LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Numri 1:1-36:13
  • Numri

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Numri
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Numri

NUMRI

1 U Ġeħova kellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj, fit-tinda tal-laqgħa, fl-ewwel jum tat-tieni xahar tat-tieni sena minn mindu ħarġu mill-art tal-Eġittu. Hu qallu: 2 “Għoddu l-ġemgħa tal-Iżraelin* b’mod individwali* skont il-familji tagħhom, skont dar missirijiethom, u skont l-ammont tal-ismijiet tal-irġiel kollha. 3 Int u Aron għandkom tirreġistraw skont il-gruppi* tagħhom lil dawk kollha minn 20 sena ’l fuq li jistgħu jaqdu fl-armata f’Iżrael.

4 “Ħudu magħkom raġel minn kull tribù. Kull wieħed irid ikun kap taʼ dar missirijietu. 5 Dawn huma l-ismijiet tal-irġiel li se jgħinukom: Elisur bin Sedewr mit-tribù taʼ Ruben; 6 Selumjel bin Surisaddaj mit-tribù taʼ Simegħon; 7 Naħson bin Għamminadab mit-tribù taʼ Ġuda; 8 Netanel bin Sugħar mit-tribù taʼ Issakar; 9 Eljab bin Ħelon mit-tribù taʼ Żebulun; 10 mit-tribù taʼ Ġużeppi: Elisama bin Għammiħud minn Efrajm u Gamaljel bin Pedaħsur minn Manasse; 11 Abidan bin Gidegħoni mit-tribù taʼ Benjamin; 12 Aħigħeżer bin Għammisaddaj mit-tribù taʼ Dan; 13 Paggħijel bin Għokran mit-tribù t’Aser; 14 Eljasaf bin Degħwel mit-tribù taʼ Gad; 15 u Aħira bin Għenan mit-tribù taʼ Naftali. 16 Dawn huma l-magħżulin mill-ġemgħa. Dawn huma l-kapijiet tat-tribujiet taʼ missirijiethom, il-kapijiet tal-eluf t’Iżrael.”

17 Għalhekk, Mosè u Aron ħadu lil dawn l-irġiel li kienu magħżulin b’isimhom. 18 Huma laqqgħu lill-ġemgħa kollha fl-ewwel jum tat-tieni xahar, sabiex jiġu rreġistrati b’mod individwali skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom, l-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq, 19 bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. Għalhekk, Mosè rreġistrahom fid-deżert tas-Sinaj.

20 It-tfal* taʼ Ruben, l-ewwel imwieled t’Iżrael, kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin b’mod individwali, 21 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Ruben kienu 46,500.

22 It-tfal taʼ Simegħon kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin b’mod individwali, 23 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Simegħon kienu 59,300.

24 It-tfal taʼ Gad kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 25 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Gad kienu 45,650.

26 It-tfal taʼ Ġuda kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 27 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Ġuda kienu 74,600.

28 It-tfal taʼ Issakar kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 29 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Issakar kienu 54,400.

30 It-tfal taʼ Żebulun kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 31 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Żebulun kienu 57,400.

32 It-tfal taʼ Ġużeppi minn Efrajm kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 33 u dawk irreġistrati mit-tribù t’Efrajm kienu 40,500.

34 It-tfal taʼ Manasse kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 35 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Manasse kienu 32,200.

36 It-tfal taʼ Benjamin kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 37 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Benjamin kienu 35,400.

38 It-tfal taʼ Dan kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 39 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Dan kienu 62,700.

40 It-tfal t’Aser kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 41 u dawk irreġistrati mit-tribù t’Aser kienu 41,500.

42 It-tfal taʼ Naftali kienu rreġistrati skont isimhom, il-familji tagħhom, u dar missirijiethom. L-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata kienu magħdudin, 43 u dawk irreġistrati mit-tribù taʼ Naftali kienu 53,400.

44 Dawn ġew irreġistrati minn Mosè flimkien m’Aron u t-12-il kap t’Iżrael, kull wieħed jirrappreżenta lil dar missirijietu. 45 L-Iżraelin kollha minn 20 sena ’l fuq li setgħu jaqdu fl-armata f’Iżrael kienu rreġistrati skont dar missirijiethom, 46 u dawk kollha rreġistrati kienu 603,550.

47 Iżda l-Leviti ma ġewx irreġistrati magħhom skont it-tribù taʼ missirijiethom. 48 U Ġeħova qal lil Mosè: 49 “It-tribù taʼ Levi biss m’għandekx tirreġistra, u tgħoddhomx mal-Iżraelin l-oħrajn. 50 Int għandek tinkariga lil-Leviti fuq it-tabernaklu tat-Testimonjanza u fuq l-għodod kollha tiegħu u fuq kulma hu tiegħu. Huma jġorru t-tabernaklu u l-għodod kollha tiegħu, jaqdu fih, u jikkampjaw madwaru. 51 U kull meta jkun se jinġarr it-tabernaklu, għandhom iżarmawh il-Leviti. U meta t-tabernaklu jkun se jerġaʼ jiġi armat, il-Leviti għandhom jarmawh. Kull individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib għandu jinqatel.

52 “Kull Iżraeli jrid jarma t-tinda fil-post magħżul għalih, kull raġel skont it-taqsima tiegħu li fiha tliet tribujiet, skont il-gruppi* tagħhom. 53 U l-Leviti għandhom jikkampjaw madwar it-tabernaklu tat-Testimonjanza, biex ma nirrabjax kontra l-ġemgħa tal-Iżraelin. Il-Leviti huma responsabbli li jieħdu ħsieb* it-tabernaklu tat-Testimonjanza.”

54 Il-poplu t’Iżrael għamel kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. Għamel preċiż hekk.

2 Ġeħova issa kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: 2 “L-Iżraelin għandhom jikkampjaw fejn tkun assenjata t-taqsima tagħhom li fiha tliet tribujiet, kull raġel viċin is-sinjal taʼ dar missirijietu. Għandhom jikkampjaw madwar it-tinda tal-laqgħa, iħarsu lejha.

3 “Dawk li jikkampjaw fuq in-naħa tal-Lvant, lejn tlugħ ix-xemx, ikunu t-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet taʼ Ġuda skont il-gruppi* tagħhom. Il-kap għat-tfal taʼ Ġuda jkun Naħson bin Għamminadab. 4 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 74,600. 5 It-tribù taʼ Issakar jikkampja maġenbu. Il-kap għat-tfal taʼ Issakar ikun Netanel bin Sugħar. 6 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 54,400. 7 Maġenbu jkun hemm ukoll it-tribù taʼ Żebulun. Il-kap għat-tfal taʼ Żebulun ikun Eljab bin Ħelon. 8 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 57,400.

9 “Dawk kollha rreġistrati fl-armati tal-kampijiet taʼ Ġuda huma 186,400. Dawn għandhom jimxu l-ewwel.

10 “It-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet taʼ Ruben skont il-gruppi* tagħhom tkun lejn in-Nofsinhar. Il-kap għat-tfal taʼ Ruben ikun Elisur bin Sedewr. 11 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 46,500. 12 It-tribù taʼ Simegħon jikkampja maġenbu. Il-kap għat-tfal taʼ Simegħon ikun Selumjel bin Surisaddaj. 13 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 59,300. 14 Maġenbu jkun hemm ukoll it-tribù taʼ Gad. Il-kap għat-tfal taʼ Gad ikun Eljasaf bin Regħwel. 15 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 45,650.

16 “Dawk kollha rreġistrati fl-armati tal-kampijiet taʼ Ruben huma 151,450, u dawn għandhom jimxu t-tieni.

17 “Meta tkun se tinġarr it-tinda tal-laqgħa, il-kampijiet tal-Leviti għandhom ikunu f’nofs il-kampijiet l-oħra.

“Għandhom jivvjaġġaw bl-istess ordni bħal meta jikkampjaw, kull wieħed f’postu, skont it-taqsimiet tagħhom taʼ tliet tribujiet.

18 “It-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet t’Efrajm skont il-gruppi* tagħhom tkun lejn il-Punent. Il-kap għat-tfal t’Efrajm ikun Elisama bin Għammiħud. 19 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 40,500. 20 Maġenbu jkun hemm it-tribù taʼ Manasse. Il-kap għat-tfal taʼ Manasse jkun Gamaljel bin Pedaħsur. 21 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 32,200. 22 Maġenbu jkun hemm ukoll it-tribù taʼ Benjamin. Il-kap għat-tfal taʼ Benjamin ikun Abidan bin Gidegħoni. 23 Dawk irreġistrati fl-armata huma 35,400.

24 “Dawk kollha rreġistrati fl-armati tal-kampijiet t’Efrajm huma 108,100, u dawn għandhom jimxu t-tielet.

25 “It-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet taʼ Dan skont il-gruppi* tagħhom tkun lejn it-Tramuntana. Il-kap għat-tfal taʼ Dan ikun Aħigħeżer bin Għammisaddaj. 26 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 62,700. 27 Maġenbu jikkampja t-tribù t’Aser. Il-kap għat-tfal t’Aser ikun Paggħijel bin Għokran. 28 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 41,500. 29 Maġenbu jkun hemm ukoll it-tribù taʼ Naftali. Il-kap għat-tfal taʼ Naftali jkun Aħira bin Għenan. 30 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 53,400.

31 “Dawk kollha rreġistrati fil-kampijiet taʼ Dan huma 157,600. Dawn għandhom jimxu l-aħħar, skont it-taqsimiet tagħhom taʼ tliet tribujiet.”

32 Dawn kienu l-Iżraelin li ġew irreġistrati skont dar missirijiethom. B’kollox, dawk kollha rreġistrati fil-kampijiet għall-armata kienu 603,550. 33 Imma l-Leviti ma ġewx irreġistrati flimkien mal-Iżraelin l-oħra, eżatt bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 34 L-Iżraelin għamlu kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. Hekk ikkampjaw fit-taqsimiet tagħhom taʼ tliet tribujiet, u hekk imxew, kull wieħed skont il-familji tiegħu u skont dar missirijietu.

3 Issa dawn kienu l-familji* t’Aron u taʼ Mosè dakinhar li Ġeħova kellem lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj. 2 Dawn kienu l-ismijiet tat-tfal t’Aron: Nadab l-ewwel imwieled, Abiħu, Elegħażar, u Itamar. 3 Dawn kienu l-ismijiet tat-tfal t’Aron, il-qassisin magħżulin* li ġew inkarigati* biex jaqdu bħala qassisin. 4 Iżda Nadab u Abiħu mietu quddiem Ġeħova meta offrew nar ipprojbit quddiem Ġeħova fid-deżert tas-Sinaj, u huma ma kellhomx tfal. Imma Elegħażar u Itamar komplew jaqdu bħala qassisin flimkien maʼ missierhom Aron.

5 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 6 “Ressaq it-tribù taʼ Levi quddiem Aron il-qassis biex jgħinuh. 7 Huma għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu u tal-ġemgħa kollha quddiem it-tinda tal-laqgħa billi jagħmlu s-servizz tagħhom li għandu x’jaqsam mat-tabernaklu. 8 Iridu jieħdu ħsieb l-għodod kollha tat-tinda tal-laqgħa u jieħdu ħsieb is-servizzi li għandhom x’jaqsmu mat-tabernaklu għall-Iżraelin. B’hekk ikunu qed jagħmlu r-responsabbiltajiet tagħhom. 9 Agħti l-Leviti lil Aron u lit-tfal tiegħu. Huma inkarigati minn fost l-Iżraelin biex jgħinuh. 10 Għandek tinkariga lil Aron u lit-tfal tiegħu, u dawn iridu jagħmlu d-dmirijiet tagħhom bħala qassisin. Kwalunkwe individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib għandu jinqatel.”

11 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 12 “Jien se nieħu l-Leviti minn fost l-Iżraelin minflok l-ewwel imweldin* kollha tal-Iżraelin, u l-Leviti jsiru tiegħi. 13 Għax kull l-ewwel imwieled hu tiegħi. Dakinhar li qtilt lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu, qaddist għalija stess lil kull l-ewwel imwieled f’Iżrael minn bniedem sa bhima. Dawn għandhom isiru tiegħi. Jien Ġeħova.”

14 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj u jgħidlu: 15 “Irreġistra lit-tfal taʼ Levi skont dar missirijiethom u skont il-familji tagħhom. Għandek tirreġistra lil kull individwu maskil minn xahar ’il fuq.” 16 Allura Mosè rreġistrahom bħalma kien ikkmandah Ġeħova. 17 It-tfal taʼ Levi kienu Gerson, Keħat, u Merari.

18 It-tfal taʼ Gerson skont il-familji tagħhom kienu Libni u Simgħi.

19 It-tfal taʼ Keħat skont il-familji tagħhom kienu Għamram, Isħar, Ħebron, u Użżijel.

20 It-tfal taʼ Merari skont il-familji tagħhom kienu Maħli u Musi.

Dawn kienu l-familji tal-Leviti skont dar missirijiethom.

21 Minn Gerson ħarġet il-familja tal-Libnin u tas-Simgħin. Dawn kienu l-familji tal-Gersonin. 22 L-ammont taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq li ġew irreġistrati kien 7,500. 23 Il-familji tal-Gersonin kienu kkampjati wara t-tabernaklu lejn il-Punent. 24 Il-kap tal-familja min-naħa tal-missier għall-Gersonin kien Eljasaf bin Lagħel. 25 Ir-responsabbiltà tat-tfal taʼ Gerson fit-tinda tal-laqgħa kienet li jieħdu ħsieb it-tabernaklu u t-tinda, l-materjali li jgħattuha bih, il-purtiera tad-daħla tat-tinda tal-laqgħa, 26 il-purtieri mdendlin tal-bitħa, il-purtiera tad-daħla tal-bitħa li hi madwar it-tabernaklu u l-artal, il-ħbula tat-tinda tiegħu, u s-servizz kollu li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-affarijiet.

27 Minn Keħat ħarġet il-familja tal-Għamramin, tal-Isħarin, tal-Ħebronin, u tal-Użżijelin. Dawn kienu l-familji tal-Keħatin. 28 L-ammont taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq kien 8,600. Huma kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-post qaddis. 29 Il-familji tat-tfal taʼ Keħat ikkampjaw fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu. 30 Il-kap tal-familja min-naħa tal-missier għall-familji tal-Keħatin kien Elisafan bin Użżijel. 31 Huma kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-Arka, il-mejda, il-gandlier, l-artali, l-għodod li jintużaw biex jaqdu fil-post qaddis, il-purtiera tad-daħla, u s-servizz kollu li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-affarijiet.

32 Il-kap il-kbir tal-Leviti kien Elegħażar bin Aron il-qassis. Hu kien fuq dawk li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-post qaddis.

33 Minn Merari ħarġet il-familja tal-Maħlin u tal-Musin. Dawn kienu l-familji taʼ Merari. 34 L-ammont taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq kien 6,200. 35 Il-kap tal-familja min-naħa tal-missier għall-familji taʼ Merari kien Surjel bin Abiħajl. Dawn kienu kkampjati fuq in-naħa tat-Tramuntana tat-tabernaklu. 36 It-tfal taʼ Merari kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-frejms magħmulin mit-twavel għat-tabernaklu, il-lasti, il-kolonni, il-pedestalli b’toqba fihom, l-għodod kollha, u s-servizz kollu li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-affarijiet. 37 Kellhom jieħdu ħsieb ukoll il-pilastri li kienu madwar il-bitħa, il-pedestalli tagħhom b’toqba fihom, u l-imsiemer u l-ħbula tat-tinda tagħhom.

38 Mosè, Aron, u t-tfal tiegħu kienu kkampjati quddiem it-tabernaklu lejn il-Lvant, quddiem it-tinda tal-laqgħa lejn tlugħ ix-xemx. Huma kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-santwarju għan-nom tal-Iżraelin. Kull individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib jinqatel.

39 Bħalma kkmandahom Ġeħova, Mosè u Aron irreġistraw il-Leviti kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq skont il-familji tagħhom. Dawn kienu 22,000.

40 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Mill-Iżraelin, irreġistra lil dawk kollha minn xahar ’il fuq tas-sess maskil li twieldu l-ewwel, għoddhom, u agħmel lista b’isimhom. 41 Ħu għalija l-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, u ħu l-annimali tal-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel mill-annimali tal-Iżraelin. Jien Ġeħova.” 42 Imbagħad Mosè rreġistra lil dawk kollha li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, bħalma kien ikkmandah Ġeħova. 43 L-ammont taʼ dawk kollha minn xahar ’il fuq tas-sess maskil li twieldu l-ewwel u li ġew irreġistrati b’isimhom kien 22,273.

44 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 45 “Ħu l-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, u ħu l-annimali tal-Leviti minflok l-annimali tal-Iżraelin, u l-Leviti jridu jsiru tiegħi. Jien Ġeħova. 46 U bħala l-prezz tal-fidwa* għall-273 ruħ li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, li huma iżjed mil-Leviti, 47 trid tieħu ħames xwiekel* għal kull individwu, skont ix-xekel tal-post qaddis.* Xekel hu 20 gera.* 48 Il-flus agħtihom lil Aron u lit-tfal tiegħu bħala l-prezz tal-fidwa għal dawk li huma iżjed minnhom fl-ammont.” 49 Għalhekk, Mosè ġabar il-flus tal-prezz tal-fidwa biex jifdi lil dawk li kienu iżjed mil-Leviti. 50 Hu ħa l-flus mingħand dawk li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, jiġifieri 1,365 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis. 51 Imbagħad Mosè ta l-flus tal-prezz tal-fidwa lil Aron u lit-tfal tiegħu skont il-kelma taʼ Ġeħova, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.

4 Ġeħova issa kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: 2 “Għoddu lit-tfal taʼ Keħat minn fost it-tfal taʼ Levi, skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom, 3 lil dawk kollha minn 30 sa 50 sena li qegħdin fil-grupp inkarigat biex jaħdem fit-tinda tal-laqgħa.

4 “Dan hu s-servizz tat-tfal taʼ Keħat fit-tinda tal-laqgħa. Hu xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 5 Meta l-Iżraelin ikunu se jitilqu minn post għal ieħor, Aron u t-tfal tiegħu jidħlu fit-tinda u jniżżlu l-purtiera li tifred u jgħattu biha l-arka tat-Testimonjanza. 6 Jgħattuha bil-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien u fuqha jifirxu biċċa drapp blu u jdaħħlu l-lasti li jġorruha minnhom f’posthom.

7 “Huma jifirxu wkoll biċċa drapp blu fuq il-mejda tal-ħobż tal-preżenza, u jpoġġu fuqha l-platti, it-tazzi, l-iskutelli, u l-buqari tal-offerta tax-xorb. L-offerta regolari tal-ħobż għandha tibqaʼ fuq il-mejda. 8 Fuqhom jifirxu biċċa drapp aħmar jgħajjat, jgħattu l-mejda bi ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien, u jdaħħlu l-lasti li jġorruha minnhom f’posthom. 9 Imbagħad jieħdu biċċa drapp blu u jgħattu l-gandlier għad-dawl, flimkien mal-lampi tiegħu, l-għodod li jitfu l-ftila bihom, ir-reċipjenti għall-ftejjel maħruqin tiegħu, u r-reċipjenti kollha għaż-żejt li jintużaw għal-lampi. 10 Huma jgeżwru lilu u l-għodod kollha tiegħu fi ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien u jpoġġuh fuq lasta biex jinġarr. 11 U fuq l-artal tad-deheb jifirxu biċċa drapp blu, jgħattuh bi ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien, u jdaħħlu l-lasti li jġorruh minnhom f’posthom. 12 Imbagħad jieħdu l-għodod kollha li jaqdu bihom regolarment fil-post qaddis, iqegħduhom f’biċċa drapp blu, jgħattuhom bi ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien, u jpoġġuhom fuq lasta biex jinġarru.

13 “Huma jridu jneħħu l-irmied* minn fuq l-artal u jifirxu fuqu biċċa drapp tas-suf vjola. 14 Iqiegħdu fuqu l-għodod kollha tiegħu li jintużaw meta jaqdu ħdejn l-artal: ir-reċipjenti għall-ġamar, il-frieket, il-pali, u l-iskutelli. Huma għandhom jifirxu fuqu ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien u jdaħħlu l-lasti li jġorruh minnhom f’posthom.

15 “Aron u t-tfal tiegħu jridu jkunu laħqu għattew l-affarijiet tal-post qaddis u l-għodod kollha tiegħu meta l-Iżraelin ikunu se jitilqu. Imbagħad imorru t-tfal taʼ Keħat biex iġorruhom, imma m’għandhomx imissu l-affarijiet tal-post qaddis inkella jmutu. L-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tinda tal-laqgħa huma r-responsabbiltà* tat-tfal taʼ Keħat.

16 “Elegħażar bin Aron il-qassis għandu r-responsabbiltà li jieħu ħsieb iż-żejt għad-dawl, l-inċens ifuħ, l-offerta regolari taċ-ċereali,* u ż-żejt tad-dlik. Hu jieħu ħsieb it-tabernaklu kollu u kulma fih, inkluż il-post qaddis u l-għodod tiegħu.”

17 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u lil Aron u jgħidilhom: 18 “Tħallux it-tribù tal-familji tal-Keħatin jinqerdu minn fost il-Leviti. 19 Imma agħmlu dan għalihom sabiex jibqgħu ħajjin u ma jmutux talli jersqu lejn l-affarijiet l-iktar qaddisin. Aron u t-tfal tiegħu jidħlu u jinkarigaw lil kull wieħed minnhom x’għandu jagħmel u x’għandu jġorr. 20 Huma m’għandhomx jidħlu u jaraw l-affarijiet qaddisin, lanqas għal mument wieħed biss, inkella jmutu.”

21 Imbagħad Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 22 “Għodd lit-tfal taʼ Gerson skont dar missirijiethom u l-familji tagħhom. 23 Irreġistra lil dawk kollha minn 30 sa 50 sena li qegħdin fil-grupp inkarigat biex jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. 24 Il-familji tal-Gersonin huma inkarigati biex jieħdu ħsieb u jġorru dan li ġej: 25 Id-drappijiet tat-tined tat-tabernaklu u t-tinda tal-laqgħa, il-materjal li jgħattiha u l-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien li qegħdin fuqu, il-purtiera tad-daħla tat-tinda tal-laqgħa, 26 il-purtieri mdendlin tal-bitħa, il-purtiera tad-daħla tal-bitħa li hi madwar it-tabernaklu u l-artal, il-ħbula tat-tinda tagħhom u l-għodod kollha tagħhom, u l-affarijiet kollha li jintużaw fis-servizz tiegħu. Dan hu l-inkarigu tagħhom. 27 Aron u t-tfal tiegħu jridu jieħdu ħsieb is-servizz tal-Gersonin u dak kollu li għandhom iġorru. U intom tgħidulhom x’għandhom iġorru u din tkun ir-responsabbiltà tagħhom. 28 Dan hu s-servizz li l-familji tal-Gersonin għandhom jagħmlu fit-tinda tal-laqgħa. Ir-responsabbiltajiet tagħhom qegħdin taħt id-direzzjoni taʼ Itamar bin Aron il-qassis.

29 “Lit-tfal taʼ Merari tirreġistrahom skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom. 30 Tirreġistra lil dawk kollha minn 30 sa 50 sena li qegħdin fil-grupp inkarigat fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 31 Huma responsabbli biex iġorru dawn l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-servizz tagħhom tat-tinda tal-laqgħa: il-frejms magħmulin mit-twavel għat-tabernaklu, il-lasti, il-kolonni, u l-pedestalli b’toqba fihom; 32 il-pilastri taʼ madwar il-bitħa, il-pedestalli tagħhom b’toqba fihom, l-imsiemer u l-ħbula tat-tinda tagħhom flimkien mal-għodod kollha tagħhom, u s-servizz kollu li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-affarijiet. Tridu tinkarigaw lil kull wieħed x’għandu jġorr skont ismu. 33 Dan hu kif il-familji tat-tfal taʼ Merari jridu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa, taħt id-direzzjoni taʼ Itamar bin Aron il-qassis.”

34 Imbagħad Mosè, Aron, u l-kapijiet tal-ġemgħa rreġistraw lit-tfal tal-Keħatin skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom, 35 lil dawk kollha li kellhom minn 30 sa 50 sena li kienu fil-grupp inkarigat fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 36 L-ammont taʼ dawk irreġistrati skont il-familji tagħhom kien 2,750. 37 Dawn ġew irreġistrati mill-familji tal-Keħatin, dawk kollha li kienu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. Mosè u Aron irreġistrawhom skont il-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè.

38 It-tfal taʼ Gerson ġew irreġistrati skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom, 39 dawk kollha li kellhom minn 30 sa 50 sena li kienu fil-grupp inkarigat fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 40 L-ammont taʼ dawk irreġistrati skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom kien 2,630. 41 Dawn kienu l-uħud irreġistrati mill-familji tat-tfal taʼ Gerson, dawk kollha li kienu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. Huma ġew irreġistrati minn Mosè u Aron skont il-kmand taʼ Ġeħova.

42 It-tfal taʼ Merari ġew irreġistrati skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom, 43 dawk kollha li kellhom minn 30 sa 50 sena li kienu fil-grupp inkarigat fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 44 L-ammont taʼ dawk irreġistrati skont il-familji tagħhom kien 3,200. 45 Dawn kienu l-uħud irreġistrati mill-familji tat-tfal taʼ Merari. Huma ġew irreġistrati minn Mosè u Aron skont il-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè.

46 Mosè, Aron, u l-kapijiet t’Iżrael irreġistraw lil dawn il-Leviti kollha skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom. 47 Dawn kellhom minn 30 sa 50 sena u kollha kienu inkarigati biex jagħtu servizz fit-tinda tal-laqgħa u jġorru affarijiet li għandhom x’jaqsmu magħha. 48 L-ammont taʼ dawk irreġistrati kien 8,580. 49 Dawn ġew irreġistrati skont il-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè, kull wieħed skont dak li ġie inkarigat jagħmel u jġorr; ġew irreġistrati bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

5 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Ikkmanda lill-Iżraelin biex jibagħtu ’l barra mill-kampijiet lil kull min ikollu l-ġdiem, kull min ikollu tnixxija, u kull min ma jkunx nadif għax ikun mess persuna* mejta. 3 Sew jekk ikun raġel u sew jekk tkun mara, għandkom tibagħtuhom ’il barra mill-kampijiet. Dan tridu tagħmluh sabiex ma jniġġsux il-kampijiet taʼ dawk li qed ngħix f’nofshom.” 4 Għaldaqstant l-Iżraelin hekk għamlu, bagħtuhom ’il barra mill-kampijiet. L-Iżraelin għamlu bħalma Ġeħova kien qal lil Mosè.

5 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 6 “Għid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi ħadd, raġel jew mara, jagħmel xi dnub billi jaġixxi b’nuqqas taʼ lealtà lejn Ġeħova, dan isir ħati. 7 Hu* jrid jammetti d-dnub li jkun għamel u jagħti lura l-ammont sħiħ bħala kumpens għall-ħtija tiegħu u jżid ukoll 20 fil-100 tal-valur tiegħu. Dan irid jagħtih lil dak li jkun dineb kontrih. 8 Imma jekk il-vittma tmut u ma jkollhiex min jiġi minnha mill-qrib li jistaʼ jirċievi l-kumpens, dan għandu jingħata lura lil Ġeħova u jkun tal-qassis, minbarra l-muntun tat-tpattija li l-qassis jagħmel tpattija bih għal dak li għamel id-dnub.

9 “‘Kull kontribuzzjoni qaddisa mill-Iżraelin li tiġi ppreżentata lill-qassis, għandha ssir tiegħu. 10 L-affarijiet qaddisin li kull wieħed ikollu, jibqgħu tiegħu. Kulma jagħti lill-qassis, isir tal-qassis.’”

11 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 12 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Jekk mart xi raġel tidneb u ma tkunx leali lejh 13 u raġel ieħor ikollu x’jaqsam magħha, imma żewġha ma jkunx jaf u dak li għamlet jibqaʼ ma jinkixifx, u b’hekk tkun tniġġset imma ma jkunx hemm xhud kontriha u hi ma tinqabadx, għandu jsir hekk: 14 Jekk żewġha jibda jgħir u jissuspetta mil-lealtà taʼ martu, kemm jekk tkun tniġġset u kemm jekk le, 15 ir-raġel irid jieħu lil martu għand il-qassis u magħha jieħu wkoll offerta għaliha, għaxra fil-100 t’efa* dqiq tax-xgħir. La għandu jitfaʼ żejt u lanqas inċens abjad fuq l-offerta, għaliex din tkun offerta taċ-ċereali* tal-għira, offerta taċ-ċereali li turi jekk il-mara hix ħatja jew le.

16 “‘Il-qassis iressaq lill-mara quddiem Ġeħova. 17 Il-qassis jieħu l-ilma qaddis f’reċipjent tal-fuħħar u jieħu ftit mit-trab li jkun hemm fl-art tat-tabernaklu u jitfgħu fl-ilma. 18 U l-qassis iqiegħed lill-mara quddiem Ġeħova, iħollilha xagħarha, u jqiegħed fuq il-pali taʼ jdejha l-offerta taċ-ċereali bħala tfakkira, jiġifieri l-offerta taċ-ċereali tal-għira. Il-qassis ikollu f’idu l-ilma morr li jġib is-saħta.

19 “‘Imbagħad il-qassis iġegħelha taħlef u jgħidilha: “Jekk ebda raġel ieħor ma kellu x’jaqsam miegħek waqt li kont taħt l-awtorità taʼ żewġek u int ma dnibtx u ma tniġġistx, ħa tkun ħielsa mill-effett taʼ dan l-ilma morr li jġib is-saħta. 20 Imma jekk dnibt waqt li kont taħt l-awtorità taʼ żewġek billi tniġġist u kellek x’taqsam maʼ raġel ieħor, is-saħta se tiġi fuqek.” 21 Imbagħad il-qassis iġiegħel lill-mara taħlef li jekk veru għamlet hekk, tkun misħuta. Il-qassis irid jgħid lill-mara: “Jalla Ġeħova jġiegħlek tissemma bħala eżempju taʼ saħta u tissemma fil-ħalf fost niesek, hekk kif Ġeħova jnixxiflek* koxxtok,* u jneffaħlek żaqqek. 22 Dan l-ilma li jġib is-saħta jidħol fi msarnek biex ineffaħlek żaqqek u jnixxiflek* koxxtok.”* Għal dan il-mara għandha tgħid: “Ammen! Ammen!”*

23 “‘Imbagħad il-qassis għandu jikteb dawn is-saħtiet fil-ktieb u jħassarhom fl-ilma morr. 24 Hu mbagħad iġiegħel lill-mara tixrob l-ilma morr li jġib is-saħta, u dan l-ilma jidħol fiha u jġib l-uġigħ. 25 U l-qassis għandu jieħu l-offerta taċ-ċereali tal-għira minn id il-mara u jxejjer l-offerta taċ-ċereali ’l quddiem u lura quddiem Ġeħova, u jiħodha ħdejn l-artal. 26 Il-qassis irid jaqbad ponn mill-offerta taċ-ċereali bħala simbolu tal-offerta sħiħa u jaħarqu* fuq l-artal, u mbagħad iġiegħel lill-mara tixrob l-ilma. 27 Meta jġegħelha tixrob l-ilma, jiġri li jekk tkun tniġġset u aġixxiet b’nuqqas taʼ lealtà lejn żewġha, l-ilma li jġib is-saħta jidħol fiha, iġib l-uġigħ, żaqqha tintefaħ, u tinxfilha* koxxitha.* Il-mara ssir eżempju taʼ saħta fost niesha. 28 Madankollu, jekk il-mara ma tkunx tniġġset u tkun nadifa, hi tkun ħielsa minn dan il-kastig, u tkun tistaʼ toħroġ tqila u jkollha t-tfal.

29 “‘Din hi l-liġi dwar l-għira meta mara tidneb u titniġġes waqt li tkun taħt l-awtorità taʼ żewġha, 30 jew meta raġel jibda jgħir u jissuspetta mil-lealtà taʼ martu. Hu jrid jieħu lil martu quddiem Ġeħova, u l-qassis jagħmlilha kulma titlob din il-liġi. 31 Ir-raġel ma jkunx ħati, imma martu jkollha tagħti kont għall-ħtija tagħha.’”

6 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u qal: 2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Jekk xi ħadd, raġel jew mara, jagħmel wegħda speċjali biex jgħix bħala Nażirit* għal Ġeħova, 3 hu m’għandux jixrob inbid u xorb alkoħoliku ieħor. U lanqas għandu jixrob il-ħall tal-inbid, il-ħall taʼ xorb alkoħoliku ieħor, jew xi likwidu magħmul mill-għeneb. M’għandux jiekol l-għeneb, la frisk u lanqas niexef. 4 Il-jiem kollha tiegħu bħala Nażirit m’għandu jiekol xejn li jsir mid-dielja tal-għeneb, mill-għeneb mhux misjur sal-qxur.

5 “‘Fil-jiem kollha tal-wegħda tiegħu bħala Nażirit, m’għandux jaqtaʼ xagħru.* Irid jibqaʼ qaddis billi jħalli xagħru jitwal sakemm jgħaddu l-jiem li jkun iddedikat lil Ġeħova. 6 M’għandux jersaq lejn persuna* mejta matul il-jiem kollha li jibqaʼ ddedikat lil Ġeħova. 7 Anki jekk imut missieru, ommu, ħuh, jew oħtu, m’għandux jitniġġes, għaliex għandu s-sinjal fuq rasu li hu Nażirit għal Alla.

8 “‘Hu qaddis għal Ġeħova l-jiem kollha li jkun Nażirit. 9 Imma jekk xi ħadd imut għal għarrieda maġenbu u n-Nażirit iniġġes xagħru li jirrappreżenta d-dedikazzjoni tiegħu lil Alla, irid iqaxxar xagħru dakinhar li jistabbilixxi l-purifikazzjoni tiegħu. Irid iqaxxru fis-sebaʼ jum. 10 U fit-tmien jum, hu għandu jġib żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen lill-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 11 Il-qassis jipprepara wieħed bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq, u jagħmel tpattija għalih għad-dnub minħabba l-persuna mejta. Imbagħad dakinhar in-Nażirit irid iqaddes rasu. 12 Hu jrid jerġaʼ jibda mill-ġdid il-jiem bħala Nażirit għal Ġeħova, u jġib muntun fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta għall-ħtija. Il-jiem taʼ qabel ma jingħaddux għaliex ikun tniġġes waqt li jkun Nażirit.

13 “‘Issa din hi l-liġi dwar in-Nażirit: Meta jintemmu l-jiem tiegħu bħala Nażirit, hu jittieħed fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 14 Hemmhekk irid jippreżenta l-offerta tiegħu lil Ġeħova: muntun bla difett fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq, ħarufa bla difett fl-ewwel sena tagħha bħala offerta għad-dnub, muntun bla difett bħala sagrifiċċju tal-paċi, 15 qoffa ħobż bla ħmira forma taʼ ftira magħmul minn dqiq fin imħallat biż-żejt, galletti bla ħmira midlukin biż-żejt, u l-offerta taċ-ċereali* u l-offerti tax-xorb li jiġu offruti magħhom. 16 Il-qassis jippreżentahom quddiem Ġeħova u joffri l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq. 17 Hu joffri l-muntun bħala sagrifiċċju tal-paċi lil Ġeħova flimkien mal-qoffa bil-ħobż bla ħmira u jippreżenta l-offerta taċ-ċereali u l-offerta tax-xorb tal-muntun.

18 “‘Imbagħad in-Nażirit irid iqaxxar xagħru fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u jrid jieħu dan ix-xagħar, li jkun twal matul iż-żmien li jkun Nażirit, u jitfgħu fin-nar li qiegħed taħt is-sagrifiċċju tal-paċi. 19 U l-qassis jieħu spalla msajra mill-muntun, ħobża bla ħmira forma taʼ ftira mill-qoffa, u galletta bla ħmira, u jqegħedhom fuq il-pali taʼ jdejn in-Nażirit wara li jkun qaxxar is-sinjal tiegħu bħala Nażirit. 20 U l-qassis irid ixejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. Din hi xi ħaġa qaddisa għall-qassis, flimkien mas-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq tas-sehem sagru. Wara dan, in-Nażirit ikun jistaʼ jixrob l-inbid.

21 “‘Din hi l-liġi dwar Nażirit li jagħmel wegħda: Jekk iwiegħed u jaffordja li jagħmel offerta lil Ġeħova li hi iktar milli hu meħtieġ minnu bħala Nażirit, hu għandu jaġixxi fi qbil maʼ dak li wiegħed. Din hi l-liġi tan-Nażirit.’”

22 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 23 “Għid lil Aron u lit-tfal tiegħu, ‘Hekk għandkom tbierku lill-poplu t’Iżrael. Għidulu:

24 “Jalla Ġeħova jbierkek u jipproteġik.

25 Jalla Ġeħova jħares lejk b’approvazzjoni* u jurik il-ħniena.

26 Jalla Ġeħova jittrattak b’qalb tajba u jagħtik il-paċi.”’

27 U jridu jużaw ismi biex ibierku l-poplu t’Iżrael.”

7 Dakinhar li Mosè lesta jarma t-tabernaklu, hu dilku u qaddsu, flimkien mal-għamara kollha tiegħu, l-artal, u l-għodod kollha tiegħu. Meta hu dilek u qaddes dawn l-affarijiet, 2 il-kapijiet t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier, għamlu offerta. Dawn il-kapijiet tat-tribujiet, li kienu fuq in-nies li ġew irreġistrati, 3 ħadu l-offerta tagħhom quddiem Ġeħova. Din kienet sitt karrijiet mgħottijin u 12-il barri, karru għal żewġ kapijiet u barri għal kull kap. Huma ppreżentawhom quddiem it-tabernaklu. 4 Ġeħova qal lil Mosè: 5 “Aċċetta dawn l-affarijiet mingħandhom, għax se jiġu użati fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa, u agħtihom lil-Leviti, lil kull wieħed skont dak li għandu bżonn għal xogħlu.”

6 Għalhekk, Mosè aċċetta l-karrijiet u l-barrin u tahom lil-Leviti. 7 Hu ta żewġ karrijiet u erbaʼ barrin lit-tfal taʼ Gerson skont dak li kellhom bżonn għal xogħolhom. 8 Hu ta erbaʼ karrijiet u tmien barrin lit-tfal taʼ Merari, skont dak li kellhom bżonn għal xogħolhom, taħt id-direzzjoni taʼ Itamar bin Aron il-qassis. 9 Imma lit-tfal taʼ Keħat ma tahom xejn, għaliex xogħolhom kien jinvolvi li jġorru fuq spallejhom l-affarijiet li jintużaw fil-post qaddis.

10 Issa l-kapijiet għamlu l-offerta tagħhom dakinhar li l-artal ġie inawgurat* u midluk. Meta l-kapijiet ippreżentaw l-offerta tagħhom quddiem l-artal, 11 Ġeħova qal lil Mosè: “Kuljum, wieħed mill-kapijiet għandu jippreżenta l-offerta tiegħu għall-inawgurazzjoni tal-artal.”

12 Dak li ppreżenta l-offerta tiegħu fl-ewwel jum kien Naħson bin Għamminadab mit-tribù taʼ Ġuda. 13 L-offerta tiegħu kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel* u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis,* it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali;* 14 tazza* tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 15 barri żgħir,* muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 16 gidi bħala offerta għad-dnub; 17 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta taʼ Naħson bin Għamminadab.

18 Fit-tieni jum, Netanel bin Sugħar, il-kap taʼ Issakar, ippreżenta l-offerta tiegħu. 19 Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 20 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 21 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 22 gidi bħala offerta għad-dnub; 23 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta taʼ Netanel bin Sugħar.

24 Fit-tielet jum, il-kap għat-tfal taʼ Żebulun, Eljab bin Ħelon 25 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 26 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 27 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 28 gidi bħala offerta għad-dnub; 29 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta t’Eljab bin Ħelon.

30 Fir-rabaʼ jum, il-kap għat-tfal taʼ Ruben, Elisur bin Sedewr 31 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 32 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 33 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 34 gidi bħala offerta għad-dnub; 35 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta t’Elisur bin Sedewr.

36 Fil-ħames jum, il-kap għat-tfal taʼ Simegħon, Selumjel bin Surisaddaj 37 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 38 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 39 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 40 gidi bħala offerta għad-dnub; 41 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta taʼ Selumjel bin Surisaddaj.

42 Fis-sitt jum, il-kap għat-tfal taʼ Gad, Eljasaf bin Degħwel 43 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 44 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 45 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 46 gidi bħala offerta għad-dnub; 47 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta t’Eljasaf bin Degħwel.

48 Fis-sebaʼ jum, il-kap għat-tfal t’Efrajm, Elisama bin Għammiħud 49 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 50 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 51 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 52 gidi bħala offerta għad-dnub; 53 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta t’Elisama bin Għammiħud.

54 Fit-tmien jum, il-kap għat-tfal taʼ Manasse, Gamaljel bin Pedaħsur 55 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 56 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 57 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 58 gidi bħala offerta għad-dnub; 59 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta taʼ Gamaljel bin Pedaħsur.

60 Fid-disaʼ jum, il-kap għat-tfal taʼ Benjamin, Abidan bin Gidegħoni 61 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 62 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 63 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 64 gidi bħala offerta għad-dnub; 65 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta t’Abidan bin Gidegħoni.

66 Fl-għaxar jum, il-kap għat-tfal taʼ Dan, Aħigħeżer bin Għammisaddaj 67 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 68 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 69 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 70 gidi bħala offerta għad-dnub; 71 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta t’Aħigħeżer bin Għammisaddaj.

72 Fil-11-il jum, il-kap għat-tfal t’Aser, Paggħijel bin Għokran 73 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 74 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 75 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 76 gidi bħala offerta għad-dnub; 77 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta taʼ Paggħijel bin Għokran.

78 Fit-12-il jum, il-kap għat-tfal taʼ Naftali, Aħira bin Għenan 79 għamel l-offerta tiegħu. Din kienet platt tal-fidda li jiżen 130 xekel u skutella tal-fidda li tiżen 70 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis, it-tnejn li huma mimlijin dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali; 80 tazza tad-deheb li tiżen għaxar xwiekel, mimlija inċens; 81 barri żgħir, muntun, u ħaruf fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq; 82 gidi bħala offerta għad-dnub; 83 u bħala sagrifiċċju tal-paċi, żewġ barrin, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta t’Aħira bin Għenan.

84 Din kienet l-offerta tal-inawgurazzjoni tal-artal mingħand il-kapijiet t’Iżrael meta ġie midluk: 12-il platt tal-fidda, 12-il skutella tal-fidda, u 12-il tazza tad-deheb. 85 Kull platt tal-fidda kien jiżen 130 xekel u kull skutella kienet tiżen 70 xekel, b’kollox il-fidda tar-reċipjenti kienet 2,400 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis; 86 it-12-il tazza tad-deheb mimlijin inċens kienu jiżnu għaxar xwiekel kull waħda, skont ix-xekel tal-post qaddis, b’kollox id-deheb tat-tazzi kien 120 xekel. 87 Il-bhejjem kollha għall-offerta tal-ħruq kienu 12-il barri, 12-il muntun, 12-il ħaruf kull wieħed taʼ sena u l-offerti taċ-ċereali li joffru magħhom, u 12-il gidi għall-offerta għad-dnub; 88 u l-bhejjem kollha tas-sagrifiċċju tal-paċi kienu 24 barri, 60 muntun, 60 bodbod, u 60 ħaruf kull wieħed taʼ sena. Din kienet l-offerta tal-inawgurazzjoni tal-artal wara li ġie midluk.

89 Kull meta Mosè kien jidħol fit-tinda tal-laqgħa biex jitkellem m’Alla,* kien jismaʼ l-leħen ikellmu minn fuq l-għatu tal-arka tat-Testimonjanza, minn bejn iż-żewġ kerubini. Minn hemm kien ikellmu Alla.

8 Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil Aron u għidlu, ‘Meta tixgħel is-sebaʼ lampi taʼ fuq il-gandlier, għandek tpoġġihom b’mod li jdawlu n-naħa taʼ quddiem il-gandlier.’” 3 Allura Aron xegħel il-lampi biex idawwal in-naħa taʼ quddiem il-gandlier, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 4 Hekk kien maħdum il-gandlier: Kien tad-deheb maħdum bil-martell; miz-zokk sal-petali tiegħu, kien maħdum bil-martell. Il-gandlier sar skont il-viżjoni li Ġeħova kien wera lil Mosè.

5 Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè u qallu: 6 “Ħu l-Leviti minn fost l-Iżraelin, u naddafhom b’mod ċerimonjali. 7 Għandek tnaddafhom hekk: Roxx fuqhom ilma li jnaddaf id-dnub, u jridu jqaxxru s-suf taʼ ġisimhom kollu u xagħarhom bil-mus, jaħslu ħwejjiġhom, u jitnaddfu. 8 Imbagħad jieħdu barri żgħir* u l-offerta taċ-ċereali* taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt li joffru miegħu, u int tieħu barri żgħir ieħor għal offerta għad-dnub. 9 U trid tippreżenta l-Leviti quddiem it-tinda tal-laqgħa u tiġbor lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin. 10 Meta tippreżenta l-Leviti quddiem Ġeħova, l-Iżraelin iridu jqiegħdu jdejhom fuq il-Leviti. 11 U Aron irid joffri* lil-Leviti quddiem Ġeħova bħala offerta li tiġi mxejra mingħand l-Iżraelin, u huma jagħmlu s-servizz taʼ Ġeħova.

12 “Imbagħad il-Leviti jqiegħdu jdejhom fuq l-irjus tal-barrin. Wieħed jiġi offrut bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova biex issir tpattija għal-Leviti. 13 U qiegħed lil-Leviti quddiem Aron u t-tfal tiegħu. U Aron joffrihom* bħala offerta li tiġi mxejra lil Ġeħova. 14 U warrab lil-Leviti minn fost l-Iżraelin, u l-Leviti jsiru tiegħi. 15 Imbagħad, il-Leviti jidħlu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. Dan hu l-mod kif għandek tnaddafhom u toffrihom* bħala offerta li tiġi mxejra. 16 Għax huma wħud mogħtijin lili minn fost l-Iżraelin. Jien se niħodhom għalija minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel* mill-Iżraelin. 17 Għax kull l-ewwel imwieled fost l-Iżraelin hu tiegħi, kemm bniedem u kemm annimal. Jien qaddisthom għalija dakinhar li qtilt lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu. 18 Jien se nieħu l-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel mill-Iżraelin. 19 Nagħti l-Leviti lil Aron u lit-tfal tiegħu minn fost l-Iżraelin, biex jagħmlu s-servizz għan-nom tal-Iżraelin fit-tinda tal-laqgħa u biex jagħmlu tpattija għalihom. B’hekk ebda kastig ma jiġi fuq l-Iżraelin minħabba li jkunu resqu lejn il-post qaddis.”

20 Mosè, Aron, u l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin għamlu dak kollu li Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè dwar il-Leviti. 21 Għalhekk, il-Leviti tnaddfu b’mod ċerimonjali u ħaslu ħwejjiġhom, u wara Aron offriehom* bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. Imbagħad Aron għamel tpattija għalihom biex inaddafhom. 22 Minn dakinhar, il-Leviti daħlu biex jagħmlu s-servizz tagħhom fit-tinda tal-laqgħa quddiem Aron u t-tfal tiegħu. Sar eżatt bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè dwar il-Leviti.

23 Ġeħova issa kellem lil Mosè u qallu: 24 “Dan japplika għal-Leviti: L-irġiel minn 25 sena ’l fuq jingħaqdu mal-grupp li jaqdi fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 25 Imma meta jagħlqu 50 sena, jirtiraw mill-grupp tas-servizz u ma jaqdux iktar. 26 Huma jistgħu jgħinu lil ħuthom li qed jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet fit-tinda tal-laqgħa, imma m’għandhomx jagħtu servizz hemm. Hekk għandek tagħmel dwar il-Leviti u r-responsabbiltajiet tagħhom.”

9 Ġeħova kellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj fl-ewwel xahar tat-tieni sena minn meta ħarġu mill-art tal-Eġittu u qallu: 2 “L-Iżraelin għandhom jippreparaw is-sagrifiċċju tal-Qbiż fiż-żmien li għandu jsir. 3 Għandkom tippreparawh fl-14 taʼ dan ix-xahar bejn inżul ix-xemx u d-dlam, fiż-żmien li għandu jsir. Għandkom tippreparawh skont il-liġijiet u l-proċeduri kollha tiegħu.”

4 Għalhekk, Mosè qal lill-Iżraelin biex jippreparaw is-sagrifiċċju tal-Qbiż. 5 Imbagħad ippreparaw is-sagrifiċċju tal-Qbiż, fl-14 tal-ewwel xahar bejn inżul ix-xemx u d-dlam, fid-deżert tas-Sinaj. L-Iżraelin għamlu skont kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

6 Issa kien hemm xi rġiel li ma baqgħux nodfa għax messew bniedem mejjet, u b’hekk ma setgħux jippreparaw is-sagrifiċċju tal-Qbiż dakinhar. Għalhekk, dakinhar dawn l-irġiel marru quddiem Mosè u Aron 7 u qalu lil Mosè: “M’aħniex nodfa għax messejna bniedem mejjet. Imma dan għala għandu jżommna milli nippreżentaw l-offerta lil Ġeħova fiż-żmien li għandha ssir fost l-Iżraelin?” 8 U Mosè wiġibhom: “Stennew, ħa nara x’se jikkmanda Ġeħova dwarkom.”

9 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 10 “Għid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi raġel fostkom jew fost dawk li se jiġu minnkom ma jibqax nadif għax imiss bniedem mejjet jew għax ikun fuq xi vjaġġ ’il bogħod, hu xorta għandu jipprepara s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova. 11 Għandu jippreparah fl-14 tat-tieni xahar bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Għandu jieklu mal-ħobż bla ħmira u l-ħxejjex morri. 12 Ma jrid iħalli xejn minnu għal filgħodu, u m’għandu jiksirlu ebda għadma. Għandu jippreparah skont il-liġijiet kollha dwar il-Qbiż. 13 Imma jekk raġel ikun nadif jew ma jkunx fuq xi vjaġġ u jonqos milli jipprepara s-sagrifiċċju tal-Qbiż, dan ir-raġel irid jiġi maqtul,* għaliex ma jkunx ippreżenta l-offerta taʼ Ġeħova fiż-żmien li għandha ssir. Dan ir-raġel ibati l-konsegwenzi tad-dnub tiegħu.

14 “‘U jekk hemm resident barrani jgħix magħkom, anki hu għandu jipprepara s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova. Hu għandu jagħmel dan skont il-liġi tal-Qbiż u l-proċedura tiegħu. Għandu jkun hemm liġi waħda kemm għalikom u kemm għar-residenti barranin.’”

15 Issa dakinhar li ntrama t-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tat-Testimonjanza, is-sħaba għattiet it-tabernaklu, imma filgħaxija din kienet bħal nar li baqaʼ fuqu sa filgħodu. 16 Hekk kompla jsir: Is-sħaba kienet tgħattih matul il-jum, u matul il-lejl kienet tidher bħal nar. 17 Kull meta s-sħaba kienet togħla minn fuq it-tinda, l-Iżraelin kienu jitilqu minnufih, u fejn kienet tieqaf is-sħaba, kienu jikkampjaw hemm. 18 Bil-kmand taʼ Ġeħova l-Iżraelin kienu jitilqu, u bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jikkampjaw. Sakemm is-sħaba kienet tibqaʼ fuq it-tabernaklu, huma kienu jibqgħu kkampjati. 19 Meta s-sħaba kienet tibqaʼ ħafna jiem fuq it-tabernaklu, l-Iżraelin kienu jobdu lil Ġeħova u ma jitilqux. 20 Kultant is-sħaba kienet tibqaʼ ftit jiem fuq it-tabernaklu. Bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jibqgħu kkampjati, u bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jitilqu. 21 Kultant is-sħaba kienet tibqaʼ biss minn filgħaxija sa filgħodu, u meta s-sħaba kienet togħla filgħodu, huma kienu jitilqu. Sew jekk is-sħaba kienet togħla matul il-jum u sew jekk billejl, huma kienu jitilqu. 22 Sakemm is-sħaba kienet tibqaʼ fuq it-tabernaklu, sew jekk jumejn, xahar, jew iktar, l-Iżraelin kienu jibqgħu kkampjati u ma jitilqux. Imma meta kienet togħla, kienu jitilqu. 23 Bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jikkampjaw, u bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jitilqu. Huma obdew lil Ġeħova skont il-kmand li Ġeħova ta permezz taʼ Mosè.

10 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: 2 “Agħmel żewġ trumbetti tal-fidda maħdumin bil-martell, u użahom biex tiġbor lill-ġemgħa u biex turi li jridu jżarmaw il-kampijiet biex jitilqu. 3 Meta jindaqqu t-tnejn, il-ġemgħa kollha trid tinġabar ħdejk fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 4 Jekk tindaqq waħda biss, iridu jinġabru ħdejk il-kapijiet biss, jiġifieri l-kapijiet tal-eluf t’Iżrael.

5 “Meta intom iddoqqu ħsejjes differenti bit-trumbetta, dawk ikkampjati lejn il-Lvant iridu jitilqu. 6 Meta ddoqqu ħsejjes differenti t-tieni darba, dawk ikkampjati lejn in-Nofsinhar iridu jitilqu. Għandhom idoqqu t-trumbetta b’dan il-mod kull darba li tkun se titlaq waħda mit-taqsimiet.

7 “Issa meta tiġbru l-ġemgħa, iddoqqux it-trumbetti bi ħsejjes differenti bħal meta jkun il-ħin li titilqu. 8 It-tfal t’Aron, il-qassisin, għandhom idoqqu t-trumbetti, u jintużaw bħala liġi għalikom għal żmien twil matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.

9 “Jekk tiggwerraw f’artkom kontra għadu li jkun qed jaħqarkom, tridu ddoqqu l-ħoss għall-gwerra bit-trumbetti, u Ġeħova l-Alla tagħkom jiftakar fikom u jsalvakom mill-għedewwa tagħkom.

10 “Ukoll, f’okkażjonijiet taʼ ferħ, fil-festi, u fil-bidu tax-xhur tagħkom, tridu ddoqqu t-trumbetti meta toffru l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi. Dawn ikunu bħala tifkira għalikom quddiem l-Alla tagħkom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.”

11 Issa fl-20 tat-tieni xahar, fit-tieni sena, is-sħaba għoliet minn fuq it-tabernaklu tat-Testimonjanza. 12 Għalhekk, l-Iżraelin bdew jitilqu mid-deżert tas-Sinaj skont il-mod stabbilit għat-tluq tagħhom, u s-sħaba waqfet fid-deżert tal-Faran. 13 Din kienet l-ewwel darba li telqu skont il-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè.

14 Għalhekk, it-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet tat-tfal taʼ Ġuda telqet l-ewwel skont il-gruppi tagħhom.* Naħson bin Għamminadab kien jieħu ħsieb dawn il-kampijiet. 15 Netanel bin Sugħar kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Issakar. 16 Eljab bin Ħelon kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Żebulun.

17 Wara li ġie żarmat it-tabernaklu, telqu t-tfal taʼ Gerson u taʼ Merari, li kienu jġorru t-tabernaklu.

18 Imbagħad it-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet tat-tfal taʼ Ruben telqet skont il-gruppi tagħhom.* Elisur bin Sedewr kien jieħu ħsieb dawn il-kampijiet. 19 Selumjel bin Surisaddaj kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Simegħon. 20 Eljasaf bin Degħwel kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Gad.

21 Imbagħad telqu l-Keħatin, dawk li kienu jġorru l-affarijiet tas-santwarju. It-tabernaklu kellu jkun armat sakemm jaslu huma.

22 Imbagħad it-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet tat-tfal t’Efrajm telqet skont il-gruppi tagħhom.* Elisama bin Għammiħud kien jieħu ħsieb dawn il-kampijiet. 23 Gamaljel bin Pedaħsur kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Manasse. 24 Abidan bin Gidegħoni kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Benjamin.

25 Imbagħad it-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet tat-tfal taʼ Dan telqet skont il-gruppi tagħhom.* Din kienet timxi wara l-kampijiet kollha biex tipproteġihom. Aħigħeżer bin Għammisaddaj kien jieħu ħsieb dawn il-kampijiet. 26 Paggħijel bin Għokran kien jieħu ħsieb it-tribù t’Aser. 27 Aħira bin Għenan kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Naftali. 28 Dan kien il-mod taʼ kif jitilqu l-Iżraelin skont il-gruppi tagħhom.*

29 Imbagħad Mosè qal lil Ħobab, bin il-kunjatu tiegħu Regħwel* il-Midjani: “Aħna se nitilqu lejn il-post li Ġeħova qal li se jagħtina. Ejja magħna, u nittrattawk tajjeb, għaliex Ġeħova wiegħed affarijiet tajbin lil Iżrael.” 30 Imma hu qallu: “Mhux se niġi. Se mmur lura lejn pajjiżi u għand qrabati.” 31 U Mosè qallu: “Jekk jogħġbok, titlaqniex, għax int taf fejn għandna nikkampjaw fid-deżert, u tistaʼ tkun bħala gwida* għalina. 32 U jekk tiġi magħna, kwalunkwe barka li nirċievu mingħand Ġeħova, int ukoll tibbenefika minnha.”

33 Għalhekk, telqu minn ħdejn il-muntanja taʼ Ġeħova għal vjaġġ taʼ tlett ijiem, u matul it-tlett ijiem l-arka tal-patt taʼ Ġeħova kienet qed tinġarr quddiemhom biex ifittxu post taʼ mistrieħ. 34 U s-sħaba taʼ Ġeħova kienet fuqhom matul il-jum meta telqu minn fejn kienu kkampjati.

35 Kull darba li kienet titmexxa l-Arka, Mosè kien jgħid: “Jekk jogħġbok Ġeħova, agħmel xi ħaġa. Ħa jitferrxu l-għedewwa tiegħek u ħa jaħarbu minn quddiemek dawk li jobogħduk.” 36 U meta kienet tieqaf, kien jgħid: “Ġeħova, jalla tkun mal-eluf kbar* t’Iżrael.”

11 Issa n-nies bdew igergru fuq li jgergru quddiem Ġeħova. Meta Ġeħova semaʼ dan, hu rrabja ħafna. Ġeħova bagħat nar kontrihom u qered lil xi wħud f’tarf il-kampijiet. 2 Meta n-nies bdew jgħajtu lil Mosè għall-għajnuna, hu talab bil-ħniena* lil Ġeħova, u n-nar intefa. 3 Għalhekk, dak il-post semmewh Tabgħera,* għaliex nar mingħand Ġeħova kien qabad kontrihom.

4 U l-folla mħallta* li kienet f’nofshom uriet xewqa egoista, u l-Iżraelin ukoll reġgħu bdew jibku u jgħidu: “Min se jagħtina l-laħam x’nieklu? 5 Dak kien żmien, meta konna nieklu l-ħut b’xejn fl-Eġittu, kif ukoll il-ħjar, id-dulliegħ, il-kurrat, il-basal, u t-tewm! 6 Imma issa aħna spiċċajna* bla saħħa. Ħlief manna mhux naraw.”

7 Il-manna kienet bħaż-żerriegħa tal-kosbor, u kienet qisha gomma tar-raża tfuħ. 8 In-nies kienu jitferrxu u jiġbruha. Imbagħad kienu jitħnuha b’mitħna tal-idejn jew jgħaffġuha fil-mehrież. Imbagħad kienu jgħalluha fil-borom jew jagħmluha ftajjar, u t-togħma tagħha kienet bħat-togħma taʼ ħobż ħelu biż-żejt. 9 Meta billejl kienet tinżel in-nida fuq il-kampijiet, il-manna kienet tinżel fuqha.

10 Mosè semaʼ n-nies jibku mal-familji tagħhom, kull raġel fid-daħla tat-tinda tiegħu. U Ġeħova rrabja ħafna, u anki Mosè. 11 Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova: “Għala ġegħeltni nbati u ma sibtx il-ħniena f’għajnejk? Għala poġġejt fuqi t-tagħbija taʼ dan il-poplu kollu? 12 Jaqaw wellidtu jien lil dan il-poplu, biex tgħidli, ‘Ġorrhom fi ħdanek, bħalma tarbija li ma qatgħetx il-ħalib tinġarr minn dak li jieħu ħsiebha,’ u biex niħodhom lejn l-art li int ħlift li tagħtiha lil missirijiethom? 13 Minn fejn se nġib il-laħam biex nagħtih lil dan il-poplu kollu? Għax jibqgħu jibku quddiemi u jgħiduli, ‘Agħtina l-laħam biex nikluh!’ 14 Jien waħdi m’iniex kapaċi nġorr ir-responsabbiltà għal dan il-poplu kollu, għaliex hi kbira wisq għalija. 15 Jekk se tittrattani hekk, jekk jogħġbok, oqtolni issa stess. Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, tħallinix nara iktar inkwiet.”

16 Ġeħova wieġeb lil Mosè: “Iġborli 70 raġel minn fost l-anzjani* t’Iżrael, irġiel li taf li huma* anzjani u uffiċjali tal-poplu, u ħudhom lejn it-tinda tal-laqgħa, u jridu joqogħdu hemmhekk miegħek. 17 Jien ninżel u nkellmek hemmhekk, u nieħu ftit mill-ispirtu li qiegħed fuqek u nqiegħdu fuqhom, u jgħinuk iġġorr ir-responsabbiltà għall-poplu, biex ma ġġorrhiex waħdek. 18 Int għandek tgħid lin-nies, ‘Tqaddsu għal għada, għax żgur li se tieklu l-laħam, għaliex bkejtu biex jismagħkom Ġeħova, u għedtu: “Min se jagħtina l-laħam biex nikluh? Kemm konna aħjar fl-Eġittu.” Ġeħova żgur se jagħtikom il-laħam, u intom tikluh. 19 Intom ma tiklux minnu għal jum wieħed biss, lanqas jumejn, lanqas ħamest ijiem, lanqas għaxart ijiem, lanqas 20 jum, 20 imma għal xahar sħiħ, sakemm joħroġ minn imneħirkom u jdardarkom, għaliex intom ċħadtu lil Ġeħova, li qiegħed f’nofskom, u bkejtu quddiemu u għedtu: “Għala ħriġna mill-Eġittu?”’”

21 Imbagħad Mosè qal: “Jien qiegħed f’nofs 600,000 raġel,* u madankollu int għedt, ‘Jien se nagħtihom il-laħam, u jieklu minnu xahar sħiħ’! 22 Se jkun biżżejjed għalihom jekk noqtlu l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar? Jew jekk naqbdu l-ħut kollu tal-baħar, se jkun biżżejjed għalihom?”

23 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Jaqaw id Ġeħova qasira wisq? Issa tara jekk dak li ngħid jien iseħħx jew le.”

24 Imbagħad Mosè ħareġ u qal lill-poplu l-kliem taʼ Ġeħova. Hu ġabar 70 raġel mill-anzjani tal-poplu u qegħedhom madwar it-tinda. 25 Imbagħad Ġeħova niżel fi sħaba u kellmu u ħa ftit mill-ispirtu li kellu fuqu u qiegħdu fuq kull wieħed mis-70 anzjan. Malli l-ispirtu qagħad fuqhom, huma bdew jaġixxu bħala profeti,* imma għamlu hekk għal din id-darba biss.

26 Kien hemm żewġt irġiel minnhom li baqgħu fil-kampijiet. Wieħed kien jismu Eldad, u l-ieħor Medad. L-ispirtu qagħad fuqhom ukoll, għax kienu fost dawk li isimhom kien miktub, imma ma kinux ħarġu ħdejn it-tinda. Għalhekk, bdew jaġixxu bħala profeti fil-kampijiet. 27 U wieħed żagħżugħ mar jiġri u qal lil Mosè: “Eldad u Medad qed jaġixxu bħala profeti fil-kampijiet!” 28 Imbagħad Ġożwè bin Nun, li kien ilu qaddej taʼ Mosè minn żgħożitu, wieġeb u qal: “Sidi Mosè, waqqafhom!” 29 Imma Mosè qallu: “Qed tinkwieta dwar kif dan se jeffettwani? Tinkwetax, jalla n-nies kollha taʼ Ġeħova jkunu profeti u Ġeħova jqiegħed l-ispirtu tiegħu fuqhom!” 30 Iktar tard, Mosè mar lura lejn il-kampijiet mal-anzjani t’Iżrael.

31 Imbagħad Ġeħova qajjem riħ li ġarr is-summien mill-baħar u ħalliehom jaqgħu madwar il-kampijiet, daqs vjaġġ taʼ jum mad-dawra kollha tal-kampijiet, u l-munzell taʼ summien kien għoli madwar żewġ kubiti* fuq wiċċ l-art. 32 Għalhekk, il-poplu baqaʼ dak il-jum kollu u l-lejl kollu u l-għada kollu jiġbor is-summien. Ħadd ma ġabar inqas minn għaxar kejlijiet taʼ ħomer,* u baqgħu jxerrduhom* madwar il-kampijiet kollha. 33 Imma waqt li l-laħam kien għadu f’ħalqhom u qabel ma bdew jomogħduh, Ġeħova rrabja ħafna għall-poplu, u Ġeħova qatel ħafna minnhom.

34 Għalhekk, dan il-post semmewh Kibrot-ħattawa,* għaliex hemmhekk difnu lin-nies li wrew xenqa egoista għall-ikel. 35 Minn Kibrot-ħattawa l-poplu telaq lejn Ħaserot, u baqaʼ hemm.

12 Issa Mirjam u Aron bdew jitkellmu kontra Mosè minħabba l-mara Kusija li kien iżżewweġ. 2 Bdew jgħidu: “Jaqaw Ġeħova tkellem permezz taʼ Mosè biss? Mhux permezz tagħna wkoll tkellem?” U Ġeħova kien qed jismaʼ kollox. 3 Mosè kien l-iktar raġel ġwejjed mill-bnedmin kollha* fuq wiċċ l-art.

4 Ġeħova qal minnufih lil Mosè, lil Aron, u lil Mirjam: “Oħorġu lejn it-tinda tal-laqgħa, it-tlieta li intom.” Għalhekk, it-tlieta li huma ħarġu. 5 U Ġeħova niżel fil-kolonna tas-sħab, qagħad fid-daħla tat-tinda, u għajjat lil Aron u lil Mirjam. U t-tnejn li huma resqu ’l quddiem. 6 Ġeħova mbagħad qal: “Isimgħu kliemi, jekk jogħġobkom. Kieku kien hemm xi profeta tiegħi fostkom, kont nurih min jien f’viżjoni u kont inkellmu f’ħolma. 7 Imma jien m’għamiltx hekk mal-qaddej tiegħi Mosè! Hu qed jiġi fdat bil-poplu tiegħi.* 8 Wiċċ imb wiċċ inkellmu, b’mod ċar u mhux b’xi ħaġa moħġaġa. Hu jara d-dehra tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom. Allura, għala ma bżajtux titkellmu kontra Mosè, il-qaddej tiegħi?”

9 Għalhekk, Ġeħova kien irrabjat magħhom, u telaq minn quddiemhom. 10 Is-sħaba telqet minn fuq it-tinda, u Mirjam ħarġilha l-ġdiem abjad daqs is-silġ. Imbagħad, Aron dar lejn Mirjam u ra li kellha l-ġdiem. 11 Fil-pront, Aron qal lil Mosè: “Nitolbok sidi! Jekk jogħġbok, tħalliniex niġu kkastigati għal dan id-dnub li għamilna! Aġixxejna bi bluha. 12 Jekk jogħġbok, tħallihiex tibqaʼ bħal tarbija li twieldet mejta b’ġisimha nofsu mikul!” 13 U Mosè beda jgħajjat lil Ġeħova għall-għajnuna u jgħidlu: “Alla tiegħi, jekk jogħġbok fejjaqha! Jekk jogħġbok!”

14 Ġeħova wieġeb lil Mosè: “Kieku missierha kellu jobżqilha f’wiċċha, ma kinitx hi tiġi umiljata għal sebat ijiem? Ħa tinżamm kwarantina għal sebat ijiem ’il barra mill-kampijiet, u mbagħad tkun tistaʼ tiġi milqugħa lura.” 15 Għalhekk, Mirjam inżammet kwarantina għal sebat ijiem ’il barra mill-kampijiet, u l-poplu ma telaqx qabel ma ġiet milqugħa lura. 16 Imbagħad il-poplu telaq minn Ħaserot u beda jikkampja fid-deżert tal-Faran.

13 Ġeħova issa kellem lil Mosè u qallu: 2 “Ibgħat xi rġiel biex jitkixxfu x’fiha l-art taʼ Kangħan, li jien qed nagħti lill-Iżraelin. Ibagħtu raġel minn kull tribù taʼ missirijietu, kull wieħed li hu kap fosthom.”

3 Għalhekk, Mosè bagħathom mid-deżert tal-Faran skont il-kmand taʼ Ġeħova. L-irġiel kollha kienu kapijiet tal-Iżraelin. 4 Dawn huma l-ismijiet tagħhom: Sammugħa bin Żakkur mit-tribù taʼ Ruben; 5 Safat bin Ħori mit-tribù taʼ Simegħon; 6 Kaleb bin Ġefunne mit-tribù taʼ Ġuda; 7 Igal bin Ġużeppi mit-tribù taʼ Issakar; 8 Ħosegħa bin Nun mit-tribù t’Efrajm; 9 Palti bin Rafu mit-tribù taʼ Benjamin; 10 Gaddjel bin Sodi mit-tribù taʼ Żebulun; 11 Gaddi bin Susi mit-tribù taʼ Ġużeppi, għat-tribù taʼ Manasse; 12 Għammijel bin Gemalli mit-tribù taʼ Dan; 13 Setur bin Mikiel mit-tribù t’Aser; 14 Naħbi bin Vofsi mit-tribù taʼ Naftali; 15 u Gewel bin Maki mit-tribù taʼ Gad. 16 Dawn huma l-ismijiet tal-irġiel li Mosè bagħat biex jitkixxfu x’fiha l-art. U lil Ħosegħa bin Nun, Mosè semmieh Ġożwè.*

17 Meta kien qed jibgħathom biex jitkixxfu x’fiha l-art taʼ Kangħan, Mosè qalilhom: “Itilgħu minn hawn lejn in-Negeb, u mbagħad itilgħu fir-reġjun muntanjuż. 18 Araw x’tip ta’ art hi u jekk in-nies li qed jgħixu fiha humiex b’saħħithom jew dgħajfin, ftit jew ħafna, 19 jekk l-art hix tajba jew ħażina, u jekk il-bliet li qed jgħixu fihom humiex miftuħin jew magħluqin bis-swar. 20 U tkixxfu jekk l-art hix għammiela jew ħawlija u jekk fihiex siġar jew le. Għandkom tkunu kuraġġużi u tieħdu ftit mill-prodott tal-art.” Issa dan kien l-istaġun tal-ewwel għeneb.

21 Għalhekk, telgħu u tkixxfu l-art mid-deżert taż-Żin sa Reħob, qrib Lebo-ħamat.* 22 Meta telgħu fin-Negeb, waslu Ħebron, fejn kienu qed jgħixu Aħiman, Sesaj, u Talmaj, l-Għanakin. Ħebron kienet inbniet sebaʼ snin qabel Sogħan tal-Eġittu. 23 Meta waslu fil-Wied t’Eskol, qatgħu fergħa b’għanqud għeneb, u tnejn mill-irġiel kellhom iġorruh fuq lasta, u ġarrew ukoll ftit rummien u tin. 24 Dak il-post semmewh il-Wied t’Eskol,* minħabba l-għanqud li l-Iżraelin qatgħu minn hemmhekk.

25 Wara 40 jum, reġgħu lura milli jitkixxfu x’fiha l-art. 26 Għalhekk, marru lura ħdejn Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin fid-deżert tal-Faran, f’Kades. Huma taw rapport lill-ġemgħa kollha u wrewhom il-prodott tal-art. 27 U lil Mosè qalulu: “Dħalna fl-art li bgħattna fiha. Din veru li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, u dan hu l-prodott tagħha. 28 Minkejja dan, in-nies li jgħixu fl-art huma b’saħħithom, u l-bliet bis-swar huma kbar ħafna. U hemmhekk rajna wkoll lill-Għanakin. 29 L-Għamalekin qed jgħixu fl-art tan-Negeb, u l-Ħittin, il-Ġebusin, u l-Amurrin qed jgħixu fir-reġjun muntanjuż, u l-Kangħanin qed jgħixu ħdejn il-baħar u tul il-Ġordan.”

30 Imbagħad Kaleb ipprova jikkalma lin-nies waqt li kienu quddiem Mosè billi qal: “Ejja nitilgħu minnufih, u żgur li niħduha f’idejna, għaliex żgur li nistgħu nirbħulha.” 31 Imma l-irġiel li telgħu miegħu qalu: “Ma nistgħux nitilgħu u nattakkaw lill-poplu, għaliex hu iktar b’saħħtu minna.” 32 U lill-Iżraelin baqgħu jagħtuhom rapport ħażin dwar l-art li kienu tkixxfu, u qalu: “L-art li għaddejna minnha biex nitkixxfu x’fiha hija art perikoluża u żgur li tmutu fiha, u n-nies kollha li rajna fiha huma rġiel enormi. 33 U hemmhekk rajna l-ġganti,* it-tfal t’Għanak, li ġejjin min-Nefilim,* u mqabblin magħhom aħna bdejna nħossuna qisna ġurati, u anki huma qisuna hekk.”

14 Imbagħad il-ġemgħa kollha għolliet leħinha, u baqgħet tgħajjat u tibki dak il-lejl kollu. 2 L-Iżraelin kollha bdew igergru kontra Mosè u Aron, u l-ġemgħa kollha bdiet tgħid kontrihom: “Mhux li mitna fl-art tal-Eġittu, jew mhux li mitna f’dan id-deżert! 3 Ġeħova għala qed jiħodna f’din l-art biex immutu bix-xabla? In-nisa u t-tfal tagħna se jsiru lsiera. Mhux aħjar jekk immorru lura l-Eġittu?” 4 Saħansitra bdew jgħidu lil xulxin: “Ejja ninkarigaw mexxej u mmorru lura l-Eġittu!”

5 Għal dan, Mosè u Aron inxteħtu wiċċhom fl-art quddiem il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin li kienu miġburin hemmhekk. 6 Ġożwè bin Nun u Kaleb bin Ġefunne, li kienu fost dawk li tkixxfu l-art, ċarrtu ħwejjiġhom, 7 u lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin qalulha dan: “L-art li għaddejna minnha biex nitkixxfu x’fiha, hija art tajba ħafna u ħafna. 8 Jekk Ġeħova kuntent bina, żgur li jdaħħalna f’din l-art u jagħtihielna. Hija art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. 9 Imma tirribellawx kontra Ġeħova, u tibżgħux min-nies tal-pajjiż għax nistgħu nirbħulhom faċilment.* M’għandhomx min jipproteġihom, imma aħna għandna lil Ġeħova magħna. Tibżgħux minnhom.”

10 Madankollu, il-ġemgħa kollha qalet li kienet se twaddbilhom il-ġebel biex toqtolhom. Imma l-glorja taʼ Ġeħova dehret fuq it-tinda tal-laqgħa lill-poplu kollu t’Iżrael.

11 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Kemm se jdumu dawn in-nies ma jurunix rispett, u kemm se jdumu ma jurux fidi fija minkejja s-sinjali kollha li għamilt fosthom? 12 Ħa nibagħtilhom il-pesta u neqridhom, u ħa nagħmel lilek poplu akbar u iktar b’saħħtu minnhom.”

13 Imma Mosè qal lil Ġeħova: “Imbagħad l-Eġizzjani, li minn ġo nofshom ħriġt lil dan il-poplu bil-qawwa tiegħek, se jisimgħu b’dan, 14 u jgħiduh lin-nies taʼ din l-art. Ġeħova, huma semgħu li int qiegħed qalb dan il-poplu, u dhertlu wiċċ imb wiċċ. Semgħu li int Ġeħova, u li s-sħaba tiegħek qiegħda fuqhom, u li int timxi quddiemhom f’kolonna tas-sħab matul il-jum u f’kolonna tan-nar billejl. 15 Jekk int toqtol lil dan il-poplu f’daqqa,* il-ġnus li semgħu dwarek jgħidu: 16 ‘Ġeħova ma kellux il-ħila jdaħħal lil dan il-poplu fl-art li ħalef li jagħtihom, allura qatilhom fid-deżert.’ 17 Issa, jekk jogħġbok, Ġeħova, ħa jidher il-kobor tal-qawwa tiegħek bħalma wegħedt meta għedt: 18 ‘Jien, Ġeħova, ma nirrabjax malajr u nuri ħafna mħabba u lealtà,* naħfer l-iżball u l-ksur tal-liġi, imma bl-ebda mod ma neħles lil dak li jkun mill-kastig. Jien inġib il-kastig għall-iżball tal-missirijiet fuq it-tfal, fuq it-tielet u fuq ir-rabaʼ ġenerazzjoni.ʼ 19 Jekk jogħġbok, aħfer l-iżball taʼ dan il-poplu għax int turi ħafna mħabba u lealtà, bħalma ħfirtlu minn meta kien fl-Eġittu s’issa.”

20 Imbagħad Ġeħova qal: “Jien naħfrilhom skont kelmtek. 21 Mill-banda l-oħra, daqskemm jien ħaj, l-art kollha se timtela bil-glorja tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom. 22 Imma l-irġiel li raw il-glorja tiegħi u s-sinjali li għamilt fl-Eġittu u fid-deżert, u li baqgħu jgħadduni minn prova dawn l-għaxar darbiet u ma semgħux minn leħni, 23 mhumiex se jaraw l-art li dwarha ħlift lil missirijiethom. Le, l-ebda wieħed minn dawk li ma jirrispettawnix mhu se jaraha. 24 Imma peress li l-qaddej tiegħi Kaleb kellu attitudni* differenti u baqaʼ miexi warajja b’qalbu kollha, jien żgur li ndaħħlu fl-art li mar fiha, u dawk li se jiġu minnu se jiħduha f’idejhom. 25 Peress li l-Għamalekin u l-Kangħanin qed jgħixu fil-wied,* għada għandkom idduru lura u tmorru lejn id-deżert mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar.”

26 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè u lil Aron: 27 “Kemm se ddum din il-ġemgħa mill-agħar tgerger kontrija? Jien smajt it-tgergir tal-Iżraelin kontrija. 28 Għidilhom, ‘“Daqskemm jien ħaj,” jgħid Ġeħova, “se nagħmlilkom eżatt bħalma smajtkom tgħidu! 29 F’dan id-deżert jaqgħu l-iġsma mejtin tagħkom, iva, dawk kollha minnkom li ġew irreġistrati minn 20 sena ’l fuq u li gergirtu kontrija. 30 Ħadd minnkom ma jidħol fl-art li jien ħlift* li se tgħixu fiha, ħlief Kaleb bin Ġefunne u Ġożwè bin Nun.

31 “‘“U jien se ndaħħal lit-tfal tagħkom li għedtu li se jsiru lsiera, u huma se jgawdu l-art li ċħadtu intom. 32 Imma l-iġsma mejtin tagħkom stess se jaqgħu f’dan id-deżert. 33 U t-tfal tagħkom isiru ragħajja fid-deżert għal 40 sena, u jkollhom ibatu l-konsegwenzi tan-nuqqas taʼ lealtà* tagħkom sakemm l-aħħar wieħed minnkom imut fid-deżert. 34 Tridu tbatu l-konsegwenzi għall-iżbalji tagħkom għal 40 sena, sena għal kull ġurnata li domtu titkixxfu x’fiha l-art. B’hekk, tkunu tafu x’jiġifieri li tiħduha kontrija.*

35 “‘“Jien, Ġeħova, tkellimt. Hekk se nagħmlilha lil din il-ġemgħa mill-agħar kollha, dawk li nġemgħu flimkien kontrija: F’dan id-deżert se jintemmu, u hawnhekk se jmutu. 36 L-irġiel li ntbagħtu minn Mosè biex jitkixxfu x’fiha l-art u li ġiegħlu lill-ġemgħa kollha tgerger kontrih meta ġew lura b’rapport ħażin kontra l-art, 37 iva, dawn se jiġu kkastigati u jmutu quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. 38 Imma Ġożwè bin Nun u Kaleb bin Ġefunne, li kienu fost dawk l-irġiel li marru jitkixxfu x’fiha l-art, żgur li jibqgħu ħajjin.”’”

39 Meta Mosè qal dan il-kliem lill-Iżraelin kollha, qabduhom dwejjaq kbar. 40 Iktar minn hekk, qamu kmieni filgħodu u pprovaw jitilgħu sal-quċċata tal-muntanja, u qalu: “Aħna dnibna. Imma issa lesti biex nitilgħu lejn il-post li tkellem dwaru Ġeħova.” 41 Imma Mosè qalilhom: “Għala qed tiksru l-kmand taʼ Ġeħova? Mhux se tirnexxu f’dak li beħsiebkom tagħmlu. 42 Titilgħux, għax Ġeħova mhux qiegħed magħkom, u l-għedewwa tagħkom se jirbħulkom. 43 Għax l-Għamalekin u l-Kangħanin lesti għalikom, u intom se tmutu bix-xabla. Minħabba li m’obdejtux lil Ġeħova, Ġeħova m’għadux magħkom.”

44 Madankollu, huma webbsu rashom u telgħu sal-quċċata tal-muntanja, imma l-arka tal-patt taʼ Ġeħova u Mosè ma ċċaqalqux minn nofs il-kampijiet. 45 Imbagħad, l-Għamalekin u l-Kangħanin li kienu qed jgħixu fuq dik il-muntanja niżlu, rebħulhom, u xerrduhom sa Ħorma.

15 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li qed nagħtikom biex tgħixu fiha, 3 u tagħmlu offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova mill-merħla tal-baqar jew tan-nagħaġ bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova, kemm jekk tkun offerta tal-ħruq, sagrifiċċju biex jagħmlu xi wegħda speċjali, offerta volontarja, jew offerta matul il-festi tal-istaġuni tagħkom, 4 dak li jippreżenta l-offerta tiegħu jrid jippreżenta wkoll lil Ġeħova offerta taċ-ċereali.* Din għandha tkun għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat maʼ kwart taʼ ħinn* żejt. 5 Għandek toffri wkoll kwart taʼ ħinn inbid bħala offerta tax-xorb, flimkien mal-offerta tal-ħruq jew mas-sagrifiċċju taʼ kull ħaruf. 6 Maʼ muntun għandek toffri offerta taċ-ċereali. Din għandha tkun 20 fil-100 taʼ kejl t’efa dqiq fin imħallat maʼ terz taʼ ħinn żejt. 7 U għandek tippreżenta terz taʼ ħinn inbid bħala offerta tax-xorb b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.

8 “‘Imma jekk toffri barri bħala offerta tal-ħruq jew bħala sagrifiċċju biex tagħmel wegħda speċjali jew sagrifiċċji tal-paċi lil Ġeħova, 9 trid tippreżenta wkoll flimkien mal-barri offerta taċ-ċereali. Din għandha tkun 30 fil-100 taʼ kejl t’efa taʼ dqiq fin imħallat maʼ nofs ħinn żejt. 10 Għandek tippreżenta wkoll nofs ħinn inbid bħala offerta tax-xorb, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 11 Hekk għandu jsir għal kull barri, muntun, ħaruf, jew mogħża. 12 Toffru kemm toffru annimali, hekk għandkom tagħmlu għal kull wieħed minnhom. 13 Dan hu l-mod kif kull Iżraeli għandu jippreżenta offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.

14 “‘Jekk barrani li qed jgħix magħkom jew wieħed li ilu jgħix magħkom żmien twil, ikun irid joffri offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova, għandu jagħmel bħalkom. 15 Liġi waħda jkun hemm għalikom il-kongregazzjoni t’Iżrael u l-barranin li qed jgħixu magħkom. Din tkun liġi li tibqaʼ għal żmien twil għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. Ir-residenti barranin għandhom ikunu l-istess bħalkom quddiem Ġeħova. 16 Għandu jkun hemm liġi u deċiżjoni ġudizzjali waħda għalikom u għall-barranin li qed jgħixu magħkom.’”

17 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 18 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li se niħodkom fiha 19 u tieklu mill-prodott* tal-art, għandkom tagħtu kontribuzzjoni lil Ġeħova. 20 Għandkom tagħtu bħala kontribuzzjoni l-ewwel dqiq mhux irfinut u tippreżentawh forma taʼ ftajjar. Għandkom tagħtuha bħall-kontribuzzjoni li ssir mill-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.* 21 Ftit mill-ewwel dqiq mhux irfinut għandkom tagħtuh bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.

22 “‘Issa ejja ngħidu li tagħmlu xi żball u ma tobdux dawn il-kmandamenti kollha li Ġeħova qal lil Mosè, 23 jiġifieri kulma Ġeħova kkmandakom permezz taʼ Mosè. Dawn il-kmandamenti huma għalikom u għall-familji tagħkom biex tobduhom minn dakinhar li Ġeħova tahomlkom. 24 Jekk intom bħala ġemgħa għamiltu dan l-iżball bla ma ndunajtu, imma wara ndunajtu bih, tridu toffru barri żgħir* bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli* lil Ġeħova, flimkien mal-offerta taċ-ċereali u l-offerta tax-xorb li joffru miegħu skont il-proċedura regolari, u gidi bħala offerta għad-dnub. 25 Il-qassis jagħmel tpattija għall-ġemgħa kollha tal-Iżraelin u jinħafrilhom, għaliex kien żball, u huma ħadu bħala l-offerta tagħhom offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova u offerta għad-dnub quddiem Ġeħova għall-iżball tagħhom. 26 U jinħafer lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin u lill-barranin li qed jgħixu f’nofshom, għaliex sar bi żball min-naħa tal-poplu kollu.

27 “‘Jekk xi ħadd jidneb bi żball, irid jippreżenta mogħża fl-ewwel sena tagħha bħala offerta għad-dnub. 28 U l-qassis jagħmel tpattija għal dak li għamel żball minħabba li dineb mhux apposta quddiem Ġeħova, u dan jinħafirlu. 29 Għandu jkun hemm liġi waħda għalikom u għall-barranin li qed jgħixu fostkom meta tagħmlu xi ħaġa mhux apposta.

30 “‘Imma dak li jagħmel xi ħaġa apposta, kemm jekk ikun Iżraeli u kemm jekk ikun resident barrani, ikun qed jidgħi* b’Ġeħova u għandu jiġi maqtul.* 31 Peress li maqdar il-kelma taʼ Ġeħova u kiser il-kmandament tiegħu, dan żgur li għandu jiġi maqtul. Irid ibati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.’”

32 Waqt li l-Iżraelin kienu fid-deżert, sabu raġel jiġbor il-ħatab f’jum is-Sabat. 33 Dawk li sabuh jiġbor il-ħatab ħaduh għand Mosè, Aron, u l-ġemgħa kollha. 34 Huma żammewh maqful għax kien għadu ma ntqalx b’mod speċifiku x’għandhom jagħmlulu.

35 U Ġeħova qal lil Mosè: “Ir-raġel żgur li għandu jinqatel, u l-ġemgħa kollha għandha twaddablu l-ġebel ’il barra mill-kampijiet.” 36 Għalhekk, il-ġemgħa kollha ħarġitu ’l barra mill-kampijiet u waddbitlu l-ġebel sa ma miet, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

37 Ġeħova kompla jgħid dan lil Mosè: 38 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom li matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom iridu jagħmlu frenża fit-tarf t’isfel tal-libsa tagħhom u jqiegħdu lazz blu ’l fuq minn din il-frenża. 39 ‘Irid ikollkom din il-frenża sabiex tarawha u tiftakru l-kmandamenti kollha taʼ Ġeħova u tobduhom. M’għandkomx timxu skont ix-xewqat taʼ qalbkom u għajnejkom, li qed iwaqqfukom milli tkunu leali lejja.* 40 Din se tgħinkom tiftakru l-kmandamenti kollha tiegħi biex tobduhom u tkunu qaddisin għall-Alla tagħkom. 41 Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu sabiex nurikom li jien l-Alla tagħkom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”

16 Imbagħad Koraħ bin Isħar, bin Keħat, bin Levi, ingħaqad maʼ Datan u Abiram, it-tfal t’Eljab, u maʼ On bin Felet, mit-tfal taʼ Ruben. 2 Huma ħaduha kontra Mosè, u magħhom ingħaqdu 250 raġel Iżraeli li kienu kapijiet tal-ġemgħa, irġiel importanti u magħżulin tal-kongregazzjoni. 3 Għalhekk, inġabru kontra Mosè u Aron u qalulhom: “Dejjaqtuna! Il-ġemgħa kollha hi qaddisa u Ġeħova qiegħed f’nofsha. Allura, għala għandkom togħlew fuq il-kongregazzjoni taʼ Ġeħova?”

4 Meta semaʼ dan, Mosè minnufih inxteħet wiċċu fl-art. 5 Imbagħad qal lil Koraħ u lil dawk kollha li kienu qed jappoġġawh: “Filgħodu Ġeħova se juri min hu tiegħu u min hu qaddis u min għandu jersaq qribu. U lil kull min jagħżel, jersaq qribu. 6 Koraħ, int u dawk kollha li qed jappoġġawk ħudu reċipjenti għall-inċens 7 u għada poġġu n-nar fihom u qiegħdu l-inċens fuqhom quddiem Ġeħova, u r-raġel li jintgħażel minn Ġeħova, ikun il-qaddis. Issa qbiżtu l-limiti, tfal taʼ Levi!”

8 Mosè mbagħad qal lil Koraħ: “Jekk jogħġobkom isimgħu, tfal taʼ Levi. 9 Jaqaw mhu xejn għalikom li l-Alla t’Iżrael għażilkom minn fost il-ġemgħa t’Iżrael u ħalliekom tersqu qribu biex tagħmlu s-servizz tat-tabernaklu taʼ Ġeħova u biex toqogħdu quddiem il-ġemgħa ħalli taqduha? 10 Mhu xejn għalikom li ħadkom qrib tiegħu, lilek u lil ħutek kollha, tfal taʼ Levi? Issa qegħdin tipprovaw issiru qassisin ukoll? 11 Għal din ir-raġuni, int u dawk kollha li qed jinġabru miegħek biex jappoġġawk qed tiħduha kontra Ġeħova. Għax min hu Aron biex tgergru kontrih?”

12 Iktar tard, Mosè bagħat għal Datan u Abiram, it-tfal t’Eljab, imma huma qalu: “M’aħniex ġejjin! 13 Mhu xejn għalik li ħriġtna minn art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel biex toqtolna fid-deżert? Issa trid ukoll taħkem għalkollox fuqna?* 14 Kif juru l-fatti, int ma daħħaltniex f’xi art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, u lanqas tajtna bħala wirt xi għalqa jew xi qasam tad-dwieli. Jaqaw trid taqlaʼ għajnejn dawn in-nies? Aħna mhux ġejjin!”

15 Għalhekk, Mosè rrabja ħafna u qal lil Ġeħova: “Taċċettax l-offerta taċ-ċereali* tagħhom. Jien lanqas ħmar wieħed ma ħadtilhom, u m’għamilt ħsara lil ħadd minnhom.”

16 Imbagħad Mosè qal lil Koraħ: “Għada mur quddiem Ġeħova maʼ dawk kollha li jappoġġawk u Aron. 17 Kull wieħed għandu jieħu r-reċipjent għall-inċens tiegħu u jpoġġi l-inċens fuqu, u kull wieħed jippreżentah quddiem Ġeħova, 250 reċipjent għall-inċens, flimkien miegħek u m’Aron, kull wieħed bir-reċipjent għall-inċens tiegħu.” 18 Għalhekk, huma ħadu r-reċipjent għall-inċens tagħhom, poġġew in-nar u l-inċens fuqu, u qagħdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa flimkien maʼ Mosè u Aron. 19 Meta Koraħ ġabar lil dawk li jappoġġawh fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, il-glorja taʼ Ġeħova dehret lill-ġemgħa kollha.

20 Ġeħova issa qal lil Mosè u lil Aron: 21 “Infirdu minn maʼ dan il-grupp, sabiex neqridhom f’ħakka t’għajn.” 22 Għal dan, huma nxteħtu wiċċhom fl-art u qalu: “Alla tagħna li tagħti l-ħajja lil kulħadd,* se tirrabja int kontra l-ġemgħa kollha minħabba d-dnub taʼ raġel wieħed biss?”

23 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 24 “Kellem lill-ġemgħa u għidilhom, ‘Warrbu minn madwar it-tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram!’”

25 Imbagħad Mosè qam u mar għand Datan u Abiram, u l-anzjani* t’Iżrael marru miegħu. 26 Hu qal lill-ġemgħa: “Jekk jogħġobkom, ersqu minn ħdejn it-tined taʼ dawn l-irġiel mill-agħar u tmissu xejn minn tagħhom, biex ma tinqerdux minħabba d-dnub tagħhom.” 27 Dawn telqu minnufih minn ħdejn it-tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram, minn kull naħa, u Datan u Abiram ħarġu u qagħdu fid-daħla tat-tined tagħhom, flimkien man-nisa u mat-tfal kbar u żgħar tagħhom.

28 Imbagħad Mosè qal: “B’dan li ġej se tkunu tafu li Ġeħova bagħatni nagħmel dawn l-affarijiet kollha u mhux minn rajja: 29 Jekk dawn in-nies imutu mewta naturali bħalma jmutu l-bnedmin kollha u jekk il-kastig tagħhom hu l-istess bħal tal-bnedmin kollha, allura Ġeħova ma bagħatnix. 30 Imma jekk Ġeħova jagħmel xi ħaġa mhux tas-soltu magħhom, u l-art tinfetaħ* u tiblaʼ lilhom u kulma għandhom u jinżlu ħajjin fil-Qabar,* tkunu tafu fiċ-ċert li dawn l-irġiel urew nuqqas taʼ rispett lejn Ġeħova.”

31 U malli spiċċa jgħid dan il-kliem kollu, l-art taʼ taħthom inqasmet. 32 U l-art infetħet* u belgħet lilhom, lil taʼ darhom, lin-nies kollha taʼ Koraħ, u l-affarijiet kollha tagħhom. 33 U niżlu ħajjin fil-Qabar* huma u dawk kollha li kienu tagħhom, u l-art għattiethom, u b’hekk inqerdu minn fost il-kongregazzjoni. 34 L-Iżraelin kollha li kienu madwarhom ħarbu meta semgħuhom iwerżqu, għax qalu: “Qed nibżgħu li l-art tiblaʼ lilna wkoll!” 35 Imbagħad ħareġ nar mingħand Ġeħova u ħaraq il-250 raġel li kienu qed joffru l-inċens.

36 Ġeħova issa qal lil Mosè: 37 “Għid lil Elegħażar bin Aron il-qassis biex jieħu r-reċipjenti għall-inċens minn ġon-nar, għax huma qaddisin. Għidlu wkoll biex iferrex il-ġamar ftit ’il bogħod. 38 Ir-reċipjenti għall-inċens tal-irġiel li dinbu, u b’hekk mietu,* għandhom isiru pjanċi rqaq tal-metall biex jiksu l-artal, għaliex huma ppreżentawhom quddiem Ġeħova, u b’hekk saru qaddisin. Dawn għandhom iservu bħala sinjal għall-Iżraelin.” 39 Għalhekk, Elegħażar il-qassis ħa r-reċipjenti għall-inċens tar-ram, li kienu ppreżentawhom dawk li nħarqu, u għamilhom pjanċi biex jinkesa l-artal, 40 bħalma Ġeħova kien qallu permezz taʼ Mosè. Dan kien biex ifakkar lill-Iżraelin li ebda individwu mhux awtorizzat* u li mhuwiex mill-familja t’Aron m’għandu jersaq biex jaħraq l-inċens quddiem Ġeħova, u li ħadd m’għandu jsir bħal Koraħ u dawk li appoġġawh.

41 L-għada stess, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin bdiet tgerger kontra Mosè u Aron u tgħid: “Intom it-tnejn qtiltu n-nies taʼ Ġeħova.” 42 Meta l-ġemgħa kienet inġabret kontra Mosè u Aron, daru kollha lejn it-tinda tal-laqgħa, u s-sħaba għattietha, u bdiet tidher il-glorja taʼ Ġeħova.

43 Mosè u Aron marru quddiem it-tinda tal-laqgħa, 44 u Ġeħova qal lil Mosè: 45 “Warrbu minn nofs din il-ġemgħa, sabiex neqridhom f’ħakka t’għajn.” U dawn inxteħtu wiċċhom fl-art. 46 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Ħu r-reċipjent għall-inċens u poġġi fih in-nar minn fuq l-artal u poġġi fuqu l-inċens u mur malajr għand il-ġemgħa u agħmel tpattija għalihom, għax ħarġet rabja mingħand Ġeħova. Il-kastig beda!” 47 Aron ħa minnufih ir-reċipjent għall-inċens, bħalma kien qal Mosè, u telaq jiġri f’nofs il-kongregazzjoni, u l-kastig kien diġà beda fost in-nies. Għalhekk, poġġa l-inċens fir-reċipjent u beda jagħmel tpattija għan-nies. 48 Hu baqaʼ wieqaf bejn il-mejtin u l-ħajjin. U l-kastig fl-aħħar waqaf. 49 U mietu 14,700 bil-kastig, minbarra dawk li mietu minħabba Koraħ. 50 Aron mar lura għand Mosè fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa wara li l-kastig kien waqaf.

17 Ġeħova issa qal lil Mosè: 2 “Kellem lill-Iżraelin u ħu mingħandhom bastun għal kull familja min-naħa tal-missier, mingħand il-kap taʼ kull tribù, 12-il bastun b’kollox. Ikteb isem kull wieħed fuq il-bastun tiegħu. 3 U għandek tikteb isem Aron fuq il-bastun taʼ Levi, għaliex hemm bastun wieħed għal kull kap tal-familja min-naħa tal-missier. 4 Qiegħed il-bsaten fit-tinda tal-laqgħa quddiem it-Testimonjanza, fejn jien nidhrilkom regolarment. 5 U l-bastun tar-raġel li nagħżel iwarrad, u nwaqqaf it-tgergir tal-Iżraelin kontrija u kontrikom ukoll.”

6 Għalhekk, Mosè kellem lill-Iżraelin, u l-kapijiet kollha tagħhom tawh bastun, bastun għal kull kap tal-familja min-naħa tal-missier, 12-il bastun, u l-bastun t’Aron kien fosthom. 7 Imbagħad Mosè qiegħed il-bsaten quddiem Ġeħova fit-tinda tat-Testimonjanza.

8 L-għada, meta Mosè mar fit-tinda tat-Testimonjanza, il-bastun t’Aron għad-dar taʼ Levi kien warrad, u beda jarmi u joħroġ il-fjuri u jagħmel il-lewż misjur. 9 Imbagħad Mosè ħareġ il-bsaten kollha minn quddiem Ġeħova u ħadhom għand il-poplu t’Iżrael. Huma rawhom, u kull raġel ħa l-bastun tiegħu.

10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Poġġi lura l-bastun t’Aron quddiem it-Testimonjanza bħala xi ħaġa li trid tinżamm bħala sinjal għar-ribelli, biex it-tgergir tagħhom kontrija jieqaf, għax inkella jmutu.” 11 Mosè minnufih għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova. Għamel preċiż hekk.

12 L-Iżraelin imbagħad qalu lil Mosè: “Issa aħna se mmutu, żgur se ninqerdu, ilkoll kemm aħna se ninqerdu! 13 Kull min jersaq qrib it-tabernaklu taʼ Ġeħova, imut! Għandna nispiċċaw immutu b’dan il-mod?”

18 Imbagħad Ġeħova qal lil Aron: “Int, it-tfal tiegħek, u l-familja min-naħa taʼ missierek tbatu l-konsegwenzi għal kull regola tas-santwarju li tiksru, u int u t-tfal tiegħek tbatu l-konsegwenzi għal kull regola li tiksru li għandha x’taqsam max-xogħol tagħkom taʼ qassisin. 2 Ġib qrib lil ħutek tat-tribù taʼ Levi, it-tribù taʼ missirijietek, biex jingħaqdu miegħek u jagħtu servizz lilek u lit-tfal tiegħek quddiem it-tinda tat-Testimonjanza. 3 U jridu jagħmlu x-xogħol li tqabbadhom int u s-servizz kollu tat-tinda. Madankollu, ma jistgħux jersqu viċin l-għodod tal-post qaddis u lejn l-artal, sabiex la jmutu huma u lanqas intom. 4 Huma jgħinuk u jagħmlu x-xogħol li għandu x’jaqsam mat-tinda tal-laqgħa u s-servizz kollu tat-tinda, u ebda individwu mhux awtorizzat* ma jistaʼ jersaq lejkom. 5 Intom tridu tagħmlu x-xogħol li għandu x’jaqsam mal-post qaddis u l-artal, biex ma nkomplix nirrabja kontra l-poplu t’Iżrael. 6 Jien stess ħadt lil ħutek, il-Leviti, minn fost l-Iżraelin bħala rigal għalikom. Huma ngħataw lil Ġeħova biex jieħdu ħsieb is-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 7 Int u t-tfal tiegħek responsabbli biex bħala qassisin tagħmlu d-dmirijiet tagħkom li għandhom x’jaqsmu mal-artal u maʼ dak li hemm wara l-purtiera,* u tridu tagħtu dan is-servizz. Jien tajtkom l-inkarigu taʼ qassisin bħala rigal, u kwalunkwe individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib għandu jinqatel.”

8 Ġeħova kompla jgħid lil Aron: “Jien stess inkarigajtek biex tieħu ħsieb il-kontribuzzjonijiet li jagħtuni. Jien tajt lilek u lit-tfal tiegħek sehem mill-affarijiet qaddisin kollha li jagħtu l-Iżraelin. Dan hu arranġament għal żmien twil. 9 Dan ikun tiegħek mill-offerti l-iktar qaddisa li jiġu maħruqin: kull offerta li jagħmlu, inkluż l-offerti taċ-ċereali,* l-offerti għad-dnub, u l-offerti għall-ħtija li jġibuli. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa għalik u għat-tfal tiegħek. 10 Għandek tieklu f’post mill-iktar qaddis. Jistaʼ jieklu kull raġel. Ikun xi ħaġa qaddisa għalik. 11 Anki r-rigali li jagħtu l-Iżraelin flimkien mal-offerti li jiġu mxejrin ikunu tiegħek. Tajthom lilek u lit-tfal tiegħek subien u bniet bħala arranġament għal żmien twil. Kull min hu nadif f’darek jistaʼ jikolhom.

12 “Jien nagħtik l-aħjar kollu taż-żejt, tal-inbid ġdid, u taċ-ċereali, jiġifieri l-ewwel prodott tagħhom, li huma jagħtu lil Ġeħova. 13 L-ewwel prodott minn kulma hemm f’arthom, li se jġibu lil Ġeħova, isir tiegħek. Kull min hu nadif f’darek jistaʼ jieklu.

14 “Kull ħaġa ddedikata* f’Iżrael għandha ssir tiegħek.

15 “Kull l-ewwel imwieled taʼ bniedem jew t’annimal li huma jippreżentaw lil Ġeħova, għandu jsir tiegħek. Madankollu, żgur li għandek tifdi* lill-ewwel imwieled tal-bniedem u tal-annimal mhux nadif. 16 Għandek tifdih bil-prezz tal-ħelsien meta jkollu xahar jew iktar, skont il-valur stmat taʼ ħames xwiekel* fidda, skont ix-xekel tal-post qaddis.* Xekel hu 20 gera.* 17 Huwa biss l-ewwel ferħ tal-baqra, nagħġa, u mogħża li m’għandekx tifdi. Huma xi ħaġa qaddisa. Għandek troxx demmhom fuq l-artal, u x-xaħam tagħhom għandek taħarqu bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* lil Ġeħova. 18 U laħamhom għandu jsir tiegħek, bħalma jsiru tiegħek is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq il-leminija. 19 Il-kontribuzzjonijiet qaddisin kollha li l-Iżraelin jagħtu lil Ġeħova, tajthom lilek u lit-tfal tiegħek subien u bniet, bħala arranġament għal żmien twil. Dan hu patt għal dejjem* quddiem Ġeħova għalik u għal dawk li se jiġu minnek.”

20 Ġeħova kompla jgħid lil Aron: “Mhux se jkollok wirt f’arthom, u ma jkollok ebda sehem minnha fosthom. Jien is-sehem u l-wirt tiegħek f’nofs l-Iżraelin.

21 “Jien tajt lit-tfal taʼ Levi kull għaxra fil-100 tal-prodott f’Iżrael bħala wirt għas-servizz li qed jagħmlu, is-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 22 L-Iżraelin m’għandhomx jibqgħu jersqu lejn it-tinda tal-laqgħa, inkella jagħmlu dnub u jmutu. 23 Il-Leviti stess jagħmlu s-servizz tat-tinda tal-laqgħa, u jkunu huma li jbatu l-konsegwenzi tal-iżbalji li jagħmel il-poplu kontra l-post qaddis. Huma m’għandhomx jieħdu wirt fost l-Iżraelin. Din hi liġi li tibqaʼ matul il-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom. 24 Għax bħala wirt jien tajt lil-Leviti l-għaxra fil-100 li jagħtu n-nies t’Iżrael lil Ġeħova. Huwa għalhekk li għedtilhom, ‘M’għandkomx tieħdu wirt f’nofs l-Iżraelin.’”

25 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 26 “Għid lil-Leviti, ‘Se tirċievu mingħand l-Iżraelin l-għaxra fil-100 li tajtkom mingħandhom bħala l-wirt tagħkom, u tridu tagħtu minnha għaxra fil-100 bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova. 27 U din tkun ikkunsidrata bħala l-kontribuzzjoni tagħkom, bħallikieku kienet miċ-ċereali, l-inbid, jew iż-żejt tagħkom. 28 B’dan il-mod, intom ukoll tagħtu kontribuzzjoni lil Ġeħova minn kull għaxra fil-100 li tirċievu mingħand l-Iżraelin, u minnhom tridu tagħtu lil Aron il-qassis il-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova. 29 Intom tagħtu kull tip taʼ kontribuzzjoni lil Ġeħova mill-aqwa nett tar-rigali kollha li tingħataw bħala xi ħaġa qaddisa.’

30 “U għidilhom, ‘Meta intom il-Leviti tagħtu l-aħjar minnhom, imbagħad il-kontribuzzjoni tiġi kkunsidrata bħallikieku kienet miċ-ċereali, l-inbid, jew iż-żejt tagħkom. 31 Intom u n-nies taʼ darkom tistgħu tieklu l-bqija ta’ dak li tirċievu mill-Iżraelin fi kwalunkwe post, għaliex hu l-ħlas tagħkom għas-servizz li tagħmlu fit-tinda tal-laqgħa. 32 Sakemm tagħtu l-aħjar minnhom, ma tagħmlux dnub f’dan, u m’għandkomx tiddiżonoraw l-affarijiet qaddisin tal-Iżraelin, għax inkella tmutu.’”

19 Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: 2 “Din hi l-liġi li nikkmanda jien, Ġeħova, ‘Għid lill-Iżraelin biex iġibulek baqra ħamranija f’saħħitha li fiha m’hemm ebda difett u li fuqha ma tqiegħed ebda madmad. 3 Agħtuha lil Elegħażar il-qassis, u hu joħroġha ’l barra mill-kampijiet u tinqatel quddiemu. 4 Imbagħad Elegħażar il-qassis jieħu ftit minn demmha b’sebgħu u jroxxu sebaʼ darbiet lejn in-naħa taʼ quddiem tat-tinda tal-laqgħa. 5 Imbagħad il-baqra tinħaraq quddiem għajnejh. Il-ġilda tagħha, laħamha, u demmha flimkien mal-ħmieġ tagħha jridu jinħarqu. 6 U l-qassis jieħu njam taċ-ċedru, żuf,* u drapp aħmar jgħajjat u jitfagħhom fin-nar fejn tkun qed tinħaraq il-baqra. 7 Il-qassis imbagħad jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u wara jkun jistaʼ jidħol fejn hemm il-kampijiet, imma ma jkunx nadif sa filgħaxija.

8 “‘Dak li ħaraqha jaħsel ħwejġu fl-ilma u jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.

9 “‘U raġel nadif jiġbor l-irmied tal-baqra u jqiegħdu ’l barra mill-kampijiet f’post nadif, u l-irmied għandu jinżamm mill-ġemgħa tal-Iżraelin biex jippreparaw bih ilma ħalli jintuża għat-tindif. Din hi offerta għad-dnub. 10 U dak li jiġbor l-irmied tal-baqra jaħsel ħwejġu u ma jkunx nadif sa filgħaxija.

“‘Din tkun liġi li tibqaʼ għal żmien twil għall-Iżraelin u għall-barranin li qed jgħixu f’nofshom. 11 Kull min imiss bniedem mejjet* ma jkunx nadif għal sebat ijiem. 12 Dan għandu jitnaddaf b’mod ċerimonjali bl-ilma* għat-tindif fit-tielet jum, u fis-sebaʼ jum ikun nadif. Imma jekk ma jagħmilx hekk fit-tielet jum, fis-sebaʼ jum ma jkunx nadif. 13 Kull min imiss katavru taʼ bniedem mejjet* u ma jitnaddafx b’mod ċerimonjali, ikun niġġes it-tabernaklu taʼ Ġeħova u jrid jiġi maqtul.* Peress li l-ilma għat-tindif ma ġiex imraxxax fuqu, hu jibqaʼ mhux nadif. In-nuqqas taʼ ndafa tiegħu jibqaʼ fuqu.

14 “‘Din hi l-liġi għal meta raġel imut f’tinda: Kull min jidħol fit-tinda u kull min ikun diġà fit-tinda ma jkunx nadif għal sebat ijiem. 15 Kull reċipjent miftuħ li ma jkollux għatu marbut fuqu ma jkunx nadif. 16 Kull min ikun fil-kampanja u jmiss lil xi ħadd maqtul bix-xabla, xi katavru, xi għadma taʼ bniedem, jew qabar ma jkunx nadif għal sebat ijiem. 17 Huma jieħdu għal min ma jkunx nadif ftit mill-irmied tal-offerta għad-dnub li nħarqet u jpoġġu ilma ġieri fuq l-irmied ġo reċipjent. 18 Imbagħad raġel nadif jieħu ż-żuf u jbillu fl-ilma u jroxxu fuq it-tinda, fuq ir-reċipjenti kollha, fuq in-nies li kienu hemmhekk, u fuq dak li jkun mess l-għadma, il-maqtul, il-katavru, jew il-qabar. 19 Ir-raġel nadif iroxxu fuq dak li ma jkunx nadif fit-tielet u fis-sebaʼ jum u jnaddfu b’mod ċerimonjali mid-dnub fis-sebaʼ jum. Imbagħad dak li ma jkunx nadif irid jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u jkun nadif filgħaxija.

20 “‘Imma r-raġel li ma jkunx nadif u li ma jitnaddafx b’mod ċerimonjali, irid jiġi maqtul,* għaliex niġġes is-santwarju taʼ Ġeħova. L-ilma għat-tindif ma traxxaxx fuqu, allura mhux nadif.

21 “‘Din tkun liġi li tibqaʼ għal żmien twil għall-Iżraelin: Dak li jraxxax l-ilma għat-tindif għandu jaħsel ħwejġu, u kull min imiss l-ilma għat-tindif ma jkunx nadif sa filgħaxija. 22 Kull ħaġa li dak li mhux nadif imiss ma tkunx nadifa, u l-persuna li tmissha ma tkunx nadifa sa filgħaxija.’”

20 Fl-ewwel xahar, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin waslu fid-deżert taż-Żin, u n-nies bdew joqogħdu f’Kades. F’dan il-post mietet u ndifnet Mirjam.

2 Issa ma kienx hemm ilma għall-ġemgħa, u huma nġabru flimkien kontra Mosè u Aron. 3 In-nies bdew jargumentaw maʼ Mosè u jgħidulu: “Mhux li mitna meta mietu ħutna quddiem Ġeħova! 4 Għala ġibtu l-kongregazzjoni taʼ Ġeħova f’dan id-deżert? Biex aħna u l-annimali tagħna mmutu hawn? 5 U għala ħriġtuna mill-Eġittu biex iġġibuna f’dan il-post mill-agħar? Ma nistgħux niżirgħu f’dan il-post, u la hawn tin, la dwieli, la rummien, u lanqas ilma x’nixorbu.” 6 Imbagħad Mosè u Aron telqu minn quddiem il-kongregazzjoni u marru ħdejn id-daħla tat-tinda tal-laqgħa u nxteħtu wiċċhom fl-art, u bdiet tidhrilhom il-glorja taʼ Ġeħova.

7 U Ġeħova qal lil Mosè: 8 “Ħu l-bastun u iġbor il-ġemgħa m’Aron, u kellmu lill-blata quddiem għajnejhom biex tagħti l-ilma. B’hekk joħroġ l-ilma mill-blata u int tagħtih lill-ġemgħa u lill-annimali biex jixorbu.”

9 Għalhekk, Mosè ħa l-bastun minn quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmandah. 10 Imbagħad Mosè u Aron ġabru l-kongregazzjoni quddiem il-blata, u Mosè qalilhom: “Isimgħu issa, ja ribelli! Għandna aħna noħorġulkom l-ilma minn din il-blata?” 11 U Mosè għolla idu u ta żewġ daqqiet fuq il-blata bil-bastun tiegħu, u beda ħiereġ ħafna ilma, u l-ġemgħa u l-annimali tagħhom bdew jixorbu.

12 Iktar tard, Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Talli ma wrejtux fidi fija u ma qaddistunix quddiem il-poplu t’Iżrael, m’intomx se ddaħħlu lil din il-kongregazzjoni fl-art li se nagħtihom.” 13 Dawn huma l-ilmijiet taʼ Meriba,* fejn l-Iżraelin argumentaw maʼ Ġeħova, u hu wriehom li hu qaddis.

14 Imbagħad Mosè bagħat xi messaġġiera minn Kades għand ir-re t’Edom biex jgħidulu: “Hekk qal ħuk Iżrael, ‘Int taf sew bit-tbatija li għaddejna minnha. 15 Missirijietna marru l-Eġittu, u aħna għexna l-Eġittu ħafna snin, u l-Eġizzjani trattaw ħażin lilna u lil missirijietna. 16 Fl-aħħar għajjatna lil Ġeħova għall-għajnuna, u hu semagħna u bagħat anġlu u ħariġna mill-Eġittu. Issa qegħdin hawn f’Kades, belt f’tarf it-territorju tiegħek. 17 Jekk jogħġbok, ħallina ngħaddu minn artek. M’aħniex se ngħaddu minn ġo xi għalqa jew qasam tad-dwieli, u m’aħniex se nixorbu l-ilma minn xi bir. Aħna ngħaddu minn Triq ir-Re mingħajr ma nduru lejn il-lemin jew lejn ix-xellug sakemm noħorġu mit-territorju tiegħek.’”

18 Madankollu, ir-re t’Edom qal: “Ma tistgħux tgħaddu mit-territorju tagħna. Jekk tagħmlu hekk, niġi niltaqaʼ magħkom bix-xabla.” 19 U l-Iżraelin qalulu: “Se nitilgħu mit-triq prinċipali, u jekk aħna u l-annimali tagħna nixorbu mill-ilma tiegħek, inħallsu għalih. Ma rridu xejn ħlief li ngħaddu bil-mixi.” 20 Imma hu xorta qal: “Ma tistgħux tgħaddu.” U r-re t’Edom ħareġ jiltaqaʼ magħhom b’ħafna nies u b’armata* b’saħħitha. 21 Għalhekk, ir-re t’Edom ma riedx iħalli lil Iżrael jgħaddi mit-territorju tiegħu. B’hekk, Iżrael tbiegħed minnu.

22 Il-ġemgħa kollha t’Iżrael telqu minn Kades u waslu ħdejn il-Muntanja Ħor. 23 Imbagħad ħdejn il-Muntanja Ħor, qrib il-fruntiera tal-art t’Edom, Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: 24 “Aron se jinġabar maʼ niesu.* Hu mhux se jidħol fl-art li se nagħti lill-Iżraelin, minħabba li intom it-tnejn irribellajtu kontra l-kmand tiegħi rigward l-ilmijiet taʼ Meriba. 25 Ħu lil Aron u lil ibnu Elegħażar fuq il-Muntanja Ħor. 26 Neħħi l-ħwejjeġ t’Aron u libbishom lil ibnu Elegħażar, u Aron imut hemmhekk.”*

27 Għalhekk, Mosè għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova, u huma telgħu fuq il-Muntanja Ħor quddiem għajnejn il-ġemgħa kollha. 28 Imbagħad Mosè neħħa l-ħwejjeġ t’Aron u libbishom lil ibnu Elegħażar. Imbagħad Aron miet hemmhekk fuq il-quċċata tal-muntanja. U Mosè u Elegħażar niżlu minn fuq il-muntanja. 29 Meta l-ġemgħa kollha t’Iżrael saret taf li Aron kien miet, bkietu għal 30 jum.

21 Meta r-re Kangħani t’Għarad, li kien jgħix fin-Negeb, semaʼ li Iżrael kien ġie mit-triq li tagħti għal Atarim, hu attakka lil Iżrael u ħa ftit minnhom bħala lsiera. 2 Għalhekk, Iżrael għamel din il-wegħda lil Ġeħova: “Jekk tagħtini f’idi lil dan il-poplu, jien żgur li neqred il-bliet tagħhom.” 3 U Ġeħova semaʼ l-Iżraelin u tahom f’idejhom il-Kangħanin, u huma qerdu lilhom u l-bliet tagħhom. Għaldaqstant, dan il-post semmewh Ħorma.*

4 Hekk kif komplew jivvjaġġaw mill-Muntanja Ħor billi għaddew mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar biex iduru mal-art t’Edom, in-nies għejew minħabba l-vjaġġ. 5 U n-nies baqgħu jgħidu kontra Alla u Mosè: “Għala tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? La hawn ikel u lanqas ilma, u dan il-ħobż li ma jiswa xejn spiċċajna nobogħduh.”* 6 Għalhekk, Ġeħova bagħat sriep velenużi fost in-nies u gidmuhom. B’hekk mietu ħafna Iżraelin.

7 Allura, in-nies marru għand Mosè u qalulu: “Aħna dnibna għaliex tkellimna kontra Ġeħova u kontrik. Idħol għalina quddiem Ġeħova biex ineħħilna s-sriep.” U Mosè talab għan-nies. 8 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Agħmel forma ta’ serp velenuż u poġġih fuq arblu fejn jidher. Imbagħad meta xi ħadd jingidem, irid iħares lejh sabiex jibqaʼ ħaj.” 9 Mosè minnufih għamel serp tar-ram u poġġieh fuq l-arblu, u kull meta serp kien jigdem lil xi ħadd u dan kien iħares lejn is-serp tar-ram, kien jibqaʼ ħaj.

10 Wara dan, l-Iżraelin telqu u kkampjaw f’Obot. 11 Imbagħad telqu minn Obot u kkampjaw f’Ijje-għabarim, fid-deżert li qiegħed quddiem Mowab, lejn il-Lvant. 12 Minn hemm telqu u kkampjaw ħdejn il-Wied taʼ Żered. 13 U minn hemm telqu u kkampjaw fir-reġjun tal-Arnon, li qiegħed fid-deżert u li jibda mill-fruntiera tal-Amurrin. L-Arnon hu l-fruntiera taʼ Mowab, bejn Mowab u l-Amurrin. 14 Huwa għalhekk li l-ktieb tal-Gwerer taʼ Ġeħova jitkellem dwar “Waħeb f’Sufa u l-widien tal-Arnon, 15 u x-xaqliba* tal-widien, li tasal lejn il-post fejn hemm Ar u tmiss mal-fruntiera taʼ Mowab.”

16 Imbagħad marru f’post jismu Bir. Dan hu fejn hemm il-bir li dwaru Ġeħova qal lil Mosè: “Iġbor il-poplu ħa nagħtih l-ilma.”

17 Dakinhar, Iżrael kanta din l-għanja:

“Fawwar bir! Kantawlu!*

18 Dan hu l-bir li l-kapijiet ħaffru, li n-nobbli tal-poplu fetħu,

Bil-bastun taʼ kmandant u bil-bsaten tagħhom stess.”

Imbagħad, huma telqu mid-deżert għal Mattana, 19 minn Mattana għal Naħaljel, u minn Naħaljel għal Bamot. 20 Huma telqu minn Bamot għall-wied li qiegħed fit-territorju* taʼ Mowab, fuq Pisga, li tħares lejn il-Ġesimon.*

21 Iżrael issa bagħat messaġġiera għand Siħon, ir-re tal-Amurrin, u qalulu: 22 “Ħallina ngħaddu minn artek. M’aħniex se nidħlu f’xi għalqa jew qasam tad-dwieli. Mhux se nixorbu ilma minn xi bir. Se ngħaddu minn Triq ir-Re sakemm noħorġu mit-territorju tiegħek.” 23 Imma Siħon ma ħalliex lil Iżrael jgħaddi mit-territorju tiegħu. Minflok, ġabar lin-nies kollha tiegħu, ħareġ għall-Iżraelin fid-deżert, wasal f’Ġaħas, u beda jiġġieled kontrihom. 24 Imma l-Iżraelin rebħulu u ħadu f’idejhom l-art tiegħu mill-Arnon sal-Ġabbok, ħdejn l-Għammonin, għaliex Ġagħżer hi mal-fruntiera tal-Għammonin.

25 Għalhekk, Iżrael ħadu dawn il-bliet kollha, u bdew jgħixu fil-bliet kollha tal-Amurrin, f’Ħesbon u fil-bliet kollha li jiddependu minnha.* 26 Għax Ħesbon kienet il-belt taʼ Siħon, ir-re tal-Amurrin, li kien iġġieled kontra r-re taʼ Mowab u ħadlu l-art kollha sal-Arnon. 27 Kien għalhekk li kien hemm dan il-proverbju sarkastiku:

“Ejjew Ħesbon.

Ħa tinbena l-belt taʼ Siħon u tkun b’saħħitha.

28 Għax ħareġ nar minn Ħesbon, fjamma mill-belt taʼ Siħon.

Qered lil Ar taʼ Mowab u lill-mexxejja tal-għoljiet tal-Arnon.

29 Gwaj għalik, Mowab! Int se tinqered, poplu taʼ Kemos!

Minħabba fih it-tfal tiegħu subien ikunu maħrubin u t-tfal tiegħu bniet isiru lsiera taʼ Siħon, ir-re tal-Amurrin.

30 Ejja nattakkawhom.

Ħesbon se tinqered sa Dibon;

Ejja nħarbtuha sa Nofa.

Nar se jinfirex sa Medeba.”

31 Għalhekk, l-Iżraelin bdew jgħixu fl-art tal-Amurrin. 32 Imbagħad Mosè bagħat lil xi rġiel jitkixxfu x’fiha l-belt taʼ Ġagħżer. L-Iżraelin ħadu taħt idejhom il-bliet li jiddependu minnha* u keċċew l-Amurrin li kien hemm. 33 Wara dan, daru u telgħu minn Triq il-Basan. U Għog, ir-re tal-Basan, ħareġ mal-poplu kollu tiegħu biex jiġġieled magħhom f’Edrej. 34 Ġeħova qal lil Mosè: “Tibżax minnu, għax jien se nagħti f’idejk lilu, lill-poplu kollu tiegħu, u lil artu. Int tagħmillu bħalma għamilt lil Siħon, ir-re tal-Amurrin, li kien jgħix f’Ħesbon.” 35 Għalhekk, l-Iżraelin qatlu lilu, lit-tfal tiegħu, u lill-poplu kollu tiegħu, sakemm ma kien baqaʼ ħadd ħaj, u ħadu f’idejhom l-art tiegħu.

22 Imbagħad l-Iżraelin telqu u kkampjaw fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, quddiem il-Ġordan u faċċata taʼ Ġeriko. 2 Issa Balak bin Siffur ra kulma l-Iżraelin kienu għamlu lill-Amurrin, 3 u l-Mowabin tgħidx kemm beżgħu mill-Iżraelin għax kienu ħafna. Infatti l-Mowabin twerwru minħabba fihom. 4 Għalhekk, il-Mowabin qalu lill-anzjani* taʼ Midjan: “Issa din il-folla se tiblaʼ l-inħawi kollha tagħna bħalma barri jiblaʼ l-ħaxix tal-għelieqi.”

Dak iż-żmien, Balak bin Siffur kien ir-re taʼ Mowab. 5 Hu bagħat xi messaġġiera għand Balgħam bin Begħor li kien qed jgħix fost qrabatu f’Petor, li qiegħda ħdejn ix-Xmara,* u qallu: “Ħareġ poplu mill-Eġittu. Huma ksew wiċċ l-art u qed jgħixu eżatt quddiemi. 6 Issa jekk jogħġbok, ejja u isħet lil dawn in-nies għalija, għax huma iktar b’saħħithom minni. Forsi nkun nistaʼ negħlibhom u nkeċċihom ’il barra mill-pajjiż, għax jien naf tajjeb li lil min tbierek int ikun imbierek u lil min tisħet int ikun misħut.”

7 Għalhekk, l-anzjani taʼ Mowab u taʼ Midjan marru għand Balgħam u wasslulu l-messaġġ taʼ Balak. Magħhom ħadu l-ħlas li kienu se jagħtuh biex jisħet lin-nies.* 8 U hu qalilhom: “Oqogħdu hawnhekk dan il-lejl, u jien ngħidilkom dak li jgħidli Ġeħova.” Għalhekk, il-kapijiet taʼ Mowab qagħdu maʼ Balgħam.

9 Imbagħad Alla deher lil Balgħam u qallu: “Min huma dawn l-irġiel li hawn miegħek?” 10 Balgħam qal lill-Alla l-veru: “Balak bin Siffur, ir-re taʼ Mowab, bagħat jgħidli, 11 ‘In-nies li ħarġu mill-Eġittu qed jiksu wiċċ l-art. Issa ejja u isħithom għalija. Forsi nkun nistaʼ niġġieled kontrihom u nkeċċihom ’il barra.’” 12 Imma Alla qal lil Balgħam: “Tmurx magħhom. Tisħithomx in-nies, għax huma mberkin.”

13 Balgħam qam filgħodu u qal lill-kapijiet taʼ Balak: “Morru pajjiżkom, għaliex Ġeħova ma ħallinix niġi magħkom.” 14 Għalhekk, il-kapijiet taʼ Mowab marru lura għand Balak u qalulu: “Balgħam ma riedx jiġi magħna.”

15 Madankollu, Balak reġaʼ bagħat kapijiet oħrajn. Dan kien grupp akbar u iktar importanti minn taʼ qabel. 16 Dawn marru għand Balgħam u qalulu: “Hekk qal Balak bin Siffur, ‘Jekk jogħġbok, tħalli xejn iżommok milli tiġi għandi, 17 għax jien se nonorak bil-kbir u nagħmel kulma tgħidli. Għalhekk ejja, jekk jogħġbok, u isħet lil dawn in-nies għalija.’” 18 Imma Balgħam wieġeb lill-qaddejja taʼ Balak: “Kieku Balak kellu jagħtini daru mimlija fidda u deheb, jien xorta ma nkun nistaʼ nagħmel ebda ħaġa, la żgħira u lanqas kbira, li tikser il-kmand taʼ Ġeħova l-Alla tiegħi. 19 Imma jekk jogħġobkom, oqogħdu hawnhekk intom ukoll dan il-lejl biex inkun naf x’se jgħidli iktar Ġeħova.”

20 Imbagħad Alla deher lil Balgħam billejl u qallu: “Jekk dawn l-irġiel ġew għalik, mur magħhom. Imma tistaʼ tgħidilhom biss dak li ngħidlek jien.” 21 U Balgħam qam filgħodu u rama l-ħmara tiegħu u mar mal-kapijiet taʼ Mowab.

22 Imma Alla rrabja ħafna minħabba li Balgħam kien sejjer, u l-anġlu taʼ Ġeħova qagħad fit-triq biex iwaqqfu. Issa Balgħam kien riekeb fuq il-ħmara tiegħu, u miegħu kien hemm tnejn mill-qaddejja tiegħu. 23 U meta l-ħmara rat l-anġlu taʼ Ġeħova wieqaf fit-triq b’xabla f’idu, ipprovat tikser mit-triq biex tmur fl-għalqa. Imma Balgħam beda jsawwat lill-ħmara biex terġaʼ tmur lejn it-triq. 24 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qagħad f’mogħdija dejqa bejn żewġ għelieqi tad-dwieli, b’ħajt tal-ġebel fuq kull naħa. 25 Meta l-ħmara rat l-anġlu taʼ Ġeħova, bdiet tintrass mal-ħajt. B’hekk, rasset sieq Balgħam mal-ħajt u hu reġaʼ beda jsawwatha.

26 L-anġlu taʼ Ġeħova issa reġaʼ mar quddiemhom u qagħad f’post dejjaq fejn ma kienx hemm fejn tikser lejn il-lemin jew lejn ix-xellug. 27 Meta l-ħmara rat l-anġlu taʼ Ġeħova, inxteħtet fl-art taħt Balgħam. Għalhekk Balgħam irrabja bil-kbir u baqaʼ jsawwat il-ħmara bil-bastun tiegħu. 28 Fl-aħħar, Ġeħova ġiegħel il-ħmara titkellem,* u din qalet lil Balgħam: “X’għamiltlek biex sawwattni tliet darbiet?” 29 Balgħam wieġeb lill-ħmara: “Għax għaddejtni biż-żmien. Kieku kelli xabla f’idi, noqtlok!” 30 Imbagħad il-ħmara qalet lil Balgħam: “M’iniex jien il-ħmara tiegħek li rkibt fuqha għomrok kollu sal-lum? Qatt għamiltlek hekk?” Wiġibha: “Le!” 31 Wara, Ġeħova fetaħ għajnejn Balgħam, u dan ra l-anġlu taʼ Ġeħova wieqaf fit-triq b’xabla f’idu. Minnufih hu miel u nxteħet wiċċu fl-art.

32 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qallu: “Għala sawwattha tliet darbiet lill-ħmara tiegħek? Jien stess ħriġt biex inwaqqfek, għaliex il-vjaġġ tiegħek hu kontra dak li rrid jien. 33 Il-ħmara ratni u pprovat iddur minn quddiemi dawn it-tliet darbiet. Taf x’kien jiġri kieku ma daritx minn quddiemi? Kieku s’issa qtiltek u ħallejt lilha ħajja.” 34 Balgħam qal lill-anġlu taʼ Ġeħova: “Jien dnibt, għax ma kontx naf li kien hemm int wieqaf fit-triq biex tiltaqaʼ miegħi. U issa jekk dan hu ħażin f’għajnejk, immur lura.” 35 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Balgħam: “Mur mal-irġiel, imma tistaʼ tgħid biss dak li ngħidlek jien.” Allura, Balgħam baqaʼ sejjer mal-kapijiet taʼ Balak.

36 Meta Balak semaʼ li kien wasal Balgħam, mill-ewwel ħareġ jilqgħu fil-belt taʼ Mowab, li qiegħda fuq ix-xatt tal-Arnon f’tarf it-territorju. 37 Balak qal lil Balgħam: “Jien bgħatt għalik. Għala ma ġejtx għandi? Ħsibt li m’iniex kapaċi nonorak bil-kbir?” 38 Balgħam wieġbu: “Issa ġejt għandek. Imma ma nistax ngħid dak li rrid. Nistaʼ ngħid biss dak li jgħidli Alla.”

39 Għalhekk, Balgħam mar maʼ Balak u waslu Kirjat-ħusot. 40 Balak issagrifika baqar u nagħaġ u bagħat minnhom lil Balgħam u lill-kapijiet li kienu miegħu. 41 Filgħodu Balak ħa lil Balgħam u tellgħu fuq Bamot-bagħal. Minn hemmhekk hu setaʼ jara n-nies kollha.

23 Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Ibnili f’dan il-post sebaʼ artali u ppreparali sebaʼ barrin u sebaʼ mtaten.” 2 Balak minnufih għamel bħalma qallu. U huma t-tnejn offrew barri u muntun fuq kull artal. 3 Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Oqgħod ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħek, u jien immur. Forsi Ġeħova jidhirli. Kulma jgħidli, ngħidhulek.” Għalhekk, mar fuq għolja.

4 Imbagħad Alla kkomunika maʼ Balgħam, u Balgħam qallu: “Jien qegħedt is-sebaʼ artali f’ringieli, u offrejt barri u muntun fuq kull artal.” 5 Ġeħova qal lil Balgħam x’għandu jgħid* u qallu: “Mur lura għand Balak, u għidlu dak li se ngħidlek.” 6 Għalhekk, mar lura u ra lil Balak u l-kapijiet kollha taʼ Mowab weqfin ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħu. 7 Imbagħad qal dan il-messaġġ:

“Balak ir-re taʼ Mowab ġabni minn Aram,

Mill-muntanji tal-Lvant:

‘Ejja biex tisħet lil Ġakobb għalija.

Iva, ejja kkundanna lil Iżrael.’

 8 Kif nistaʼ nisħet lil dawk li Alla ma seħitx?

U kif nistaʼ nikkundanna lil dawk li Ġeħova ma kkundannax?

 9 Mill-quċċata tal-blat narahom,

U minn fuq l-għoljiet narahom.

Bħala poplu huma jgħixu hemmhekk għalihom,

Ma jgħoddux lilhom infushom mal-popli l-oħra.

10 Min jistaʼ jgħodd lil Ġakobb li hu daqs it-trab,

Jew saħansitra jgħodd kwart minn Iżrael?

Ħa mmut bħall-ġusti,

U ħa jkun tmiemi bħal tagħhom.”

11 Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “X’għamiltli? Jien ġibtek biex tisħet lill-għedewwa tiegħi, imma int m’għamilt xejn ħlief berikthom.” 12 Hu wieġbu: “Mhux kulma Ġeħova jgħidli* rrid ngħid?”

13 Balak qallu: “Jekk jogħġbok, ejja miegħi f’post ieħor minn fejn tistaʼ tarahom. Se tara biss parti minnhom; ma tarahomx kollha. Isħithom għalija minn hemmhekk.” 14 Għalhekk, ħadu fl-għalqa taʼ Sofim, fuq il-quċċata tal-Pisga, u bena sebaʼ artali u offra barri u muntun fuq kull artal. 15 U Balgħam qal lil Balak: “Oqgħod hawnhekk ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħek sakemm nara x’jgħidli Alla hemmhekk.” 16 U Ġeħova kkomunika maʼ Balgħam u qallu x’għandu jgħid.* Imbagħad qallu: “Mur lura għand Balak, u għidlu dak li għedtlek.” 17 Għalhekk, wasal ħdejh u ra li kien qiegħed jistenna ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħu, u miegħu kien hemm il-kapijiet taʼ Mowab. Balak staqsieh: “X’qal Ġeħova?” 18 Imbagħad Balgħam qal dan il-messaġġ:

“Qum, Balak, u ismaʼ.

Ismagħni bin Siffur.

19 Alla mhuwiex xi bniedem li jgħid il-gideb,

Lanqas xi bin il-bniedem li jerġaʼ jibdielu.*

Jgħid hu xi ħaġa u ma jagħmilhiex?

Jgħid kelma u ma jżommhiex?

20 Jien qiegħed hawn biex inbierek,

Issa Hu bierek, u jien ma nistaʼ nbiddel xejn.

21 Hu ma jittollera ebda magħmul kontra Ġakobb,

U ma jippermetti ebda inkwiet kontra Iżrael.

Ġeħova l-Alla tiegħu hu miegħu,

Hu jiġi mfaħħar bħala re fosthom.

22 Alla ħariġhom mill-Eġittu.

Hu qisu l-qrun taʼ barri salvaġġ għalihom.

23 Għax m’hemmx sinjali taʼ qerda kontra Ġakobb,

Lanqas teħbir kontra Iżrael.

Issa jistaʼ jintqal dwar Ġakobb u Iżrael:

‘Araw Alla x’għamel!’

24 Hawn poplu li se jqum bħal iljun,

U bħall-iljun iqum.

Hu ma jimteddx qabel ma jiekol dak li jkun ikkaċċja,

U jixrob id-demm tal-maqtulin.”

25 Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “Jekk ma tistax tisħtu, almenu tbirkux.” 26 Balgħam wieġbu: “M’għedtlekx jien li kulma jgħidli Ġeħova se nagħmel?”

27 Balak qal lil Balgħam: “Jekk jogħġbok, ejja ħa nieħdok post ieħor. Forsi jkun sewwa f’għajnejn l-Alla l-veru li int tisħithom għalija minn hemmhekk.” 28 Allura Balak ħa lil Balgħam fuq il-quċċata taʼ Pegħor, li tħares lejn il-Ġesimon.* 29 Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Ibnili f’dan il-post sebaʼ artali u ppreparali sebaʼ barrin u sebaʼ mtaten.” 30 Għalhekk, Balak għamel bħalma qallu, u offra barri u muntun fuq kull artal.

24 Meta Balgħam ra li kien tajjeb f’għajnejn Ġeħova li jbierek lil Iżrael, ma reġax telaq biex ifittex xi sinjali tal-qerda, imma dawwar wiċċu lejn id-deżert. 2 Meta Balgħam ħares u ra lil Iżrael ikkampjat skont it-tribujiet tiegħu, l-ispirtu t’Alla niżel fuqu. 3 Imbagħad qal dan il-messaġġ:

“Dan hu l-kliem tiegħi, Balgħam bin Begħor,

Il-kliem taʼ raġel li nfetħulu għajnejh,

 4 Il-kliem taʼ min qed jismaʼ dak li jgħid Alla,

Li ra viżjoni taʼ Dak li Jistaʼ Kollox,

Li miel b’għajnejh miftuħin:

 5 Kemm huma sbieħ it-tined tiegħek Ġakobb,

Il-postijiet fejn tgħix Iżrael!

 6 Bħall-widien infirxu ’l bogħod,

Bħal ġonna ħdejn ix-xmara,

Bħal pjanti tas-sabbara li ħawwel Ġeħova,

Bħal siġar taċ-ċedri ħdejn l-ilmijiet.

 7 L-ilma jibqaʼ jqattar miż-żewġ bramel tal-ġilda tiegħu,

U d-dixxendenti tiegħu qegħdin miżrugħin ħdejn ħafna ilmijiet.

Ir-re tiegħu wkoll ikun aqwa minn Agag,

U t-tmexxija tiegħu se tiġi mfaħħra.

 8 Alla ħarġu mill-Eġittu;

Hu bħall-qrun taʼ barri salvaġġ għalihom.

Hu jeqred lill-popli, lil dawk li jaħqruh,

Igerrem għadamhom, u jfarrakhom bil-vleġeġ tiegħu.

 9 Hu nxteħet, imtedd bħall-iljun,

U bħal iljun, min jissogra jqajmu?

Dawk li jberkuk huma mberkin,

U dawk li jisħtuk huma misħutin.”

10 Imbagħad Balak irrabja ħafna maʼ Balgħam u ċapċap idejh bi stmerrija u qal lil Balgħam: “Jien ġibtek hawn biex tisħet lill-għedewwa tiegħi, imma int ħlief berikthom m’għamiltx dawn it-tliet darbiet. 11 Itlaq issa lejn darek. Jien kien beħsiebni nonorak, imma Ġeħova ċaħħdek mill-unur.”

12 Balgħam wieġeb lil Balak: “Għedtilhom jien lill-messaġġiera li int bgħatt, 13 ‘Kieku Balak kellu jagħtini daru mimlija fidda u deheb, jien minn rajja* ma nistaʼ nagħmel xejn iktar milli jikkmandani Ġeħova, kemm tajjeb u kemm ħażin. Se ngħid biss dak li jgħidli Ġeħova.ʼ 14 U issa jien se mmur għand il-poplu tiegħi. Ejja ħa ngħidlek x’se jagħmillu dan il-poplu lill-poplu tiegħek fil-futur.”* 15 Għalhekk, hu qal dan il-messaġġ:

“Dan hu l-kliem tiegħi, Balgħam bin Begħor,

Il-kliem taʼ raġel li nfetħulu għajnejh,

16 Il-kliem taʼ min qed jismaʼ dak li jgħid Alla,

Il-wieħed li għandu l-għarfien tal-Iktar Għoli,

Li ra viżjoni taʼ Dak li Jistaʼ Kollox

Waqt li miel b’għajnejh miftuħin:

17 Narah, imma mhux issa;

Narah, imma mhux għalissa.

Toħroġ stilla minn Ġakobb,

U jqum xettru minn Iżrael.

U hu żgur li jaqsam ras Mowab

U l-iskutella taʼ ras il-gwerriera vjolenti kollha.

18 U Edom isir wirt,

Iva, Segħir isir il-wirt tal-għedewwa tiegħu,

Waqt li Iżrael ikun qed juri l-kuraġġ.

19 U minn Ġakobb ikun hemm wieħed li jrażżan,

U hu jeqred lil kull min jibqaʼ ħaj fil-belt.”

20 Meta ra lill-Għamalekin, Balgħam kompla jgħid il-messaġġ tiegħu:

“L-Għamalekin kienu l-ewwel mill-popli,

Imma fl-aħħar se jinqerdu għalkollox.”

21 Meta ra lill-Kenin, hu kompla jgħid il-messaġġ tiegħu:

“F’post sigur tgħix, u fuq il-blata qiegħda l-bejta tiegħek.

22 Imma xi ħadd se jaħraq lill-Kenin.*

Kemm fadal biex l-Assirja tieħdok fil-jasar?”

23 U kompla jgħid il-messaġġ tiegħu:

“Gwaj! Min se jibqaʼ ħaj meta Alla jagħmel dan?

24 Jiġu vapuri mill-kosta tal-Kittim,

U dawn jaħqru lill-Assirja,

U jaħqru lill-Għeber.

Imma anki hu jinqered għalkollox.”

25 Imbagħad Balgħam mar lura lejn pajjiżu. Balak ukoll mar għal triqtu.

25 Meta Iżrael kien qed jgħix f’Sittim, il-poplu beda jkollu relazzjonijiet sesswali man-nisa taʼ Mowab. 2 In-nisa stiednu lill-poplu għas-sagrifiċċji tal-allat tagħhom, u l-poplu beda jiekol u jmil quddiem l-allat tagħhom. 3 Għalhekk, l-Iżraelin ingħaqdu fil-qima tal-Bagħal* taʼ Pegħor, u Ġeħova rrabja ħafna magħhom. 4 Ġeħova qal lil Mosè: “Ħu l-mexxejja* kollha taʼ dan il-poplu u dendilhom quddiemi, Ġeħova, fid-dawl tax-xemx,* sabiex jien, Ġeħova, ma nibqax irrabjat m’Iżrael.” 5 Imbagħad Mosè qal lill-imħallfin t’Iżrael: “Kull wieħed minnkom għandu joqtol lill-irġiel tiegħu li ngħaqdu fil-qima tal-Bagħal* taʼ Pegħor.”

6 Dak il-ħin stess, ġie raġel mill-Iżraelin u ġab ħdejn ħutu mara Midjanija quddiem għajnejn Mosè u l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin, waqt li kienu qed jibku fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 7 Meta Fineħas bin Elegħażar bin Aron il-qassis ra dan, hu qam minnufih minn nofs il-ġemgħa u qabad lanza. 8 Imbagħad mar wara r-raġel t’Iżrael ġot-tinda u nifidhom it-tnejn, ir-raġel Iżraeli u l-mara fil-parti ġenitali tagħha. Minħabba f’hekk, il-kastig minn fuq l-Iżraelin waqaf. 9 U mietu 24,000 minħabba l-kastig.

10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 11 “Minħabba Fineħas bin Elegħażar bin Aron il-qassis, jien m’għadnix irrabjat mal-Iżraelin peress li ma ttollera ebda nuqqas taʼ lealtà lejja f’nofshom. Kien għalhekk li jien ma qridtx lill-Iżraelin, minkejja li rrid li jqimu lili biss. 12 Għalhekk għidlu li qed nagħmel patt taʼ paċi miegħu. 13 Minħabba dan il-patt, hu u dawk li se jiġu minnu se jaqdu bħala qassisin għal żmien twil, għax hu ma ttollera ebda nuqqas taʼ lealtà lejn l-Alla tiegħu u għamel tpattija għall-Iżraelin.’”

14 Issa r-raġel Iżraeli li nqatel mal-Midjanija kien jismu Żimri bin Salu, kap tal-familja min-naħa tal-missier għas-Simegħonin. 15 Il-mara Midjanija li nqatlet kien jisimha Kożbi. Hi kienet bint Żur li kien kap taʼ tribù f’Midjan.

16 Iktar tard Ġeħova qal lil Mosè: 17 “Attakkaw il-Midjanin u oqtluhom, 18 għaliex huma ġabu gwaj fuqkom billi b’makakkerija ħajrukom tidinbu fil-kwistjoni taʼ Pegħor u taʼ Kożbi bint kap taʼ Midjan, li nqatlet fil-jum li ġie fuqkom il-kastig minħabba l-kwistjoni taʼ Pegħor.”

26 Wara l-kastig, Ġeħova qal lil Mosè u lil Elegħażar bin Aron il-qassis: 2 “Għoddu l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin minn 20 sena ’l fuq, skont il-familji min-naħa tal-missier. Għoddu lil dawk kollha li jistgħu jaqdu fl-armata t’Iżrael.” 3 Għalhekk, Mosè u Elegħażar il-qassis kellmu l-poplu fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan faċċata taʼ Ġeriko u qalulhom: 4 “Għoddu l-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq, bħalma Ġeħova kkmanda lil Mosè.”

Issa t-tfal t’Iżrael li ħarġu mill-art tal-Eġittu kienu: 5 It-tribù taʼ Ruben, l-ewwel imwieled t’Iżrael. It-tfal taʼ Ruben kienu: minn Ħanok, il-familja tal-Ħanokin; minn Pallu, il-familja tal-Palluwin; 6 minn Ħesron, il-familja tal-Ħesronin; u minn Karmi, il-familja tal-Karmin. 7 Dawn kienu l-familji tar-Rubenin, u dawk li ġew irreġistrati minnhom kienu 43,730.

8 Iben Pallu kien Eljab. 9 U t-tfal t’Eljab kienu Nemwel, Datan, u Abiram. Dawn kienu Datan u Abiram li ġew magħżulin mill-ġemgħa u li ħaduha kontra Mosè u Aron flimkien mal-grupp taʼ Koraħ, meta ħaduha kontra Ġeħova.

10 Imbagħad l-art infetħet* u belgħethom. Imma Koraħ miet ma’ dawk li appoġġawh meta n-nar ħaraq 250 raġel. U dawn saru eżempju taʼ twissija. 11 Madankollu, it-tfal taʼ Koraħ ma mitux.

12 It-tfal taʼ Simegħon skont il-familji tagħhom kienu: minn Nemwel, il-familja tan-Nemwelin; minn Ġamin, il-familja tal-Ġaminin; minn Ġakin, il-familja tal-Ġakinin; 13 minn Żeraħ, il-familja taż-Żeraħin; u minn Sagħul, il-familja tas-Sagħulin. 14 Dawn kienu l-familji tas-Simegħonin: 22,200.

15 It-tfal taʼ Gad skont il-familji tagħhom kienu: minn Sefon, il-familja tas-Sefonin; minn Ħaggi, il-familja tal-Ħaggin; minn Suni, il-familja tas-Sunin; 16 minn Ożni, il-familja tal-Ożnin; minn Għeri, il-familja tal-Għerin; 17 minn Arod, il-familja tal-Arodin; u minn Areli, il-familja tal-Arelin. 18 Dawn kienu l-familji tat-tfal taʼ Gad, u dawk irreġistrati minnhom kienu 40,500.

19 It-tfal taʼ Ġuda kienu Għer u Onan. Iżda dawn mietu fl-art taʼ Kangħan. 20 U t-tfal taʼ Ġuda skont il-familji tagħhom kienu: minn Selaħ, il-familja tas-Selanin; minn Pereż, il-familja tal-Pereżin; u minn Żeraħ, il-familja taż-Żeraħin. 21 U t-tfal taʼ Pereż kienu: minn Ħesron, il-familja tal-Ħesronin; u minn Ħamul, il-familja tal-Ħamulin. 22 Dawn kienu l-familji taʼ Ġuda, u dawk irreġistrati minnhom kienu 76,500.

23 It-tfal taʼ Issakar skont il-familji tagħhom kienu: minn Tola, il-familja tat-Tolagħin; minn Puwa, il-familja tal-Puwin; 24 minn Ġasub, il-familja tal-Ġasubin; u minn Simron, il-familja tas-Simronin. 25 Dawn kienu l-familji taʼ Issakar, u dawk irreġistrati minnhom kienu 64,300.

26 It-tfal taʼ Żebulun skont il-familji tagħhom kienu: minn Sered, il-familja tas-Seredin; minn Elon, il-familja tal-Elonin; u minn Ġaħlel, il-familja tal-Ġaħlelin. 27 Dawn kienu l-familji taż-Żebulunin, u dawk irreġistrati minnhom kienu 60,500.

28 It-tfal taʼ Ġużeppi skont il-familji tagħhom kienu: Manasse u Efrajm. 29 It-tfal taʼ Manasse kienu: minn Makir, il-familja tal-Makirin, u Makir kellu lil Gilegħad; minn Gilegħad, il-familja tal-Gilegħadin. 30 Dawn kienu t-tfal taʼ Gilegħad: minn Jeżer, il-familja tal-Jeżerin; minn Ħelek, il-familja tal-Ħelekin; 31 minn Asrijel, il-familja tal-Asrijelin; minn Sikem, il-familja tas-Sikemin; 32 minn Semida, il-familja tas-Semidagħin; u minn Ħefer, il-familja tal-Ħeferin. 33 Issa Selofeħad bin Ħefer ma kellux tfal subien, imma bniet biss, u l-ismijiet tagħhom kienu Maħla, Nogħa, Ħogla, Milka, u Tirsa. 34 Dawn kienu l-familji taʼ Manasse, u dawk irreġistrati minnhom kienu 52,700.

35 Dawn kienu t-tfal t’Efrajm skont il-familji tagħhom: minn Sutelaħ, il-familja tas-Sutelaħin; minn Beker, il-familja tal-Bekerin; u minn Taħan, il-familja tat-Taħanin. 36 U dan kien iben Sutelaħ: minn Għeran, il-familja tal-Għeranin. 37 Dawn kienu l-familji tat-tfal t’Efrajm, u dawk irreġistrati minnhom kienu 32,500. Dawn kienu t-tfal taʼ Ġużeppi skont il-familji tagħhom.

38 It-tfal taʼ Benjamin skont il-familji tagħhom kienu: minn Bela, il-familja tal-Belagħin; minn Asbel, il-familja tal-Asbelin; minn Aħiram, il-familja tal-Aħiramin; 39 minn Sefufam, il-familja tas-Sufamin; u minn Ħufam, il-familja tal-Ħufamin. 40 It-tfal taʼ Bela kienu Ard u Nagħman: minn Ard, il-familja tal-Ardin; u minn Nagħman, il-familja tan-Nagħmin. 41 Dawn kienu t-tfal taʼ Benjamin skont il-familji tagħhom, u dawk irreġistrati minnhom kienu 45,600.

42 Dawn kienu t-tfal* taʼ Dan skont il-familji tagħhom: minn Suħam, il-familja tas-Suħamin. Dawn kienu l-familji taʼ Dan skont il-familji tagħhom. 43 Il-familji kollha tas-Suħamin, minn dawk li ġew irreġistrati, kienu 64,400.

44 It-tfal t’Aser skont il-familji tagħhom kienu: minn Imnaħ, il-familja tal-Imnin; minn Iswi, il-familja tal-Iswin; minn Berija, il-familja tal-Berijin. 45 u mit-tfal taʼ Berija: minn Ħeber, il-familja tal-Ħeberin; u minn Malkijel, il-familja tal-Malkijelin. 46 Bint Aser kien jisimha Seraħ. 47 Dawn kienu l-familji tat-tfal t’Aser, u dawk irreġistrati minnhom kienu 53,400.

48 It-tfal taʼ Naftali skont il-familji tagħhom kienu: minn Ġaħsel, il-familja tal-Ġaħselin; minn Guni, il-familja tal-Gunin; 49 minn Ġeżer, il-familja tal-Ġeżerin; u minn Sillem, il-familja tas-Sillemin. 50 Dawn kienu l-familji taʼ Naftali skont il-familji tagħhom, u dawk irreġistrati minnhom kienu 45,400.

51 Dan hu l-ammont taʼ dawk irreġistrati mill-Iżraelin: 601,730.

52 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 53 “L-art għandha tiġi maqsuma bejniethom bħala wirt skont il-lista tal-ismijiet.* 54 Għall-gruppi l-kbar, għandek iżżid il-wirt, u għall-gruppi ż-żgħar, għandek tnaqqas il-wirt. Il-wirt taʼ kull grupp għandu jingħata skont kemm ikollu nies irreġistrati. 55 Madankollu, l-art għandha titqassam billi tittellaʼ bix-xorti. Għandhom jingħataw il-wirt tagħhom skont l-ismijiet tat-tribujiet taʼ missirijiethom. 56 Kull wirt se jiġi deċiż bix-xorti u jitqassam bejn il-gruppi kbar u żgħar.”

57 Il-Leviti li ġew irreġistrati skont il-familji tagħhom kienu: minn Gerson, il-familja tal-Gersonin; minn Keħat, il-familja tal-Keħatin; minn Merari, il-familja tal-Merarin. 58 Dawn kienu l-familji tal-Leviti: il-familja tal-Libnin, il-familja tal-Ħebronin, il-familja tal-Maħlin, il-familja tal-Musin, u l-familja tal-Koraħin.

Keħat kellu lil Għamram. 59 U mart Għamram kien jisimha Ġokebed, bint Levi, li twieldet lil Levi fl-Eġittu. U lil Għamram wellditlu lil Aron, lil Mosè, u lil oħthom Mirjam. 60 Imbagħad lil Aron twildulu Nadab, Abiħu, Elegħażar, u Itamar. 61 Imma Nadab u Abiħu mietu għax ippreżentaw nar ipprojbit quddiem Ġeħova.

62 L-ammont taʼ dawk irreġistrati kien 23,000, kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq. Dawn ma kinux irreġistrati mal-Iżraelin l-oħra, għax ma kellhomx jingħataw wirt fost l-Iżraelin.

63 Dawn kollha kienu ġew irreġistrati minn Mosè u Elegħażar il-qassis meta rreġistraw lill-Iżraelin fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan faċċata taʼ Ġeriko. 64 Imma fosthom ma kien hemm ħadd li kien irreġistrat minn Mosè u Aron il-qassis meta għoddew l-Iżraelin fid-deżert tas-Sinaj. 65 Għax Ġeħova kien qal dwarhom: “Huma żgur li jmutu fid-deżert.” Għalhekk, ma kien baqaʼ ebda raġel minnhom ħlief Kaleb bin Ġefunne u Ġożwè bin Nun.

27 Imbagħad resqu lejn Mosè l-bniet taʼ Selofeħad bin Ħefer, bin Gilegħad, bin Makir, bin Manasse. Dan kien mill-familji taʼ Manasse bin Ġużeppi. Il-bniet tiegħu kien jisimhom Maħla, Nogħa, Ħogla, Milka, u Tirsa. 2 Huma qagħdu quddiem Mosè, Elegħażar il-qassis, il-kapijiet, u l-ġemgħa kollha fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa u qalu: 3 “Missierna miet fid-deżert, imma hu ma kienx fost il-grupp li ħaduha kontra Ġeħova, li appoġġaw lil Koraħ, imma miet minħabba d-dnub tiegħu stess u ma kellux tfal subien. 4 Għala għandu isem missierna jintilef mill-familja tiegħu għaliex ma kellux tifel? Agħtina wirt bħal ħut missierna.” 5 Għalhekk, Mosè ppreżenta l-każ tagħhom quddiem Ġeħova.

6 Imbagħad Ġeħova qal hekk lil Mosè: 7 “Il-bniet taʼ Selofeħad għandhom raġun. Żgur li għandek tagħtihom wirt bħal ħut missierhom u tgħaddilhom il-wirt taʼ missierhom. 8 U għid lill-Iżraelin, ‘Jekk imut raġel mingħajr ma jkollu tifel, tridu tgħaddu l-wirt tiegħu lil bintu. 9 U jekk ma jkollux bint, tagħtu l-wirt tiegħu lil ħutu. 10 U jekk ma jkollux ħutu, tagħtu l-wirt tiegħu lil ħut missieru. 11 U jekk missieru ma jkollux ħutu, tagħtu l-wirt tiegħu lill-iktar individwu li jiġi minnu mill-qrib mill-familja tiegħu, u l-wirt isir tiegħu. Din id-deċiżjoni ġudizzjali sservi bħala liġi għall-Iżraelin, bħalma Ġeħova kkmanda lil Mosè.’”

12 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Itlaʼ fuq din il-muntanja tal-Għabarim u ara l-art li se nagħti lill-Iżraelin. 13 Meta tkun rajtha, int ukoll tinġabar maʼ niesek,* bħalma nġabar ħuk Aron, 14 għax meta l-ġemgħa kienet qed targumenta miegħi fid-deżert taż-Żin, intom irribellajtu kontra l-kmand tiegħi u ma qaddistunix quddiemhom meta jien ipprovdejtilhom l-ilmijiet. Dawn huma l-ilmijiet taʼ Meriba f’Kades fid-deżert taż-Żin.”

15 Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova: 16 “Ġeħova, l-Alla li jagħti l-ħajja lil kulħadd,* inkariga raġel fuq il-ġemgħa 17 li jaġixxi bħala l-mexxej tagħhom fl-affarijiet kollha, biex jiggwidahom fl-azzjonijiet kollha tagħhom, sabiex il-ġemgħa taʼ Ġeħova ma tkunx bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” 18 Għalhekk, Ġeħova qal lil Mosè: “Ħu lil Ġożwè bin Nun, raġel kapaċi, u qiegħed idek fuqu. 19 Imbagħad qiegħdu quddiem Elegħażar il-qassis u quddiem il-ġemgħa kollha, u inkarigah bħala mexxej quddiem għajnejhom. 20 Agħtih ftit mill-awtorità* tiegħek, sabiex il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin tismaʼ minnu. 21 Hu joqgħod quddiem Elegħażar il-qassis, li jitlob f’ismu għall-gwida taʼ Ġeħova permezz tal-Urim. Ġożwè, l-Iżraelin kollha, u l-ġemgħa kollha joħorġu u jidħlu meta jingħataw il-kmand.”

22 Għalhekk, Mosè għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova. Hu ħa lil Ġożwè u qiegħdu quddiem Elegħażar il-qassis u l-ġemgħa kollha. 23 Imbagħad qiegħed idejh fuqu u inkarigah bħala mexxej, bħalma Ġeħova kien qal permezz tiegħu.

28 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: 2 “Ikkmanda lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Qisu li tippreżentawli l-offerta tiegħi, il-ħobż tiegħi. L-offerti tiegħi li jiġu maħruqin bħala riħa pjaċevoli* għalija għandhom isiru fiż-żmien stabbilit tagħhom.’

3 “U għidilhom, ‘Din hi l-offerta li tiġi maħruqa u li għandkom tippreżentaw lil Ġeħova: żewġt iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, bħala offerta tal-ħruq kuljum, b’mod regolari. 4 Ħaruf wieħed toffrih filgħodu, u l-ħaruf l-ieħor toffrih bejn inżul ix-xemx u d-dlam, 5 flimkien maʼ għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat maʼ kwart taʼ ħinn* żejt taż-żebbuġa bħala offerta taċ-ċereali.* 6 Din hi offerta tal-ħruq regolari, li kienet stabbilita fuq il-Muntanja Sinaj bħala riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, 7 flimkien mal-offerta tax-xorb li joffru magħha, kwart taʼ ħinn għal kull ħaruf. Ferraʼ x-xorb alkoħoliku fil-post qaddis bħala offerta tax-xorb lil Ġeħova. 8 U toffri l-ħaruf l-ieħor bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Toffrih bl-istess offerta taċ-ċereali bħal dik taʼ filgħodu u bl-istess offerta tax-xorb, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.

9 “‘Madankollu, f’jum is-Sabat, l-offerta għandha tkun żewġt iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, u 20 fil-100 taʼ kejl t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali, flimkien mal-offerta tax-xorb li joffru magħha. 10 Din hi l-offerta tal-ħruq għas-Sabat, flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha.

11 “‘Fil-bidu taʼ kull xahar,* għandkom tippreżentaw dan lil Ġeħova bħala offerta tal-ħruq: żewġ barrin żgħar,* muntun, sebat iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, 12 30 fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għal kull barri, 20 fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għall-muntun, 13 u għaxra fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għal kull ħaruf, bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 14 U l-offerti tax-xorb li joffru magħhom għandhom ikunu nofs ħinn inbid għal barri, terz taʼ ħinn għall-muntun, u kwart taʼ ħinn għal ħaruf. Din hi l-offerta tal-ħruq taʼ kull xahar matul is-sena kollha. 15 Ukoll, għandu jiġi offrut gidi bħala offerta għad-dnub lil Ġeħova flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha.

16 “‘L-14-il jum tal-ewwel xahar ikun il-Qbiż taʼ Ġeħova. 17 U fil-15 taʼ dan ix-xahar ikun hemm festa. Għal sebat ijiem tieklu ħobż bla ħmira. 18 Fl-ewwel jum ikun hemm konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes. 19 U għandkom tippreżentaw bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova: żewġ barrin żgħar, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Għandkom toffru annimali bla difett. 20 Għandek toffrihom mal-offerti taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal barri u 20 fil-100 t’efa għall-muntun. 21 Għandkom toffru għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief, 22 kif ukoll mogħża bħala offerta għad-dnub biex tagħmel tpattija għalikom. 23 Dawn għandkom toffruhom flimkien mal-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu, li tiġi offruta regolarment. 24 Dawn toffruhom bl-istess mod kuljum għal sebat ijiem bħala ikel,* offerta li tiġi maħruqa bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. Din għandha tiġi offruta mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha. 25 Fis-sebaʼ jum għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes.

26 “‘Fil-jum tal-ewwel prodott, meta tippreżentaw offerta ġdida taċ-ċereali lil Ġeħova, għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa fil-festa tagħkom tal-ġimgħat. Tagħmlu ebda xogħol iebes. 27 Bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova għandkom tippreżentaw: żewġ barrin żgħar, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena, 28 u bħala l-offerta taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal kull barri, 20 fil-100 t’efa għall-muntun, 29 għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief, 30 kif ukoll gidi biex jagħmel tpattija għalikom. 31 Dawn għandkom toffruhom flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerti tax-xorb li joffru mal-annimali. L-annimali għandhom ikunu bla difett.

29 “‘U fl-ewwel jum tas-sebaʼ xahar, għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes. Hu jum li fih għandkom iddoqqu t-trumbetta. 2 Bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli* lil Ġeħova għandkom toffru: barri żgħir,* muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett, 3 u l-offerta taċ-ċereali* tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa* għall-barri, 20 fil-100 t’efa għall-muntun, 4 u għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief irġiel, 5 u gidi bħala offerta għad-dnub biex jagħmel tpattija għalikom. 6 Din għandha ssir flimkien mal-offerta tal-ħruq taʼ kull xahar u l-offerta taċ-ċereali tagħha, l-offerta tal-ħruq offruta regolarment u l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerti tax-xorb tagħhom. Dawn għandhom isiru skont il-proċedura regolari għalihom, bħala riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.

7 “‘U fl-għaxar jum taʼ dan is-sebaʼ xahar, għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa, u tridu tgħakksu ruħkom.* Tagħmlu ebda xogħol. 8 U bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli* lil Ġeħova, tridu tippreżentaw barri żgħir, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett. 9 U bħala l-offerta taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għall-barri, 20 fil-100 t’efa għall-muntun, 10 għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief irġiel, 11 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta għad-dnub f’Jum it-Tpattija, l-offerta tal-ħruq regolari, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerti tax-xorb tagħhom.

12 “‘U fil-15 tas-sebaʼ xahar għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes, u tridu tiċċelebraw festa lil Ġeħova għal sebat ijiem. 13 U bħala offerta tal-ħruq, offerta li tiġi maħruqa bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova, tridu tippreżentaw 13-il barri żgħir, żewġ imtaten, u 14-il ħaruf kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett. 14 U bħala l-offerta taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal kull barri mit-13-il barri, 20 fil-100 t’efa għal kull muntun miż-żewġ imtaten, 15 għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mill-14-il ħaruf, 16 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta tal-ħruq offruta regolarment, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerta tax-xorb tagħha.

17 “‘U fit-tieni jum tridu tippreżentaw 12-il barri żgħir, żewġ imtaten, u 14-il ħaruf kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett, 18 l-offerta taċ-ċereali tagħhom u l-offerti tax-xorb tagħhom għall-barrin, għall-imtaten, u għall-ħrief irġiel skont kemm hemm minnhom u skont il-proċedura regolari, 19 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta tal-ħruq offruta regolarment, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerti tax-xorb tagħhom.

20 “‘U fit-tielet jum tridu tippreżentaw 11-il barri, żewġ imtaten, 14-il ħaruf kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett, 21 l-offerta taċ-ċereali tagħhom u l-offerti tax-xorb tagħhom għall-barrin, għall-imtaten, u għall-ħrief irġiel skont kemm hemm minnhom u skont il-proċedura regolari, 22 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta tal-ħruq offruta regolarment, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerta tax-xorb tagħha.

23 “‘U fir-rabaʼ jum tridu tippreżentaw għaxar barrin, żewġ imtaten, 14-il ħaruf kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett, 24 l-offerta taċ-ċereali tagħhom u l-offerti tax-xorb tagħhom għall-barrin, għall-imtaten, u għall-ħrief irġiel skont kemm hemm minnhom u skont il-proċedura regolari, 25 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta tal-ħruq offruta regolarment, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerta tax-xorb tagħha.

26 “‘U fil-ħames jum tridu tippreżentaw disaʼ barrin, żewġ imtaten, 14-il ħaruf kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett, 27 l-offerta taċ-ċereali tagħhom u l-offerti tax-xorb tagħhom għall-barrin, għall-imtaten, u għall-ħrief irġiel skont kemm hemm minnhom u skont il-proċedura regolari, 28 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta tal-ħruq offruta regolarment, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerta tax-xorb tagħha.

29 “‘U fis-sitt jum tridu tippreżentaw tmien barrin, żewġ imtaten, 14-il ħaruf kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett, 30 l-offerta taċ-ċereali tagħhom u l-offerti tax-xorb tagħhom għall-barrin, għall-imtaten, u għall-ħrief irġiel skont kemm hemm minnhom u skont il-proċedura regolari, 31 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta tal-ħruq offruta regolarment, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerti tax-xorb tagħha.

32 “‘U fis-sebaʼ jum tridu tippreżentaw sebaʼ barrin, żewġ imtaten, 14-il ħaruf kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett, 33 l-offerta taċ-ċereali tagħhom u l-offerti tax-xorb tagħhom għall-barrin, għall-imtaten, u għall-ħrief irġiel skont kemm hemm minnhom u skont il-proċedura regolari għalihom, 34 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta tal-ħruq offruta regolarment, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerta tax-xorb tagħha.

35 “‘U fit-tmien jum għandkom tagħmlu assemblea speċjali. Tagħmlu ebda xogħol iebes. 36 U bħala offerta tal-ħruq, offerta li tiġi maħruqa bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova, tridu tippreżentaw barri, muntun, sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena, kollha bla difett, 37 l-offerta taċ-ċereali tagħhom u l-offerti tax-xorb tagħhom għall-barri, għall-muntun, u għall-ħrief irġiel skont kemm hemm minnhom u skont il-proċedura regolari, 38 kif ukoll gidi bħala offerta għad-dnub, minbarra l-offerta tal-ħruq offruta regolarment, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerta tax-xorb tagħha.

39 “‘Dawn toffruhom lil Ġeħova fil-festi tal-istaġuni tagħkom, flimkien mal-offerti li tagħmlu b’wegħda u l-offerti volontarji bħala l-offerti tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali, l-offerti tax-xorb, u s-sagrifiċċji tal-paċi.’” 40 Mosè qal lill-Iżraelin kulma Ġeħova kien ikkmandah.

30 Imbagħad Mosè kellem lill-kapijiet tat-tribujiet t’Iżrael u qalilhom: “Hekk ikkmanda Ġeħova: 2 Jekk raġel jagħmel wegħda lil Ġeħova jew jaħlef li jiċċaħħad minn xi ħaġa,* m’għandux imur lura minn kelmtu. Għandu jagħmel kulma wiegħed.

3 “Ejja ngħidu li mara tagħmel wegħda lil Ġeħova jew taħlef li tiċċaħħad minn xi ħaġa meta tkun għadha żagħżugħa u tgħix f’dar missierha. 4 Jekk missierha jismaʼ l-wegħda jew il-ħalfa li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa u ma joġġezzjonax, dak kollu li wiegħdet u kull ħalfa li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa jibqgħu jgħoddu. 5 Imma jekk missierha joġġezzjona meta jismaʼ li għamlet wegħdi jew ħalfet li tiċċaħħad minn xi ħaġa, dawn ma jibqgħux jgħoddu. Ġeħova jaħfrilha għaliex missierha oġġezzjona.

6 “Madankollu, jekk tiżżewweġ waqt li tkun taħt il-ħalfa jew il-wegħda bla ħsieb tagħha 7 u żewġha jismaʼ dwar dan u ma joġġezzjonax dakinhar li jsir jaf, il-wegħdi tagħha jew il-ħalf li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa jibqgħu jgħoddu. 8 Imma jekk żewġha joġġezzjona dakinhar li jismaʼ dwar dan, hu jkun ħassar il-ħalfa jew il-wegħda bla ħsieb tagħha u Ġeħova jaħfrilha.

9 “Imma jekk armla jew mara ddivorzjata tagħmel ħalfa, dak li taħlef jibqaʼ jgħodd.

10 “Madankollu, jekk mara tkun għamlet il-wegħda jew il-ħalfa li tiċċaħħad minn xi ħaġa waqt li tkun fid-dar taʼ żewġha 11 u żewġha sema’ dwar dan u m’oġġezzjonax jew ma qalilha xejn, il-wegħdi kollha tagħha jew il-ħalf li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa jibqgħu jgħoddu. 12 Imma jekk dakinhar li jismaʼ dwar dan, żewġha jħassar għalkollox kwalunkwe wegħda jew ħalfa li għamlet, din ma tibqax tgħodd. Żewġha jkun ħassarhom u Ġeħova jaħfrilha. 13 Rigward kull wegħda jew kull ħalfa li tagħmel biex tiċċaħħad minn xi ħaġa, żewġha għandu jiddeċiedi jekk iżżommhiex jew le. 14 Imma jekk żewġha ma joġġezzjonax fil-ġranet taʼ wara, hu jkun ħallieha żżomm il-wegħdi kollha tagħha jew il-ħalf kollu li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa. Hu jkun ħallieha żżommhom għax ma jkunx oġġezzjona dakinhar li semagħha tagħmilhom. 15 Imma jekk iħassarhom iktar tard, xi żmien wara li jkun semagħhom, hu jkollu jitgħabba bil-ħtija tagħha.

16 “Dawn huma r-regoli li Ġeħova kkmanda lil Mosè u li għandhom x’jaqsmu maʼ raġel u martu, u maʼ missier u bintu żagħżugħa li tgħix f’daru.”

31 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 2 “Agħmel vendetta mill-Midjanin għall-Iżraelin. Imbagħad tinġabar maʼ niesek.”*

3 Għalhekk, Mosè qal lin-nies: “Lestu rġiel għall-battalja* minn fostkom kontra l-Midjanin ħalli jġibu l-vendetta taʼ Ġeħova fuqhom. 4 Għandkom tibagħtu għall-armata 1,000 raġel minn kull tribù, mit-tribujiet kollha t’Iżrael.” 5 Għalhekk, mill-eluf t’Iżrael, ġew inkarigati 1,000 minn kull tribù, 12,000 armati għall-battalja.*

6 Imbagħad Mosè bagħathom fl-armata, 1,000 minn kull tribù, flimkien maʼ Fineħas bin Elegħażar. Fineħas kien il-qassis għall-armata, li kien inkarigat fuq l-għodod qaddisin u t-trumbetti tal-gwerra. 7 Dawn iggwerraw kontra Midjan, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè, u qatlu lil kull raġel. 8 Flimkien mal-maqtulin l-oħrajn, huma qatlu lir-rejiet taʼ Midjan, jiġifieri lil Evi, Rekem, Żur, Ħur, u Reba, il-ħames rejiet taʼ Midjan. Huma qatlu wkoll lil Balgħam bin Begħor bix-xabla. 9 Imma l-Iżraelin ħadu fil-jasar lin-nisa u t-tfal taʼ Midjan. Huma serqulhom ukoll l-annimali, l-imrieħel, u kulma kellhom. 10 U ħarqulhom il-bliet kollha li kienu jgħixu fihom u l-kampijiet* kollha tagħhom. 11 Huma ħadu kulma serqu, kemm nies u kemm annimali, 12 għand Mosè, Elegħażar il-qassis, u l-ġemgħa tal-Iżraelin ħdejn il-kampijiet, fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab qrib il-Ġordan f’Ġeriko.

13 Imbagħad Mosè, Elegħażar il-qassis, u l-kapijiet kollha tal-ġemgħa marru jiltaqgħu magħhom ’il barra mill-kampijiet. 14 Imma Mosè rrabja ħafna għall-irġiel inkarigati tal-qawwiet militari, għall-kapijiet tal-eluf, u l-kapijiet tal-mijiet li kienu ġejjin mill-battalja. 15 Mosè qalilhom: “Ħallejtu n-nisa kollha ħajjin? 16 Kienu huma li fuq il-kliem taʼ Balgħam ħajru lill-Iżraelin biex jaġixxu b’nuqqas taʼ lealtà lejn Ġeħova minħabba l-kwistjoni taʼ Pegħor, u b’hekk ġie l-kastig fuq il-ġemgħa taʼ Ġeħova. 17 Issa oqtlu lis-subien kollha fost it-tfal u lil kull mara li kellha relazzjonijiet sesswali. 18 Imma tistgħu tħallu ħajjin il-bniet kollha li huma verġni. 19 U intom tridu tikkampjaw ’il barra mill-kampijiet għal sebat ijiem. Kull min qatel lil xi ħadd u kull min mess lil xi ħadd maqtul għandu jitnaddaf b’mod ċerimonjali fit-tielet u fis-sebaʼ jum, intom u l-ilsiera tagħkom. 20 U għandkom tnaddfu mid-dnub kull libsa, kull oġġett tal-ġilda, kulma hu magħmul mix-xagħar tal-mogħoż, u kull oġġett tal-injam.”

21 Elegħażar il-qassis imbagħad qal lill-irġiel tal-armata li kienu marru għall-battalja: “Din hi l-liġi li Ġeħova ta lil Mosè, 22 ‘Id-deheb, il-fidda, ir-ram, il-ħadid, il-landa, u ċ-ċomb, 23 jiġifieri kulma jiflaħ għan-nar, għandkom tgħadduhom min-nar u jkunu nodfa. Madankollu, għandkom tnaddfuhom ukoll bl-ilma li jagħmilhom aċċettabbli għal Alla. Kull ħaġa li ma tiflaħx għan-nar, għandkom taħsluha bl-ilma. 24 U għandkom taħslu ħwejjiġkom fis-sebaʼ jum u tkunu nodfa, u mbagħad tkunu tistgħu tidħlu fejn hemm il-kampijiet.’”

25 Ġeħova mbagħad qal dan lil Mosè: 26 “Agħmel lista taʼ dak li nsteraq u għodd kemm inqabdu nies u annimali. Agħmel dan maʼ Elegħażar il-qassis u mal-kapijiet tal-familji tal-ġemgħa. 27 Aqsam bin-nofs kulma nsteraq bejn dawk fl-armata li ħadu sehem fil-battalja u l-bqija tal-ġemgħa. 28 Bħala taxxa għal Ġeħova, ħu mingħand is-suldati li marru għall-battalja ruħ* minn kull 500, mill-bnedmin, mill-baqar, mill-ħmir, u min-nagħaġ. 29 Għandkom tiħduha mis-sehem tagħhom u tagħtuha lil Elegħażar il-qassis bħala l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova. 30 U mis-sehem li ngħata lill-Iżraelin għandek tieħu wieħed minn kull 50, mill-bnedmin, mill-baqar, mill-ħmir, min-nagħaġ, u minn kull tip taʼ bhima, u tagħtihom lil-Leviti, li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mat-tabernaklu taʼ Ġeħova.”

31 Għalhekk, Mosè u Elegħażar il-qassis għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 32 Il-bqija ta’ dak li nsteraq mis-suldati kien 675,000 nagħġa, 33 72,000 baqra, 34 u 61,000 ħmar. 35 In-nisa li ma kellhomx relazzjonijiet sesswali kienu 32,000. 36 Is-sehem taʼ dawk li ħarġu għall-battalja kien 337,500 mill-merħla tan-nagħaġ. 37 It-taxxa għal Ġeħova mill-merħla tan-nagħaġ kienet 675. 38 U mill-merħla tal-baqar kien hemm 36,000, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 72. 39 U l-ħmir kienu 30,500, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 61. 40 U kien hemm 16,000 bniedem, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 32 ruħ. 41 Imbagħad Mosè ta t-taxxa bħala l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova lil Elegħażar il-qassis, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.

42 Is-sehem tal-Iżraelin, li Mosè kien qasam minn mas-sehem tal-irġiel li ggwerraw, 43 kien 337,500 mill-merħla tan-nagħaġ, 44 36,000 mill-merħla tal-baqar, 45 30,500 mill-ħmir, 46 u 16,000 min-nies. 47 Imbagħad mis-sehem tal-Iżraelin, Mosè ħa wieħed minn 50 mill-bnedmin u mill-annimali, u tahom lil-Leviti, li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mat-tabernaklu taʼ Ġeħova, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.

48 Imbagħad l-irġiel inkarigati li kienu fuq l-eluf tal-armata, il-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet, marru għand Mosè, 49 u qalulu: “Il-qaddejja tiegħek għoddew il-gwerriera li jinsabu taħt il-kmand tagħna, u lanqas wieħed ma ġie rapportat li hu nieqes minna. 50 Hu għalhekk li kull wieħed minna ħa jippreżenta dak li sab bħala offerta lil Ġeħova, oġġetti tad-deheb, ċpiepet li jintlibsu mal-għaksa, ċpiepet, ċrieket tas-siġill, imsielet, u ġojjelli oħra, sabiex nagħmlu tpattija għalina* quddiem Ġeħova.”

51 Għalhekk, Mosè u Elegħażar il-qassis aċċettaw id-deheb mingħandhom, jiġifieri l-ġojjelli kollha. 52 Id-deheb kollu tal-kontribuzzjoni li l-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet taw lil Ġeħova kien 16,750 xekel.* 53 Kull raġel mill-armata ħa minn dak li nsteraq. 54 U Mosè u Elegħażar il-qassis aċċettaw id-deheb mingħand il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet u ħaduh fit-tinda tal-laqgħa bħala tifkira għall-Iżraelin quddiem Ġeħova.

32 Issa t-tfal taʼ Ruben u taʼ Gad kellhom kwantità kbira taʼ bhejjem, u raw li l-artijiet taʼ Ġagħżer u taʼ Gilegħad kienu reġjun tajjeb għall-bhejjem. 2 Għalhekk, it-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben marru għand Mosè, Elegħażar il-qassis, u l-kapijiet tal-ġemgħa u qalu: 3 “Għatarot, Dibon, Ġagħżer, Nimra, Ħesbon, Elegħale, Sebam, Nebo, u Begħon, 4 it-territorju li Ġeħova rebaħ quddiem il-ġemgħa t’Iżrael, hu art tajba għall-bhejjem, u aħna, il-qaddejja tiegħek, għandna ħafna bhejjem.” 5 U komplew jgħidu: “Jekk taqbel, ħa tingħata lilna din l-art. Iġġegħelniex naqsmu l-Ġordan.”

6 Imbagħad Mosè qal lit-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben: “Għandhom ħutkom imorru għall-gwerra waqt li intom tibqgħu tgħixu hawnhekk? 7 Għala għandkom taqtgħu qalb in-nies t’Iżrael biex ma jaqsmux għall-art li Ġeħova żgur se jagħtihom? 8 Hekk għamlu missirijietkom meta bgħatthom minn Kades-barnegħa biex jaraw l-art. 9 Meta telgħu lejn il-Wied t’Eskol u raw l-art, huma qatgħu qalb in-nies t’Iżrael sabiex ma jidħlux fl-art li Ġeħova kien se jagħtihom. 10 Ġeħova tant irrabja dakinhar li ħalef: 11 ‘L-irġiel li telgħu mill-Eġittu minn 20 sena ’l fuq ma jarawx l-art li ħlift li nagħti lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, għaliex ma mxewx warajja b’qalbhom kollha, 12 ħlief Kaleb bin Ġefunne l-Keneżi u Ġożwè bin Nun, għaliex imxew warajja, Ġeħova, b’qalbhom kollha.’ 13 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna kontra Iżrael u ġegħelhom jiġġerrew fid-deżert għal 40 sena, sakemm intemmet il-ġenerazzjoni kollha li kienet qed tagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 14 Intom irġiel midinbin* bħal missirijietkom li żżidu r-rabja taʼ Ġeħova kontra Iżrael. 15 Jekk ma tibqgħux timxu warajh, hu żgur li jerġaʼ jitlaq lill-Iżraelin fid-deżert, u intom iġġibu qerda fuqhom kollha.”

16 Iktar tard, resqu lejh u qalulu: “Ħallina nibnu hawnhekk imqawel tal-ġebel għan-nagħaġ tagħna u bliet għat-tfal tagħna. 17 Imma aħna nibqgħu lesti għall-battalja u mmorru quddiem l-Iżraelin sakemm indaħħluhom f’arthom, filwaqt li t-tfal tagħna jgħixu fil-bliet iffortifikati, u b’hekk ikunu protetti min-nies li joqogħdu fil-pajjiż. 18 Ma nerġgħux lura lejn djarna qabel ma kull Iżraeli jkun irċieva l-art tiegħu bħala wirt. 19 Għax aħna mhux se nirċievu wirt magħhom in-naħa l-oħra tal-Ġordan, għaliex irċivejna l-wirt tagħna fuq in-naħa tal-Lvant tal-Ġordan.”

20 Mosè wiġibhom: “Jekk tieħdu l-armi biex tiggwerraw quddiem Ġeħova, 21 u jekk kull wieħed minnkom jieħu l-armi u jaqsam il-Ġordan quddiem Ġeħova hekk kif ikeċċi lill-għedewwa tiegħu minn quddiemu 22 sakemm l-art tiġi mrażżna quddiem Ġeħova, imbagħad tkunu tistgħu terġgħu lura u tkunu meħlusin mill-ħtija quddiem Ġeħova u Iżrael. Imbagħad din l-art issir il-wirt tagħkom quddiem Ġeħova. 23 Imma jekk ma tagħmlux hekk, intom tkunu dnibtu kontra Ġeħova. F’dan il-każ, kunu afu li se tbatu l-konsegwenzi tad-dnub tagħkom. 24 Għalhekk, tistgħu tibnu bliet għat-tfal tagħkom u mqawel għan-nagħaġ tagħkom, imma tridu tagħmlu dak li wegħedtu.”

25 It-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben qalu lil Mosè: “Sidna, aħna se nagħmlu bħalma qed tikkmanda. 26 It-tfal tagħna, in-nisa tagħna, l-imrieħel, u l-annimali kollha tagħna se joqogħdu hemmhekk fil-bliet taʼ Gilegħad, 27 imma aħna, il-qaddejja tiegħek, se naqsmu lkoll bl-armi għall-battalja biex niggwerraw quddiem Ġeħova, bħalma qed tgħidilna.”

28 B’hekk, Mosè ta kmand dwarhom lil Elegħażar il-qassis, lil Ġożwè bin Nun, u lill-kapijiet tal-familji tat-tribujiet t’Iżrael. 29 Mosè qalilhom: “Jekk it-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben jaqsmu l-Ġordan magħkom ilkoll armati għall-gwerra quddiem Ġeħova, u l-art tiġi mrażżna quddiemkom, imbagħad tridu tagħtuhom l-art taʼ Gilegħad biex tkun tagħhom. 30 Imma jekk ma jiħdux l-armi u ma jaqsmux magħkom, huma jgħixu f’nofskom fl-art taʼ Kangħan.”

31 U t-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben wieġbu: “Aħna, il-qaddejja tiegħek, se nagħmlu dak li qal Ġeħova. 32 Aħna se nieħdu l-armi u naqsmu quddiem Ġeħova lejn l-art taʼ Kangħan, imma l-wirt li se nirċievu jkun fuq din in-naħa tal-Ġordan.” 33 U lit-tfal taʼ Gad, lit-tfal taʼ Ruben, u lil nofs it-tribù taʼ Manasse bin Ġużeppi, Mosè tahom is-saltna taʼ Siħon ir-re tal-Amurrin, u s-saltna t’Għog ir-re tal-Basan, jiġifieri l-art tal-bliet f’dawn it-territorji u l-bliet taʼ madwar l-art.

34 U t-tfal taʼ Gad bnew* Dibon, Għatarot, Għarogħer, 35 Għatrot-sofan, Ġagħżer, Ġogbegħa, 36 Bet-nimra, u Bet-ħaran, bliet iffortifikati, u bnew imqawel tal-ġebel għan-nagħaġ. 37 U t-tfal taʼ Ruben reġgħu bnew Ħesbon, Elegħale, Kirjatajm, 38 Nebo, u Bagħal-megħon, li isimhom ġie mibdul, u Sibma. Huma bdew jagħtu ismijiet ġodda lill-bliet li reġgħu bnew.

39 It-tfal taʼ Makir bin Manasse attakkaw Gilegħad u ħaduha taħt idejhom u keċċew ’il barra lill-Amurrin li kienu fiha. 40 Għalhekk, Mosè ta Gilegħad lil Makir bin Manasse u dan beda jgħix fiha. 41 U Ġajir bin Manasse attakka u ħa taħt idejh l-irħula taʼ Gilegħad, u semmiehom Ħawwot-ġajir.* 42 U Noba attakka u ħa taħt idejh lil Kenat u l-bliet li jiddependu minnha,* u semmieha Noba għalih stess.

33 Dawn kienu l-vjaġġi tan-nies t’Iżrael meta ħarġu mill-art tal-Eġittu skont il-gruppi* tagħhom taħt id-direzzjoni taʼ Mosè u Aron. 2 Mosè baqaʼ jikteb il-postijiet minn fejn telqu skont il-vjaġġi tagħhom bil-kmand taʼ Ġeħova. Dawn kienu l-vjaġġi tagħhom minn post għal ieħor: 3 Huma telqu minn Ramesses fil-15 tal-ewwel xahar. Eżatt l-għada tal-Qbiż, l-Iżraelin ħarġu bla biżaʼ* quddiem l-Eġizzjani kollha. 4 Sadanittant, l-Eġizzjani kienu qed jidfnu lill-ewwel imweldin kollha tagħhom li Ġeħova kien qatel fosthom, għax Ġeħova kien iġġudika lil allathom.

5 Għalhekk, l-Iżraelin telqu minn Ramesses u kkampjaw f’Sukkot. 6 Imbagħad telqu minn Sukkot u kkampjaw f’Etam, li qiegħda f’tarf id-deżert. 7 Imbagħad telqu minn Etam u daru lura lejn Piħaħirot, li qiegħda faċċata taʼ Bagħal-sefon, u kkampjaw quddiem Migdol. 8 Wara telqu minn Piħaħirot u għaddew minn nofs il-baħar lejn id-deżert u baqgħu mexjin vjaġġ taʼ tlett ijiem fid-deżert t’Etam u kkampjaw f’Marah.

9 Imbagħad telqu minn Marah u waslu Elim. Issa f’Elim kien hemm 12-il għajn tal-ilma u 70 siġra tal-palm. Għalhekk, ikkampjaw hemm. 10 Wara telqu minn Elim u kkampjaw ħdejn il-Baħar l-Aħmar. 11 Imbagħad telqu minn ħdejn il-Baħar l-Aħmar u kkampjaw fid-deżert taʼ Sin. 12 Wara telqu mid-deżert taʼ Sin u kkampjaw f’Dofka. 13 Iktar tard telqu minn Dofka u kkampjaw f’Alus. 14 Imbagħad telqu minn Alus u kkampjaw f’Refidim, fejn ma kienx hemm ilma biex jixrob il-poplu. 15 Wara telqu minn Refidim u kkampjaw fid-deżert tas-Sinaj.

16 Huma telqu mid-deżert tas-Sinaj u kkampjaw f’Kibrot-ħattawa. 17 Imbagħad telqu minn Kibrot-ħattawa u kkampjaw f’Ħaserot. 18 Wara telqu minn Ħaserot u kkampjaw f’Ritma. 19 Imbagħad telqu minn Ritma u kkampjaw f’Rimmon-pereż. 20 Wara telqu minn Rimmon-pereż u kkampjaw f’Libna. 21 Huma telqu minn Libna u kkampjaw f’Rissa. 22 Imbagħad telqu minn Rissa u kkampjaw f’Keħelata. 23 Wara telqu minn Keħelata u kkampjaw fuq il-Muntanja Sefer.

24 Imbagħad telqu minn fuq il-Muntanja Sefer u kkampjaw f’Ħarada. 25 Wara telqu minn Ħarada u kkampjaw f’Makelot. 26 Imbagħad telqu minn Makelot u kkampjaw f’Taħat. 27 Wara telqu minn Taħat u kkampjaw f’Teraħ. 28 Imbagħad telqu minn Teraħ u kkampjaw f’Mitka. 29 Iktar tard telqu minn Mitka u kkampjaw f’Ħasmona. 30 Imbagħad telqu minn Ħasmona u kkampjaw f’Moserot. 31 Wara telqu minn Moserot u kkampjaw f’Bene-ġagħkan. 32 U telqu minn Bene-ġagħkan u kkampjaw f’Ħor-ħaggidgad. 33 Imbagħad telqu minn Ħor-ħaggidgad u kkampjaw f’Ġotbata. 34 Iktar tard telqu minn Ġotbata u kkampjaw f’Għabrona. 35 Imbagħad telqu minn Għabrona u kkampjaw f’Għesjon-geber. 36 Wara telqu minn Għesjon-geber u kkampjaw fid-deżert taż-Żin, jiġifieri Kades.

37 Iktar tard telqu minn Kades u kkampjaw fuq il-Muntanja Ħor, fil-fruntiera tal-art t’Edom. 38 U Aron il-qassis telaʼ fuq il-Muntanja Ħor skont il-kmand taʼ Ġeħova u miet hemm 40 sena wara li l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu, fl-ewwel jum tal-ħames xahar. 39 Aron kellu 123 sena meta miet fuq il-Muntanja Ħor.

40 Issa r-re t’Għarad il-Kangħani li kien jgħix fin-Negeb, fl-art taʼ Kangħan, semaʼ li waslu l-Iżraelin.

41 Maż-żmien dawn telqu minn fuq il-Muntanja Ħor u kkampjaw f’Salmona. 42 Imbagħad telqu minn Salmona u kkampjaw f’Punon. 43 Wara telqu minn Punon u kkampjaw f’Obot. 44 Imbagħad telqu minn Obot u kkampjaw f’Ijje-għabarim, fil-fruntiera taʼ Mowab. 45 Iktar tard telqu minn Għejjim* u kkampjaw f’Dibon-gad. 46 Imbagħad telqu minn Dibon-gad u kkampjaw f’Għalmon-diblatajm. 47 Wara telqu minn Għalmon-diblatajm u kkampjaw fuq il-muntanji tal-Għabarim quddiem Nebo. 48 Fl-aħħar telqu mill-muntanji tal-Għabarim u kkampjaw fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab ħdejn il-Ġordan f’Ġeriko. 49 Huma baqgħu kkampjati tul il-Ġordan, minn Bet-ġesimot sa Abel-sittim, fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab.

50 Ġeħova kellem lil Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab ħdejn il-Ġordan f’Ġeriko u qallu: 51 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Intom se taqsmu l-Ġordan biex tmorru fl-art taʼ Kangħan. 52 Keċċu minn quddiemkom lil dawk kollha li joqogħdu f’din l-art u eqirdu l-ġebel skolpit kollu tagħhom u l-istatwi tal-metall* kollha tagħhom, u kissru l-postijiet għall-qima sagri kollha tagħhom. 53 Intom tieħdu l-art f’idejkom u tgħixu fiha, għaliex jien żgur se nagħtihielkom biex tkun tagħkom. 54 Qassmu l-art bix-xorti bejn il-familji tagħkom. Lil grupp kbir għandkom iżżidulu l-wirt tiegħu, u lil grupp żgħir għandkom tnaqqsulu l-wirt tiegħu. Il-wirt taʼ kulħadd ikun skont fejn jitlaʼ bix-xorti. Intom tirċievu l-propjetà tagħkom bħala wirt skont it-tribujiet taʼ missirijietkom.

55 “‘Iżda jekk ma tkeċċux minn quddiemkom lil dawk li jgħixu fl-art, dawk li tħallu jsiru bħal tingiż f’għajnejkom u xewk f’ġenbejkom, u jaħqrukom fl-art li se tgħixu fiha. 56 U nagħmlilkom dak li kelli f’moħħi li nagħmel lilhom.’”

34 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Agħti dawn l-istruzzjonijiet lill-Iżraelin: ‘Meta tidħlu fl-art taʼ Kangħan, din se tkun l-art li tingħata lilkom bħala wirt bil-fruntieri tagħha.

3 “‘Il-fruntiera tagħkom tan-Nofsinhar se tkun mid-deżert taż-Żin maġenb Edom, u l-fruntiera tagħkom tan-Nofsinhar fuq in-naħa tal-Lvant se tkun minn tarf il-Baħar il-Mielaħ.* 4 Il-fruntiera tagħkom tbiddel id-direzzjoni biex tgħaddi min-naħa tan-Nofsinhar tat-telgħa t’Għakrabbim u tkompli lejn iż-Żin, u tispiċċa fin-Nofsinhar taʼ Kades-barnegħa. Imbagħad tibqaʼ sejra sa Ħasar-addar u tkompli lejn Għasmon. 5 Il-fruntiera tbiddel id-direzzjoni f’Għasmon lejn il-Wied tal-Eġittu, u tispiċċa ħdejn il-Baħar.*

6 “‘Il-fruntiera tal-Punent tagħkom tkun il-Baħar il-Kbir* u l-kosta. Din tkun il-fruntiera tagħkom tal-Punent.

7 “‘Issa din tkun il-fruntiera tagħkom tat-Tramuntana: Mill-Baħar il-Kbir timmarkaw il-fruntiera tagħkom sal-Muntanja Ħor. 8 Mill-Muntanja Ħor timmarkaw il-fruntiera sa Lebo-ħamat,* u l-fruntiera tispiċċa f’Sedad. 9 Il-fruntiera tibqaʼ sejra sa Żifron, u tispiċċa f’Ħasar-għenan. Din tkun il-fruntiera tagħkom tat-Tramuntana.

10 “‘Bħala l-fruntiera tagħkom għan-naħa tal-Lvant, għandkom timmarkaw minn Ħasar-għenan sa Sefam. 11 Il-fruntiera tkun minn Sefam sa Ribla fil-Lvant t’Għajn, u tinżel u taqsam l-għoljiet lejn il-Lvant tal-Baħar taʼ Kinneret.* 12 Il-fruntiera tkun sal-Ġordan, u tispiċċa mal-Baħar il-Mielaħ. Din tkun artkom bil-fruntieri taʼ madwarha.’”

13 Għalhekk, Mosè ta dawn l-istruzzjonijiet lill-Iżraelin: “Din hi l-art li se tqassmu bix-xorti biex tkun tagħkom, bħalma Ġeħova kkmanda li għandha tingħata lid-disaʼ tribujiet u nofs. 14 Għax it-tribù taʼ Ruben, it-tribù taʼ Gad, u nofs it-tribù taʼ Manasse diġà ħadu l-wirt tagħhom. 15 Iż-żewġ tribujiet u nofs diġà ħadu l-wirt tagħhom fir-reġjun fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan ħdejn Ġeriko, lejn tlugħ ix-xemx.”

16 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 17 “Dawn huma l-ismijiet tal-irġiel li se jqassmu l-art biex tkun tagħkom: Elegħażar il-qassis u Ġożwè bin Nun. 18 U tieħdu kap minn kull tribù biex iqassam l-art bħala l-wirt tagħkom. 19 Dawn huma l-ismijiet tal-kapijiet: mit-tribù taʼ Ġuda, Kaleb bin Ġefunne; 20 mit-tribù taʼ Simegħon, Semwel bin Għammiħud; 21 mit-tribù taʼ Benjamin, Elidad bin Kislon; 22 mit-tribù taʼ Dan, Bukki bin Ġogli; 23 mit-tfal taʼ Ġużeppi mit-tribù taʼ Manasse, Ħannijel bin Efod; 24 mit-tribù t’Efrajm, Kemwel bin Siftan; 25 mit-tribù taʼ Żebulun, Elisafan bin Parnak; 26 mit-tribù taʼ Issakar, Paltijel bin Għażżan; 27 mit-tribù t’Aser, Aħiħud bin Selomi; 28 u mit-tribù taʼ Naftali, Pedaħel bin Għammiħud.” 29 Dawn huma dawk li Ġeħova kkmandahom biex iqassmu l-art taʼ Kangħan lill-Iżraelin.

35 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan f’Ġeriko: 2 “Ikkmanda lill-Iżraelin biex jagħtu lil-Leviti bliet mill-wirt tagħhom ħalli joqogħdu fihom, u għandhom jagħtu lil-Leviti l-art taʼ madwar il-bliet fejn jirgħaw l-annimali. 3 Huma joqogħdu fil-bliet, u l-art taʼ madwar il-bliet jużawha għall-imrieħel, għal kulma hu meħtieġ biex iżommuhom, u għall-annimali l-oħrajn kollha tagħhom. 4 L-art taʼ madwar il-bliet li tagħtu lil-Leviti mis-swar ’il barra tkun 1,000 kubitu* mad-dawra kollha. 5 U għandkom tkejlu ’l barra mill-belt 2,000 kubitu fuq in-naħa tal-Lvant, 2,000 kubitu fuq in-naħa tan-Nofsinhar, 2,000 kubitu fuq in-naħa tal-Punent, u 2,000 kubitu fuq in-naħa tat-Tramuntana, bil-belt fin-nofs. Din tkun l-art tal-bliet tagħhom fejn jirgħaw l-annimali.

6 “Tridu tagħtu sitt ibliet tar-refuġju lil-Leviti, biex dak li joqtol lil xi ħadd mhux apposta jaħrab hemmhekk, kif ukoll 42 belt oħra. 7 B’kollox, lil-Leviti tridu tagħtuhom 48 belt u l-art taʼ magħhom fejn jirgħaw l-annimali. 8 Il-bliet li tagħtuhom ikunu mill-wirt tal-Iżraelin. Mingħand grupp kbir tieħdu ħafna, u mingħand grupp żgħir tieħdu ftit. Kull grupp jagħti ftit mill-bliet tiegħu lil-Leviti skont il-wirt li jirċievi.”

9 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 10 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Intom se taqsmu l-Ġordan biex tmorru fl-art taʼ Kangħan. 11 Tridu tagħżlu bliet konvenjenti għalikom biex iservu bħala bliet tar-refuġju, fejn għandu jaħrab min joqtol lil xi ħadd mhux apposta. 12 Dawn il-bliet iservu bħala refuġju għalikom minn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, sabiex dak li joqtol ma jmutx qabel ma jgħaddi ġuri quddiem il-ġemgħa. 13 Is-sitt ibliet tar-refuġju li tagħtu jkunu għal dan l-iskop. 14 Tagħtu tlett ibliet din in-naħa tal-Ġordan u tlett ibliet fl-art taʼ Kangħan bħala bliet tar-refuġju. 15 Dawn is-sitt ibliet se jservu bħala refuġju għall-Iżraelin, għar-residenti barranin, u għall-immigranti fosthom, biex kull min joqtol lil xi ħadd mhux apposta jaħrab fihom.

16 “‘Imma jekk jagħtih daqqa b’xi ħaġa tal-ħadid u jmut, hu jkun qattiel. Il-qattiel żgur li għandu jinqatel. 17 U jekk jagħtih daqqa b’ġebla li biha jistaʼ jmut, u jmut, hu jkun qattiel. Il-qattiel żgur li għandu jinqatel. 18 U jekk jagħtih daqqa b’xi ħaġa tal-injam li biha jistaʼ jmut, u jmut, hu jkun qattiel. Il-qattiel żgur li għandu jinqatel.

19 “‘Dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm għandu jkun dak li joqtol lill-qattiel. Meta jiltaqaʼ miegħu, joqtlu hu stess. 20 Jekk individwu jmut minħabba li xi ħadd jimbottah b’mibegħda, iwaddablu xi ħaġa b’intenzjoni ħażina,* 21 jew jagħtih daqqa taʼ ponn b’mibegħda, dak li jkun għamel hekk żgur li għandu jinqatel. Hu jkun qattiel. Min ikollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm għandu joqtol lill-qattiel meta jiltaqaʼ miegħu.

22 “‘Imma ejja ngħidu li individwu jkun qatel lil xi ħadd għax imbottah jew waddablu xi ħaġa b’aċċident u mhux b’mibegħda jew b’intenzjoni ħażina,* 23 jew joqtlu għax iwaddab jew iwaqqa’ ġebla fuqu mingħajr ma jarah, u mingħajr ma jkun l-għadu tiegħu jew irid iweġġgħu. 24 F’dan il-każ, il-ġemgħa trid tiġġudika bejnu u bejn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm skont dawn il-liġijiet. 25 Il-ġemgħa trid teħles lil dak li jkun qatel minn id dak li għandu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, u tieħdu lura lejn il-belt tar-refuġju tiegħu li jkun ħarab fiha. Hu jrid jgħix fiha sakemm imut il-qassis il-kbir li jkun ġie midluk* biż-żejt qaddis.

26 “‘Imma jekk dak li jkun qatel joħroġ ’il barra minn tarf il-belt tar-refuġju li jkun ħarab fiha, 27 u dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm isibu u joqtlu, hu ma jkunx ħati taʼ qtil.* 28 Għax dak li jkun qatel għandu jgħix fil-belt tar-refuġju tiegħu sal-mewt tal-qassis il-kbir. Imma wara, hu jkun jistaʼ jmur lura fl-art tiegħu. 29 Dawn huma l-liġijiet li għandkom issegwu meta tiġġudikaw dawn il-każijiet matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom fil-postijiet kollha fejn tgħixu.

30 “‘Kull min joqtol lil xi ħadd għandu jinqatel bħala qattiel skont dak li jgħidu x-xhieda. Imma ħadd m’għandu jinqatel fuq dak li jgħid xhud wieħed. 31 M’għandkomx tieħdu fidwa* għall-ħajja taʼ qattiel li ħaqqu jmut, għax żgur li għandu jinqatel. 32 U m’għandkomx tieħdu fidwa għal dak li jaħrab lejn il-belt tar-refuġju tiegħu biex ikun jistaʼ jerġaʼ jmur jgħix f’artu qabel il-mewt tal-qassis il-kbir.

33 “‘Tniġġsux l-art li qegħdin fiha, għax id-demm iniġġes l-art, u m’hemm ebda tpattija għad-demm li jkun ixxerred fuq l-art ħlief bid-demm taʼ dak li jkun xerrdu. 34 Tniġġsux l-art li tgħixu fiha, l-art li jien qed noqgħod fiha; għax jien, Ġeħova, qed noqgħod f’nofs il-poplu t’Iżrael.’”

36 Il-kapijiet tal-familji taʼ Gilegħad bin Makir bin Manasse, mill-familji tat-tfal taʼ Ġużeppi, resqu u tkellmu quddiem Mosè u l-kapijiet tal-Iżraelin. 2 Huma qalu: “Ġeħova kkmanda lilek, sidna, biex tqassam l-art bix-xorti bħala wirt lill-Iżraelin, u kont ikkmandat minn Ġeħova biex tagħti l-wirt taʼ ħuna Selofeħad lill-bniet tiegħu. 3 Jekk jiżżewġu rġiel minn tribù ieħor t’Iżrael, il-wirt tan-nisa jitnaqqas mill-wirt taʼ missirijietna u jiżdied mal-wirt tat-tribù li jsiru parti minnu, u b’hekk jitnaqqas mill-wirt tagħna. 4 Issa meta jkun hemm il-Ġublew għall-poplu t’Iżrael, il-wirt tan-nisa jiżdied mal-wirt tat-tribù li jsiru parti minnu, u b’hekk il-wirt tagħhom jitnaqqas mill-wirt tat-tribù taʼ missirijietna.”

5 Imbagħad Mosè kkmanda lill-Iżraelin skont il-kmand taʼ Ġeħova: “Sew qed jgħid it-tribù tat-tfal taʼ Ġużeppi. 6 Hekk ikkmanda Ġeħova għall-bniet taʼ Selofeħad: ‘Huma jistgħu jiżżewġu lil min iridu. Madankollu, għandhom jiżżewġu lil xi ħadd mill-familja tat-tribù taʼ missierhom. 7 Ebda wirt tal-Iżraelin m’għandu jgħaddi minn tribù għal ieħor, għax l-Iżraelin għandhom iżommu l-wirt tat-tribù taʼ missirijiethom. 8 U kull bint li għandha wirt fost it-tribujiet t’Iżrael għandha tiżżewweġ lil xi ħadd mit-tribù taʼ missierha, sabiex l-Iżraelin iżommu l-wirt taʼ missirijiethom. 9 Ebda wirt m’għandu jgħaddi minn tribù għal ieħor, għax it-tribujiet t’Iżrael għandhom iżommu l-wirt tagħhom stess.’”

10 Il-bniet taʼ Selofeħad għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 11 Għalhekk, Maħla, Tirsa, Ħogla, Milka, u Nogħa, il-bniet taʼ Selofeħad, iżżewġu kuġini min-naħa taʼ missierhom. 12 Iżżewġu rġiel mill-familji taʼ Manasse bin Ġużeppi sabiex il-wirt tagħhom jibqaʼ fit-tribù tal-familja taʼ missierhom.

13 Dawn huma l-kmandamenti u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li Ġeħova ta lill-Iżraelin permezz taʼ Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan f’Ġeriko.

Letteralment “it-tfal t’Iżrael.”

Jew “ras, ras; wieħed, wieħed.”

Letteralment “skont l-armati.”

Jew “Id-dixxendenti.”

Letteralment “Kull stranġier,” jiġifieri mhux Levita.

Letteralment “skont l-armati.”

Jew “jgħassu; jagħmlu s-servizz tagħhom.”

Letteralment “skont l-armati.”

Letteralment “skont l-armati.”

Letteralment “skont l-armati.”

Letteralment “skont l-armati.”

Letteralment “il-ġenerazzjonijiet.”

Letteralment “midlukin.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “li jdejhom ġew mimlijin.”

Letteralment “Kwalunkwe stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.

Letteralment “kull l-ewwel imwieled li jiftaħ il-ġuf.”

Letteralment “Kull stranġier,” jiġifieri mhux Levita.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “skont ix-xekel qaddis.”

Gera kien daqs 0.57 grammi. Ara App. B14.

Jew “l-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.

Letteralment “it-tagħbija.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “ruħ.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “Huma.”

Għaxra fil-100 t’efa kien daqs 2.2 litri. Ara App. B14.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “iwaqqagħlek.” Dan jistaʼ jirreferi għal li mara ma jibqax jistaʼ jkollha t-tfal.

Milli jidher dan jirreferi għall-organi riproduttivi.

Jew “iwaqqagħlek.” Dan jistaʼ jirreferi għal li mara ma jibqax jistaʼ jkollha t-tfal.

Milli jidher dan jirreferi għall-organi riproduttivi.

Jew “Hekk ikun! Hekk ikun!”

Letteralment “jagħmlu jdaħħan.”

Jew “taqgħalha.” Dan jistaʼ jirreferi għal li mara ma jibqax jistaʼ jkollha t-tfal.

Milli jidher dan jirreferi għall-organi riproduttivi.

Bl-Ebrajk nazir, li tfisser “Wieħed Magħżul; Iddedikat; Isseparat.”

Letteralment “jgħaddi mus minn fuq rasu.”

Jew “ruħ.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “iġiegħel wiċċu jiddi lejk.”

Jew “iddedikat.”

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “skont ix-xekel qaddis.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “skutella żgħira.”

Jew “għoġol.”

Letteralment “miegħu.”

Jew “għoġol.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “ixejjer,” jiġifieri jġegħelhom jiċċaqalqu ’l quddiem u lura.

Letteralment “ixejjirhom,” jiġifieri jġegħelhom jiċċaqalqu ’l quddiem u lura.

Letteralment “ixxejjirhom,” jiġifieri jġegħelhom jiċċaqalqu ’l quddiem u lura.

Letteralment “kull l-ewwel imwieled li jiftaħ il-ġuf.”

Letteralment “xejjirhom,” jiġifieri jġegħelhom jiċċaqalqu ’l quddiem u lura.

Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”

Letteralment “skont l-armati tagħhom.”

Letteralment “skont l-armati tagħhom.”

Letteralment “skont l-armati tagħhom.”

Letteralment “skont l-armati tagħhom.”

Letteralment “skont l-armati tagħhom.”

Jiġifieri Ġetro.

Jew “għajnejn.”

Jew “mal-għaxriet t’eluf.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ifisser “Ħruq,” jiġifieri nirien; vampa nar.”

Milli jidher l-uħud mhux Iżraelin li kienu fosthom.

Jew “irwieħna spiċċaw.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “li huma magħrufin għalik bħala; li tirrikonoxxi bħala.”

Letteralment “600,000 bil-mixi,” milli jidher irġiel tajbin għall-gwerra.

Jew “bdew jipprofetizzaw.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Ħomer kien daqs 220 litru. Ara App. B14.

Dan setgħu għamluh biex inixxfu l-laħam.

Ifisser “Postijiet tad-Dfin taʼ Dawk li Wrew Xenqa.”

Jew “kien vera umli, ħafna iktar minn kull bniedem ieħor.”

Letteralment “F’dari kollha, hu qed juri li hu leali.”

Jew “Ġeħosugħa,” li jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.”

Jew “id-daħla taʼ Ħamat.”

Ifisser “Għanqud Għeneb.”

Letteralment “in-Nefilim.”

Jew “id-dixxendenti tan-Nefilim.”

Letteralment “huma ħobż għalina.”

Letteralment “bħal bniedem wieħed.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “spirtu.”

Jew “fil-pjanura l-baxxa.”

Letteralment “għollejt idi.”

Letteralment “tal-prostituzzjoni.”

Jew “inkun l-għadu tagħkom.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Għaxra fil-100 t’efa kien daqs 2.2 litri. Ara App. B14.

Ħinn kien daqs 3.67 litri. Ara App. B14.

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Letteralment “mill-ħobż.”

Jew “mill-qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “għoġol.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “maqtugħ minn fost il-poplu tiegħu.”

Jew “iġegħlukom tagħmlu prostituzzjoni spiritwali.”

Jew “tikkmandana u tgħidilna x’għandna nagħmlu?”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “tal-ispirti taʼ kull xorta taʼ laħam.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “tiftaħ ħalqha.”

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “fetħet ħalqha.”

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “dinbu kontra ruħhom stess.”

Letteralment “ebda stranġier.”

Letteralment “ebda stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.

Jiġifieri l-purtiera taʼ quddiem l-Iktar Qaddis.

Letteralment “kwalunkwe stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jiġifieri kull ħaġa li ssir qaddisa lil Alla billi tkun iddedikata lilu b’mod li din ma tistax titħassar u ma tistax tiġi mifdija.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “ix-xekel qaddis.”

Gera kien daqs 0.57 grammi. Ara App. B14.

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Letteralment “patt tal-melħ.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “il-katavru taʼ xi ruħ taʼ bniedem.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “bih.”

Jew “katavru, ir-ruħ taʼ bniedem li miet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “maqtugħ minn m’Iżrael.”

Jew “maqtugħ minn mal-kongregazzjoni.”

Ifisser “Argumenti.”

Letteralment “b’id.”

Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.

Letteralment “jinġabar u jmut hemmhekk.”

Ifisser “Iddedikat għall-Qerda.”

Jew “nistmerruh.”

Letteralment “il-ħalq.”

Letteralment “Wiġbuh!”

Letteralment “fl-għalqa.”

Jew forsi “d-deżert; ix-xagħri.”

Jew “taʼ madwarha.”

Jew “taʼ madwarha.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Milli jidher l-Ewfrat.

Jew “il-ħlas għat-teħbir.”

Letteralment “fetaħ ħalq il-ħmara.”

Letteralment “qed iqiegħed kelma f’ħalq Balgħam.”

Letteralment “iqegħedli f’ħalqi.”

Letteralment “qegħedlu kelma f’ħalqu.”

Jew “li jiddispjaċih.”

Jew forsi “d-deżert; ix-xagħri.”

Letteralment “minn qalbi.”

Jew “fi tmiem il-jiem.”

Letteralment “lil Kajin.”

Jew “intrabtu maʼ Bagħal.”

Letteralment “il-kapijiet.”

Letteralment “quddiem ix-xemx.”

Jew “intrabtu maʼ Bagħal.”

Letteralment “fetħet ħalqha.”

Jew “id-dixxendenti.”

Jew “skont in-numru tal-ismijiet fil-lista.”

Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.

Letteralment “tal-ispirti taʼ kull xorta taʼ laħam.”

Jew “mid-dinjità.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Efa kienet daqs 22 litru. Ara App. B14.

Ħinn kien daqs 3.67 litri. Ara App. B14.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Letteralment “tax-xhur tagħkom.”

Jew “għoġġiela.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Letteralment “ħobż.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “għoġol.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Efa kienet daqs 22 litru. Ara App. B14.

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Li “wieħed jgħakkes ruħu” ġeneralment hu mifhum li jfisser li wieħed jiċħad lilu nnifsu b’diversi modi, fosthom is-sawm.

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Jew “jorbot ruħu b’obbligu.”

Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.

Jew “għall-armata.”

Jew “għall-armata.”

Jew “il-kampijiet imdawrin bil-ħitan.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “għal ruħna.”

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “irġiel li tagħmlu d-dnub.”

Jew “reġgħu bnew.”

Ifisser “Irħula tat-Tined taʼ Ġajir.”

Jew “taʼ madwarha.”

Letteralment “skont l-armati.”

Letteralment “b’idhom merfugħa.”

Milli jidher din hi forma mqassra taʼ Ijje-għabarim.

Jew “l-istatwi minn metall imdewweb.”

Jiġifieri l-Baħar il-Mejjet.

Jiġifieri l-Baħar il-Kbir, il-Mediterran.

Jiġifieri l-Mediterran.

Jew “sad-daħla taʼ Ħamat.”

Jiġifieri l-Għadira taʼ Ġennesaret, jew il-Baħar tal-Galilija.

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Letteralment “waqt li jkun qed jonsoblu.”

Letteralment “bla ma jkun qed jonsoblu.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “ħati tad-demm.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja