiem.”
15 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè u lil Aron: 2 “Kellmu lill-Iżraelin u għidulhom, ‘Jekk xi raġel ikollu marda u minħabba fiha toħroġlu l-materja mill-organu ġenitali, din il-marda tagħmlu mhux nadif. 3 Hu ma jkunx nadif minħabba t-tnixxija tal-materja, sew jekk din tkun tnixxija kontinwa mill-organu ġenitali tiegħu u sew jekk timblokka l-organu.
4 “‘Kull sodda li jimtedd fuqha dak li jkun marid ma tkunx nadifa, u kull oġġett li jpoġġi fuqu ma jkunx nadif. 5 Kull min imiss is-sodda tiegħu għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 6 Kull min ipoġġi fuq l-oġġett li l-marid kien bilqiegħda fuqu, għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 7 Kull min imiss il-ġisem tal-marid għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 8 Jekk il-marid jobżoq fuq xi ħadd nadif, dan irid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 9 Kull sarġ t’annimal li jirkeb fuqu l-marid ma jkunx nadif. 10 Kull min imiss xi ħaġa li tkun taħt il-marid ma jkunx nadif sa filgħaxija, u min iġorrha jrid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 11 Jekk il-marid ma jkunx ħasel idejh fl-ilma u jmiss lil xi ħadd, dan irid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 12 Kull reċipjent tal-fuħħar li jmiss il-marid għandu jitkisser, u kull reċipjent tal-injam għandu jinħasel bl-ilma.
13 “‘Meta r-raġel tiqaflu t-tnixxija tal-materja u jsir nadif minnha, hu mbagħad jgħodd sebat ijiem biex jindaf, u jrid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma ġieri, u jkun nadif. 14 Fit-tmien jum, hu għandu jieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen, jidħol quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u jagħtihom lill-qassis. 15 U l-qassis joffri wieħed bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq u jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova minħabba t-tnixxija tiegħu.
16 “‘Issa jekk raġel toħroġlu l-isperma, irid jinħasel kollu kemm hu fl-ilma u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 17 Irid jaħsel bl-ilma kull libsa u kull ħaġa tal-ġilda bl-isperma fuqha, u ma tkunx nadifa sa filgħaxija.
18 “‘Meta raġel ikollu x’jaqsam* maʼ mara u toħroġlu l-isperma, it-tnejn iridu jinħaslu fl-ilma u ma jkunux nodfa sa filgħaxija.
19 “‘Meta mara jkollha t-tnixxija tad-demm li jiġiha kull xahar, hi għandha tibqaʼ mhix nadifa għal sebat ijiem. Kull min imissha ma jkunx nadif sa filgħaxija. 20 Kull ħaġa li timtedd jew tpoġġi fuqha meta ma tkunx nadifa minħabba d-demm li jiġiha kull xahar, ma tkunx nadifa. 21 Kull min imiss is-sodda tagħha għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 22 Kull min imiss xi oġġett li tkun poġġiet fuqu għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. 23 Jekk tkun poġġiet fuq is-sodda jew fuq oġġett ieħor, min imiss dawn l-affarijiet ma jkunx nadif sa filgħaxija. 24 U jekk raġel ikollu x’jaqsam* magħha u jsir mhux nadif minħabba d-demm li jiġiha kull xahar, hu ma jkunx nadif għal sebat ijiem, u kull sodda li jimtedd fuqha ma tkunx nadifa.
25 “‘Meta mara jkollha t-tnixxija tad-demm għal ħafna jiem meta ma jkunx iż-żmien regolari li jiġiha d-demm taʼ kull xahar, jew jekk id-demm li jiġiha kull xahar idum għaddej iktar mis-soltu, hi ma tkunx nadifa l-jiem kollha li jkollha t-tnixxija, bħalma ma tkunx nadifa meta jiġiha d-demm taʼ kull xahar. 26 Kull sodda li timtedd fuqha fil-jiem li jkollha t-tnixxija se tkun bħas-sodda taʼ meta ma tkunx nadifa minħabba d-demm li jiġiha kull xahar. Kull oġġett li tpoġġi fuqu jsir mhux nadif bħal meta ma tkunx nadifa minħabba d-demm li jiġiha kull xahar. 27 Kull min imisshom ma jkunx nadif, u jrid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
28 “‘Madankollu, meta tiqfilha t-tnixxija, hi tgħodd sebat ijiem, u wara tkun nadifa. 29 Fit-tmien jum, hi għandha tieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen lill-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 30 Il-qassis joffri wieħed bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq u jagħmel tpattija għaliha quddiem Ġeħova minħabba t-tnixxija mhix nadifa li kellha.
31 “‘Għalhekk, tridu żżommu lill-Iżraelin ’il bogħod min-nuqqas taʼ ndafa tagħhom, biex ma jmutux fin-nuqqas taʼ ndafa tagħhom minħabba li jkunu niġġsu t-tabernaklu tiegħi, li qiegħed f’nofshom.
32 “‘Din hi l-liġi dwar ir-raġel li toħroġlu l-materja, ir-raġel li mhux nadif minħabba li toħroġlu l-isperma, 33 il-mara li ma tkunx nadifa matul il-jiem li jiġiha d-demm taʼ kull xahar, kull min ikollu tnixxija minn ġismu, u raġel li jkollu x’jaqsam* maʼ mara li mhix nadifa.’”
16 Ġeħova kellem lil Mosè wara li mietu ż-żewġt itfal t’Aron talli resqu quddiem Ġeħova b’mod mhux xieraq. 2 Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lil ħuk Aron li ma jistax jidħol meta jrid fil-post qaddis ’il ġewwa mill-purtiera u joqgħod quddiem l-għatu tal-Arka, sabiex ma jmutx, għaliex jien se nidher fi sħaba fuq l-għatu.
3 “Meta Aron jidħol fil-post qaddis għandu jġib dan li ġej: barri żgħir* għal offerta għad-dnub u muntun għal offerta tal-ħruq. 4 Għandu jilbes il-libsa twila qaddisa tal-għażel u l-qalziet qasir* tal-għażel biex jgħatti l-partijiet privati tiegħu, u għandu jdawwar it-terħa tal-għażel miegħu u t-turban tal-għażel maʼ rasu. Dawn huma ħwejjeġ qaddisin. Hu jinħasel fl-ilma u jilbishom.
5 “Mingħand il-ġemgħa tal-Iżraelin għandu jieħu żewġ gidjien irġiel għal offerta għad-dnub u muntun għal offerta tal-ħruq.
6 “Imbagħad Aron irid jippreżenta l-barri tal-offerta għad-dnub, li tkun għalih, u jagħmel tpattija għalih u għal familtu.*
7 “Wara jaqbad iż-żewġ gidjien u jqegħedhom quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 8 Aron jitfaʼ x-xorti fuq iż-żewġ gidjien, gidi minnhom ikun għal Ġeħova u l-ieħor ikun il-gidi li jġorr id-dnub tan-nies ’il bogħod.* 9 Aron jippreżenta l-gidi li telaʼ bix-xorti għal Ġeħova u joffrih bħala offerta għad-dnub. 10 Imma l-gidi li telaʼ bix-xorti biex iġorr id-dnub tan-nies ’il bogħod,* għandu jitqiegħed ħaj quddiem Ġeħova biex issir tpattija fuqu, sabiex jintbagħat fid-deżert.
11 “Aron jippreżenta l-barri tal-offerta għad-dnub, li tkun għalih, u jagħmel tpattija għalih u għal familtu.* Imbagħad joqtol il-barri tal-offerta għad-dnub, li tkun għalih.
12 “Hu jieħu r-reċipjent għall-inċens mimli ġamar tan-nar mill-artal quddiem Ġeħova u żewġ ponnijiet mimlijin inċens ifuħ mitħun irqiq, u jiħodhom ’il ġewwa mill-purtiera. 13 U jpoġġi l-inċens fuq in-nar quddiem Ġeħova, u d-duħħan tal-inċens jgħatti l-għatu tal-Arka, li qiegħed fuq it-Testimonjanza, biex b’hekk ma jmutx.
14 “Hu jieħu ftit mid-demm tal-barri u jroxxu b’sebgħu quddiem l-għatu n-naħa tal-Lvant, u jroxx ftit mid-demm b’sebgħu sebaʼ darbiet quddiem l-għatu.
15 “Imbagħad hu joqtol il-gidi tal-offerta għad-dnub, li jkun għall-poplu, u jġib demmu ’l ġewwa mill-purtiera. B’demmu jagħmel l-istess bħalma għamel bid-demm tal-barri, jiġifieri jroxxu lejn l-għatu u quddiem l-għatu.
16 “Hu jagħmel tpattija għall-post qaddis minħabba l-affarijiet mhux nodfa li jagħmlu l-Iżraelin, u n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħhom. Għandu jagħmel l-istess għat-tinda tal-laqgħa li tinsab f’nofshom, f’nofs dawk li qed jagħmlu affarijiet mhux nodfa.
17 “M’għandu jkun hemm ħadd iktar fit-tinda tal-laqgħa minn xħin jidħol biex jagħmel tpattija fil-post qaddis sakemm joħroġ. Hu jagħmel tpattija għalih, għal familtu,* u għall-kongregazzjoni kollha t’Iżrael.
18 “Imbagħad joħroġ lejn l-artal, li qiegħed quddiem Ġeħova, u jagħmel tpattija għall-artal, u jieħu ftit mid-demm tal-barri u ftit mid-demm tal-gidi u jpoġġih fuq il-qrun taʼ kull naħa tal-artal. 19 Ukoll, iroxx fuqu ftit mid-demm b’sebgħu sebaʼ darbiet u jnaddfu u jqaddsu mill-affarijiet mhux nodfa li għamlu l-Iżraelin.
20 “Meta jkun spiċċa jagħmel tpattija għall-post qaddis, għat-tinda tal-laqgħa, u għall-artal, hu jippreżenta wkoll il-gidi l-ħaj. 21 Aron iqiegħed idejh it-tnejn fuq ras il-gidi l-ħaj u jammetti fuqu l-iżbalji, in-nuqqasijiet, u d-dnubiet kollha tal-Iżraelin, u jpoġġihom fuq ras il-gidi u jibagħtu fid-deżert permezz taʼ raġel li jkun intgħażel apposta.* 22 U hu jibgħat il-gidi, u dan iġorr fuqu l-iżbalji kollha tagħhom fid-deżert.
23 “Imbagħad Aron jidħol fit-tinda tal-laqgħa u jinżaʼ l-ħwejjeġ tal-għażel li libes meta daħal fil-post qaddis, u jħallihom hemmhekk. 24 Hu jrid jinħasel fl-ilma f’post qaddis u jilbes ħwejġu. Imbagħad joħroġ u joffri l-offerta tal-ħruq tiegħu u l-offerta tal-ħruq tal-poplu u jagħmel tpattija għalih u għall-poplu. 25 U jaħraq ix-xaħam tal-offerta għad-dnub fuq l-artal.
26 “Ir-raġel li bagħat il-gidi li jġorr id-dnub tan-nies ’il bogħod* għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u mbagħad ikun jistaʼ jidħol fejn hemm il-kampijiet.
27 “U l-barri tal-offerta għad-dnub u l-gidi tal-offerta għad-dnub, li d-demm tagħhom iddaħħal fil-post qaddis biex issir tpattija, jinħarġu ’l barra minn fejn hemm il-kampijiet, u l-ġlud, il-laħam, u l-ħmieġ tagħhom jiġu maħruqin. 28 Dak li jaħraqhom għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u wara jkun jistaʼ jidħol fejn hemm il-kampijiet.
29 “Dan iservi bħala liġi għalikom għal żmien twil: Fl-għaxar jum tas-sebaʼ xahar, għandkom tgħakksu ruħkom,* u ma tagħmlu ebda xogħol, sew min twieled fil-pajjiż u sew ir-resident barrani li qed jgħix fostkom. 30 F’dan il-jum issir tpattija għalikom, biex tiġu ddikjarati nodfa. Se tkunu nodfa minn dnubietkom kollha quddiem Ġeħova. 31 Dan huwa sabat li fih għandkom tistrieħu għalkollox, u tridu tgħakksu ruħkom. Din hi liġi għal żmien twil.
32 “Il-qassis li jiġi midluk* u inkarigat* biex jaqdi bħala qassis minflok missieru jagħmel tpattija u jilbes il-ħwejjeġ tal-għażel, il-ħwejjeġ qaddisin. 33 Hu jagħmel tpattija għas-santwarju qaddis, għat-tinda tal-laqgħa, u għall-artal. U jagħmel tpattija għall-qassisin u għan-nies kollha tal-kongregazzjoni. 34 Dan iservi bħala liġi għalikom għal żmien twil, sabiex tagħmlu tpattija għall-Iżraelin darba fis-sena minħabba d-dnubiet kollha tagħhom.”
U Aron għamel bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
17 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Kellem lil Aron, lit-tfal tiegħu, u lill-Iżraelin kollha u għidilhom, ‘Dan hu li kkmanda Ġeħova:
3 “‘“Iżraeli m’għandux joqtol xi baqar, nagħaġ, jew mogħoż fejn hemm il-kampijiet jew ’il barra mill-kampijiet. 4 Minflok irid jiħodhom fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa biex jippreżentahom bħala offerta lil Ġeħova quddiem it-tabernaklu taʼ Ġeħova. Jekk ma jagħmilx hekk, dan ir-raġel ikun ikkunsidrat ħati għax ma jkunx qatel l-annimal kif suppost, u għalhekk irid jiġi maqtul.* 5 Dan sabiex is-sagrifiċċji li issa l-Iżraelin qed joffru fil-kampanja, jiħduhom lil Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa għand il-qassis. Huma jridu joffruhom bħala sagrifiċċji tal-paċi għal Ġeħova. 6 U l-qassis iroxx id-demm fuq l-artal taʼ Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u jaħraq ix-xaħam bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 7 Għalhekk, m’għandhomx jibqgħu joffru s-sagrifiċċji tagħhom lid-demonji li qishom mogħoż,* li qed jipprostitwixxu ruħhom magħhom billi jqimuhom. Dan iservi bħala liġi għalikom għal żmien twil, matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.”’
8 “U għandek tgħidilhom, ‘Kull raġel mid-dar t’Iżrael jew barrani li qed jgħix f’nofskom u li joffri offerta tal-ħruq jew sagrifiċċju 9 u ma jġibux fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa biex joffrih lil Ġeħova, irid jiġi maqtul.*
10 “‘Jekk xi raġel mid-dar t’Iżrael jew xi barrani li qed jgħix f’nofskom jiekol kwalunkwe tip taʼ demm, jien żgur li niċħdu u noqtlu.* 11 Għax il-ħajja* hi fid-demm, u jien stess tajthulkom għal fuq l-artal biex tagħmlu tpattija għalikom,* għaliex huwa d-demm, bil-ħajja fih, li jagħmel tpattija. 12 Kien għalhekk li għedt lill-Iżraelin: “Ħadd minnkom m’għandu jiekol id-demm, u ebda barrani li qed jgħix f’nofskom m’għandu jiekol id-demm.”
13 “‘Jekk xi Iżraeli jew barrani li qed jgħix f’nofskom ikun għall-kaċċa u jaqbad annimal salvaġġ jew għasfur li jistaʼ jittiekel, irid iferraʼ demmu u jgħattih bit-trab. 14 Għax il-ħajja* taʼ kull tip taʼ ħliqa hi demmu, il-ħajja qiegħda fih. Għalhekk għedt lill-Iżraelin: “M’għandkomx tieklu d-demm taʼ xi ħliqa, għaliex il-ħajja taʼ kull tip taʼ ħliqa hi demmu. Kull min jieklu jiġi maqtul.”* 15 Jekk xi ħadd, sew jekk twieled fil-pajjiż u sew jekk barrani, jiekol minn annimal li jkun diġà mejjet jew wieħed li ġie mqattaʼ minn annimal salvaġġ, irid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. Imbagħad hu jkun nadif. 16 Imma jekk ma jaħsilhomx u ma jinħasilx, hu jbati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.’”
18 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 3 M’għandkomx taġixxu bħal dawk fl-art tal-Eġittu, fejn kontu toqogħdu, u m’għandkomx tagħmlu bħalma jagħmlu fl-art taʼ Kangħan, li se niħodkom fiha. U ssegwux id-drawwiet tagħhom. 4 Għandkom iżżommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u tobdu l-liġijiet tiegħi u timxu magħhom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 5 U tridu tobdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi. Kull min jagħmel hekk jgħix permezz tagħhom. Jien Ġeħova.
6 “‘Ħadd fostkom m’għandu jkollu relazzjoni sesswali maʼ* xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib. Jien Ġeħova. 7 M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ missierek, u m’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’ommok. Hi ommok, m’għandux ikollok relazzjoni sesswali magħha.
8 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ mart missierek. Dan jiddiżonora lil missierek.*
9 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’oħtok, kemm jekk hi bint missierek u kemm jekk hi bint ommok, sew jekk twieldet fl-istess dar u sew jekk le.
10 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ bint ibnek jew bint bintek, għaliex dan iġiblek diżunur.
11 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali mat-tifla taʼ missierek minn mara oħra, għax hi oħtok.
12 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’oħt missierek. Hi tiġi minnu mill-qrib.
13 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’oħt ommok, għaliex hi tiġi minnha mill-qrib.
14 “‘M’għandekx tiddiżonora lil ħu missierek* billi jkollok relazzjoni sesswali maʼ martu. Hi zitek tar-rispett.
15 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ mart ibnek. Hi mart ibnek, u m’għandux ikollok relazzjoni sesswali magħha.
16 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ mart ħuk, għax tiddiżonora lil ħuk.*
17 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ mara u maʼ bintha jew man-neputija tagħha.* Dawn jiġu minnha mill-qrib. Dan hu att oxxen.*
18 “‘M’għandekx tiżżewweġ lil oħt il-mara tiegħek u jkollok relazzjoni sesswali magħha waqt li martek tkun għadha ħajja, biex ma jkunx hemm pika bejniethom.
19 “‘U ma jridx ikollok relazzjoni sesswali mal-mara* waqt li ma tkunx nadifa minħabba d-demm li jiġiha kull xahar.
20 “‘U m’għandux ikollok x’taqsam maʼ mart xi ħadd, u b’hekk issir mhux nadif.
21 “‘Tħalli lil ħadd mit-tfal tiegħek jiġi offrut* lil Molek. Tiddiżonorax isem l-Alla tiegħek b’dan il-mod. Jien Ġeħova.
22 “‘Raġel m’għandux ikollu relazzjoni sesswali maʼ raġel ieħor.* Din hi ħaġa moqżieża.
23 “‘Raġel m’għandux ikollu x’jaqsam m’annimal u b’hekk isir mhux nadif. U mara m’għandhiex toqgħod quddiem annimal biex ikollha x’taqsam miegħu. Dan imur kontra dak li hu naturali.
24 “‘Titħammġux b’xi ħaġa minn dawn, għaliex huma l-istess affarijiet li tħammġu bihom il-popli li qed inkeċċi ’l barra minn quddiemkom. 25 Minħabba f’hekk l-art mhix nadifa, u se nġib kastig fuq in-nies li joqogħdu fiha għall-iżball tagħhom, u l-art se tobżoq ’il barra lil dawk li joqogħdu fiha. 26 Imma intom tridu tobdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, u ma tridu tagħmlu ebda waħda minn dawn l-affarijiet moqżieża, sew jekk wieħed ikun imwieled fil-pajjiż u sew jekk ikun barrani li jgħix f’nofskom. 27 Għax dawn l-affarijiet moqżieża saru min-nies li għexu f’din l-art qabilkom, u issa l-art mhix nadifa. 28 Imbagħad, peress li ma tkunux niġġistu l-art, din mhux se jkollha għalfejn tobżoqkom ’il barra bħalma se tobżoq ’il barra lill-popli li kienu qabilkom. 29 Jekk xi ħadd jagħmel xi waħda minn dawn l-affarijiet moqżieża, irid jiġi maqtul.* 30 Intom tridu tobdu l-kmandamenti tiegħi billi ma tipprattikaw ebda drawwa moqżieża li ġiet prattikata qabilkom, sabiex ma titħammġux bihom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”
19 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Kellem lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin u għidilhom, ‘Għandkom tkunu qaddisin, għax jien, Ġeħova l-Alla tagħkom, qaddis.
3 “‘Kull wieħed minnkom għandu jirrispetta lil* ommu u lil missieru, u għandkom iżżommu kull sabat tiegħi. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 4 Iddurux lejn allat li ma jiswew għal xejn u tagħmlux għalikom allat minn metall imdewweb. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
5 “‘Jekk toffru sagrifiċċju tal-paċi lil Ġeħova, għandkom toffruh b’tali mod li tiksbu l-approvazzjoni għalikom. 6 Dan għandu jittiekel dakinhar li toffruh u l-għada, imma dak li jifdal sat-tielet jum għandu jinħaraq fin-nar. 7 Iżda jekk jittiekel ftit minnu fit-tielet jum, din tkun xi ħaġa moqżieża u s-sagrifiċċju ma jiġix aċċettat b’approvazzjoni. 8 Min jieklu jkollu jbati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu għaliex ikun iddiżonora xi ħaġa qaddisa taʼ Ġeħova, u din il-persuna trid tinqatel.*
9 “‘Meta taħsdu l-għelieqi tagħkom, taħsduhomx għalkollox sat-tarf, u tiġbrux it-tilqit* tal-ħsad tagħkom. 10 Ukoll, tiġbrux l-għeneb li jifdal mill-għalqa tad-dwieli tagħkom jew li jaqaʼ mid-dwieli tagħkom. Għandkom tħalluhom għall-foqra* u għar-resident barrani. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
11 “‘Tisirqux, tqarrqux, u taġixxux b’diżonestà maʼ xulxin. 12 Taħilfux b’ismi fil-gideb, u b’hekk tiddiżonoraw l-isem tal-Alla tagħkom. Jien Ġeħova. 13 Timbroljawx lil sħabkom u tisirqux. Għandkom tħallsu ħaddiem mikri fl-aħħar tal-ġurnata. Iżżommux il-paga tiegħu l-lejl kollu sa filgħodu.
14 “‘Tisħtux lil persuna b’nuqqas taʼ smigħ u tpoġġux xi ħaġa taʼ tfixkil quddiem xi ħadd ma jarax. Irrispettaw ħafna lill-Alla* tagħkom. Jien Ġeħova.
15 “‘Tkunux inġusti fil-ġudizzju tagħkom. Turux ħniena mal-fqir sempliċement għax hu fqir jew turu preferenzi maʼ xi ħadd sinjur. Għandkom tiġġudikaw lil oħrajn bil-ġustizzja.
16 “‘Tmorrux qalb il-poplu tagħkom sabiex ixxerrdu qlajjaʼ. M’għandkom tagħmlu xejn li jpoġġi l-ħajja* taʼ ħaddieħor* fil-periklu. Jien Ġeħova.
17 “‘Tobgħodx lil ħuk f’qalbek. Għandek assolutament twiddeb lil sieħbek, sabiex ma tkunx ħati tad-dnub flimkien miegħu.
18 “‘Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek għall-poplu tiegħek, u ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek. Jien Ġeħova.
19 “‘Għandkom tobdu l-liġijiet tiegħi: Tgħammrux żewġ tipi t’annimali flimkien, tiżirgħux l-għalqa tagħkom b’żewġ tipi taʼ żerriegħa, u tilbsux libsa b’żewġ tipi taʼ ħajt imħallat flimkien.
20 “‘Jekk raġel jimtedd maʼ mara u jkollu x’jaqsam magħha u hi tkun qaddejja mwiegħda lil raġel ieħor, imma ma tkunx ġiet mifdija* jew ingħatat il-ħelsien, għandu jkun hemm kastig. Imma m’għandhomx jingħataw il-mewt, għaliex hi kienet għadha ma nħelsitx. 21 Hu jrid iġib l-offerta għall-ħtija tiegħu lil Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, muntun tal-offerta għall-ħtija. 22 Il-qassis jagħmel tpattija għalih bil-muntun tal-offerta għall-ħtija quddiem Ġeħova għad-dnub li għamel, u dan jinħafirlu.
23 “‘Meta tidħlu fl-art u tħawlu xi siġra għall-ikel, il-frott tagħha tridu tqisuh mhux nadif u pprojbit. Jibqaʼ pprojbit* għalikom għal tliet snin. M’għandux jittiekel. 24 Imma fir-rabaʼ sena, il-frott kollu tagħha jsir offerta qaddisa taʼ ferħ għal Ġeħova. 25 Imbagħad fil-ħames sena, tistgħu tieklu l-frott tagħha sabiex il-prodott tal-ħsad tagħkom jiżdied. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
26 “‘Tieklu xejn li fih id-demm.
“‘Tfittxux sinjali li bihom taqraw il-futur u tagħmlux maġija.
27 “‘Tqaxxrux* ix-xagħar tal-ġenb taʼ raskom, u tirrovinawx it-tarf tad-daqna tagħkom.*
28 “‘Tqattgħux ġisimkom għal persuna* mejta, u tagħmlux tpinġija* fuqkom. Jien Ġeħova.
29 “‘Tiddiżonorax lil bintek billi tagħmilha prostituta, inkella l-art tiġi mniġġsa bil-prostituzzjoni u timtela b’morali baxxi.
30 “‘Għandkom iżżommu kull sabat tiegħi, u għandkom turu rispett kbir lejn* is-santwarju tiegħi. Jien Ġeħova.
31 “‘Iddurux lejn il-medji tal-ispirti, u tikkonsultawx maʼ dawk li jbassru l-futur, u b’hekk issiru mhux nodfa minħabba fihom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
32 “‘Uru rispett lejn min għandu xagħru abjad, u onoraw lil min hu kbir fl-età. Għandkom tibżgħu mill-Alla tagħkom. Jien Ġeħova.
33 “‘Jekk barrani jgħix magħkom f’artkom, tittrattawhx ħażin. 34 Il-barrani li jgħix magħkom għandu jsir għalikom bħal wieħed imwieled f’pajjiżkom; u tridu tħobbuh bħalkom infuskom, għax intom kontu residenti barranin fl-art tal-Eġittu. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
35 “‘Tużawx kejl diżonest biex tkejlu t-tul, it-toqol, jew il-kwantità. 36 Għandkom tużaw miżien eżatt, użin eżatt, u kejl eżatt.* Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu. 37 Għalhekk, obdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha tiegħi, u imxu magħhom. Jien Ġeħova.’”
20 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Għandek tgħid lill-Iżraelin, ‘Kull Iżraeli u kull barrani li jgħix f’Iżrael li jagħti lil xi ħadd mit-tfal tiegħu lil Molek żgur li għandu jinqatel. In-nies tal-pajjiż għandhom iwaddbulu l-ġebel sakemm imut. 3 Jien se niċħad lil dan ir-raġel u noqtlu,* għaliex ikun ta lil xi wħud mit-tfal tiegħu lil Molek u jkun niġġes il-post qaddis tiegħi u ddiżonora l-isem qaddis tiegħi. 4 U jekk in-nies tal-pajjiż jagħlqu għajnejhom apposta għal dak li jagħmel dan ir-raġel meta jagħti lit-tfal tiegħu lil Molek u ma joqtluhx, 5 jien żgur li niċħad lil dan ir-raġel u l-familja tiegħu. Jien se noqtlu* flimkien maʼ dawk kollha li jingħaqdu miegħu f’li jipprostitwixxu ruħhom billi jqimu lil Molek.
6 “‘Jekk persuna ma tibqax leali lejja* billi ddur lejn il-medji tal-ispirti u lejn dawk li jbassru l-futur, jien żgur li se niċħad lil din il-persuna u noqtolha.*
7 “Tridu tqaddsu lilkom infuskom u ssiru qaddisin, għaliex jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 8 U tridu tobdu l-liġijiet tiegħi. Jien Ġeħova, li qed inqaddiskom.
9 “‘Jekk ikun hemm xi raġel li jisħet lil missieru jew lil ommu żgur li għandu jinqatel. Peress li jkun seħet lil missieru jew lil ommu, demmu stess ikun fuqu.
10 “‘Ir-raġel li jagħmel adulterju maʼ mart xi ħadd żgur li għandu jinqatel, sew l-adulteru u sew l-adultera. 11 Raġel li jkollu relazzjoni sesswali maʼ mart missieru jiddiżonora lil missieru.* It-tnejn li huma żgur li għandhom jinqatlu. Demmhom stess ikun fuqhom. 12 Jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali maʼ mart ibnu, it-tnejn li huma żgur li għandhom jinqatlu. Ikunu marru kontra dak li hu naturali. Demmhom stess ikun fuqhom.
13 “‘Jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali ma’ raġel,* it-tnejn li huma jkunu għamlu xi ħaġa moqżieża. Żgur li għandhom jinqatlu. Demmhom stess ikun fuqhom.
14 “‘Jekk raġel jiżżewweġ mara u jkollu relazzjoni sesswali m’ommha wkoll, dan hu att oxxen.* Għandhom jaħarqu lilu u lilhom fin-nar, sabiex ma jkunx hemm iktar kondotta oxxena bħal din fostkom.
15 “‘Jekk raġel ikollu x’jaqsam maʼ bhima żgur li għandu jinqatel, u għandkom toqtlu l-bhima wkoll. 16 Jekk mara jkollha x’taqsam maʼ xi bhima, trid toqtol lill-mara u lill-bhima. Żgur li għandhom jinqatlu. Demmhom stess ikun fuqhom.
17 “Jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali m’oħtu, bint missieru jew bint ommu, din tkun xi ħaġa tal-mistħija. Iridu jiġu maqtulin.* Hu jkun iddiżonora lil oħtu.* Għandu jbati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.
18 “‘Jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali maʼ mara waqt li jkun qed jiġiha d-demm taʼ kull xahar, kemm hu u kemm hi jkunu kixfu t-tnixxija tad-demm tagħha. It-tnejn li huma jridu jiġu maqtulin.*
19 “‘M’għandux ikollok relazzjoni sesswali m’oħt ommok jew m’oħt missierek, għax tkun qed tiddiżonora lil dik li tiġi minnek mill-qrib. It-tnejn li intom għandkom tbatu l-konsegwenzi tal-iżball tagħkom. 20 Raġel li jimtedd maʼ mart zijuh ikun iddiżonora lil zijuh.* Għandhom ibatu l-konsegwenzi tad-dnub tagħhom. Għandhom imutu bla tfal. 21 Jekk raġel jieħu mart ħuh, din tkun xi ħaġa diżgustanti. Hu jkun iddiżonora lil ħuh.* Għandhom imutu bla tfal.
22 “‘Tridu tobdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha tiegħi, sabiex l-art li se niħodkom biex tgħixu fiha ma tobżoqkomx ’il barra. 23 Issegwux id-drawwiet tal-popli li qed inkeċċi minn quddiemkom, għaliex huma għamlu dawn l-affarijiet kollha u jien nobgħodhom. 24 Hu għalhekk li għedtilkom: “Intom se tieħdu f’idejkom l-art tagħhom, u jien se nagħtihielkom biex tiħduha f’idejkom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li għażiltkom mill-popli.” 25 Tridu tagħmlu distinzjoni bejn annimal nadif u dak mhux nadif u bejn għasfur mhux nadif u dak nadif. Tniġġsux ruħkom b’annimal, għasfur, jew kwalunkwe ħaġa li titkaxkar* fuq l-art li jien għażilt biex tqisuha mhix nadifa. 26 Tridu tkunu qaddisin għalija, għaliex jien, Ġeħova, qaddis, u għażiltkom mill-popli biex tkunu tiegħi.
27 “‘Kull min jagħmilha taʼ medjum tal-ispirti jew ibassar il-futur, sew jekk ikun raġel u sew jekk mara, żgur li għandu jinqatel. In-nies għandhom iwaddbulu l-ġebel sakemm imut. Demmu stess ikun fuqu.’”
21 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: “Kellem lill-qassisin, it-tfal t’Aron, u għidilhom, ‘Ħadd fost il-poplu ma jistaʼ jitniġġes minħabba persuna mejta, 2 ħlief għal xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib, jiġifieri għal ommu, għal missieru, għal ibnu, għal bintu, għal ħuh, 3 u għal oħtu jekk hi qrib tiegħu, hi verġni, u għadha ma żżewġitx. 4 Ma jistax iniġġes u jiddiżonora lilu nnifsu għal mara li hi taʼ raġel mill-poplu tiegħu. 5 Il-qassisin m’għandhomx iqaxxru rashom jew it-tarf tad-daqna tagħhom jew jagħmlu xi qatgħa fuq ġisimhom. 6 Għandhom ikunu qaddisin għall-Alla tagħhom, u m’għandhomx jiddiżonoraw isem l-Alla tagħhom, għaliex huma qed jippreżentaw l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova, jiġifieri l-ħobż* tal-Alla tagħhom, u jridu jkunu qaddisin. 7 M’għandhomx jiżżewġu prostituta, mara li m’għadhiex verġni, jew mara ddivorzjata minn żewġha, għaliex il-qassis hu qaddis għall-Alla tiegħu. 8 Trid tqaddsu, għaliex hu qed jippreżenta l-ħobż tal-Alla tiegħek. Għandu jkun qaddis għalik, għaliex jien, Ġeħova, li qed inqaddiskom, qaddis.
9 “‘Jekk bint qassis tiddiżonora lilha nfisha billi tagħmel il-prostituzzjoni, tkun qed tiddiżonora lil missierha. Għandha tiġi maħruqa fin-nar.
10 “‘Il-qassis il-kbir taʼ ħutu, li fuq rasu ġie mferraʼ ż-żejt tad-dlik u li ġie inkarigat* biex jilbes il-ħwejjeġ taʼ qassis, m’għandux jittraskura xagħru jew iċarrat ħwejġu. 11 M’għandu jersaq lejn ebda persuna mejta.* Ma jistax jitniġġes lanqas għal missieru jew għal ommu. 12 M’għandux joħroġ mis-santwarju u lanqas jiddiżonora s-santwarju tal-Alla tiegħu, għaliex is-sinjal tad-dedikazzjoni, jiġifieri ż-żejt tad-dlik tal-Alla tiegħu, qiegħed fuqu. Jien Ġeħova.
13 “‘Hu għandu jiżżewweġ mara li tkun verġni. 14 Hu ma jistax jiżżewweġ armla, mara ddivorzjata, waħda li m’għadhiex verġni, jew prostituta. Imma għandu jieħu verġni mill-poplu tiegħu bħala martu. 15 Hu m’għandux jiddiżonora lil dawk li jiġu minnu fost il-poplu tiegħu, għax jien Ġeħova, li qed inqaddsu.’”
16 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 17 “Għid lil Aron, ‘Ebda raġel li jiġi minnek li għandu difett ma jistaʼ jersaq lejn l-artal biex jippreżenta l-ħobż tal-Alla tiegħu. Dan japplika għall-ġenerazzjonijiet tiegħek kollha. 18 Ma jistax jersaq lejn l-artal raġel li għandu xi difett, jiġifieri raġel li ma jarax, izappap, b’wiċċu sfigurat,* b’sieq jew id twila wisq, 19 jew bi ksur f’siequ jew f’idu. 20 Lanqas raġel ħotbi, nanu,* b’difett f’għajnejh, bl-ekżema, bil-ħżież, jew bit-testikoli mgħaffġin. 21 L-ebda raġel li jiġi minn Aron il-qassis li għandu xi difett ma jistaʼ jersaq biex jippreżenta l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova. Peress li għandu difett, ma jistax jersaq biex jippreżenta l-ħobż tal-Alla tiegħu. 22 Jistaʼ jiekol il-ħobż tal-Alla tiegħu mill-affarijiet l-iktar qaddisin u mill-affarijiet qaddisin. 23 Madankollu, ma jistax imur ħdejn il-purtiera u ma jistax jersaq lejn l-artal, għaliex għandu difett. M’għandux jiddiżonora s-santwarju tiegħi, għax jien Ġeħova, li qed inqaddishom.’”
24 B’hekk, Mosè kellem lil Aron, lit-tfal tiegħu, u lill-Iżraelin kollha.
22 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Għid lil Aron u lit-tfal tiegħu biex joqogħdu attenti kif jużaw* l-affarijiet qaddisin tal-Iżraelin u biex ma jiddiżonorawx l-isem qaddis tiegħi bl-affarijiet li qed iqaddsuli. Jien Ġeħova. 3 Għidilhom, ‘Matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom, m’għandux ikun hemm raġel minnkom li waqt li ma jkunx nadif jersaq lejn l-affarijiet qaddisin li l-Iżraelin iqaddsu għal Ġeħova. Jekk jagħmel hekk għandu jiġi maqtul.* Jien Ġeħova. 4 Ebda raġel li jiġi mill-familja t’Aron li jkollu l-ġdiem jew toħroġlu l-materja mill-organu ġenitali ma jistaʼ jiekol mill-affarijiet qaddisin sakemm jindaf, lanqas min imiss lil xi ħadd li sar mhux nadif minħabba persuna mejta jew raġel li toħroġlu l-isperma, 5 lanqas raġel li jmiss xi ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u li mhix nadifa jew imiss bniedem li mhux nadif u li jistaʼ jagħmlu mhux nadif. 6 Min imiss xi ħaġa minn dawn, ma jkunx nadif sa filgħaxija u ma jistax jiekol mill-affarijiet qaddisin, imma jrid jinħasel fl-ilma. 7 Meta tkun niżlet ix-xemx, ikun nadif, u wara jkun jistaʼ jiekol ftit mill-affarijiet qaddisin għaliex dan hu l-ikel tiegħu. 8 Ukoll, m’għandux jiekol xi annimal li jkun instab mejjet jew imqattaʼ minn annimali slavaġ u jsir mhux nadif b’dan. Jien Ġeħova.
9 “‘Iridu jobdu l-kmand tiegħi, m’għandhomx jiddiżonoraw l-affarijiet qaddisa sabiex ma jidinbux u jmutu. Jien Ġeħova, li qed inqaddishom.
10 “‘Ebda persuna mhux awtorizzata* ma tistaʼ tiekol xi ħaġa qaddisa. Ebda barrani li joqgħod maʼ qassis jew ħaddiem mikri ma jistaʼ jiekol xi ħaġa qaddisa. 11 Imma jekk qassis jixtri lil persuna bi flusu stess, din tkun tistaʼ tiekol minnha. Anki l-ilsiera li jitwieldu f’daru jistgħu jieklu mill-ikel tiegħu. 12 Jekk bint qassis tiżżewweġ lil xi ħadd li mhux qassis,* hi ma tistax tiekol mill-kontribuzzjoni tal-affarijiet qaddisin. 13 Imma jekk bint qassis tormol jew tiddivorzja u ma jkollhiex tfal u tmur lura lejn dar missierha bħal f’żgħożitha, tkun tistaʼ tiekol mill-ikel taʼ missierha. Imma ebda persuna mhux awtorizzata* ma tistaʼ tiekol minnu.
14 “‘Issa jekk raġel jiekol bi żball xi ħaġa qaddisa, ikollu jpattiha lura u jżid magħha 20 fil-100 tal-valur tagħha u jagħti l-offerta qaddisa lill-qassis. 15 Għalhekk, m’għandhomx jiddiżonoraw l-affarijiet qaddisin tal-Iżraelin li jagħtu bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova 16 u jġibu fuqhom il-kastig għall-ħtija talli jkunu kielu l-affarijiet qaddisin tagħhom, għax jien Ġeħova, li qed inqaddishom.’”
17 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 18 “Kellem lil Aron, lit-tfal tiegħu, u l-Iżraelin kollha u għidilhom, ‘Meta Iżraeli jew xi resident barrani f’Iżrael jippreżenta offerta tal-ħruq lil Ġeħova biex jagħmel bħalma wiegħed jew biex jagħmel offerta volontarja, 19 għandu jippreżenta minn fost l-imtaten żgħar, jew il-mogħoż, raġel bla difett mill-merħla, sabiex jikseb l-approvazzjoni. 20 Tippreżentawx xi ħaġa li jkun fiha difett, għaliex din ma tgħinkomx biex tiġu approvati.
21 “‘Jekk raġel jippreżenta sagrifiċċju tal-paċi lil Ġeħova biex irodd wegħda jew bħala offerta volontarja, l-annimal għandu jkun bla difett minn fost il-merħla tal-baqar jew tan-nagħaġ, sabiex jikseb l-approvazzjoni. M’għandu jkun fih ebda difett. 22 M’għandux ikun agħmi, ikollu xi ksur, xi qtugħ, xi felula, mard tal-ġilda, jew ħżież. M’għandkom tippreżentaw l-ebda waħda minn dawn lil Ġeħova jew tagħmlu offerta bħal din fuq l-artal għal Ġeħova. 23 Tistgħu tippreżentaw barri jew nagħġa li jkollha sieq twila wisq jew qasira wisq bħala offerta volontarja, imma din ma tiġix aċċettata b’approvazzjoni bħala offerta taʼ wegħda. 24 M’għandkomx tippreżentaw lil Ġeħova annimal li jkollu ħsara fit-testikoli jew ikunu mgħaffġin, maqlugħin, jew maqtugħin, u m’għandkomx toffru annimali bħal dawn f’artkom. 25 U m’għandkom tippreżentaw l-ebda wieħed minn dawn minn id xi barrani bħala l-ħobż tal-Alla tagħkom, għaliex huma mmankati u fihom difett. Ma jiġux aċċettati b’approvazzjoni għalikom.’”
26 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 27 “Meta jitwieled barri, ħaruf, jew gidi, irid jibqaʼ sebat ijiem m’ommu, imma mit-tmien jum ’il quddiem jiġi aċċettat b’approvazzjoni bħala offerta, offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 28 Inkwantu għal xi baqra jew nagħġa, toqtlux lilha u l-ferħ tagħha fl-istess jum.
29 “Jekk toffru sagrifiċċju taʼ ringrazzjament lil Ġeħova, għandkom toffruh biex tiksbu l-approvazzjoni għalikom. 30 Għandu jittiekel dakinhar u tħallu xejn minnu sal-għada. Jien Ġeħova.
31 “Obdu l-kmandamenti tiegħi. Jien Ġeħova. 32 Tiddiżonorawx l-isem qaddis tiegħi, ħalli l-Iżraelin iqisuni qaddis. Jien Ġeħova, li qed inqaddiskom, 33 il-wieħed li ħariġkom mill-art tal-Eġittu biex nurikom li jien Alla. Jien Ġeħova.”
23 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Il-festi tal-istaġuni taʼ Ġeħova li għandkom tħabbru huma konvenzjonijiet qaddisin. Dawn huma l-festi tal-istaġuni tiegħi:
3 “‘F’sitt ijiem jistaʼ jsir ix-xogħol, imma s-sebaʼ jum huwa sabat li fih għandkom tistrieħu għalkollox, konvenzjoni qaddisa. Ma tistgħu tagħmlu ebda tip taʼ xogħol. Għandu jkun sabat lil Ġeħova kull fejn tgħixu.
4 “‘Dawn huma l-festi tal-istaġuni taʼ Ġeħova, konvenzjonijiet qaddisin li għandkom tħabbru fiż-żminijiet stabbiliti tagħhom: 5 Fl-14-il jum tal-ewwel xahar, bejn inżul ix-xemx u d-dlam isir il-Qbiż lil Ġeħova.
6 “‘Fil-15 taʼ dan ix-xahar issir il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira lil Ġeħova. Għal sebat ijiem għandkom tieklu ħobż bla ħmira. 7 Fl-ewwel jum, tridu tagħmlu konvenzjoni qaddisa. M’għandkom tagħmlu ebda xogħol iebes. 8 Imma tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova għal sebat ijiem. Fis-sebaʼ jum ikun hemm konvenzjoni qaddisa. M’għandkom tagħmlu ebda xogħol iebes.’”
9 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 10 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li qed nagħtikom u tkunu ħsadtu l-ħsad tagħha, ġibu qatta mill-ewwel prodott tal-ħsad tagħkom lill-qassis. 11 U hu jxejjer il-qatta ’l quddiem u lura quddiem Ġeħova biex jikseb l-approvazzjoni għalikom. Il-qassis għandu jxejjirha l-għada tas-Sabat. 12 Dakinhar li tiġi mxejra l-qatta, għandkom toffru muntun żgħir bla difett, fl-ewwel sena tiegħu, bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova. 13 L-offerta taċ-ċereali* tiegħu se tkun 20 fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat biż-żejt, bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova b’riħa pjaċevoli.* L-offerta tax-xorb tiegħu se tkun kwart taʼ ħinn* inbid. 14 M’għandkomx tieklu ħobż, ċereali inkaljati, jew ċereali ġodda sa dan il-jum, sakemm iġġibu l-offerta tal-Alla tagħkom. Din hi liġi għal żmien twil għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom kull fejn tgħixu.
15 “‘Għandkom tgħoddu sebaʼ ġimgħat* mill-għada tas-Sabat, mill-jum meta tkunu ġibtu l-qatta tal-offerta li tiġi mxejra. 16 Għandkom tgħoddu 50 jum sal-għada tas-sebaʼ Sabat, u mbagħad tridu tippreżentaw offerta ġdida taċ-ċereali lil Ġeħova. 17 Mill-postijiet fejn tgħixu għandkom iġġibu żewġ ħobżiet bħala offerta li tiġi mxejra. Dawn għandhom ikunu magħmulin minn 20 fil-100 t’efa* dqiq fin. Iridu jiġu msajrin bil-ħmira, bħala l-ewwel prodott lil Ġeħova. 18 U mal-ħobż għandkom tippreżentaw sebat iħrief irġiel bla difett kull wieħed taʼ sena, barri żgħir,* u żewġt imtaten. Dawn iservu bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova flimkien mal-offerta taċ-ċereali u mal-offerti tax-xorb, bħala offerta li tiġi maħruqa, b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 19 U għandkom toffru gidi bħala offerta għad-dnub u żewġt iħrief irġiel, kull wieħed taʼ sena, bħala sagrifiċċju tal-paċi. 20 Il-qassis irid ixejjirhom ’il quddiem u lura flimkien mal-ħobż tal-ewwel prodott, bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova flimkien maż-żewġt iħrief irġiel. Għandhom iservu bħala xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova u jsiru tal-qassis. 21 F’dan il-jum għandkom tħabbru konvenzjoni qaddisa għalikom. Ma tistgħu tagħmlu ebda xogħol iebes. Din hi liġi għal żmien twil fil-postijiet kollha fejn tgħixu għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom.
22 “‘Meta taħsdu l-għelieqi tagħkom, taħsduhomx għalkollox sat-tarf u tiġbrux it-tilqit tal-ħsad tagħkom. Għandkom tħalluhom għall-fqir* u għar-resident barrani. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”
23 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 24 “Għid lill-Iżraelin, ‘Fl-ewwel ġurnata tas-sebaʼ xahar għandkom tistrieħu għalkollox. Din il-ġurnata titħabbar bid-daqq tat-trumbetta sabiex tiftakru li din hi konvenzjoni qaddisa. 25 Ma tistgħu tagħmlu ebda xogħol iebes, u tridu tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.’”
26 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 27 “Madankollu, l-għaxar jum taʼ dan is-sebaʼ xahar hu Jum it-Tpattija. Għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa, u tridu tgħakksu ruħkom* u tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 28 Tagħmlu ebda tip taʼ xogħol f’dan il-jum partikulari, għaliex hu jum it-tpattija biex issir tpattija għalikom quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom. 29 Kull min ma jgħakkisx* lilu nnifsu f’dan il-jum irid jiġi maqtul.* 30 U kull persuna li tagħmel kwalunkwe tip taʼ xogħol f’dan il-jum, jien neqridha minn fost il-poplu tagħha. 31 Tagħmlu ebda tip taʼ xogħol. Din hi liġi għal żmien twil għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom kull fejn tgħixu. 32 Dan hu sabat li fih għandkom tistrieħu għalkollox, u tridu tgħakksu ruħkom fid-disgħa tax-xahar filgħaxija. Għandkom iżżommu s-sabat minn filgħaxija sa filgħaxija.”
33 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 34 “Għid lill-Iżraelin, ‘Fil-15 taʼ dan is-sebaʼ xahar issir il-Festa tal-Għerejjex* għal sebat ijiem lil Ġeħova. 35 Għandha ssir konvenzjoni qaddisa fl-ewwel jum, u m’għandkom tagħmlu ebda xogħol iebes. 36 Għal sebat ijiem għandkom tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. Fit-tmien jum, għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa, u tridu tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. Din hi assemblea speċjali. M’għandkom tagħmlu ebda xogħol iebes.
37 “‘Dawn huma l-festi tal-istaġuni taʼ Ġeħova li għandkom tħabbru bħala konvenzjonijiet qaddisin biex tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova: l-offerta tal-ħruq, l-offerta taċ-ċereali tas-sagrifiċċju, u l-offerti tax-xorb skont l-iskeda taʼ kuljum. 38 Minbarra dawn hemm dak li jiġi offrut lil Ġeħova f’kull sabat, u r-rigali, l-offerti tal-wegħdi, u l-offerti volontarji li għandkom tagħtu lil Ġeħova. 39 Madankollu, fil-15 tas-sebaʼ xahar, meta tkunu ġbartu l-prodott tal-art, għandkom tiċċelebraw il-festa taʼ Ġeħova għal sebat ijiem. L-ewwel jum ikun jum taʼ mistrieħ għalkollox u t-tmien jum ukoll. 40 Fl-ewwel jum, ħudu l-frott tas-siġar mill-isbaħ, u l-friegħi tas-siġar tal-palm, tas-siġar b’ħafna weraq, u tas-siġar tal-luq tal-wied, u ifirħu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom għal sebat ijiem. 41 U ċċelebrawha bħala festa lil Ġeħova sebat ijiem fis-sena. Għandkom tiċċelebrawha fis-sebaʼ xahar bħala liġi għal żmien twil matul il-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. 42 Għandkom toqogħdu fl-għerejjex sebat ijiem. Kull min twieled f’Iżrael għandu joqgħod fl-għerejjex, 43 sabiex il-ġenerazzjonijiet taʼ warajkom ikunu jafu li fl-għerejjex kellhom joqogħdu l-Iżraelin meta ħriġthom mill-art tal-Eġittu. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”
44 B’hekk, Mosè kellem lill-Iżraelin dwar il-festi tal-istaġuni taʼ Ġeħova.
24 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Ikkmanda lill-Iżraelin biex iġibulek żejt taż-żebbuġa pur għad-dwal, biex il-lampi jibqgħu mixgħulin il-ħin kollu. 3 Aron għandu jagħmel arranġament biex il-lampi jibqgħu mixgħulin il-ħin kollu minn filgħaxija sa filgħodu quddiem Ġeħova, ’il barra mill-purtiera tat-Testimonjanza fit-tinda tal-laqgħa. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. 4 Hu għandu jqiegħed il-lampi fuq il-gandlier tad-deheb pur quddiem Ġeħova l-ħin kollu.
5 “Ħu dqiq fin u bih sajjar 12-il ħobża forma taʼ ftira. Kull ħobża jrid ikun fiha 20 fil-100 t’efa.* 6 U poġġihom fuq xulxin f’żewġ gruppi taʼ sitta, fuq il-mejda tad-deheb pur quddiem Ġeħova. 7 Għandek tqiegħed inċens abjad pur fuq kull grupp, u dan il-ħobż ikun bħala simbolu tal-offerta sħiħa,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 8 Kull Sabat, għandu jitqiegħed b’mod regolari quddiem Ġeħova. Dan hu patt għal żmien twil mal-Iżraelin. 9 Dan isir t’Aron u tat-tfal tiegħu, u huma jikluh f’post qaddis, għaliex hu xi ħaġa mill-iktar qaddisa għalih mill-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova, bħala regola għal żmien twil.”
10 Fost l-Iżraelin kien hemm iben taʼ mara Iżraelija u taʼ raġel Eġizzjan, u nqalgħet ġlieda bejnu u bejn raġel Iżraeli fejn il-kampijiet. 11 L-iben tal-mara Iżraelija beda jidgħi* bl-Isem* u jisħtu. Għalhekk ħaduh għand Mosè. Ommu kien jisimha Selomit, bint Dibri mit-tribù taʼ Dan. 12 Huma żammewh maqful sakemm setgħu jaraw b’mod ċar x’kienet id-deċiżjoni taʼ Ġeħova.
13 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 14 “Oħroġ lil dak li seħet ’il barra minn ħdejn il-kampijiet, u dawk kollha li semgħuh iridu jqiegħdu jdejhom fuq rasu, u mbagħad il-ġemgħa kollha trid twaddablu l-ġebel sakemm imut. 15 U għandek tgħid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi bniedem jisħet lill-Alla tiegħu, irid ibati l-konsegwenzi tad-dnub tiegħu. 16 Għalhekk, min jidgħi bl-isem taʼ Ġeħova żgur li għandu jinqatel. Il-ġemgħa kollha żgur li għandha twaddablu l-ġebel. Ir-resident barrani li jkun dagħa bl-Isem għandu jinqatel l-istess bħal min jitwieled fil-pajjiż.
17 “‘Min joqtol lil xi ħadd,* żgur li għandu jinqatel. 18 Min isawwat u joqtol annimal taʼ xi ħadd* għandu jagħti kumpens għalih, ħajja b’ħajja. 19 Min iweġġaʼ lil xi ħadd, għandhom jagħmlulu bħalma jkun għamel hu. 20 Ksur bi ksur, għajn b’għajn, sinna b’sinna, l-istess tip taʼ wġigħ li kkaġuna għandu jiġi kkaġunat fuqu. 21 Min isawwat u joqtol annimal għandu jagħti kumpens għalih, imma min isawwat u joqtol bniedem għandu jinqatel.
22 “‘Deċiżjoni ġudizzjali waħda tapplika għalikom, kemm għar-resident barrani u kemm għal min jitwieled fil-pajjiż, għaliex jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”
23 Mosè mbagħad kellem lill-Iżraelin, u dawn ħarġu lil dak li kien seħet ’il barra minn ħdejn il-kampijiet, u waddbulu l-ġebel sakemm miet. B’hekk, l-Iżraelin għamlu eżatt bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
25 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj: 2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li qed nagħtikom, għandkom tosservaw il-liġi taʼ Ġeħova dwar is-sabat u ma taħdmux l-art. 3 Għal sitt snin għandek tiżraʼ ż-żerriegħa fl-għalqa tiegħek, tiżbor id-dwieli tiegħek, u tiġbor il-prodott tal-art. 4 Imma fis-sebaʼ sena għandu jkun hemm sabat li fih l-art tistrieħ għalkollox, sabat lil Ġeħova. M’għandekx tiżraʼ żerriegħa fl-għalqa tiegħek jew tiżbor id-dwieli tiegħek. 5 Taħsadx dak li jinbet waħdu miż-żerriegħa li jkun baqaʼ wara l-ħsad, u taqtax l-għeneb tad-dielja mhix miżbura tiegħek. Għandu jkun hemm sena li fiha l-art tistrieħ għalkollox. 6 Madankollu, tistaʼ tiekol dak li tipproduċi l-art matul is-sabat tagħha, kemm int, l-ilsiera rġiel u nisa tiegħek, il-ħaddiem mikri tiegħek, u l-immigranti li jkunu qed joqogħdu miegħek, 7 kif ukoll l-annimali li trabbi u l-annimali slavaġ li hemm f’artek. Kull ħaġa li l-art tipproduċi tistaʼ tittiekel.
8 “‘U tgħodd sebaʼ snin taʼ sabat, sebaʼ snin għal sebaʼ darbiet, u l-jiem tas-sebaʼ snin taʼ sabat jammontaw għal 49 sena. 9 Imbagħad iddoqq il-qarn b’ħoss qawwi fl-għaxra tas-sebaʼ xahar. F’Jum it-Tpattija l-ħoss tal-qarn għandu jinstemaʼ fl-art kollha tagħkom. 10 Għandkom tqaddsu l-50 sena u xxandru l-libertà fl-art lin-nies kollha tagħha. Din issir Ġublew għalikom, u kull wieħed minnkom imur lura lejn il-propjetà tiegħu u lejn il-familja tiegħu. 11 Din il-50 sena ssir Ġublew għalikom. M’għandkomx tiżirgħu jew taħsdu dak li jinbet waħdu miż-żerriegħa li jkun baqaʼ wara l-ħsad, u taqtgħux l-għeneb tad-dwieli mhux miżburin. 12 Għax dan hu Ġublew. Għandu jsir qaddis għalikom. Tistgħu tieklu biss dak li l-art tipproduċi waħedha.
13 “‘F’din is-sena tal-Ġublew, kull wieħed minnkom għandu jmur lura lejn il-propjetà tiegħu. 14 Jekk tbigħu xi ħaġa lil xi ħadd jew tixtru mingħandu, tqarrqux b’xulxin. 15 Meta tixtri xi ħaġa mingħand xi ħadd għandek tikkunsidra n-numru tas-snin wara l-Ġublew, u dan għandu jbigħhielek skont in-numru tas-snin taʼ ħsad li jkun fadal. 16 Jekk ikun fadal ħafna snin, hu jistaʼ jżid il-prezz tal-bejgħ, u jekk ikun fadal ftit snin, hu għandu jnaqqas il-prezz tal-bejgħ, għaliex hu qed ibegħlek kemm se jipproduċu l-għelieqi. 17 Ħadd minnkom m’għandu jqarraq b’ħaddieħor, u rrispettaw ħafna* lill-Alla tagħkom, għaliex jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 18 Jekk tobdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, intom tgħixu fis-sigurtà fl-art. 19 L-art tagħti l-prodott tagħha, u intom tieklu sakemm tixbgħu u tgħixu hemm fis-sigurtà.
20 “‘Imma jekk tgħidu: “X’se nieklu fis-sebaʼ sena ladarba ma nistgħux niżirgħu jew niġbru l-prodott tal-għelieqi tagħna?” 21 jien nitfa’ fuqkom il-barka tiegħi fis-sitt sena, u l-art tipproduċi biżżejjed għal tliet snin. 22 Imbagħad fit-tmien sena, tiżirgħu ż-żerriegħa u tieklu mill-prodott taʼ qabel sad-disaʼ sena. Sakemm jikber il-prodott, intom tieklu minn dak taʼ qabel.
23 “‘Peress li l-art hi tiegħi, m’għandhiex tinbiegħ għal dejjem. Għax għalija intom residenti barranin u immigranti. 24 Fl-art kollha li se tkun tagħkom, min ibigħ l-art tiegħu se jkollu d-dritt jerġaʼ jixtriha.
25 “‘Jekk ħuk isir fqir u jkollu jbigħ ftit mill-propjetà tiegħu, xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib u li jistaʼ jifdih* għandu jmur u jixtri lura dak li biegħ ħuh. 26 Jekk xi ħadd ma jkollux min jifdih imma mbagħad isir sinjur u jkollu biex jixtriha lura, 27 irid jikkalkula kemm tiswa skont kemm għaddew snin minn meta biegħha u jrid jagħti lura d-differenza lir-raġel li lilu jkun biegħha. Imbagħad ikun jistaʼ jmur lura lejn il-propjetà tiegħu.
28 “‘Imma jekk ma jkollux biex jiħodha lura mingħandu, kulma biegħ jibqaʼ għand min xtrah sas-sena tal-Ġublew. Fil-Ġublew, hu jingħata lura dak li jkun biegħ u jmur lura lejn il-propjetà tiegħu.
29 “‘Jekk raġel ibigħ dar f’belt bis-swar, id-dritt tiegħu biex jixtriha lura jibqaʼ validu sakemm tispiċċa s-sena minn dakinhar li jkun biegħha. Id-dritt tiegħu biex jixtri lura għandu jibqaʼ validu sena sħiħa. 30 Imma jekk f’sena sħiħa ma tinxtarax lura, id-dar fil-belt bis-swar issir propjetà għal dejjem taʼ min xtraha u tal-ġenerazzjonijiet kollha tiegħu. M’għandhiex tingħata lura fil-Ġublew. 31 Madankollu, id-djar tal-irħula li m’għandhomx sur madwarhom għandhom jitqiesu bħala parti mill-kampanja tal-pajjiż. Id-dritt li d-dar tinxtara lura għandu jibqaʼ validu, u fil-Ġublew għandha tingħata lura.
32 “‘Fil-każ tad-djar tal-Leviti li qegħdin fil-bliet tagħhom, il-Leviti dejjem ikollhom id-dritt li jixtruhom lura. 33 Meta l-propjetà tal-Leviti ma tinxtarax lura, id-dar li kellhom u li tkun inbiegħet fil-belt tagħhom, trid ukoll tingħata lura fil-Ġublew, għaliex id-djar fil-bliet tal-Leviti huma l-propjetà tagħhom fost l-Iżraelin. 34 Iktar minn hekk, l-għelieqi taʼ madwar il-bliet tagħhom fejn jirgħaw l-annimali ma jistgħux jinbiegħu, għaliex dawn huma tagħhom għal dejjem.
35 “‘Jekk ħuk li jgħix ħdejk isir fqir u ma jkunx jistaʼ jmantni lilu nnifsu, għandek tgħinu bħalma tgħin lir-resident barrani u lill-immigrant. B’hekk ikun jistaʼ jibqaʼ jgħix fostkom. 36 Tiħux imgħax mingħandu jew tagħmel qligħ* minn fuqu. Għandek tirrispetta ħafna* lill-Alla tiegħek, u ħuk jibqaʼ jgħix fostkom. 37 Tisilfux flusek bl-imgħax u tagħtihx l-ikel tiegħek biex taqlaʼ minn fuqu. 38 Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu biex nagħtikom l-art taʼ Kangħan u nuri li jien l-Alla tagħkom.
39 “‘Jekk ħuk li jgħix ħdejk isir fqir u jkollu jbigħ lilu nnifsu lilek, m’għandekx tisforzah jagħmel xogħol taʼ lsir. 40 Għandu jiġi ttrattat bħal ħaddiem mikri, bħal immigrant. Għandu jaqdik sas-sena tal-Ġublew. 41 Imbagħad jitlaq mingħandek mat-tfal tiegħu u jmur lura għand il-familja tiegħu. Hu għandu jerġaʼ lura lejn il-propjetà taʼ missirijietu. 42 Għax huma l-ilsiera tiegħi li ħriġt mill-art tal-Eġittu. M’għandhomx ibigħu lilhom infushom bil-mod li jinbiegħ ilsir. 43 M’għandekx taħqru, u għandek tirrispetta ħafna* lill-Alla tiegħek. 44 L-ilsiera rġiel u nisa tiegħek għandhom ikunu mill-popli taʼ madwarkom, mingħandhom tistgħu tixtru lsir jew ilsira. 45 Tistgħu tixtruhom ukoll mingħand it-tfal tal-immigranti li qed jgħixu magħkom u mingħand il-familji tagħhom li twieldu f’artkom, u huma jsiru tagħkom. 46 Intom tistgħu tgħadduhom bħala wirt lit-tfal tagħkom warajkom biex jirtuhom u jkunu tagħhom għal dejjem. Tistgħu tużawhom bħala ħaddiema, imma m’għandkomx taħqru lil ħutkom Iżraelin.
47 “‘Imma jekk resident barrani jew immigrant fostkom isir sinjur, u ħuk li jgħix ħdejh isir fqir u jkollu jbigħ lilu nnifsu lir-resident barrani jew lill-immigrant li jgħix fostkom, jew lil xi membru tal-familja tar-resident barrani, 48 hu jibqaʼ jkollu d-dritt tal-fidwa* wara li jkun biegħ lilu nnifsu. Hu jkun jistaʼ jinxtara lura minn wieħed minn ħutu, 49 jew minn zijuh jew bin zijuh, jew minn xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib* jiġifieri, wieħed mill-familja tiegħu.
“‘Jew jekk hu stess ikun sar sinjur, anki hu jistaʼ jixtri lura lilu nnifsu. 50 Hu għandu jikkalkula maʼ min xtrah iż-żmien mis-sena li jkun biegħ lilu nnifsu sas-sena tal-Ġublew, u l-flus mill-bejgħ tiegħu jridu jkunu skont in-numru tas-snin. Il-ġranet tax-xogħol tiegħu f’dak iż-żmien jiġu kkalkulati bir-rata taʼ ħaddiem mikri. 51 Jekk ikun għad baqaʼ ħafna snin, hu għandu jħallas lil min xtrah skont kemm ikun baqaʼ snin. 52 Imma jekk ikun għad baqaʼ ftit snin sas-sena tal-Ġublew, irid jikkalkula għalih innifsu u jħallas lil dak li xtrah skont is-snin li jkun baqaʼ. 53 Hu għandu jibqaʼ jaqdi lil sidu minn sena għal oħra bħala ħaddiem mikri. U int trid tkun ċert li hu ma jiġix maħqur minnu. 54 Madankollu, jekk ma jkunx jistaʼ jixtri lura lilu nnifsu b’dawn il-kundizzjonijiet, hu u t-tfal tiegħu jridu jinħelsu fis-sena tal-Ġublew.
55 “‘Għax l-Iżraelin huma l-ilsiera tiegħi. Huma l-ilsiera tiegħi li jien ħriġt mill-art tal-Eġittu. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
26 “‘Tagħmlux għalikom allat li ma jiswew għal xejn, u twaqqfux xi statwa skolpita jew xi pilastru sagru għalikom, u tpoġġux xbieha tal-ġebel f’artkom sabiex tqimuha; għax jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 2 Għandkom iżżommu kull sabat tiegħi u turu rispett kbir* għas-santwarju tiegħi. Jien Ġeħova.
3 “‘Jekk tkomplu timxu skont il-liġijiet tiegħi u tobdu l-kmandamenti tiegħi, 4 jien nagħtikom ħalbiet tax-xita f’waqthom, u l-art tagħti l-prodott tagħha, u s-siġar tal-għelieqi jagħtu l-frott tagħhom. 5 Tkunu għadkom qed tidirsu ċ-ċereali* meta jkun wasal iż-żmien li taqtgħu l-għeneb, u tkunu għadkom qed taqtgħu l-għeneb meta jasal l-istaġun li tiżirgħu. U tieklu sa ma tixbgħu u tgħixu fis-sigurtà f’artkom. 6 Nagħtikom il-paċi fuq l-art, u intom tmorru torqdu b’moħħkom mistrieħ, u nneħħi mill-art l-annimali slavaġ li huma feroċi, u minn ġo artkom ma tgħaddix xabla taʼ gwerra. 7 U tiġru wara l-għedewwa tagħkom u toqtluhom bix-xabla. 8 Ħamsa minnkom jiġru wara 100, u 100 minnkom jiġru wara 10,000, u toqtlu l-għedewwa tagħkom bix-xabla.
9 “‘Jien inberikkom* u jkollkom ħafna tfal u tiżdiedu, u nżomm il-patt tiegħi magħkom. 10 Waqt li tkunu għadkom qed tieklu l-prodott tas-sena taʼ qabel, ikollkom bżonn tneħħu l-prodott il-qadim biex tagħmlu l-wisaʼ għall-ġdid. 11 U nqiegħed it-tabernaklu tiegħi f’nofskom, u jien* ma niċħadkomx. 12 U nimxi f’nofskom u nkun l-Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi. 13 Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu biex ma tibqgħux ilsiera tagħhom, u kissirt il-madmad tagħkom u mexxejtkom b’raskom merfugħa.*
14 “‘Madankollu, jekk ma tisimgħux minni jew ma tobdux dawn il-kmandamenti kollha, 15 u jekk tinjoraw il-liġijiet tiegħi u intom* tistmerru d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi sabiex ma tobdux il-kmandamenti kollha tiegħi, u tiksru l-patt tiegħi, 16 jien, min-naħa tiegħi, se nikkastigakom bl-inkwiet, bit-tuberkulosi, u bid-deni qawwi, u dawn idgħajfulkom għajnejkom u jiħdulkom saħħitkom. Intom tiżirgħu għalxejn, għax il-prodott jikluh l-għedewwa tagħkom. 17 Jien niċħadkom, u l-għedewwa tagħkom jegħlbukom, u dawk li jobogħdukom jaħqrukom, u intom taħarbu meta ma jkun hemm ħadd jiġri warajkom.
18 “‘Jekk lanqas b’dan ma tisimgħu minni, jien ikolli nikkastigakom sebaʼ darbiet iktar għal dnubietkom. 19 Jien inġegħelkom ma tibqgħux raskom iebsa u kburin u nagħmel is-sema tagħkom bħall-ħadid* u l-art tagħkom bħar-ram.* 20 Intom taħlu saħħitkom għalxejn, għax l-art tagħkom ma tagħtix il-prodott tagħha, u s-siġar tal-għelieqi ma jagħtux il-frott tagħhom.
21 “‘Imma jekk tibqgħu tiħduha kontrija u ma tkunux tridu tisimgħu minni, ikolli nikkastigakom sebaʼ darbiet iktar skont dnubietkom. 22 Jien nibgħat l-annimali slavaġ fostkom, u jħallukom bla tfal u jeqirdulkom l-annimali tagħkom u lilkom iġibukom fix-xejn, u t-toroq tagħkom ikunu vojta.
23 “‘U jekk minkejja dawn l-affarijiet ma taċċettawx il-korrezzjoni tiegħi u tibqgħu tiħduha kontrija, 24 imbagħad anki jien niħodha kontrikom, u jien stess nikkastigakom sebaʼ darbiet għal dnubietkom. 25 Jien inġiegħel l-għadu tagħkom jattakkakom bix-xabla biex nikkastigakom talli ksirtu l-patt. Jekk tinġabru fi blietkom, jien nibgħat il-pesta f’nofskom, u tingħataw f’idejn l-għadu. 26 Meta neqred il-provvista* tal-ħobż,* għaxar nisa se jkunu jistgħu jsajru l-ħobż tagħkom ġo forn wieħed biss u jiżnu l-ħobż u jagħtukom ftit, u tieklu imma ma tixbgħux.
27 “‘Jekk minkejja dan ma tisimgħux minni u tibqgħu tiħduha kontrija, 28 jien niħodha bl-aħrax kontrikom, u jien stess ikolli nikkastigakom sebaʼ darbiet għal dnubietkom. 29 U jkollkom tieklu l-laħam tat-tfal tagħkom subien u bniet. 30 Jien inġib fix-xejn il-postijiet fejn taqdu l-allat foloz tagħkom* u neqred l-artali tal-inċens tagħkom u nqiegħed l-iġsma mejtin tagħkom fuq il-fdalijiet tal-idoli moqżieża* tagħkom, u jien* niċħadkom għaliex tiddiżgustawni. 31 Jien neqred blietkom u nagħmel ħerba mis-santwarji tagħkom, u l-irwejjaħ pjaċevoli* tas-sagrifiċċji tagħkom ma nxommhomx. 32 Jien stess nagħmel l-art ħerba, u l-għedewwa tagħkom li qed jgħixu fiha jħarsu lejha bi stagħġib. 33 Jien inxerridkom qalb il-popli u nġiegħel l-għedewwa tagħkom jiġu kontrikom bix-xabla. B’hekk, artkom issir ħerba u blietkom isiru rovina.
34 “‘F’dak iż-żmien, l-art tħallas kull sabat tagħha l-jiem kollha li tkun ħerba, waqt li intom tkunu fl-art tal-għedewwa tagħkom. F’dak iż-żmien, l-art tistrieħ* għax trid tħallas lura kull sabat tagħha. 35 Hi tistrieħ kemm iddum ħerba, għax ma straħitx matul kull sabat tagħkom meta intom kontu qed tgħixu fiha.
36 “‘Inkwantu għal dawk li jibqgħu ħajjin, nimlielhom qalbhom b’biżaʼ kbira fl-artijiet tal-għedewwa tagħhom. U l-ħoss taʼ werqa tiċċaqlaq iġegħelhom jaħarbu, u jaħarbu bħal xi ħadd li qed jaħrab mix-xabla u jaqgħu bla ma jkun hemm ħadd jiġri warajhom. 37 Jitfixklu f’xulxin bħal dawk li jaħarbu mix-xabla, minkejja li ma jkun hemm ħadd jiġri warajhom. Mhux se tkunu kapaċi tirreżistu lill-għedewwa tagħkom. 38 Intom tinqerdu minn fost il-popli, u l-art tal-għedewwa tagħkom tiblagħkom. 39 Dawk li jibqaʼ minnkom jitħallew jitmermru fl-artijiet tal-għedewwa tagħkom minħabba l-iżball tagħkom. Iva, jitmermru għalkollox minħabba l-iżbalji taʼ missirijiethom. 40 Imbagħad jammettu l-iżball tagħhom u l-iżball u n-nuqqas taʼ lealtà taʼ missirijiethom, u jammettu li aġixxew b’nuqqas taʼ lealtà billi ħaduha kontrija. 41 Imbagħad anki jien niħodha kontrihom billi ndaħħalhom fl-art tal-għedewwa tagħhom.
“‘Forsi mbagħad jumiljaw ruħhom,* u jħallsu għall-iżball tagħhom. 42 U jien niftakar fil-patt tiegħi maʼ Ġakobb, maʼ Iżakk, u m’Abraham, u niftakar fl-art. 43 Waqt li l-art kienet abbandunata minnhom, kienet qed tħallas kull sabat tagħha u kienet ħerba mingħajrhom, u huma kienu qed iħallsu għall-iżball tagħhom, għaliex injoraw id-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u huma* stmerrew il-liġijiet tiegħi. 44 Imma minkejja dan kollu, waqt li jkunu fl-art tal-għedewwa tagħhom, jien qatt mhu se niċħadhom għalkollox u lanqas inwarrabhom sal-punt li neqridhom, u b’hekk nikser il-patt tiegħi magħhom, għax jien Ġeħova l-Alla tagħhom. 45 Minħabba fihom niftakar fil-patt li għamilt mal-antenati tagħhom li jien ħriġt mill-art tal-Eġittu quddiem għajnejn il-popli, sabiex nuri li jien l-Alla tagħhom. Jien Ġeħova.’”
46 Dawn huma r-regoli, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, u l-liġijiet li Ġeħova ta lill-Iżraelin fuq il-Muntanja Sinaj permezz taʼ Mosè.
27 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Jekk raġel jagħmel wegħda speċjali biex joffri l-valur stmat taʼ persuna lil Ġeħova, 3 il-valur stmat taʼ raġel minn 20 sa 60 sena jkun 50 xekel* fidda skont ix-xekel tal-post qaddis.* 4 Imma jekk tkun mara, il-valur stmat ikun 30 xekel. 5 Jekk l-età tkun minn ħames snin sa 20 sena, il-valur stmat taʼ tifel jew taʼ raġel ikun 20 xekel u taʼ tifla jew taʼ mara għaxar xwiekel. 6 Jekk l-età tkun minn xahar sa ħames snin, il-valur stmat taʼ tifel ikun ħames xwiekel fidda u taʼ tifla jkun tliet xwiekel fidda.
7 “‘Jekk l-età tkun minn 60 sena ’l fuq, il-valur stmat taʼ raġel ikun 15-il xekel u taʼ mara għaxar xwiekel. 8 Imma jekk ikun fqir wisq biex iħallas il-valur stmat, irid jieħu lill-persuna quddiem il-qassis, u l-qassis irid jagħti stima tagħha. Il-qassis jagħti stima skont kemm ikun jiflaħ iħallas dak li qed jagħmel il-wegħda.
9 “‘Jekk il-wegħda tkun annimal li jistaʼ jiġi offrut lil Ġeħova, kulma jistaʼ jingħata lil Ġeħova jsir xi ħaġa qaddisa. 10 Ma jistax jibdel wieħed tajjeb maʼ wieħed ħażin jew wieħed ħażin maʼ wieħed tajjeb. Imma jekk xi darba jibdlu m’annimal ieħor, kemm l-ewwel wieħed u kemm dak li jibdlu miegħu għandhom isiru qaddisin.
11 U jekk ikun annimal mhux nadif li ma jistax jippreżentah b’offerta lil Ġeħova, irid iqiegħed l-annimal quddiem il-qassis. 12 Il-qassis irid jagħti stima tiegħu, sew jekk ikun tajjeb u sew jekk ikun ħażin. U jkun jiswa skont il-valur stmat mill-qassis. 13 Imma jekk xi darba jkun irid jixtrih lura, irid iżid 20 fil-100 mal-valur stmat tiegħu.
14 “‘Jekk raġel iqaddes lil daru bħala xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova, il-qassis irid jagħti stima tagħha, sew jekk tkun tajba u sew jekk tkun ħażina. Għandha tiswa skont kemm jistmaha l-qassis. 15 Imma jekk min iqaddes lil daru jkun irid jixtriha lura, imbagħad irid iżid 20 fil-100 mal-valur stmat tagħha, u ssir tiegħu.
16 “‘Jekk raġel ikun irid iqaddes parti mill-għalqa tiegħu lil Ġeħova, il-valur irid ikun stmat skont kemm hemm bżonn żerriegħa biex tinżeraʼ: 50 xekel fidda għal kull ħomer* żerriegħa tax-xgħir.* 17 Jekk hu jqaddes l-għalqa tiegħu mis-sena tal-Ġublew, il-valur stmat tagħha għandu jibqaʼ l-istess. 18 Jekk iqaddes l-għalqa tiegħu wara l-Ġublew, il-qassis irid jikkalkula l-prezz skont is-snin li jkun fadal sas-sena tal-Ġublew li jkun imiss, u għandu jsir tnaqqis mill-valur stmat. 19 Imma jekk dak li jqaddisha xi darba jerġaʼ jixtri l-għalqa lura, imbagħad irid iżid 20 fil-100 mal-valur stmat tagħha, u din tibqaʼ tiegħu. 20 Jekk l-għalqa ma jixtrihiex lura u tinbiegħ lil raġel ieħor, ma tistax terġaʼ tinxtara lura. 21 Meta l-għalqa tinħeles fil-Ġublew, din issir xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova bħala għalqa li tkun iddedikata lilu. Din issir il-propjetà tal-qassisin.
22 “‘Jekk raġel iqaddes għalqa lil Ġeħova li jkun xtara u li ma tkunx parti mill-art li hu jiret, 23 il-qassis jikkalkula l-ammont tal-valur sas-sena tal-Ġublew, u jagħti l-valur stmat f’dak il-jum. Din hi xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. 24 Fis-sena tal-Ġublew, l-għalqa terġaʼ lura għand min biegħha lilu, għand sid l-art.
25 “‘Kull valur għandu jkun stmat skont ix-xekel tal-post qaddis. Ix-xekel jiswa 20 gera.*
26 “‘Madankollu, ħadd ma jistaʼ jqaddes l-ewwel ferħ tal-annimali, għax dan jitwieled bħala l-ewwel imwieled għal Ġeħova. Sew jekk barri u sew jekk nagħġa, dawn diġà jkunu taʼ Ġeħova. 27 Jekk ikun fost l-annimali mhux nodfa u jifdih* skont il-valur stmat, irid iżid 20 fil-100 mal-valur tiegħu. Imma jekk ma jinxtarax lura, irid jinbiegħ skont il-valur stmat.
28 “‘Imma kull ħaġa li raġel jiddedika għalkollox* lil Ġeħova minn dak li hu tiegħu ma tistax tinbiegħ jew tinxtara lura, la bniedem, la annimal, u lanqas għalqa. Kull ħaġa ddedikata hi mill-iktar qaddisa għal Ġeħova. 29 Iktar minn hekk, ebda persuna li tkun ikkundannata għall-mewt* ma tistaʼ tiġi mifdija. Żgur li għandha tinqatel.
30 “‘Kull għaxra fil-100* tal-art, sew jekk mill-prodott tal-għalqa u sew jekk mill-frott tas-siġar, hi taʼ Ġeħova. Hi xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. 31 Jekk raġel xi darba jkun irid jixtri lura xi ħaġa mill-għaxra fil-100 li jkun ta, għandu jżid 20 fil-100 mal-valur tagħha. 32 Kull għaxra fil-100 mill-merħla tal-baqar u tan-nagħaġ, isiru xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. Dan ifisser li l-għaxar annimal li jgħaddi minn taħt il-bastun tar-ragħaj hu u jgħoddhom, isir t’Alla. 33 M’għandux joqgħod jara jekk hux tajjeb jew ħażin, u lanqas m’għandu jibdlu. Imma jekk xi darba jipprova jibdlu, kemm l-ewwel wieħed u kemm dak li jibdlu miegħu għandhom isiru xi ħaġa qaddisa. Ma jistax jinxtara lura.’”
34 Dawn huma l-kmandamenti li Ġeħova ta lil Mosè għall-Iżraelin fuq il-Muntanja Sinaj.
Letteralment “it-tfal t’Iżrael.”
Jew “l-għoġol.”
Jew “ix-xaħam taʼ madwar il-kliewi.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
Letteralment “jagħmlu jdaħħan.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “ix-xaħam taʼ madwar il-kliewi.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “tal-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “bħala tfakkira tagħha.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “bħala tfakkira tagħha.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “sbul aħdar.”
Jew “bħala tfakkira tagħha.”
Jew “sagrifiċċju taʼ sħubija.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Letteralment “ħobż,” jiġifieri bħala s-sehem t’Alla mis-sagrifiċċju tal-paċi.
Letteralment “ħobż,” jiġifieri bħala s-sehem t’Alla mis-sagrifiċċju tal-paċi.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Letteralment “il-qassis midluk.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
Jew “l-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Letteralment “leħen taʼ saħta (ħalfa).” Aktarx avviż dwar xi ħaġa ħażina li saret u li tinkludi saħta kontra dak li għamel l-iżball jew kontra x-xhud fil-każ li ma jixhidx.
Milli jidher dan ifisser li ma jagħmilx bħalma ħalef.
Għaxra fil-100 t’efa kien daqs 2.2 litri. Ara App. B14.
Jew “bħala tfakkira tagħha.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jew “skont ix-xekel qaddis.”
Jew “il-qalziet taʼ taħt.”
Jew “l-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “bħala tfakkira tagħha.”
Għaxra fil-100 t’efa kien daqs 2.2 litri. Ara App. B14.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Letteralment “il-qassis midluk.”
Jew forsi “Min joffri l-offerta.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “maqtugħa mill-poplu tagħha.”
Jew “maqtugħa mill-poplu tagħha.”
Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”
Jew “maqtugħa mill-poplu tagħha.”
Jew “midlukin.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “il-kuruna qaddisa.”
Jew “dawrilhom.”
Dan it-turban kien magħmul mid-drapp u kien ikun imdawwar maʼ ras il-qassisin l-oħra. Kellu forma differenti mit-turban tal-qassis il-kbir.
Jew “ix-xaħam taʼ madwar il-kliewi.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Letteralment “timtela idkom.”
Jew “għoġol.”
Jew “għoġol.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “għat-tribù tiegħek.”
Jew “l-għoġol.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “il-ħlejjaq ħajjin tal-art.”
Jiġifieri li jerġaʼ jomgħod l-ikel li jkun belaʼ.
Jiġifieri fins u scales.
Dan jinkludi annimali bħal iljuni, orsijiet, u klieb.
Il-kelma Ebrajka tradotta “ġdiem” għandha diversi tifsiriet u tistaʼ tinkludi diversi mard tal-ġilda li jittieħed. Tistaʼ tinkludi wkoll ċerti infezzjonijiet fil-ħwejjeġ u fid-djar.
Jew “l-infezzjoni.”
Jew “jidher għat-tieni darba.”
Jew “jiddikjara lir-raġel infettat nadif.”
Jew “id-daqna.”
Letteralment “fil-ħjut mimdudin u weqfin taʼ biċċa drapp.”
Tletin fil-100 t’efa kienu daqs 6.6 litri. Ara App. B14.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Log kien daqs 0.31 litri. Ara App. B14.
Għaxra fil-100 t’efa kien daqs 2.2 litri. Ara App. B14.
Letteralment “mid-dnub.”
Letteralment “mid-dnub.”
Letteralment “jimtedd.”
Letteralment “jimtedd.”
Letteralment “jimtedd.”
Jew “għoġol.”
Jew “il-qalziet taʼ taħt.”
Jew “għat-tribù tiegħu.”
Letteralment “għal Għażażel.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “Imma Għażażel.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “għat-tribù tiegħu.”
Jew “għat-tribù tiegħu.”
Jew “raġel li jkun disponibbli dak il-ħin.”
Letteralment “lil Għażażel.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Li “wieħed jgħakkes ruħu” ġeneralment hu mifhum li jfisser li wieħed jiċħad lilu nnifsu b’diversi modi, fosthom is-sawm.
Letteralment “u timtela idu.”
Jew “maqtugħ minn fost il-poplu tiegħu.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Letteralment “lill-mogħoż.”
Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”
Jew “naqtgħu minn fost il-poplu tiegħu.”
Jew “ir-ruħ.”
Jew “għal ruħkom.”
Jew “ir-ruħ.”
Jew “maqtugħ.”
Letteralment “jikxef l-għera taʼ,” f’dal-vers u fil-versi li ġejjin.
Letteralment “Din hi l-għera taʼ missierek.”
Letteralment “tikxef l-għera taʼ ħu missierek.”
Letteralment “din hi l-għera taʼ ħuk.”
Jew “bint binha jew bint bintha.”
Jew “kondotta taʼ mistħija; indiċenza.”
Milli jidher dan jirreferi għall-mara jew il-konkubina.
Jew “mogħti; issagrifikat.”
Letteralment “Timteddx maʼ raġel l-istess bħalma timtedd maʼ mara.”
Jew “maqtugħ minn fost il-poplu tiegħu.”
Letteralment “jibżaʼ minn.”
Jew “tinqataʼ mill-poplu tagħha.”
Jew “dak li jibqaʼ mill-ħsad.”
Jew “għall-batuti.”
Letteralment “ibżgħu minn.”
Letteralment “Tqumux kontra d-demm.”
Jew forsi “M’għandkomx tibqgħu tħarsu mingħajr ma tagħmlu xejn meta l-ħajja taʼ xi ħadd tkun fil-periklu.”
Jew “bħallikieku mhux ċirkonċiż.”
Jew “Taqtgħux.”
Dan milli jidher jirreferi għal ċerti prattiki pagani.
Jew “għal ruħ.” Il-kelma Ebrajka nefex hawnhekk tirreferi għal persuna mejta.
Jew “tattoo.”
Letteralment “tibżgħu minn.”
Jew “efa eżatta u ħinn eżatt.” Ara App. B14.
Jew “naqtgħu minn fost il-poplu tiegħu.”
Jew “naqtgħu mill-poplu tiegħu.”
Jew “tagħmel prostituzzjoni spiritwali.”
Jew “naqtagħha mill-poplu tagħha.”
Letteralment “jikxef l-għera taʼ missieru.”
Letteralment “jimtedd maʼ raġel l-istess bħalma jimtedd maʼ mara.”
Jew “kondotta taʼ mistħija; indiċenza.”
Jew “maqtugħin minn quddiem għajnejn il-poplu tagħhom.”
Letteralment “kixef l-għera t’oħtu.”
Jew “maqtugħin minn fost il-poplu tagħhom.”
Letteralment “kixef l-għera taʼ zijuh.”
Letteralment “kixef l-għera taʼ ħuh.”
Bl-Ebrajk dan jirreferi għal annimali bħal ġrieden, gremxul, u insetti.
Jew “l-ikel,” dan jirreferi għas-sagrifiċċji.
Letteralment “imtliet idu.”
Jew “kwalunkwe ruħ mejta.” Il-kelma Ebrajka nefex hawnhekk għandha x’taqsam maʼ kelma Ebrajka li tfisser “mejjet.”
Letteralment “b’tiċrita fi mnieħru.”
Jew forsi “magħlub iżżejjed.”
Letteralment “iżommu ruħhom ’il bogħod minn.”
Jew “maqtugħ minn quddiemi.”
Letteralment “Ebda stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.
Jew “tiżżewweġ stranġier.”
Letteralment “ebda stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Għoxrin fil-100 t’efa kien daqs 4.4 litri. Ara App. B14.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Ħinn kien daqs 3.67 litri. Ara App. B14.
Letteralment “sabatijiet.”
Għoxrin fil-100 t’efa kien daqs 4.4 litri. Ara App. B14.
Jew “għoġol.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “għall-batut.”
Li “wieħed jgħakkes ruħu” ġeneralment hu mifhum li jfisser li wieħed jiċħad lilu nnifsu b’diversi modi, fosthom is-sawm.
Jew forsi “ma jsumx.”
Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”
Jew “tat-Tined Temporanji.”
Għoxrin fil-100 t’efa kien daqs 4.4 litri. Ara App. B14.
Jew “bħala tfakkira tagħha.”
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dagħa.”
Jiġifieri bl-isem taʼ Ġeħova, bħalma juru versi 15 u 16.
Jew “jaħbat għal xi ruħ mill-bnedmin u joqtolha.”
Jew “U min jaħbat għar-ruħ t’annimal u joqtlu.”
Letteralment “ibżgħu minn.”
Jew “użura.”
Letteralment “tibżaʼ minn.”
Letteralment “tibżaʼ minn.”
Jew “qarib ieħor mid-demm.”
Letteralment “tibżgħu minn.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “indur lejkom.”
Jew “ruħi.”
Letteralment “dritti.”
Jew “ruħkom.”
Jiġifieri ma tinżilx xita.
Jiġifieri l-art tkun niexfa minħabba nuqqas taʼ xita.
Letteralment “il-bastun.” Jistaʼ jirreferi għal bsaten li kienu jintużaw biex jaħżnu l-ħobż.
Jew “tal-ikel.”
Letteralment “il-postijiet għoljin tagħkom.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Jew “ruħi.”
Jew “li jikkalmaw.” Letteralment “l-irwejjaħ li jserrħu.”
Jew “iżżomm is-sabat.”
Jew “jumiljaw il-qalb mhix ċirkonċiża tagħhom.”
Jew “ruħhom.”
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jew “skont ix-xekel qaddis.”
Ħomer kien daqs 220 litru. Ara App. B14.
Jiġifieri barley.
Gera kien daqs 0.57 grammi. Ara App. B14.
Jew “jiddedika għall-qerda.”
Jew “iddedikata għall-qerda.”
Jew “L-għexur kollha.”