L-EWWEL KTIEB TAS-SLATEN
1 Issa r-Re David kien xjaħ sew, u għalkemm kienu jgħattuh bil-kutri, xorta kien iħoss il-bard. 2 Għalhekk, il-qaddejja tiegħu qalulu: “Sidna r-re, ħa jsibulek tfajla verġni, u din taqdik u tieħu ħsiebek. Hi timtedd ħdejk sabiex int iżżomm sħun.” 3 Huma fittxew tfajla sabiħa fit-territorju kollu t’Iżrael, u sabu lil Abisag is-Sunamija u ħaduha għand ir-re. 4 It-tfajla kienet sabiħa immens, u bdiet taqdi u tieħu ħsieb ir-re, imma r-re ma kellux relazzjoni sesswali magħha.
5 Sadanittant, Adonija bin Ħaggit beda jonora lilu nnifsu u jgħid: “Jien se nkun re!” Hu talab li jagħmlulu karru u li jkollu rikkieba taż-żwiemel u 50 raġel biex jiġru quddiemu. 6 Imma missieru qatt ma ffaċċjah* billi staqsieh: “Għala għamilt hekk?” Ukoll, hu kien gustuż ħafna, u ommu kienet wellditu wara Absalom. 7 Hu ħa l-parir taʼ Ġowab bin Seruja u Abjatar il-qassis, u dawn offrewlu l-għajnuna u l-appoġġ tagħhom. 8 Imma Sadok il-qassis, Benaja bin Ġeħojada, Natan il-profeta, Simgħi, Regħi, u l-gwerriera b’saħħithom taʼ David m’appoġġawx lil Adonija.
9 Maż-żmien, Adonija għamel sagrifiċċju taʼ nagħaġ, baqar, u annimali msemmnin ħdejn il-ġebla taʼ Żoħelet, viċin Għajn-rogel. Hu stieden lil ħutu kollha, it-tfal tar-re, u lill-irġiel kollha taʼ Ġuda li huma l-qaddejja tar-re. 10 Iżda lil Natan il-profeta, lil Benaja, lill-gwerriera b’saħħithom, u lil ħuh Salamun ma stidinhomx. 11 Imbagħad Natan qal lil Bat-seba, omm Salamun: “Taf li Adonija bin Ħaggit sar re, u sidna David ma jaf b’xejn? 12 Għalhekk, jekk jogħġbok, ħa nagħtik parir ħalli ssalva lilek innifsek u lil ibnek Salamun. 13 Mur għand ir-Re David u għidlu, ‘Sidi r-re, int kont ħliftli li ibni Salamun isir re warajk u joqgħod fuq it-tron tiegħek. Allura għala sar re Adonija?’ 14 Waqt li tkun għadek qed titkellem miegħu, nidħol jien warajk u nikkonferma kliemek.”
15 Għalhekk, Bat-seba daħlet għand ir-re fil-kamra tas-sodda. Ir-re kien xjaħ sew, u Abisag is-Sunamija kienet qed tieħu ħsiebu. 16 Imbagħad Bat-seba mielet u nxteħtet fl-art quddiem ir-re, u hu qalilha: “X’tixtieq?” 17 Wiġbitu: “Sidi, int ħliftli b’Ġeħova l-Alla tiegħek li ibni Salamun isir re warajk u joqgħod fuq it-tron tiegħek. 18 Imma Adonija sar re, u int ma taf b’xejn, sidi r-re. 19 Hu ssagrifika kwantità kbira taʼ barrin, annimali msemmnin, u nagħaġ. Hu stieden lit-tfal tiegħek kollha, lil Abjatar il-qassis, u lil Ġowab il-kap tal-armata, imma lil ibnek Salamun ma stidnux. 20 U issa, sidi r-re, għajnejn l-Iżraelin kollha huma fuqek biex tgħidilhom min se joqgħod fuq it-tron tiegħek warajk. 21 Inkella, sidi r-re, malli int tmut,* lili u lil ibni Salamun iqisuna tradituri.”
22 U waqt li kienet għadha qed tkellmu, daħal Natan il-profeta. 23 Minnufih qalu lir-re: “Hawn Natan il-profeta!” Hu daħal għand ir-re u nxteħet b’wiċċu sal-art quddiemu. 24 Imbagħad Natan qal: “Sidi r-re, jaqaw int għedt li Adonija se jsir re warajk u joqgħod fuq it-tron tiegħek? 25 Għax illum hu niżel jissagrifika kwantità kbira taʼ barrin, annimali msemmnin, u nagħaġ. Hu stieden lit-tfal tiegħek kollha, lill-kapijiet tal-armata, u lil Abjatar il-qassis. Huma qegħdin jieklu u jixorbu miegħu u jgħidu, ‘Ħa jkun imbierek ir-Re Adonija!’ 26 Imma lili, lil Sadok il-qassis, lil Benaja bin Ġeħojada, u lil ibnek Salamun ma stidinniex. 27 Sidi r-re, int tajtu l-permess biex joqgħod fuq it-tron tiegħek warajk? Għax fil-każ lili m’għedtlix b’dan.”
28 U r-Re David wieġeb: “Għajtuli lil Bat-seba.” U din daħlet u qagħdet quddiem ir-re. 29 Imbagħad ir-re qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li salvani* mid-diffikultajiet kollha, 30 li llum se nara li jsir bħalma ħliftlek b’Ġeħova l-Alla t’Iżrael, meta għedt, ‘Ibnek Salamun isir re warajja u joqgħod fuq it-tron minfloki!’” 31 Imbagħad Bat-seba mielet u nxteħtet wiċċha sal-art quddiem ir-re u qalet: “Ħa tkun imbierek għal dejjem, sidi r-Re David!”
32 Minnufih, ir-Re David qal: “Għajtuli lil Sadok il-qassis, lil Natan il-profeta, u lil Benaja bin Ġeħojada.” U dawn daħlu quddiem ir-re. 33 Ir-re qalilhom: “Ħudu magħkom lill-qaddejja tiegħi, u rikkbu lil ibni Salamun fuq il-bagħla tiegħi u niżżluh sa Giħon. 34 Sadok il-qassis u Natan il-profeta jidilkuh* hemmhekk bħala re fuq Iżrael. Wara, doqqu l-qarn u għidu, ‘Ħa jkun imbierek ir-Re Salamun!’ 35 Imbagħad, ejjew lura warajh, u hu jidħol u joqgħod fuq it-tron tiegħi. Hu jkun ir-re minfloki, u jien ninkarigah bħala mexxej fuq Iżrael u Ġuda.” 36 Fil-pront Benaja bin Ġeħojada qal lir-re: “Ammen! Jalla Ġeħova l-Alla tiegħek jikkonferma dan, sidi r-re. 37 Bħalma Ġeħova kien miegħek, jalla jkun maʼ Salamun ukoll, u jalla jagħmel it-tmexxija tiegħu akbar minn tiegħek, sidi r-Re David.”
38 Imbagħad Sadok il-qassis, Natan il-profeta, Benaja bin Ġeħojada, u l-Keretin u l-Peletin niżlu u rikkbu lil Salamun fuq il-bagħla tar-Re David, u ħaduh Giħon. 39 Imbagħad Sadok il-qassis ħa l-qarn taż-żejt mit-tinda u dilek* lil Salamun, u bdew idoqqu l-qarn, u l-poplu kollu beda jgħajjat: “Ħa jkun imbierek ir-Re Salamun!” 40 Wara dan, in-nies kollha telgħu warajh, idoqqu l-flawt u jifirħu bil-kbir, tant li l-art theżżet bl-istorbju tagħhom.
41 Adonija u l-mistidnin kollha tiegħu semgħu dan hekk kif spiċċaw jieklu. Malli Ġowab semaʼ l-ħoss tal-qarn, hu qal: “Għala hemm dan l-istorbju kollu fil-belt?” 42 Waqt li kien għadu qed jitkellem, ġie Ġonatan bin Abjatar il-qassis. Imbagħad Adonija qal: “Idħol, għax int raġel tajjeb,* u żgur li għandek aħbar tajba.” 43 Imma Ġonatan wieġbu: “Le, għax sidna r-Re David għamel lil Salamun re. 44 Ir-re bagħat miegħu lil Sadok il-qassis, lil Natan il-profeta, lil Benaja bin Ġeħojada, u lill-Keretin u lill-Peletin, u rikkbuh fuq il-bagħla tar-re. 45 Imbagħad Sadok il-qassis u Natan il-profeta dilkuh* bħala re f’Giħon. Wara dan telgħu minn hemm jifirħu, u n-nies kollha fil-belt huma eċċitati. Dak kien l-istorbju li smajtu. 46 Iktar minn hekk, Salamun qagħad fuq it-tron tas-saltna. 47 Ħaġ’oħra, il-qaddejja tar-re daħlu għand sidna r-Re David biex jifirħulu, u qalulu, ‘Jalla l-Alla tiegħek jagħmel isem Salamun iktar glorjuż minn ismek, u jalla jagħmel it-tmexxija tiegħu akbar minn tiegħek!’ Għal dan, ir-re miel fuq is-sodda. 48 U r-re qal ukoll, ‘Jalla jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla t’Iżrael, li llum inkariga lil xi ħadd biex joqgħod fuq it-tron tiegħi u ħallieni nara dan b’għajnejja stess!’”
49 U l-mistidnin kollha t’Adonija bdew jibżgħu ħafna u kull wieħed qam u telaq għal triqtu. 50 Anki Adonija beda jibżaʼ minħabba Salamun, għalhekk qam, mar fit-tabernaklu, u qabad mal-qrun tal-artal. 51 Lil Salamun wasallu dan ir-rapport: “Re Salamun, Adonija qed jibżaʼ minnek. Hu qabad mal-qrun tal-artal u qed jgħid, ‘M’iniex se nitlaq minn hawn sakemm sidi r-Re Salamun jaħlef li ma joqtolnix bix-xabla.’” 52 Għal dan, Salamun qal: “Jekk hu taʼ min jafdah, lanqas xagħra waħda ma taqagħlu fl-art, imma jekk jagħmel xi ħaġa ħażina, ikollu jmut.” 53 Għalhekk, ir-Re Salamun bagħat għalih biex iniżżluh mill-artal. Imbagħad daħal u miel quddiem ir-Re Salamun li qallu: “Mur lejn darek.”
2 Meta David kien wasal biex imut, hu ta lil ibnu Salamun dawn l-istruzzjonijiet: 2 “Jien daqt immut.* Għalhekk, kun sod u uri li int raġel. 3 Obdi lil Ġeħova l-Alla tiegħek billi timxi fi triqatu u żżomm mal-liġijiet, il-kmandamenti, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, u t-tfakkiriet tiegħu skont kif inhuma miktubin fil-Liġi taʼ Mosè. Imbagħad tirnexxi* f’kulma tagħmel u kull fejn tmur. 4 U Ġeħova jagħmel dak li wiegħed dwari: ‘Jekk it-tfal tiegħek joqogħdu attenti kif jgħixu u b’lealtà jimxu fi triqti b’qalbhom kollha u b’ruħhom* kollha, dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li joqgħod fuq it-tron t’Iżrael.’
5 “Int taf tajjeb ukoll x’għamilli Ġowab bin Seruja meta qatel lil Abner bin Ner u lil Għamasa bin Ġeter, żewġ kapijiet tal-armati t’Iżrael. Hu b’hekk xerred id-demm tal-gwerra fi żmien il-paċi u ċappas bid-demm tal-gwerra ċ-ċinturin li kien maʼ qaddu u s-sandli li kien f’saqajh. 6 Aġixxi skont l-għerf li għandek, u tħallihx jinżel fil-Qabar* fil-paċi fi xjuħitu.
7 “Imma għandek turi mħabba u lealtà* mat-tfal taʼ Barżillaj il-Gilegħadi, u huma għandhom ikunu fost dawk li jieklu mal-mejda tiegħek, għax huma appoġġawni meta ħrabt minn ħuk Absalom.
8 “Mhux ’il bogħod minnek joqgħod Simgħi bin Gera l-Benjamini minn Baħurim. Hu kien li seħitni b’saħta terribbli dakinhar li kont sejjer Maħanajm. Imma meta ġie jiltaqaʼ miegħi ħdejn il-Ġordan, jien ħliftlu b’Ġeħova li mhux se noqtlu bix-xabla. 9 Tħallihx bla kastig, għax int raġel għaref u taf x’għandek tagħmillu. Tħallihx jinżel fil-Qabar* b’mewta naturali fi xjuħitu.”
10 Imbagħad David miet u ndifen fil-Belt taʼ David. 11 David dam imexxi fuq Iżrael 40 sena. F’Ħebron mexxa sebaʼ snin, u f’Ġerusalemm 33 sena.
12 Imbagħad Salamun qagħad fuq it-tron taʼ David missieru, u maż-żmien saltnatu ssaħħet.
13 Wara xi żmien, Adonija bin Ħaggit ġie għand Bat-seba, omm Salamun. Hi staqsietu: “Fil-paċi ġejt?” Hu qalilha: “Iva.” 14 Imbagħad qal: “Għandi xi ħaġa x’ngħidlek.” Għalhekk qaltlu: “Tkellem.” 15 Hu kompla: “Int taf li s-saltna suppost saret tiegħi, u li Iżrael kollu ħaseb li jien se* nsir re. Imma ma rnexxilix insir re u sar ħija minflok, għax Ġeħova hekk ried. 16 Imma issa ħaġa waħda nitlob mingħandek. Iċċaħħadnix minnha.” Għalhekk qaltlu: “Tkellem.” 17 Imbagħad qalilha: “Jekk jogħġbok, għid lir-Re Salamun biex jagħtini lil Abisag is-Sunamija bħala marti, għax lilek ma jgħidlekx le.” 18 Għal dan Bat-seba qalet: “Tajjeb! Inkellem lir-re.”
19 Għalhekk, Bat-seba marret għand ir-Re Salamun biex tkellmu għal Adonija. Ir-re qam mill-ewwel biex jiltaqaʼ magħha u miel quddiemha. Imbagħad qagħad fuq it-tron tiegħu u kkmanda li jġibu tron għal ommu, sabiex toqgħod bilqiegħda fuq lemintu. 20 Imbagħad qaltlu: “Hemm ħaġa żgħira li nixtieq mingħandek. Iċċaħħadnix minnha.” Għalhekk qalilha: “Għidli ommi. Mhux se ngħidlek le.” 21 Qaltlu: “Ħa tingħata Abisag is-Sunamija lil ħuk Adonija bħala martu.” 22 Ir-Re Salamun wieġeb lil ommu: “Għala qed titlobni biex nagħti lil Abisag is-Sunamija lil Adonija? Għal naqra itlobni wkoll is-saltna għalih, għax hu ħija l-kbir, u Abjatar il-qassis u Ġowab bin Seruja qed jappoġġawh.”
23 Għalhekk, ir-Re Salamun ħalef b’Ġeħova: “Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk Adonija ma jmutx talli talab din il-ħaġa. 24 Illum Adonija jinqatel. Naħlef dan b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li saħħaħ it-tmexxija tiegħi, li poġġieni fuq it-tron taʼ missieri David, u li ta s-saltna lili u lil dawk li se jiġu minni.”* 25 Immedjatament, ir-Re Salamun bagħat lil Benaja bin Ġeħojada. Dan ħareġ, attakka lil Adonija, u qatlu.
26 Ir-re qal lil Abjatar il-qassis: “Mur Għanatot lejn l-għelieqi tiegħek! Int jistħoqqlok il-mewt, imma llum ma noqtlokx għax ġarrejt l-Arka taʼ Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* quddiem David missieri u għax batejt maʼ missieri fid-diffikultajiet kollha li kellu.” 27 Għalhekk, Salamun keċċa lil Abjatar milli jaqdi bħala qassis taʼ Ġeħova. B’hekk sar dak li qal Ġeħova kontra dar Għeli f’Silo.
28 Meta Ġowab semaʼ b’dan, hu ħarab lejn it-tinda taʼ Ġeħova u qabad mal-qrun tal-artal. Hu għamel hekk għax kien appoġġa lil Adonija, għalkemm ma kienx appoġġa lil Absalom. 29 Imbagħad lir-Re Salamun qalulu: “Ġowab ħarab lejn it-tabernaklu taʼ Ġeħova, u qiegħed ħdejn l-artal.” Għalhekk, Salamun bagħat lil Benaja bin Ġeħojada u qallu: “Mur oqtlu!” 30 Għalhekk Benaja mar ħdejn it-tabernaklu taʼ Ġeħova u qallu: “Hekk jgħid ir-re, ‘Oħroġ minn hemm!’” Imma hu wieġbu: “Le! Hawn irrid immut.” Benaja qal lir-re x’wieġbu Ġowab. 31 Imbagħad ir-re qallu: “Agħmel kif qal, oqtlu u idfnu. B’hekk tneħħi minn fuqi u minn fuq dar missieri l-ħtija tad-demm tan-nies innoċenti li xerred Ġowab. 32 Ġeħova jġiegħlu jpatti għad-demm li xerred, għax mingħajr ma kien jaf missieri David, hu attakka u qatel bix-xabla żewġt irġiel aħjar u iktar ġusti minnu: Abner bin Ner il-kap tal-armata t’Iżrael u Għamasa bin Ġeter il-kap tal-armata taʼ Ġuda. 33 Ġowab u dawk li se jiġu minnu jpattu għal demmhom għal dejjem. Imma jalla David, dawk li jiġu minnu, daru, u t-tron tiegħu jkollhom il-paċi minn Ġeħova għal dejjem.” 34 Imbagħad Benaja bin Ġeħojada mar jattakka lil Ġowab u qatlu, u ġie midfun viċin daru fid-deżert. 35 Imbagħad ir-re inkariga fuq l-armata lil Benaja bin Ġeħojada minflok Ġowab, u lil Sadok il-qassis minflok Abjatar.
36 Imbagħad ir-re bagħat għal Simgħi u qallu: “Ibni dar f’Ġerusalemm, u għix hemm. M’għandekx toħroġ minn hemm u tmur xi mkien ieħor. 37 Dakinhar li toħroġ u taqsam il-Wied taʼ Kidron, żgur tmut. Int tkun ħati tal-mewt tiegħek* stess.” 38 Simgħi wieġeb lir-re: “Dak li għedt hu ġust. Jien se nagħmel bħalma għedtli int, sidi r-re.” Għalhekk, Simgħi baqaʼ Ġerusalemm għal żmien twil.
39 Imma wara tliet snin, tnejn mill-ilsiera taʼ Simgħi ħarbu għal għand Akis bin Magħka r-re taʼ Gat. Meta lil Simgħi qalulu li l-ilsiera tiegħu qegħdin Gat, 40 hu minnufih rama l-ħmar tiegħu u mar Gat għand Akis ifittex lill-ilsiera tiegħu. Meta Simgħi wasal lura minn Gat mal-ilsiera, 41 lil Salamun qalulu: “Simgħi ħareġ minn Ġerusalemm, mar Gat, u ġie lura.” 42 Għal dan, ir-re bagħat għal Simgħi u qallu: “Ma ġegħeltekx jien taħlef b’Ġeħova u wissejtek li dakinhar li toħroġ minn Ġerusalemm u tmur xi mkien ieħor, int żgur tmut? U int għedtli li dan kien ġust u li se tobdi. 43 Allura, għala ma żammejtx mal-ħalfa li għamilt quddiem Ġeħova u maʼ dak li kkmandajtek?” 44 Ir-re mbagħad qal lil Simgħi: “F’qalbek int taf bil-ħsara kollha li għamilt lil David missieri, u Ġeħova se jġib fuqek il-ħsara li għamilt. 45 Imma jien inkun imbierek, u t-tron taʼ David jissaħħaħ quddiem Ġeħova għal dejjem.” 46 Għalhekk, ir-re ta l-kmand lil Benaja bin Ġeħojada, u dan mar jattakkah u qatlu.
B’hekk, is-saltna ssaħħet taħt it-tmexxija taʼ Salamun.
3 Salamun tħallat mal-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, billi żżewweġ* lil bintu. Hu ħadha fil-Belt taʼ David sakemm bena daru, id-dar taʼ Ġeħova, u s-sur madwar Ġerusalemm. 2 Imma n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima, għax sa dakinhar kienet għadha ma nbnietx dar għal isem Ġeħova. 3 Salamun baqaʼ jħobb lil Ġeħova billi kien jimxi mal-liġijiet li tah missieru David, imma kien joffri s-sagrifiċċji u jaħraq l-offerti fil-postijiet għall-qima.
4 Ir-Re Salamun mar Gibegħon biex joffri sagrifiċċji hemmhekk, għax dan kien l-iktar post importanti* għall-qima. Hu offra 1,000 sagrifiċċju tal-ħruq fuq dan l-artal. 5 F’Gibegħon, Ġeħova deher lil Salamun f’ħolma billejl u qallu: “Itlobni dak li tixtieqni nagħtik.” 6 Għal dan Salamun qal: “Int urejt imħabba u lealtà* kbira maʼ missieri David, il-qaddej tiegħek, hekk kif mexa quddiemek b’lealtà, ġustizzja, u qalb onesta. Int bqajt turih imħabba u lealtà kbira sal-lum billi tajtu iben biex joqgħod fuq it-tron tiegħu. 7 U issa, Ġeħova Alla tiegħi, int għamilt lili, il-qaddej tiegħek, re minflok David missieri, avolja jien għadni żagħżugħ* u bla esperjenza.* 8 Jien qiegħed fost il-poplu tiegħek li int għażilt, poplu tant kbir li ħadd ma jistaʼ jgħoddu. 9 Għalhekk, agħtini qalb ubbidjenti biex niġġudika lill-poplu tiegħek, biex nagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin. Għax min hu kapaċi jiġġudika lil dan il-poplu kbir* tiegħek?”
10 Ġeħova ħa pjaċir li Salamun talab dan. 11 Alla mbagħad qallu: “Talli tlabt dan u ma tlabtx li jkollok ħajja twila* jew li tkun sinjur jew li jmutu l-għedewwa tiegħek, imma tlabt li tkun tistaʼ tifhem il-każijiet ġudizzjali, 12 se nagħmel bħalma tlabtni. Se nagħtik qalb għarfa u li tifhem, tant li ma jkun hawn ħadd bħalek, la qablek u lanqas warajk. 13 Iktar minn hekk, se nagħtik anki dak li ma tlabtx, kemm ġid u kemm glorja, u b’hekk ma jkunx hemm re bħalek kemm iddum ħaj.* 14 U jekk timxi fi triqati billi żżomm mar-regoli u l-kmandamenti tiegħi, bħalma mexa missierek David, jien nagħtik ukoll ħajja twila.”*
15 Meta Salamun qam, hu rrealizza li kellu ħolma. Imbagħad mar Ġerusalemm, qagħad quddiem l-arka tal-patt taʼ Ġeħova, offra sagrifiċċji tal-ħruq u offerti tal-paċi, u għamel ikla kbira għall-qaddejja kollha tiegħu.
16 Dak iż-żmien, marru għand ir-re żewġ prostituti u qagħdu quddiemu. 17 L-ewwel mara qalet: “Sidi, jien u din il-mara ngħixu f’dar waħda, u jien wellidt waqt li hi kienet id-dar. 18 Fit-tielet jum li wellidt, din il-mara welldet ukoll. Konna biss it-tnejn li aħna u ma kien hemm ħadd iktar magħna fid-dar. 19 Matul il-lejl, it-tifel taʼ din il-mara miet għax hi daret fuqu waqt li kienet rieqda. 20 Għalhekk, hi qamet f’nofs taʼ lejl u ħadet lil ibni minn ħdejja waqt li jien kont rieqda. Hi qegħditu ħdejha* u poġġiet lil binha l-mejjet ħdejja. 21 Meta qomt filgħodu biex irredda’ lil ibni, indunajt li kien mejjet. Għalhekk, flejtu, u rajt li dan ma kienx ibni.” 22 Iżda l-mara l-oħra qalet: “Le, ibni hu l-ħaj u ibnek hu l-mejjet!” Imma l-ewwel mara bdiet tgħid: “Le, ibnek hu l-mejjet u ibni hu l-ħaj.” Hekk argumentaw quddiem ir-re.
23 Fl-aħħar ir-re qal: “Din qed tgħid, ‘Dan hu ibni, il-ħaj, u ibnek hu l-mejjet!’ u l-oħra qed tgħid, ‘Le, ibnek hu l-mejjet u ibni hu l-ħaj!’” 24 Ir-re qal: “Ġibuli xabla.” Għalhekk, ħadulu xabla. 25 Imbagħad qal: “Aqsmu t-tifel il-ħaj fi tnejn, u agħtu nofs lil waħda u nofs lill-oħra.” 26 Omm it-tifel il-ħaj ħasset wisq għal binha. Għalhekk, minnufih talbet bil-ħniena lir-re: “Jekk jogħġbok sidi, agħtih lilha t-tifel il-ħaj. Imma toqtlux!” Iżda l-mara l-oħra bdiet tgħid: “La jkun tiegħi u lanqas tiegħek. Ħallihom jaqsmuh!” 27 Għal dan ir-re wieġeb: “Agħtu t-tifel il-ħaj lill-ewwel mara. Toqtluhx, għax hi ommu.”
28 L-Iżraelin kollha semgħu bil-ġudizzju li għamel ir-re, u kellhom rispett kbir* lejh, għax raw li l-għerf t’Alla kien miegħu biex jagħmel ġustizzja.
4 Ir-Re Salamun mexxa fuq Iżrael kollu. 2 Dawn kienu l-uffiċjali ta’ pożizzjoni għolja* tiegħu: Għażarija bin Sadok kien il-qassis; 3 Eliħoref u Aħija t-tfal taʼ Sisa kienu s-segretarji; Ġeħosafat bin Aħilud kien ir-reġistratur; 4 Benaja bin Ġeħojada kien il-kap tal-armata; Sadok u Abjatar kienu qassisin; 5 Għażarija bin Natan kien fuq il-gvernaturi; Żabud bin Natan kien qassis u ħabib tar-re; 6 Aħisar kien jieħu ħsieb il-palazz; u Adoniram bin Għabda kien fuq dawk li r-re kkmanda biex jaħdmu għalih.
7 Salamun kellu 12-il gvernatur fuq Iżrael kollu, u dawn kienu jipprovdu l-ikel lir-re u lil taʼ daru. Kull wieħed kellu r-responsabbiltà li jipprovdi l-ikel xahar fis-sena. 8 Dawn kienu: Bin Ħur li kien jieħu ħsieb ir-reġjun muntanjuż t’Efrajm; 9 bin Deker li kien jieħu ħsieb Makas, Sagħlbim, Bet-xemex, u Elon-bet-ħanan; 10 bin Ħesed li kien jieħu ħsieb Arubbot (u wkoll Sokoh u l-art kollha taʼ Ħefer); 11 bin Abinadab li kien jieħu ħsieb l-għoljiet kollha taʼ Dor (Tafat bint Salamun saret martu); 12 Bagħna bin Aħilud li kien jieħu ħsieb Tagħnak, Megiddo, u Bet-segħan kollu, li jinsab ħdejn Saretan taħt Ġeżragħel, minn Bet-segħan s’Abel-meħola sar-reġjun tal-Ġokmegħam; 13 bin Geber li kien jieħu ħsieb Ramot-gilegħad (u wkoll l-irħula tat-tined taʼ Ġajir bin Manasse f’Gilegħad u r-reġjun tal-Argob fil-Basan: 60 belt kbira bis-swar u l-istaneg tar-ram); 14 Aħinadab bin Iddo li kien jieħu ħsieb Maħanajm; 15 Aħimgħas li kien jieħu ħsieb Naftali (hu żżewweġ lil Basemat, tifla oħra taʼ Salamun); 16 Bagħna bin Ħusaj li kien jieħu ħsieb Aser u Begħalot; 17 Ġeħosafat bin Paruħa li kien jieħu ħsieb Issakar; 18 Simgħi bin Ela li kien jieħu ħsieb Benjamin; 19 u Geber bin Uri li kien jieħu ħsieb l-art taʼ Gilegħad, li hi l-art taʼ Siħon ir-re tal-Amurrin u t’Għog ir-re tal-Basan. Kien hemm ukoll gvernatur fuq dawn il-gvernaturi l-oħrajn kollha.
20 Ġuda u Iżrael kienu daqs ir-ramel taʼ ħdejn il-baħar. Huma kellhom x’jieklu u x’jixorbu u kienu ferħanin.
21 Salamun mexxa fuq is-saltniet kollha mix-Xmara* sal-art tal-Filistin u sal-fruntiera tal-Eġittu. Dawn kienu jġibu t-taxxi u qdew lil Salamun tul ħajtu.
22 L-ikel taʼ kuljum għal Salamun kien 30 kor* dqiq fin u 60 kor dqiq, 23 għaxar baqriet imsemmnin, 20 baqra li jirgħaw, u 100 nagħġa, minbarra tipi differenti taʼ ċriev u għasafar imsemmnin. 24 Hu kien jikkontrolla kollox din in-naħa tax-Xmara,* minn Tifsa sa Gaża, inkluż ir-rejiet kollha fuq din in-naħa tax-Xmara. Hu kellu l-paċi fir-reġjuni kollha taʼ madwaru. 25 Kemm dam imexxi Salamun, Ġuda u Iżrael għexu fis-sigurtà, kulħadd bid-dielja u t-tina tiegħu, minn Dan sa Bir-xeba.
26 U Salamun kellu 4,000* stalla għaż-żwiemel tal-karrijiet tiegħu u 12,000 żiemel.*
27 Dawn il-gvernaturi pprovdew l-ikel lir-Re Salamun u lil kull min kien jiekol mal-mejda tiegħu. Kull wieħed kien responsabbli għax-xahar tiegħu u kien jagħmel ċert li ma jkun hemm xejn nieqes. 28 Kull wieħed kien jieħu wkoll xgħir* u tiben kull fejn kien hemm bżonn għaż-żwiemel, inkluż iż-żwiemel tal-karrijiet, skont ir-responsabbiltà tiegħu.
29 Alla ta lil Salamun ħafna għerf u dixxerniment, kif ukoll abbiltà kbira li jifhem daqskemm hemm ramel f’xatt il-baħar. 30 L-għerf taʼ Salamun kien bil-wisq iktar mill-għerf tan-nies kollha tal-Lvant u mill-għerf kollu tal-Eġittu. 31 Hu kien iktar għaref minn kwalunkwe bniedem ieħor, iktar għaref minn Etan l-Eżraħi u minn Ħeman, Kalkol, u Darda, it-tfal taʼ Maħol. Hu sar magħruf mal-popli kollha tal-madwar. 32 Hu kiteb* 3,000 proverbju u għamel 1,005 għanjiet. 33 Hu kien jitkellem dwar is-siġar, miċ-ċedru tal-Libanu saż-żuf* li jikber mal-ħajt. Kien jitkellem ukoll dwar l-annimali, l-għasafar,* l-annimali li jitkaxkru,* u l-ħut. 34 Nies minn kull poplu, inkluż rejiet mill-art kollha li semgħu b’għerfu, kienu jmorru għand Salamun biex jisimgħu l-għerf tiegħu.
5 Meta Ħiram ir-re taʼ Tir semaʼ li Salamun kien ġie inkarigat* bħala re minflok missieru, hu bagħat lill-qaddejja tiegħu għandu, għax Ħiram dejjem kien ħabib taʼ David.* 2 U Salamun bagħat jgħid lil Ħiram: 3 “Int taf tajjeb li missieri David ma setax jibni dar għal isem Ġeħova l-Alla tiegħu. Dan kien minħabba li ġġieled kontra ħafna għedewwa, sakemm Ġeħova għelibhom għalih. 4 Imma issa Ġeħova l-Alla tiegħi tani l-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwari. M’hemm ħadd jiħodha kontrija u m’hemmx perikli. 5 Għalhekk, jien beħsiebni nibni dar għal isem Ġeħova l-Alla tiegħi, bħalma Ġeħova wiegħed lil missieri David meta qallu: ‘Ibnek li jien se nqiegħed fuq it-tron tiegħek minflokok ikun dak li jibni d-dar għal ismi.’ 6 Issa kkmanda lin-nies tiegħek biex jaqtgħuli s-siġar taċ-ċedri mil-Libanu. Il-qaddejja tiegħi jaħdmu mal-qaddejja tiegħek, u jien inħallas il-pagi tal-qaddejja tiegħek skont kemm tgħidli int, għax int taf tajjeb li ħadd minna ma jaf jaqtaʼ s-siġar bħas-Sidonin.”
7 Meta Ħiram semaʼ kliem Salamun, hu feraħ ħafna u qal: “Jalla Ġeħova jkun imfaħħar illum talli ta lil David iben għaref fuq dan il-poplu kbir!” 8 Għalhekk, Ħiram bagħat jgħid lil Salamun: “Jien smajt dak li bgħatt tgħidli, u se nagħmel kulma tixtieq u nipprovdilek l-injam taċ-ċedru u tal-ġnibru. 9 Il-qaddejja tiegħi jniżżluh mil-Libanu sal-baħar, u jien norbtu flimkien biex nibgħathulek bil-baħar fil-post li tgħidli. Jien inħollu hemmhekk, u mbagħad tistaʼ ġġorru int. Bħala ħlas, int tipprovdi l-ikel li nitlob għal taʼ dari.”
10 Għalhekk, Ħiram ipprovda l-injam kollu taċ-ċedru u tal-ġnibru li xtaq Salamun. 11 U Salamun ta lil Ħiram 20,000 kor* qamħ bħala provvisti tal-ikel għal taʼ daru u 20 kor żejt taż-żebbuġa pur. Dan kien li Salamun ta lil Ħiram sena wara l-oħra. 12 U Ġeħova ta lil Salamun l-għerf bħalma kien wiegħdu. U kien hemm il-paċi bejn Ħiram u Salamun, u għamlu ftehim* bejniethom.
13 Ir-Re Salamun ikkmanda li jiġu rġiel biex jaħdmu għalih minn Iżrael kollu: b’kollox, 30,000 raġel. 14 Hu kien jibgħathom il-Libanu fi gruppi t’10,000 kull xahar. Kienu jagħmlu xahar il-Libanu u xahrejn id-dar; u Adoniram kien fuqhom. 15 Salamun kellu 70,000 ħaddiem li jġorru t-tagħbija u 80,000 li jaqtgħu l-ġebel mill-muntanja, 16 kif ukoll 3,300 gvernatur li kienu fuq il-ħaddiema. 17 Ir-re kkmanda li jaqtgħu ġebel kbir li jiswa ħafna flus u jaqtgħuh bl-għodda biex jintuża għall-pedament tad-dar. 18 Għalhekk, il-bennejja taʼ Salamun u taʼ Ħiram u l-Gebalin qatgħu l-ġebel, u ppreparaw l-injam u l-ġebel biex jibnu d-dar.
6 Salamun beda jibni d-dar taʼ Ġeħova* erbaʼ snin wara li sar re fuq l-Iżraelin,* fix-xahar taʼ Żiw,* jiġifieri t-tieni xahar. Dan kien 480 sena wara li l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu. 2 Id-dar li r-Re Salamun bena għal Ġeħova kienet twila 60 kubitu,* wiesgħa 20 kubitu, u għolja 30 kubitu. 3 L-intrata quddiem it-tempju* kienet twila* 20 kubitu, daqs il-wisaʼ tad-dar.* Il-fond tagħha kien għaxar kubiti mill-faċċata tad-dar.
4 Għad-dar, hu għamel twieqi b’fetħa li tidjieq. 5 Iżjed minn hekk, tellaʼ bini mal-ġenb tal-ħajt tad-dar. Dan kien madwar il-ħitan tad-dar, tat-tempju,* u tal-kamra taʼ ġewwa nett. U hu għamel kmamar fil-ġnub mad-dawra kollha. 6 L-ewwel sular tal-kmamar tal-ġenb kien wiesaʼ ħames kubiti, it-tieni sular kien wiesaʼ sitt kubiti, u t-tielet sular kien wiesaʼ sebaʼ kubiti. Hu għamel il-ħitan mad-dawra kollha tad-dar b’tali mod li t-travi kellhom fejn iserrħu mingħajr ma jkollhom għalfejn iħaffru l-ħitan.
7 Id-dar inbniet bil-ġebel tal-barriera li kien diġà ġie ppreparat sabiex ma jinstemaʼ l-ebda ħoss taʼ martell, mannara, jew għodda tal-ħadid fid-dar waqt li kienet qed tinbena. 8 Id-daħla għall-kamra tal-ġenb t’isfel kienet fuq il-lemin tad-dar, u kellha garigor li jwassal għat-tieni u t-tielet sular. 9 Hu kompla jibni d-dar u lestieha, u saqqafha bit-travi u b’ringieli tat-twavel taċ-ċedru. 10 Il-kmamar tal-ġenb li bena madwar id-dar kollha kienu għoljin ħames kubiti u kienu mqabbdin mad-dar bl-injam taċ-ċedru.
11 Sadanittant, Ġeħova qal lil Salamun: 12 “Jekk timxi mal-liġijiet tiegħi, tagħmel skont il-ġudizzji tiegħi, u tobdi l-kmandamenti kollha tiegħi u tgħix fi qbil magħhom, jien ukoll nagħmel dak li wegħedt lil missierek David rigward id-dar li qed tibni. 13 U ngħix fost l-Iżraelin, u ma nitlaqx lill-poplu tiegħi Iżrael.”
14 Salamun kompla jibni d-dar u lestieha. 15 Hu kesa n-naħa taʼ ġewwa tal-ħitan tad-dar bi twavel taċ-ċedru mill-art sat-travi tas-saqaf, u kesa l-art bi twavel tal-ġnibru. 16 Hu pprepara parti t’20 kubitu fuq in-naħa taʼ wara tad-dar għall-kamra taʼ ġewwa nett u ksieha bi twavel taċ-ċedru mill-art sas-saqaf. Din il-kamra kienet l-Iktar Qaddis. 17 Fil-parti taʼ quddiem tad-dar hemm il-Qaddis, kamra t’40 kubitu. 18 L-injam taċ-ċedru fin-naħa taʼ ġewwa tad-dar kellu mnaqqax fuqu frott tond żgħir u fjuri qed jiftħu. Il-ġebel ma kienx jidher għax kien miksi kollu bl-injam taċ-ċedru.
19 U pprepara l-kamra taʼ ġewwa nett fid-dar biex iqiegħed l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. 20 Il-kamra taʼ ġewwa nett kienet twila 20 kubitu, wiesgħa 20 kubitu, u għolja 20 kubitu. Hu ksieha bid-deheb pur, u l-artal ksieh bl-injam taċ-ċedru. 21 Salamun kesa d-dar minn ġewwa bid-deheb pur, u għamel ktajjen tad-deheb imdendlin quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett li kienet miksija bid-deheb. 22 Hu kesa d-dar kollha kemm hi bid-deheb, kif ukoll l-artal kollu li kien viċin il-kamra taʼ ġewwa nett.
23 Fil-kamra taʼ ġewwa nett għamel żewġ kerubini mill-injam tal-arżnu,* kull wieħed għoli għaxar kubiti. 24 Kull ġewnaħ tal-kerubin kien ħames kubiti. Mit-tarf taʼ ġewnaħ sat-tarf tal-ġewnaħ l-ieħor kien hemm għaxar kubiti. 25 Anki t-tieni kerubin kien għaxar kubiti. Iż-żewġ kerubini kienu tal-istess daqs u forma. 26 L-għoli taʼ kerubin wieħed kien għaxar kubiti, u hekk ukoll kien l-ieħor. 27 Imbagħad poġġa l-kerubini fil-kamra taʼ ġewwa nett.* Il-ġwienaħ tagħhom kienu miftuħin. B’hekk, il-ġewnaħ taʼ wieħed kien jasal sal-ħajt u l-ġewnaħ tal-ieħor kien jasal sal-ħajt l-ieħor, u ġwinħajhom l-oħra kienu lejn nofs id-dar, imissu maʼ xulxin. 28 Hu kesa l-kerubini bid-deheb.
29 Hu naqqax kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu fuq il-ħitan kollha tal-kamra taʼ ġewwa u taʼ barra tad-dar. 30 U l-art tal-kamra taʼ ġewwa nett u taʼ barra tad-dar ksieha bid-deheb. 31 Għad-daħla tal-kamra taʼ ġewwa nett għamel bibien mill-injam tal-arżnu, pilastri tal-ġnub, u koxox tal-bibien, bħala l-ħames parti.* 32 Iż-żewġ bibien kienu mill-injam tal-arżnu, u naqqax fihom kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu, u ksiehom bid-deheb; u xerred id-deheb fuq il-kerubini u s-siġar tal-palm minquxin. 33 U l-koxox tal-bieb mill-injam tal-arżnu għad-daħla tat-tempju,* ir-rabaʼ parti,* għamilhom bl-istess mod. 34 Hu għamel żewġ bibien tal-injam tal-ġnibru. Kull bieb kellu żewġ bibien jintlewew fi tnejn. 35 Hu naqqax kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu, u ksiehom bil-folji tad-deheb.
36 Hu bena l-ħajt tal-bitħa taʼ ġewwa bi tliet filati ġebel maqtugħ bl-għodda u filata travi taċ-ċedru.
37 Fir-rabaʼ sena, fix-xahar taʼ Żiw,* il-pedament tad-dar taʼ Ġeħova kien lest. 38 U fil-11-il sena, fix-xahar taʼ Bul,* jiġifieri t-tmien xahar, id-dar tlestiet bid-dettalji kollha tagħha u skont il-pjanta. Salamun dam jibniha sebaʼ snin.
7 Salamun bena l-palazz tiegħu. Dam 13-il sena sakemm lestieh minn kollox.
2 U bena d-Dar tal-Foresta tal-Libanu twila 100 kubitu,* wiesgħa 50 kubitu, u għolja 30 kubitu fuq erbaʼ ringieli taʼ kolonni taċ-ċedru; u fuq il-kolonni kien hemm travi taċ-ċedru. 3 Kien hemm folji tal-injam taċ-ċedru fuq it-travi prinċipali li kienu qed iserrħu fuq il-kolonni. Dawn* kienu 45 b’kollox, 15 kull ringiela. 4 Kien hemm tliet ringieli fuq xulxin taʼ twieqi bil-frejm, u kull tieqa kienet faċċata t’oħra. 5 Id-daħliet kollha u l-koxox tal-bibien kellhom frejm kwadru,* bħalma kellhom it-twieqi li kienu faċċata taʼ xulxin fi tliet ringieli fuq xulxin.
6 Hu bena s-Sala* tal-Kolonni twila 50 kubitu u wiesgħa 30 kubitu. Quddiemha kien hemm intrata bil-kolonni u msaqqfa.
7 Hu bena s-sala tal-ġudizzju fejn kien se jiġġudika, li ssemmiet is-Sala* tat-Tron. Din ġiet miksija biċ-ċedru mill-art sat-travi tas-saqaf.
8 Il-palazz fejn kien se jgħix, fil-bitħa l-oħra, kien ftit ’il bogħod mis-Sala,* u kien maħdum b’mod simili. Salamun bena wkoll dar simili taʼ din is-Sala għal martu, bint il-Fargħun.
9 Dawn kollha kienu mibnijin b’ġebel jiswa ħafna flus maqtugħ bl-għodda skont il-qisien, ittrimmjat bis-serrieq tal-ġebel minn ġewwa u minn barra, mill-pedament sal-aħħar filata. Dan il-ġebel intuża wkoll għal barra u għall-bitħa l-kbira. 10 Għall-pedament intuża ġebel kbir ħafna li jiswa ħafna flus; kien hemm ġebel t’għaxar kubiti u ieħor taʼ tmien kubiti. 11 U fuqu kien hemm ġebel jiswa ħafna flus li kien maqtugħ bl-għodda skont il-qisien, u wkoll injam taċ-ċedru. 12 Mad-dawra tal-bitħa l-kbira kien hemm ħajt bi tliet filati ġebel maqtugħ bl-għodda u filata travi taċ-ċedru, bħal dak tal-bitħa taʼ ġewwa tad-dar taʼ Ġeħova u tal-intrata tad-dar.
13 Ir-Re Salamun bagħat għal Ħiram, u dan telaq minn Tir u mar ħdejh. 14 Dan kien bin armla mit-tribù taʼ Naftali, u missieru kien raġel minn Tir, ħaddiem fir-ram. Hu kien tas-sengħa, tal-esperjenza, u jifhem f’kull tip taʼ xogħol fir-ram.* Għalhekk, mar għand ir-Re Salamun u għamel ix-xogħol kollu li qabbdu.
15 Hu ħadimlu ż-żewġ kolonni tar-ram. Kull kolonna kienet twila 18-il kubitu, u l-qies tad-dawra taʼ kull waħda miż-żewġ kolonni kien 12-il kubitu.* 16 Hu għamel żewġ partijiet imżejnin tar-ram għal fuq il-kolonni. L-għoli taʼ kull waħda kien ħames kubiti. 17 Fuqhom kien hemm xbieki tar-ram magħmulin minn ktajjen immaljati bħal ħabel; seba’ ktajjen fuq parti u sebgħa fuq l-oħra. 18 U hu għamel żewġ ringieli rummien madwar ix-xibka biex jiksi l-parti mżejna taʼ fuq il-kolonna. Hu għamel l-istess għat-tnejn li huma. 19 Il-parti mżejna taʼ fuq il-kolonni tal-intrata kellha disinn taʼ ġilju għoli erbaʼ kubiti. 20 Il-partijiet imżejnin kienu fuq iż-żewġ kolonni, eżatt fuq il-parti tonda li tmiss max-xibka; u kien hemm 200 rummiena f’ringieli mad-dawra taʼ kull parti mżejna.
21 Hu rama l-kolonni tal-intrata tat-tempju.* Rama l-kolonna tal-lemin* u semmieha Ġakin,* u mbagħad rama l-kolonna tax-xellug* u semmieha Bogħaż.* 22 Il-parti taʼ fuq tal-kolonni kellha disinn taʼ ġilju. U x-xogħol tal-kolonni tlesta.
23 Imbagħad għamel vaska kbira minn metall imdewweb li ssemmiet il-Baħar. Din kienet tonda u kienet għaxar kubiti minn xifer sa xifer u l-għoli tagħha kien ħames kubiti. Il-qies tad-dawra kien 30 kubitu.* 24 U l-Baħar kien imżejjen bi frott tond żgħir taħt ix-xifer dawramejt, għaxra f’kull kubitu madwar il-Baħar kollu, b’żewġ ringieli taʼ frott tond żgħir maħdum biċċa waħda miegħu. 25 Dan kien fuq 12-il barri, tlieta jħarsu lejn it-Tramuntana, tlieta jħarsu lejn il-Punent, tlieta jħarsu lejn in-Nofsinhar, u tlieta jħarsu lejn il-Lvant. Il-Baħar kien iserraħ fuqhom, u n-naħa taʼ wara tagħhom kienet lejn in-nofs. 26 Il-ħxuna tiegħu kienet wisaʼ taʼ id;* u x-xifer tiegħu kien maħdum bħax-xifer taʼ tazza, bħal ġilju qed jiftaħ. Dan kien jesaʼ 2,000 bat* ilma.
27 Imbagħad għamel għaxar karrijiet* tar-ram. Kull karru kien twil erbaʼ kubiti, wiesaʼ erbaʼ kubiti, u għoli tliet kubiti. 28 U l-karrijiet kienu maħdumin hekk: Huma kellhom pannelli tar-ram fil-ġnub, u dawn kienu bejn it-traversi. 29 U fuq il-pannelli tal-ġnub li kienu bejn it-traversi kien hemm iljuni, barrin, u kerubini, u kien hemm l-istess disinn fuq it-traversi. Fuq u taħt l-iljuni u l-barrin kien hemm girlandi mdendlin. 30 U kull karru kellu erbaʼ roti tar-ram u fusien tar-ram, u l-erbaʼ partijiet tal-kantunieri kienu bħala sapport għalihom. Dawn kienu taħt il-vaska u kellhom girlandi fuq kull naħa. 31 Il-fetħa tagħha kienet fuq in-naħa taʼ ġewwa taʼ fuq, tielgħa ’l fuq kubitu. Din kienet tonda u b’kollox kienet għolja kubitu u nofs. Fuq in-naħa taʼ fuq kien hemm affarijiet minquxin u l-pannelli tal-ġnub kienu kwadri u mhux tondi. 32 L-erbaʼ roti kienu taħt il-pannelli tal-ġnub, u s-sapport tar-roti kien imwaħħal mal-karru, u kull rota kienet għolja kubitu u nofs. 33 Ir-roti kienu maħdumin bħar-roti taʼ karrijiet normali. Is-sapport, iċ-ċrieki, l-imgħażel, u l-buttun tagħhom kienu kollha magħmulin minn metall imdewweb. 34 Fuq l-erbaʼ kantunieri taʼ kull karru kien hemm erbaʼ partijiet li kienu taʼ sapport u li kienu maħdumin biċċa waħda mal-karru. 35 Fin-naħa taʼ fuq tal-karru kien hemm bħal ċirku għoli kubitu u nofs, u l-karru flimkien mal-ġnub tan-naħa taʼ fuq kienu maħdumin biċċa waħda. 36 Fuq il-pjanċi u l-pannelli tiegħu tal-ġnub hu naqqax kerubini, iljuni, u siġar tal-palm skont l-ispazju li kien hemm, bil-girlandi dawramejt. 37 Hekk għamilhom l-għaxar karrijiet; kollha kienu bħal xulxin, bl-istess qies u forma.
38 Hu għamel għaxar vaski tar-ram. Kull waħda kienet tesaʼ 40 bat u kienet erbaʼ kubiti.* Kien hemm vaska għal kull karru. 39 Imbagħad qiegħed ħames karrijiet fuq in-naħa tal-lemin tad-dar, u ħamsa fuq ix-xellug tad-dar, u l-Baħar qiegħdu fuq in-naħa tal-lemin tad-dar, lejn ix-Xlokk.
40 Ħiram għamel ukoll il-vaski, il-pali, u l-iskutelli.
Għalhekk, Ħiram lesta x-xogħol kollu li għamel għar-Re Salamun fid-dar taʼ Ġeħova: 41 iż-żewġ kolonni u l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuqhom; iż-żewġ xbieki biex jiksu l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuq il-kolonni; 42 l-400 rummiena għaż-żewġ xbieki, żewġ ringieli rummien għal kull xibka biex jiksu ż-żewġ partijiet imżejnin taʼ fuq iż-żewġ kolonni; 43 l-għaxar karrijiet u l-għaxar vaski taʼ fuqhom, 44 il-Baħar u t-12-il barri taʼ taħtu; 45 u r-reċipjenti għall-irmied, il-pali, l-iskutelli, u l-għodod kollha tagħhom, li Ħiram għamel mir-ram illostrat għar-Re Salamun fid-dar taʼ Ġeħova. 46 Ir-re għamilhom minn metall imdewweb f’forom tat-tafal fid-distrett tal-Ġordan, bejn Sukkot u Saretan.
47 Salamun ma wiżen l-ebda għodda għax kien hemm kwantità kbira. Il-piż tar-ram baqaʼ mhux magħruf. 48 Salamun għamel l-għodod kollha għad-dar taʼ Ġeħova: l-artal tad-deheb; il-mejda tad-deheb li fuqha kellu jitpoġġa l-ħobż tal-preżenza; 49 il-gandlieri tad-deheb pur, ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett; u l-fjuri, il-lampi, u l-għodod li jitfu l-ftila bihom, kollha tad-deheb, 50 il-bwieqi, l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, l-iskutelli, it-tazzi, u r-reċipjenti għall-ġamar, kollha tad-deheb pur; u l-bażijiet taʼ fuq u t’isfel għall-pernijiet tal-bibien tad-dar taʼ ġewwa nett, jiġifieri tal-Iktar Qaddis, u għall-bibien tad-dar tat-tempju, kollha tad-deheb.
51 Ir-Re Salamun lesta x-xogħol kollu li kellu jagħmel għad-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad Salamun daħħal l-affarijiet li qaddes missieru David, u poġġa l-fidda, id-deheb, u l-oġġetti fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova.
8 Dak iż-żmien Salamun laqqaʼ lill-anzjani* t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet kollha tat-tribujiet u l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier t’Iżrael. Huma marru Ġerusalemm għand ir-Re Salamun biex itellgħu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova mill-Belt taʼ David, jiġifieri Sijon. 2 L-irġiel kollha t’Iżrael iltaqgħu quddiem ir-Re Salamun fil-festa* fix-xahar t’Etanim,* jiġifieri fis-sebaʼ xahar. 3 Għalhekk, marru l-anzjani kollha t’Iżrael, u l-qassisin refgħu l-Arka u ġarrewha. 4 Il-qassisin u l-Leviti tellgħu l-Arka taʼ Ġeħova, it-tinda tal-laqgħa, u l-għodod qaddisin kollha li kien hemm fit-tinda. 5 Ir-Re Salamun u l-ġemgħa kollha t’Iżrael li ġiet miġbura biex tiltaqaʼ miegħu, kienu quddiem l-Arka. Tant bdew joffru sagrifiċċji taʼ nagħaġ u baqar li ma setgħux jgħodduhom.
6 Imbagħad il-qassisin ħadu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova f’postha, fil-kamra taʼ ġewwa nett tad-dar, jiġifieri l-Iktar Qaddis, u poġġewha taħt il-ġwienaħ tal-kerubini.
7 Il-ġwienaħ tal-kerubini kienu miftuħin fuq il-post fejn kienet l-Arka, u b’hekk il-kerubini għattew bid-dell tagħhom l-Arka u l-lasti tagħha. 8 Il-lasti tant kienu twal li t-truf tagħhom setgħu jidhru mill-Qaddis quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett, imma ma kinux jidhru minn barra. Dawn għadhom hemmhekk sal-lum. 9 Ma kien hemm xejn fl-Arka ħlief iż-żewġ twavel tal-ġebel li Mosè qiegħed hemm f’Ħoreb, meta Ġeħova għamel patt mal-poplu t’Iżrael waqt li kienu ħerġin mill-art tal-Eġittu.
10 Meta l-qassisin ħarġu mill-post qaddis, is-sħaba mliet id-dar taʼ Ġeħova. 11 Il-qassisin ma setgħux ikomplu jaqdu minħabba s-sħaba, għax il-glorja taʼ Ġeħova mliet id-dar taʼ Ġeħova. 12 Imbagħad Salamun qal: “Ġeħova qal li kien se joqgħod fid-dalma l-kbira. 13 Jien irnexxieli nibnilek dar fl-għoli u glorjuża, post biex tgħix fih għal dejjem.”
14 Imbagħad ir-re dar lejn il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael u beda jberikha waqt li kienet bilwieqfa. 15 Hu qal: “Jalla Ġeħova l-Alla t’Iżrael jiġi mfaħħar, il-wieħed li* għamel dak li wiegħed* lil missieri David, meta qal, 16 ‘Minn dakinhar li ħriġt lill-poplu tiegħi Iżrael mill-Eġittu, m’għażiltx belt mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex nibni dar għal ismi ħalli jibqaʼ hemm, imma għażilt lil David biex ikun fuq il-poplu tiegħi Iżrael.’ 17 U missieri David xtaq minn qalbu li jibni dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 18 Imma Ġeħova qallu, ‘Int xtaqt minn qalbek li tibni dar għal ismi, u sew għamilt li xtaqt dan. 19 Madankollu mhux int tibni d-dar, imma t-tifel li se jkollok* jibni d-dar għal ismi.’ 20 Ġeħova għamel dak li wiegħed, għax jien ilħaqt wara David missieri u qiegħed fuq it-tron t’Iżrael, bħalma wiegħed Ġeħova. Ukoll, jien bnejt id-dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 21 Hemmhekk għamilt post għall-Arka li fiha l-patt li Ġeħova għamel maʼ missirijietna meta kien qed joħroġhom mill-art tal-Eġittu.”
22 Imbagħad Salamun qagħad quddiem l-artal taʼ Ġeħova u quddiem il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael, u fetaħ idejh lejn is-sema, 23 u qal: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, m’hemmx Alla bħalek la fis-sema u lanqas fl-art. Int iżżomm il-patt u turi mħabba u lealtà* mal-qaddejja tiegħek li mexjin quddiemek b’qalbhom kollha. 24 Int żammejt il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, il-qaddej tiegħek. U llum int għamilt dak li wegħedt. 25 U issa, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, żomm il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, meta għedt: ‘Jekk it-tfal tiegħek joqogħdu attenti kif jgħixu u jimxu fi triqti bħalma għamilt int, dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li joqgħod fuq it-tron t’Iżrael.’ 26 U issa jekk jogħġbok, l-Alla t’Iżrael, ħalli l-wegħda li għamilt maʼ missieri David tkun taʼ min jafdaha.
27 “Imma vera li Alla se jgħix fuq l-art? Ara! Lanqas is-sema, iva, is-sema kollha, mhi kbira biżżejjed biex toqgħod fiha; aħseb u ara din id-dar li bnejt jien! 28 Ġeħova Alla tiegħi, agħti kas it-talba u s-supplika* tiegħi għall-ħniena. Ismaʼ l-għajta tiegħi għall-għajnuna u dak li qed nitlob quddiemek illum. 29 Jalla żżomm għajnejk fuq din id-dar lejl u nhar, fuq il-post li dwaru int għedt li ismek se jkun hemmhekk, biex tismaʼ t-talb li jien, il-qaddej tiegħek, nitlob fid-direzzjoni taʼ dan il-post. 30 U ismaʼ s-supplika tiegħi għall-ħniena u s-supplika tal-poplu tiegħek Iżrael li jitolbu fid-direzzjoni taʼ dan il-post, u jalla tismaʼ mill-post fejn tgħix fis-sema. Iva, jalla tismaʼ u taħfer.
31 “Ejja ngħidu li raġel jidneb kontra ħaddieħor u jiġi mġiegħel jaħlef,* u wara li jkun għamel il-ħalfa* jiġi quddiem l-artal tiegħek f’din id-dar. 32 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taġixxi u tiġġudika lill-qaddejja tiegħek. Lil dak mill-agħar tiddikjarah ħati* u tikkastigah għal dak li għamel, u lill-ġust tiddikjarah innoċenti* u tippremjah skont il-ġustizzja tiegħu.
33 “Ejja ngħidu li l-poplu tiegħek Iżrael jingħeleb minn għadu għax ikun baqaʼ jidneb kontrik, u jerġaʼ lura għandek u jigglorifika lil ismek u jitolbok u jissupplikak għall-ħniena f’din id-dar. 34 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taħfer id-dnub tal-poplu tiegħek Iżrael u tieħdu lura fl-art li tajt lil missirijietu.
35 “Ejja ngħidu li s-sema tingħalaq u ma tagħmilx xita għax in-nies ikunu baqgħu jidinbu kontrik, u huma jitolbu lejn dan il-post u jigglorifikaw lil ismek u jduru lura minn dnubhom għax tkun umiljajthom.* 36 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taħfer id-dnub tal-qaddejja tiegħek, il-poplu tiegħek Iżrael, u tgħallimhom dwar it-triq it-tajba li għandhom jimxu fiha; u tibgħat ix-xita fuq l-art li int tajthom bħala wirt.
37 “Ejja ngħidu li fil-pajjiż ikun hemm il-ġuħ, pesta, riħ jaħraq, moffa, jew qtajjaʼ taʼ ġurati; jew l-għadu jassedjahom f’waħda minn bliethom jew ikun hemm xi tip taʼ kastig jew mard ieħor, 38 u xi raġel jew il-poplu kollu tiegħek Iżrael jitolbok u jissupplikak għall-ħniena b’idejh miftuħa lejn din id-dar (għax kull wieħed jaf l-uġigħ taʼ qalbu). 39 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u taħfer u taġixxi. Ippremja lil kull wieħed skont dak li jagħmel, għax int taf lil qalbu (int biss taf tajjeb qalb kull bniedem), 40 sabiex jirrispettak u jibżaʼ minnek kemm idum ħaj fl-art li tajt lil missirijietna.
41 “Ukoll, ejja ngħidu li barrani li mhuwiex parti mill-poplu tiegħek Iżrael jiġi mill-bogħod minħabba ismek* 42 (għax se jisimgħu dwar ismek il-kbir u dwar l-id b’saħħitha u qawwija tiegħek), u jiġi u jitlob fid-direzzjoni taʼ din id-dar. 43 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u tagħmel kulma jitolbok. B’hekk, il-popli kollha tal-art isiru jafu lil ismek, jirrispettawk, u jibżgħu minnek, bħalma jagħmel il-poplu tiegħek Iżrael, u jkunu jafu li din id-dar li bnejt jien tonora lil ismek.
44 “Issa ejja ngħidu li n-nies tiegħek joħorġu għall-gwerra kontra l-għadu tagħhom fit-triq li tibgħathom int, u jitolbuk fid-direzzjoni tal-belt li int għażilt u d-dar li jien bnejt għal ismek, Ġeħova. 45 F’dan il-każ, ismaʼ mis-sema t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena, u aqbeż* għalihom.
46 “Ejja ngħidu li jidinbu kontrik (għax m’hemm ebda bniedem li ma jidnibx), u int tirrabja ħafna magħhom u tabbandunahom f’idejn għadu, u dan jiħodhom bħala lsiera lejn pajjiżu, ’il bogħod jew viċin. 47 Imbagħad, huma jiġu f’sensihom fil-pajjiż fejn ikunu lsiera, jerġgħu lura lejk, u jitolbuk għall-ħniena fil-pajjiż tal-għadu, billi jgħidu, ‘Dnibna u żbaljajna; aġixxejna ħażin.’ 48 U jerġgħu lura lejk b’qalbhom kollha u b’ruħhom* kollha fil-pajjiż tal-għedewwa li ħaduhom fil-jasar, u jitolbuk fid-direzzjoni t’arthom li int tajt lil missirijiethom, il-belt li int għażilt, u d-dar li jien bnejt għal ismek. 49 F’dan il-każ, ismaʼ t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena mis-sema, il-post fejn tgħix, u aqbeż għalihom. 50 Aħfer lin-nies tiegħek li dinbu kontrik, billi taħfrilhom in-nuqqasijiet kollha li għamlu kontrik. Ġiegħel lil dawk li qabduhom biex jitħassruhom 51 (għax huma l-poplu tiegħek u wirtek, li int ħriġt mill-Eġittu, mill-forn li jdewweb il-ħadid). 52 Jalla tismaʼ t-talb għall-ħniena tiegħi u tal-poplu tiegħek Iżrael kull darba li nitolbuk.* 53 Għax int għażiltu bħala wirt mill-popli kollha tal-art, bħalma għedt permezz taʼ Mosè l-qaddej tiegħek meta kont qed toħroġ lil missirijietna mill-Eġittu, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”*
54 U malli Salamun offra lil Ġeħova din it-talba kollha u s-supplika għall-ħniena, hu qam minn quddiem l-artal taʼ Ġeħova, fejn kien għarkopptejh b’idejh miftuħin lejn is-sema. 55 Hu mbagħad qagħad bilwieqfa u bierek lill-kongregazzjoni kollha t’Iżrael b’leħen għoli, billi qal: 56 “Jalla jkun imfaħħar Ġeħova, li ta post taʼ mistrieħ lill-poplu tiegħu Iżrael, bħalma wiegħed. Ma kienx hemm kelma li ma seħħitx mill-wegħdi tajbin kollha li għamel permezz tal-qaddej tiegħu Mosè. 57 Jalla Ġeħova l-Alla tagħna jkun magħna bħalma kien maʼ missirijietna. Jalla qatt ma jitlaqna jew jabbandunana. 58 Jalla jagħtina x-xewqa biex nimxu fi triqatu kollha u nobdu l-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu, li kkmanda lil missirijietna biex jobdu. 59 U jalla kliemi li bih tlabt lil Ġeħova għall-ħniena jkun qrib Ġeħova l-Alla tagħna billejl u binhar, sabiex kuljum jaqbeż għalija u għall-poplu tiegħu Iżrael skont il-bżonn. 60 sabiex il-popli kollha tal-art ikunu jafu li Ġeħova hu l-Alla l-veru. M’hemmx ħliefu! 61 Mela ħa jkollkom qalb sħiħa maʼ* Ġeħova l-Alla tagħna billi timxu mar-regoli tiegħu u billi tobdu l-kmandamenti tiegħu bħalma qed tagħmlu llum.”
62 U r-re u Iżrael kollu offrew ħafna sagrifiċċji quddiem Ġeħova. 63 Salamun offra s-sagrifiċċji tal-paċi lil Ġeħova. Hu offra 22,000 baqra u 120,000 nagħġa. B’hekk, ir-re u l-Iżraelin kollha inawguraw id-dar taʼ Ġeħova. 64 Dakinhar ir-re kellu jqaddes il-parti tan-nofs tal-bitħa li tinsab quddiem id-dar taʼ Ġeħova, għax hemm kellu joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali,* u l-biċċiet tax-xaħam tas-sagrifiċċji tal-paċi. Dan sar għax l-artal tar-ram li jinsab quddiem Ġeħova kien żgħir wisq biex jesaʼ dawn is-sagrifiċċji kollha. 65 F’dak iż-żmien, Salamun għamel festa mal-Iżraelin kollha quddiem Ġeħova l-Alla tagħna għal sebat ijiem u sebat ijiem oħra, 14-il jum b’kollox. Ġiet kongregazzjoni kbira mill-pajjiż kollu, minn Lebo-ħamat* sal-Wied tal-Eġittu. 66 L-għada,* hu bagħat lin-nies u huma bierku lir-re u marru lura d-dar, kuntenti u qalbhom mimlija ferħ minħabba l-qalb tajba li Ġeħova wera mal-qaddej tiegħu David u mal-poplu tiegħu Iżrael.
9 Malli Salamun lesta l-bini tad-dar taʼ Ġeħova, il-palazz tiegħu, u kull ħaġa li xtaq jibni, 2 Ġeħova deher lil Salamun għat-tieni darba, bħalma kien deherlu f’Gibegħon. 3 Ġeħova qallu: “Smajt it-talba u s-supplika* tiegħek għall-ħniena li tlabt quddiemi. Jien qaddist din id-dar li bnejt int billi qegħedt ismi fiha b’mod permanenti, u se nżomm għajnejja fuqha u nipproteġiha għal dejjem. 4 U jekk int timxi quddiemi bħalma mexa missierek David, b’qalb sħiħa u b’mod ġust, billi tagħmel kulma kkmandajtek u tobdi r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, 5 jien insaħħaħ it-tron taʼ saltnatek fuq Iżrael għal dejjem, bħalma wegħedt lil missierek David, meta għedt, ‘Dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li joqgħod fuq it-tron t’Iżrael.’ 6 Imma jekk intom u t-tfal tagħkom ma tibqgħux timxu warajja u ma tobdux il-kmandamenti u l-liġijiet li tajtkom, u tmorru taqdu allat oħrajn u tmilu quddiemhom, 7 jien neqred lil Iżrael minn wiċċ l-art li tajtu, u d-dar li qaddist għal ismi nneħħiha minn quddiem għajnejja, u Iżrael isir oġġett taʼ tmaqdir* u twaqqigħ għaċ-ċajt fost il-popli kollha. 8 U din id-dar issir ħerba sħiħa. Kull min jgħaddi minn ħdejha jibqaʼ ċċassat, ixengel rasu,* u jgħid, ‘Ġeħova għala għamlilhom hekk lil din l-art u din id-dar?’ 9 Imbagħad jgħidu, ‘Kien għaliex telqu lil Ġeħova l-Alla tagħhom, li kien ħareġ lil missirijiethom mill-art tal-Eġittu, u daru lejn allat oħrajn, mielu quddiemhom, u qdewhom. Hu għalhekk li Ġeħova ġab fuqhom dan il-gwaj kollu.’”
10 Salamun bena ż-żewġt idjar, id-dar taʼ Ġeħova u l-palazz tiegħu, f’20 sena. 11 Ħiram ir-re taʼ Tir ipprovda lil Salamun injam taċ-ċedru u tal-ġnibru, u d-deheb kollu li xtaq. Għalhekk ir-Re Salamun tah 20 belt fl-art tal-Galilija. 12 U Ħiram ħareġ minn Tir biex jara l-bliet li tah Salamun, imma ma kienx sodisfatt bihom.* 13 Hu qallu: “Dawn xi bliet tajtni ħija?” Għalhekk, ingħataw l-isem l-Art taʼ Kabul* sal-lum. 14 Sadanittant, Ħiram bagħat lir-re 120 talent* deheb.
15 Dan hu r-rakkont taʼ dawk li r-Re Salamun ikkmanda biex jaħdmu għalih u jibnu d-dar taʼ Ġeħova, il-palazz tiegħu stess, l-Għolja,* is-sur taʼ Ġerusalemm, Ħasor, Megiddo, u Geżer. 16 (Il-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, kien telaʼ u ħa taħt idu l-belt taʼ Geżer u ħaraqha. Ukoll, hu qatel lill-Kangħanin li kienu jgħixu fiha. Għalhekk, hu taha bħala rigal* lil bintu, mart Salamun.) 17 Salamun bena* Geżer, Bet-ħoron t’Isfel, 18 Bagħalat, u Tamar fid-deżert, li qiegħda fil-pajjiż tiegħu. 19 Bena wkoll il-bliet kollha għall-imħażen, il-bliet għall-karrijiet, il-bliet għar-rikkieba taż-żwiemel, u kwalunkwe ħaġa li Salamun xtaq jibni f’Ġerusalemm, fil-Libanu, u fl-art kollha fejn kien imexxi. 20 U kien fadal xi nies mill-Amurrin, mill-Ħittin, mill-Pereżin, mill-Ħiwwin, u mill-Ġebusin, li ma kinux parti mill-poplu t’Iżrael. 21 Dawn kienu jiġu minn dawk li l-Iżraelin ma setgħux jeqirduhom u li kienu għadhom fil-pajjiż. Lil dawn Salamun qabbadhom jagħmlu xogħol taʼ bilfors bħala lsiera sal-lum. 22 Imma Salamun m’għamel lil ħadd mill-Iżraelin ilsir, għax huma kienu l-gwerriera, il-qaddejja, l-uffiċjali għoljin, l-ajjutanti, u l-kapijiet tas-sewwieqa tal-karrijiet u tar-rikkieba taż-żwiemel tiegħu. 23 Kien hemm 550 kap tal-gvernaturi li kienu jieħdu ħsieb ix-xogħol taʼ Salamun, u dawn kienu fuq il-ħaddiema.
24 Bint il-Fargħun ħarġet mill-Belt taʼ David u telgħet lejn id-dar li kien bnielha. Imbagħad Salamun bena l-Għolja.*
25 Wara li Salamun lesta d-dar, hu kien joffri tliet darbiet fis-sena sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tal-paċi fuq l-artal li kien bena għal Ġeħova. Hu kien joffri wkoll id-duħħan tas-sagrifiċċji fuq l-artal, li kien quddiem Ġeħova.
26 Ir-Re Salamun bena wkoll flotta taʼ vapuri f’Għesjon-geber, li qiegħed ħdejn Elot, max-xatt tal-Baħar l-Aħmar fl-art t’Edom. 27 Ħiram bagħat lill-qaddejja tiegħu stess, li kienu baħrin tal-esperjenza, mal-flotta tal-vapuri biex jaqdu flimkien mal-qaddejja taʼ Salamun. 28 Huma marru Ofir u ħadu minn hemm 420 talent deheb u tawh lir-Re Salamun.
10 Issa r-reġina taʼ Xeba semgħet dwar il-fama li kellu Salamun minħabba isem Ġeħova, għalhekk marret biex tittestja l-għerf tiegħu b’mistoqsijiet diffiċli.* 2 Hi waslet Ġerusalemm b’ammont impressjonanti taʼ qaddejja, u b’iġmla jġorru żejt tal-balzmu, kwantità kbira taʼ deheb, u ħaġar prezzjuż. Hi daħlet għand Salamun u kellmitu fuq dak kollu li kien għal qalbha. 3 Imbagħad Salamun wieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħha. Ma kien hemm xejn li kien diffiċli wisq* għalih biex jispjegalha.
4 Meta r-reġina taʼ Xeba rat l-għerf kollu taʼ Salamun, id-dar li kien bena, 5 l-ikel fuq il-mejda tiegħu, kif il-qaddejja tiegħu kienu jpoġġu mal-mejda, is-servizz taʼ dawk li kienu jservu l-ikel u lbieshom, lil dawk li jservu x-xorb, u s-sagrifiċċji tal-ħruq li kien joffri regolarment fid-dar taʼ Ġeħova, hi baqgħet imbellha.* 6 Għalhekk qalet lir-re: “Dak li smajt f’pajjiżi dwar dak li għamilt* u dwar l-għerf tiegħek hu veru. 7 Iżda m’emmintx dak li smajt sakemm ġejt u rajt b’għajnejja. U ara, lanqas in-nofs ma kienu qaluli! L-għerf u l-ġid tiegħek huma ħafna iktar minn dak li smajt. 8 Ferħanin huma n-nies tiegħek u ferħanin huma l-qaddejja tiegħek li jkunu miegħek kuljum u jisimgħu l-għerf tiegħek! 9 Ħa jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħa pjaċir bik u poġġiek fuq it-tron t’Iżrael. Peress li Ġeħova għandu mħabba dejjiema għal Iżrael, hu għamlek re biex tagħmel il-ġustizzja u tmexxi bis-sewwa.”
10 Imbagħad tat lir-re 120 talent* deheb, kwantità kbira taʼ żejt tal-balzmu, u ħaġar prezzjuż. Ħadd ma ta kwantità taʼ żejt tal-balzmu daqskemm tat ir-reġina taʼ Xeba lir-Re Salamun.
11 Il-flotta taʼ vapuri taʼ Ħiram li kienet qed iġġorr id-deheb minn Ofir, ħadet ukoll minn hemm ħaġar prezzjuż u ammont kbir ħafna taʼ njam tas-sandlu. 12 Mill-injam tas-sandlu, ir-re għamel tip t’appoġġ għad-dar taʼ Ġeħova u għall-palazz tiegħu, kif ukoll arpi u strumenti tal-korda għall-kantanti. Sal-lum qatt ma deher injam tas-sandlu bħal dan u ħadd qatt ma reġaʼ ġab bħalu.
13 Apparti l-affarijiet li r-Re Salamun ta lir-reġina taʼ Xeba minn jeddu, hu taha wkoll kulma xtaqet u talbitu. Imbagħad, hi telqet lura lejn pajjiżha flimkien mal-qaddejja tagħha.
14 U d-deheb li kien jasal għand Salamun f’sena waħda kien jiżen 666 talent deheb, 15 minbarra dak li kien jiddaħħal mill-merkanti, u l-qligħ min-negozjanti, mir-rejiet kollha tal-Għarab, u mill-gvernaturi tal-pajjiż.
16 Ir-Re Salamun għamel 200 tarka kbira tad-deheb imħallat maʼ metall ieħor (kull tarka kien fiha 600 xekel* deheb) 17 u 300 tarka żgħira* tad-deheb imħallat maʼ metall ieħor (kull tarka żgħira kien fiha tliet miniet* deheb). Imbagħad ir-re qegħedhom fid-Dar tal-Foresta tal-Libanu.
18 Ir-re għamel ukoll tron kbir tal-avorju u ksieh bid-deheb irfinut. 19 Kien hemm sitt tarġiet għat-tron, u t-tron kellu tinda tonda warajh. Maż-żewġt iġnub tiegħu kellu fejn iserraħ idejh, u kien hemm iljun fuq kull naħa. 20 U kien hemm 12-il iljun fuq is-sitt tarġiet, wieħed fuq kull tarf tas-sitt tarġiet. L-ebda saltna oħra ma kellha tron bħalu.
21 It-tazzi kollha tar-Re Salamun kienu tad-deheb, u kull ħaġa li kienet tintuża għall-ikel u x-xorb fid-Dar tal-Foresta tal-Libanu kienet tad-deheb pur. Ma kien hemm xejn tal-fidda, għax il-fidda fi żmien Salamun ma kienet tiswa xejn. 22 Għax ir-re kellu flotta taʼ vapuri taʼ Tarsis fil-baħar flimkien mal-flotta taʼ Ħiram. U darba kull tliet snin, il-flotta taʼ vapuri taʼ Tarsis kienet tiġi mgħobbija b’deheb u fidda, avorju, xadini, u paguni.
23 Għalhekk, ir-Re Salamun kellu iktar ġid u għerf mir-rejiet kollha tal-art. 24 U n-nies kollha tal-art kienu jipprovaw jiltaqgħu maʼ* Salamun biex jisimgħu l-għerf li Alla kien tah. 25 Kull sena, kull min iżuru kien jiħodlu rigal: oġġetti tal-fidda, oġġetti tad-deheb, ħwejjeġ, armi, żejt tal-balzmu, żwiemel, u bgħula.
26 U Salamun baqaʼ jżid mal-karrijiet u ż-żwiemel* tiegħu. Hu kellu 1,400 karru u 12,000 żiemel,* u kien iżommhom fil-bliet għall-karrijiet u qribu f’Ġerusalemm.
27 F’Ġerusalemm, ir-re għamel il-fidda abbundanti daqs il-ġebel, u l-injam taċ-ċedru daqs is-siġar tal-ġummajż* li hemm fis-Sefela.
28 Iż-żwiemel għal Salamun kienu jġibuhom mill-Eġittu, u l-merkanti tar-re kienu jixtru gruppi taʼ żwiemel* bil-prezz li jkunu qed jinbiegħu. 29 Kull karru li kienu jġibu mill-Eġittu kien jiswa 600 biċċa tal-fidda, u żiemel kien jiswa 150. Imbagħad dawn kienu jintbagħtu lir-rejiet kollha tal-Ħittin u tas-Sirja.
11 Minbarra bint il-Fargħun, ir-Re Salamun ħabb ħafna nisa barranin oħra: nisa Mowabin, Għammonin, Edomin, Sidonin, u Ħittin. 2 Huma kienu mill-popli li dwarhom Ġeħova kien qal lill-Iżraelin: “M’għandkomx tidħlu fosthom,* u huma m’għandhomx jidħlu fostkom, għax żgur iħajrukom* tmorru wara l-allat tagħhom.” Imma Salamun rabat qalbu magħhom u ħabbhom. 3 Hu kellu 700 mara, li kienu prinċipessi, u 300 konkubina. Bil-mod il-mod, in-nisa tiegħu influwenzawh ħafna. 4 Meta Salamun xjaħ, in-nisa tiegħu ħajruh imur* wara allat oħrajn, u qalbu ma baqgħetx sħiħa maʼ* Ġeħova l-Alla tiegħu bħalma kienet qalb missieru David. 5 U Salamun mar wara Għastoret l-alla mara tas-Sidonin u wara Milkom l-alla moqżież tal-Għammonin. 6 Salamun għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u ma mexiex għalkollox wara Ġeħova bħal missieru David.
7 F’dak iż-żmien, Salamun bena fuq il-muntanja taʼ quddiem Ġerusalemm post għall-qima lil Kemos l-alla moqżież taʼ Mowab u lil Molek l-alla moqżież tal-Għammonin. 8 Dan għamlu għan-nisa barranin kollha tiegħu li kienu qed joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji u jagħmlu sagrifiċċji lill-allat tagħhom.
9 Ġeħova rrabja ħafna għal Salamun, għax kien tbiegħed* minn Ġeħova l-Alla t’Iżrael, li kien deherlu darbtejn 10 u wissieh propju dwar din il-ħaġa, li m’għandux imur wara allat oħrajn. Imma hu m’obdiex dak li kkmandah Ġeħova. 11 Ġeħova qal lil Salamun: “Talli għamilt hekk u ma żammejtx il-patt u l-liġijiet tiegħi bħalma kkmandajtek, jien żgur li naħtaflek is-saltna u nagħtiha lil wieħed mill-qaddejja tiegħek. 12 Madankollu, ma nagħmilx dan fi żmienek, minħabba missierek David. Se naħtafha minn id ibnek, 13 imma ma naħtafx is-saltna kollha. Se nagħti tribù lil ibnek, minħabba l-qaddej tiegħi David u minħabba Ġerusalemm li jien għażilt.”
14 Imbagħad Ġeħova għamel lil Ħadad l-Edomi għadu taʼ Salamun. Dan kien mill-familja tar-rejiet t’Edom. 15 Meta David rebaħ lil Edom, Ġowab il-kap tal-armata telaʼ jidfen lill-maqtulin, u hu pprova joqtol lil kull raġel* f’Edom. 16 (Għax Ġowab baqaʼ jgħix hemmhekk m’Iżrael kollu għal sitt xhur sakemm qatel lil kull raġel* f’Edom.) 17 Imma Ħadad ħarab flimkien maʼ xi qaddejja Edomin taʼ missieru u marru l-Eġittu. Dak iż-żmien, Ħadad kien għadu żgħir. 18 Għalhekk, ħarġu minn Midjan u waslu Faran. Huma ħadu xi rġiel magħhom minn Faran u marru l-Eġittu għand il-Fargħun, ir-re tal-Eġittu. Dan tah dar, ipprovdielu l-ikel, u biċċa art. 19 Il-Fargħun tant ħa pjaċir b’Ħadad li żewwiġlu lil oħt il-mara tiegħu Taħfenes ir-reġina.* 20 Maż-żmien, oħt Taħfenes wellditlu iben jismu Genubat. Taħfenes rabbietu fid-dar tal-Fargħun, u Genubat baqaʼ f’dar il-Fargħun fost it-tfal tal-Fargħun.
21 Mill-Eġittu, Ħadad semaʼ li David kien miet u li Ġowab il-kap tal-armata kien miet ukoll. Għalhekk, Ħadad qal lill-Fargħun: “Ibgħatni, ħa mmur pajjiżi.” 22 Imma l-Fargħun staqsieh: “Qatt naqsitek xi ħaġa miegħi biex issa trid tmur pajjiżek?” Wieġbu: “Le, imma ibgħatni xorta jekk jogħġbok.”
23 Alla għamel lil Reżon bin Eljada għadu taʼ Salamun ukoll. Dan kien ħarab minn sidu Ħadadgħeżer ir-re taʼ Soba. 24 Hu kien ġabar xi rġiel miegħu u sar il-kap taʼ grupp ħallelin meta David qatel lill-irġiel taʼ Soba. Għalhekk, marru Damasku u ssetiljaw u hu beda jmexxi hemm. 25 Hu sar għadu t’Iżrael kemm dam imexxi Salamun u żied mal-ħsara li għamel Ħadad. Hu kien jobgħod lil Iżrael waqt li mexxa fuq is-Sirja.
26 U kien hemm Ġerobogħam bin Nebat, Efrajmi minn Sereda, qaddej taʼ Salamun, li ommu kienet armla jisimha Serugħa. Hu wkoll beda jirribella* kontra r-re. 27 Hu rribella kontra r-Re Salamun għax dan kien bena l-Għolja* u kien għalaq il-fetħa fil-ħajt tal-Belt taʼ David missieru. 28 Issa Ġerobogħam kien żagħżugħ kapaċi. Meta Salamun ra li kien jaħdem iebes, hu qiegħdu fuq dawk mid-dar taʼ Ġużeppi li kienu mqabbdin jaħdmu għalih. 29 Matul dak iż-żmien, Ġerobogħam ħareġ minn Ġerusalemm, u l-profeta Aħija s-Siloni ltaqaʼ miegħu fit-triq. Aħija kien liebes libsa ġdida, u huma biss kien hemm fl-għalqa. 30 Aħija qabad il-libsa l-ġdida tiegħu u ċarratha fi 12-il biċċa. 31 Imbagħad qal lil Ġerobogħam:
“Ħu għaxar biċċiet għalik, għax Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid hekk: ‘Jien qed naħtaf is-saltna minn id Salamun, u lilek nagħtik għaxar tribujiet. 32 Imma tribù wieħed jibqaʼ tiegħu minħabba l-qaddej tiegħi David u minħabba Ġerusalemm, il-belt li jien għażilt mit-tribujiet kollha t’Iżrael. 33 Jien se nagħmel dan għax l-Iżraelin telquni u qed imilu quddiem Għastoret l-alla mara tas-Sidonin, quddiem Kemos l-alla taʼ Mowab, u quddiem Milkom l-alla tal-Għammonin. Huma ma mxewx fi triqati għax m’għamlux is-sewwa f’għajnejja u m’obdewx il-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi bħalma għamel David, missier Salamun. 34 Imma m’iniex se nieħu s-saltna kollha minn idejh, u se nħallih kap tul ħajtu kollha, minħabba l-qaddej tiegħi David li jien għażilt, għax hu obda l-kmandamenti u l-liġijiet tiegħi. 35 Imma se nieħu s-saltna minn idejn ibnu u lilek nagħtik għaxar tribujiet. 36 Lil ibnu nagħtih tribù, sabiex il-qaddej tiegħi David dejjem ikollu xi ħadd li jiġi minnu jmexxi* quddiemi f’Ġerusalemm, il-belt li jien għażilt għalija biex inqiegħed ismi. 37 U lilek nagħżlek biex tmexxi fuq kulma tixtieq, u ssir re fuq Iżrael. 38 U jekk tobdi kulma nikkmandak u timxi fi triqati u tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejja billi tobdi l-liġijiet u l-kmandamenti tiegħi, bħalma għamel David il-qaddej tiegħi, jien inkun miegħek ukoll. Dawk li jiġu minnek se jmexxu għal żmien twil bħal dawk li jiġu minn David, u nagħtik lil Iżrael. 39 U jien numilja lil dawk li jiġu minn David minħabba dan, imma mhux għal dejjem.’”
40 Għalhekk, Salamun ipprova joqtol lil Ġerobogħam, imma dan ħarab l-Eġittu għand Sisak ir-re tal-Eġittu, u baqaʼ hemm sa ma miet Salamun.
41 U l-bqija tal-istorja taʼ Salamun, kulma għamel, u l-għerf kollu tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja dwar Salamun. 42 Salamun dam imexxi f’Ġerusalemm fuq Iżrael kollu għal 40 sena. 43 Imbagħad Salamun miet u ndifen fil-Belt taʼ David missieru; u ibnu Reħobogħam sar re minfloku.
12 Reħobogħam mar Sikem, għax Iżrael kollu kien mar hemm biex jagħmlu re. 2 U Ġerobogħam bin Nebat semaʼ b’dan (hu kien għadu qed jgħix l-Eġittu għax kien ħarab minħabba r-Re Salamun). 3 Il-poplu bagħat għal Ġerobogħam, imbagħad hu u l-kongregazzjoni kollha t’Iżrael marru għand Reħobogħam u qalulu: 4 “Missierek taqqal il-madmad tagħna. Imma jekk int tħaffef ix-xogħol iebes li qabbadna missierek u l-madmad tqil* li qiegħed fuqna, aħna naqduk.”
5 Għal dan hu qalilhom: “Morru u erġgħu ejjew għandi tlett ijiem oħra.” Għalhekk in-nies telqu. 6 Ir-Re Reħobogħam mar jieħu parir mingħand l-irġiel kbar fl-età* li kienu qdew lil missieru Salamun waqt li kien għadu ħaj, u qalilhom: “Agħtuni parir dwar kif inwieġeb lil dawn in-nies.” 7 Huma wiġbuh: “Jekk illum issir qaddej taʼ dawn in-nies u tilqaʼ t-talba tagħhom u twiġibhom bil-kelma t-tajba, huma jkunu dejjem il-qaddejja tiegħek.”
8 Madankollu, hu injora l-parir li kienu tawh l-irġiel kbar fl-età,* u mar jieħu parir mingħand iż-żgħażagħ li trabbew miegħu u li kienu qed jaqduh. 9 Hu qalilhom: “Agħtuni parir dwar kif inwieġbu lin-nies li qaluli biex inħaffef il-madmad li missieri qiegħed fuqhom.” 10 Iż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu qalulu: “Lin-nies li qalulek biex tħaffef il-madmad tqil taʼ missierek għidilhom hekk: ‘Is-subaʼ ż-żgħir tiegħi se jkun eħxen minn ġenbejn missieri. 11 Missieri għabba fuqkom madmad tqil, imma jien se nżid mal-madmad tagħkom. Missieri kkastigakom bil-frosti, imma jien se nikkastigakom bil-frosti bil-ponot.’”
12 Ġerobogħam u n-nies kollha marru għand Reħobogħam fit-tielet jum, peress li kien qalilhom: “Erġgħu ejjew għandi fit-tielet jum.” 13 Imma r-re wieġeb lin-nies bl-aħrax u b’hekk injora l-parir li kienu tawh l-irġiel kbar fl-età.* 14 Hu kellimhom skont il-parir taż-żgħażagħ, u qalilhom: “Missieri taqqal il-madmad tagħkom, imma jien se nżid miegħu. Missieri kkastigakom bil-frosti, imma jien se nikkastigakom bil-frosti bil-ponot.” 15 Għalhekk, ir-re ma semax min-nies għax dan kien minn Ġeħova, sabiex isir dak li qal Ġeħova lil Ġerobogħam bin Nebat permezz t’Aħija s-Siloni.
16 Meta l-Iżraelin raw li r-re ma riedx jismaʼ minnhom, huma wiġbuh: “X’sehem għandna maʼ David? Aħna m’għandniex wirt maʼ bin Ġesse, mela ħa mmorru lejn allatna, Iżrael. Issa aħseb għal darek int David!” U l-Iżraelin marru lura lejn djarhom.* 17 Imma Reħobogħam baqaʼ jmexxi fuq l-Iżraelin li kienu jgħixu fil-bliet taʼ Ġuda.
18 Imbagħad ir-Re Reħobogħam bagħat b’inkarigu lil Adoram, li kien fuq dawk li kkmanda biex jaħdmu għalih, imma Iżrael kollu waddablu l-ġebel sakemm miet. Ir-Re Reħobogħam irnexxielu jitlaʼ fuq il-karru biex jaħrab lejn Ġerusalemm. 19 U l-Iżraelin komplew jirribellaw kontra d-dar taʼ David sal-lum.
20 Malli Iżrael kollu semaʼ li Ġerobogħam kien mar lura, huma nġabru flimkien, għajtulu, u għamluh re fuq Iżrael kollu. Ħadd ma segwa lid-dar taʼ David ħlief it-tribù taʼ Ġuda.
21 Meta Reħobogħam bin Salamun wasal Ġerusalemm, hu fil-pront laqqaʼ d-dar kollha taʼ Ġuda u t-tribù taʼ Benjamin, 180,000 gwerrier ittrennjat,* biex jiġġieldu kontra d-dar t’Iżrael, sabiex jieħu lura s-saltna. 22 Imbagħad l-Alla l-veru qal lil Semajja, il-qaddej tal-Alla l-veru: 23 “Għid lil Reħobogħam bin Salamun ir-re taʼ Ġuda, lid-dar kollha taʼ Ġuda u Benjamin, u l-bqija tal-poplu 24 li Ġeħova jgħid: ‘Titilgħux tiġġieldu kontra ħutkom l-Iżraelin. Kull wieħed minnkom għandu jmur lura lejn daru, għax jien ġegħeltu jiġri dan.’” Għalhekk, huma obdew il-kelma taʼ Ġeħova u marru lura d-dar, bħalma qalilhom Ġeħova.
25 Imbagħad Ġerobogħam bena* Sikem fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm u għex hemm. Wara telaq minn hemm u bena* Penwel. 26 Ġerobogħam qal f’qalbu: “Issa s-saltna terġaʼ lura għand id-dar taʼ David. 27 Jekk dan il-poplu jibqaʼ jmur joffri sagrifiċċji fid-dar taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm, qalb dan il-poplu terġaʼ lura lejn sidhom ir-Re Reħobogħam taʼ Ġuda. Imbagħad lili joqtluni u jerġgħu lura għandu.” 28 Wara li r-re ħa parir, hu għamel żewġ barrin żgħar* tad-deheb u qal lill-poplu: “Il-vjaġġ lejn Ġerusalemm ħa jkun wisq għalikom! Iżrael, hawn hu l-Alla tagħkom li ħariġkom mill-art tal-Eġittu.” 29 Imbagħad poġġa wieħed f’Betel u l-ieħor f’Dan. 30 Minħabba f’hekk, in-nies dinbu u marru ’l bogħod sa Dan biex iqimu l-barri żgħir* t’hemm.
31 Hu għamel djar biex iqimu l-allat f’postijiet fl-għoli u inkariga qassisin minn fost il-poplu kollu, li ma kinux Leviti. 32 Ukoll, Ġerobogħam għamel festa fil-15 tat-tmien xahar, bħall-festa li ssir f’Ġuda. Hu offra sagrifiċċji lill-barrin żgħar* li kien għamel fuq l-artal li bena f’Betel, u hemm inkariga qassisin għall-postijiet tal-qima falza li bena. 33 U beda jagħmel offerti fuq l-artal li bena f’Betel fil-15 tat-tmien xahar, ix-xahar li għażel hu stess. Hu għamel festa għall-poplu t’Iżrael u mar ħdejn l-artal biex jagħmel l-offerti u joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji.
13 Kien hemm qaddej t’Alla li ħareġ minn Ġuda u mar Betel skont kif ikkmandah Ġeħova, waqt li Ġerobogħam kien ħdejn l-artal joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji. 2 Imbagħad bħalma kkmanda Ġeħova, ir-raġel għajjat kontra l-artal: “Artal, artal! Hekk jgħid Ġeħova, ‘Se jitwieled iben fid-dar taʼ David li jkun jismu Ġosija! Dan se jissagrifika fuqek lill-qassisin tal-postijiet għall-qima falza, li qed joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fuqek, u jaħraq fuqek għadam tan-nies.’” 3 Dakinhar ta sinjal* u qal: “Dan hu s-sinjal* li Ġeħova ddikjara: L-artal se jinqasam, u l-irmied* li hemm fuqu jixxerred.”
4 Meta Ġerobogħam semaʼ dak li qal il-qaddej tal-Alla l-veru kontra l-artal f’Betel waqt li kien qed jagħmel offerti fuq l-artal, hu pponta subgħajh lejn ir-raġel u qal: “Aqbduh!” Minnufih idu pparalizzat,* u ma setax iċaqlaqha. 5 Imbagħad l-artal inqasam u l-irmied ixxerred minn fuqu, skont is-sinjal* li Ġeħova qal lill-qaddej tal-Alla l-veru.
6 Ir-re issa qal lill-qaddej tal-Alla l-veru: “Jekk jogħġbok, issupplika* għall-ħniena taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek, u itlob għalija sabiex idi tfiq.” Għal dan, il-qaddej tal-Alla l-veru ssupplika għall-ħniena taʼ Ġeħova, u id ir-re fieqet. 7 Ir-re mbagħad qallu: “Ejja miegħi d-dar u kul xi ħaġa, u ħallini nagħtik rigal.” 8 Imma l-qaddej tal-Alla l-veru qal lir-re: “Lanqas jekk tagħtini nofs darek ma niġi miegħek u niekol il-ħobż u nixrob l-ilma f’dan il-post. 9 Għax hekk ikkmandani Ġeħova: ‘Tikolx ħobż u tixrobx ilma, u terġax lura mit-triq li għaddejt minnha.’” 10 Għalhekk telaq minn triq oħra, u ma reġax lura mit-triq li għadda biex imur Betel.
11 Kien hemm profeta mdaħħal fiż-żmien joqgħod Betel, u t-tfal tiegħu marru d-dar u rrakkontawlu kulma għamel dakinhar il-qaddej tal-Alla l-veru f’Betel u l-kliem li kien qal lir-re. Wara li rrakkontawlu dan, 12 hu staqsiehom: “Minn liema triq għadda?” U t-tfal tiegħu wrewh it-triq li qabad il-qaddej tal-Alla l-veru li kien ġie minn Ġuda. 13 Hu qal lit-tfal tiegħu: “Armawli l-ħmar.” Huma ramawlu l-ħmar, u hu rikeb fuqu.
14 Hu mar wara l-qaddej tal-Alla l-veru u sabu bilqiegħda taħt siġra kbira. Imbagħad qallu: “Int il-qaddej tal-Alla l-veru li ġie minn Ġuda?” Hu wieġbu: “Iva.” 15 Hu qallu: “Ejja miegħi d-dar u kul biċċa ħobż.” 16 Imma hu qal: “Ma nistax niġi lura miegħek jew naċċetta l-istedina tiegħek, u ma nistax niekol jew nixrob miegħek f’dan il-post. 17 Għax Ġeħova kkmandani, ‘Tikolx ħobż u tixrobx ilma hemmhekk. Terġax lura mit-triq li għaddejt minnha.’” 18 Għal dan qallu: “Jien ukoll profeta bħalek, u anġlu tani dan il-kmand mingħand Ġeħova, ‘Għidlu jiġi lura miegħek id-dar sabiex jiekol il-ħobż u jixrob l-ilma.’” (Hu qarraq bih.) 19 Għalhekk, mar lura miegħu d-dar sabiex jiekol u jixrob.
20 Waqt li kienu bilqiegħda mal-mejda, Ġeħova ta messaġġ lill-profeta mdaħħal fiż-żmien, 21 u dan għolla leħnu u qal lill-qaddej tal-Alla l-veru li kien ġie minn Ġuda, “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Talli rribellajt kontra l-kmand taʼ Ġeħova u m’obdejtx il-kmandament li tak Ġeħova l-Alla tiegħek, 22 imma mort lura sabiex tiekol il-ħobż u tixrob l-ilma fil-post li dwaru għedtlek: “Tikolx ħobż u tixrobx ilma,” il-katavru tiegħek ma jindifinx fil-qabar taʼ missirijietek.’”
23 Wara li l-qaddej tal-Alla l-veru kiel u xorob, il-profeta mdaħħal fiż-żmien ramalu l-ħmar. 24 Imbagħad telaq lejn triqtu, imma attakkah iljun fit-triq u qatlu. Il-katavru tiegħu kien mitfugħ fit-triq, u l-ħmar u l-iljun qagħdu ħdejh. 25 Għaddew xi nies minn hemm u raw il-katavru mitfugħ fit-triq u l-iljun ħdejh. Imbagħad daħlu fil-belt fejn kien jgħix il-profeta mdaħħal fiż-żmien u rrakkontaw dak li raw.
26 Meta l-profeta mdaħħal fiż-żmien semaʼ dwar dan, hu mill-ewwel qal: “Dak huwa l-qaddej tal-Alla l-veru li rribella kontra l-kmand taʼ Ġeħova; għalhekk Ġeħova tah lill-iljun sabiex iqattgħu u joqtlu, bħalma qallu Ġeħova.” 27 Imbagħad qal lit-tfal tiegħu: “Armawli l-ħmar.” U hekk għamlu. 28 Hu telaq għal triqtu u sab il-katavru mitfugħ fit-triq bil-ħmar u l-iljun ħdejh. L-iljun ma kielx il-katavru u lanqas qattaʼ l-ħmar. 29 Il-profeta refaʼ l-katavru tal-qaddej tal-Alla l-veru, qiegħdu fuq il-ħmar, u ħadu lura f’beltu biex jibkih u jidfnu. 30 Għalhekk, qiegħed il-katavru fil-qabar tiegħu stess, u qagħdu jibkuh u jgħidu: “Jaħasra ħija!” 31 Wara li difnu, hu qal lit-tfal tiegħu: “Meta mmut, idfnuni fejn hu midfun il-qaddej tal-Alla l-veru. Għadmi qegħduh ħdejn għadmu. 32 Għax żgur li se jseħħ il-messaġġ mingħand Ġeħova li hu għajjat kontra l-artal li hemm f’Betel u kontra d-djar għall-qima tal-allat fil-postijiet fl-għoli li qegħdin fil-bliet tas-Samarija.”
33 Anki wara li ġara dan, Ġerobogħam baqaʼ jagħmel dak li hu ħażin u jinkariga qassisin għall-postijiet għall-qima falza minn fost il-poplu kollu. U lil kull min kien jixtieq, kien jinkarigah bħala qassis* u jgħid: “Ħa jsir wieħed mill-qassisin tal-postijiet għall-qima.” 34 Dan id-dnub taʼ dar Ġerobogħam wassal biex daru tinqered għalkollox minn fuq wiċċ l-art.
14 F’dak iż-żmien Abija bin Ġerobogħam marad. 2 Għalhekk, Ġerobogħam qal lil martu: “Jekk jogħġbok, ilbes ħwejjeġ differenti sabiex ma jagħrfux li int il-mara tiegħi, u mur Silo. Hemmhekk se ssib il-profeta Aħija li qal li jien kont se nsir re fuq dan il-poplu. 3 Ħu għaxar ħobżiet, xi ftajjar, u flixkun għasel, u mur għandu. Hu mbagħad jgħidlek x’se jiġri mit-tifel.”
4 Mart Ġerobogħam għamlet dak li qalilha. Hi marret Silo u waslet id-dar t’Aħija. Aħija ma kienx għadu jara minħabba li kien xjaħ.
5 Imma Ġeħova kien qal lil Aħija: “Ġejja l-mara taʼ Ġerobogħam biex tistaqsik dwar binha, għax hu marid. Se ngħidlek x’għandek tgħidilha.* Meta tasal, se tipprova taħbi min hi.”
6 Malli Aħija semaʼ l-passi tagħha hi u dieħla, qalilha: “Idħol mart Ġerobogħam. Għalfejn qed taħbi min int? Jien ġejt inkarigat nagħtik messaġġ aħrax. 7 Mur, għid lil Ġerobogħam, ‘Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael: “Jien għażiltek minn fost il-poplu sabiex nagħmlek mexxej tal-poplu tiegħi Iżrael. 8 Imbagħad ħtaft is-saltna mid-dar taʼ David u tajtha lilek. Imma int ma sirtx bħal David il-qaddej tiegħi, li obda l-kmandamenti tiegħi u mexa warajja b’qalbu kollha billi għamel biss dak li hu sewwa f’għajnejja. 9 Imma int, Ġerobogħam, għamilt agħar minn taʼ qablek, u għamilt għalik innifsek alla ieħor u statwi tal-metall* biex toffendini, u lili abbandunajtni. 10 Minħabba dan, jien se nġib gwaj fuq dawk li jiġu minnek u se noqtol lil kull raġel* fil-familja tiegħek, inkluż dawk bla ħila u dgħajfin f’Iżrael, u niknes għalkollox lil darek, bħalma wieħed jeħles mill-ħmieġ tal-annimali sakemm jitlaq kollu! 11 Min imut fil-belt minn darek jikluh il-klieb u min imut fl-għalqa jikluh l-għasafar, għax Ġeħova qalu dan.”’
12 “Issa qum u mur id-dar. Meta tidħol fil-belt, it-tifel imut. 13 Iżrael kollu jibkih u jidfnu, għax hu biss mid-dar taʼ Ġerobogħam se jitqiegħed f’qabar, għax hu l-uniku wieħed mid-dar taʼ Ġerobogħam li Ġeħova l-Alla t’Iżrael sab xi ħaġa tajba fih. 14 Ġeħova se jagħżel re fuq Iżrael li jeqred lil dar Ġerobogħam meta jasal iż-żmien, li ġej daqt. 15 Ġeħova se jikkastiga lil Iżrael, u dawn ikunu bħal qasba li tixxejjer fl-ilma, u jaqlaʼ mill-għeruq lil Iżrael minn din l-art tajba li ta lil missirijiethom, u jxerridhom fuq in-naħa l-oħra tax-Xmara,* talli għamlu l-arbli sagri,* u b’hekk offendew lil Ġeħova. 16 Hu jitlaq lil Iżrael minħabba d-dnubiet li għamel Ġerobogħam u li ġiegħel lil Iżrael jagħmel.”
17 Imbagħad mart Ġerobogħam qamet, telqet, u waslet Tirsa. Hekk kif rifset l-għatba tad-dar, it-tifel miet. 18 Hu ġie midfun, u Iżrael kollu bkieh, skont dak li qal Ġeħova permezz tal-qaddej tiegħu Aħija l-profeta.
19 U l-bqija tal-istorja taʼ Ġerobogħam, kif iġġieled, u kif mexxa huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 20 Ġerobogħam dam imexxi 22 sena, u wara miet. Ibnu Nadab sar re minfloku.
21 Sadanittant, Reħobogħam bin Salamun kien sar re f’Ġuda meta kellu 41 sena. Hu dam imexxi 17-il sena f’Ġerusalemm, il-belt li Ġeħova kien għażel mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex iqiegħed ismu. Ommu kienet Nagħma l-Għammonija. 22 In-nies taʼ Ġuda kienu qed jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Bid-dnubiet li għamlu ġegħluh jirrabja iktar milli ġegħluh missirijiethom. 23 Huma wkoll baqgħu jagħmlu idoli, pilastri sagri, u arbli sagri* fuq kull għolja kbira u taħt kull siġra b’saħħitha. 24 Fil-pajjiż kien hemm ukoll irġiel prostituti tat-tempju. Il-poplu kollu għamel kull ħaġa moqżieża li kienu jagħmlu l-popli li Ġeħova keċċa minn quddiem l-Iżraelin.
25 Fil-ħames sena tar-Re Reħobogħam, ir-Re Sisak tal-Eġittu telaʼ kontra Ġerusalemm. 26 Hu ħa t-teżori tad-dar taʼ Ġeħova u t-teżori tal-palazz tar-re. Kollox ħa, inkluż it-tarki kollha tad-deheb li kien għamel Salamun. 27 Għalhekk, ir-Re Reħobogħam għamel tarki tar-ram minflokhom, u fdahom f’idejn il-kapijiet tal-gwardji,* li kienu joqogħdu għassa mal-bieb tal-palazz tiegħu. 28 Kull meta r-re kien imur id-dar taʼ Ġeħova, il-gwardji kienu jġorruhom, u mbagħad jiħduhom lura fil-kamra tal-gwardji.
29 Il-bqija tal-istorja taʼ Reħobogħam u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 30 Il-gwerer bejn Reħobogħam u Ġerobogħam ma waqfux. 31 Imbagħad, Reħobogħam miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. Ommu kienet Nagħma l-Għammonija. U ibnu Abijam* sar re minfloku.
15 Fis-sena 18 tar-Re Ġerobogħam bin Nebat, Abijam sar re fuq Ġuda. 2 Hu mexxa tliet snin f’Ġerusalemm. Ommu kien jisimha Magħka u nannuha kien Abisalom. 3 Hu għamel l-istess dnubiet li kien għamel missieru, u qalbu ma kinitx sħiħa maʼ* Ġeħova l-Alla tiegħu, bħalma kienet sħiħa qalb l-antenat tiegħu David. 4 Madankollu, minħabba David, Ġeħova l-Alla tiegħu ħalla d-dixxendent tiegħu jmexxi* f’Ġerusalemm billi għażel lil ibnu warajh u ħalla lil Ġerusalemm teżisti. 5 Għax David għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova u għamel dak kollu li kkmandah kemm dam ħaj, ħlief fil-kwistjoni t’Urija l-Ħitti. 6 U kemm dam ħaj Reħobogħam kien hemm il-gwerer bejnu u bejn Ġerobogħam.
7 Il-bqija tal-istorja t’Abijam u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. Anki bejn Abijam u Ġerobogħam kien hemm il-gwerer. 8 Imbagħad, Abijam miet u difnuh fil-Belt taʼ David. Ibnu Asa sar re minfloku.
9 Fl-20 sena tat-tmexxija tar-Re Ġerobogħam t’Iżrael, Asa beda jmexxi fuq Ġuda. 10 Hu mexxa 41 sena f’Ġerusalemm. Nanntu kien jisimha Magħka u nannuha kien Abisalom. 11 Asa għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħall-antenat tiegħu David. 12 Hu keċċa l-irġiel prostituti tat-tempju mill-pajjiż u neħħa l-idoli moqżieża* kollha li għamlu missirijietu. 13 Neħħa wkoll lil nanntu Magħka mill-pożizzjoni li kellha,* għax kienet għamlet idolu oxxen għall-qima tal-arblu sagru.* Asa qaċċat dan l-idolu u ħarqu fil-Wied taʼ Kidron. 14 Imma l-postijiet għall-qima ma tneħħewx. Madankollu, qalb Asa baqgħet sħiħa maʼ* Ġeħova tul ħajtu. 15 Hu daħħal fid-dar taʼ Ġeħova l-affarijiet li qaddsu hu u missieru. Dawn kienu fidda, deheb, u diversi għodod.
16 Il-gwerer ma waqfux bejn Asa u Bagħsa r-re t’Iżrael. 17 Għalhekk, ir-Re Bagħsa t’Iżrael telaʼ kontra Ġuda u beda jibni* Rama biex ma jħalli lil ħadd joħroġ jew jidħol għand* ir-Re Asa taʼ Ġuda. 18 Għal dan, Asa ħa l-fidda u d-deheb kollu li kien baqaʼ fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova u fil-palazz tiegħu u tahom lill-qaddejja tiegħu. Imbagħad bagħathom għand Ben-ħadad bin Tabrimmon u n-neputi taʼ Ħeżjon, ir-re tas-Sirja, li kien jgħix Damasku, u qallu: 19 “Hemm ftehim* bejni u bejnek u bejn missieri u missierek. Jien qed nibgħatlek rigal taʼ fidda u deheb. Ejja u ikser il-ftehim* mar-Re Bagħsa t’Iżrael sabiex jitlaq minn hawn.” 20 Ben-ħadad semaʼ mir-Re Asa u bagħat lill-kapijiet tal-armati tiegħu kontra l-bliet t’Iżrael u dawn rebħu lil Ijon, Dan, Abel-bet-magħka, Kinneret kollha, u l-art kollha taʼ Naftali. 21 Malli Bagħsa semaʼ b’dan, hu waqaf jibni* Rama u kompla jgħix f’Tirsa. 22 Imbagħad, ir-Re Asa laqqaʼ lin-nies kollha taʼ Ġuda u huma ġarrew il-ġebel u l-injam taʼ Rama li Bagħsa kien qed jibni bihom. Ir-Re Asa użahom biex jibni* Geba f’Benjamin, u Mispa.
23 Il-bqija tal-istorja t’Asa, il-qawwa kollha tiegħu, kulma għamel, u l-bliet li bena* huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. Imma fi xjuħitu qabditu marda f’saqajh. 24 Imbagħad, Asa miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David l-antenat tiegħu. Ibnu Ġeħosafat sar re minfloku.
25 Nadab bin Ġerobogħam sar re fuq Iżrael fit-tieni sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, u mexxa sentejn fuq Iżrael. 26 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u aġixxa bħal missieru u għamel l-istess dnub li missieru ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 27 Waqt li Nadab u Iżrael kollu kienu qed jassedjaw Gibbeton, li kienet tal-Filistin, Bagħsa bin Aħija mit-tribù taʼ Issakar ikkonfoffa kontrih u qatlu hemm. 28 Għalhekk, Bagħsa qatlu fit-tielet sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda u sar re minfloku. 29 Malli sar re, hu qatel lid-dar kollha taʼ Ġerobogħam. Ma ħalla lil ħadd ħaj* li kien taʼ Ġerobogħam. Hu qeridhom skont dak li Ġeħova qal permezz tal-qaddej tiegħu Aħija s-Siloni. 30 Dan minħabba d-dnubiet li Ġerobogħam għamel u ġiegħel lil Iżrael jagħmel u minħabba li offenda bil-kbir lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 31 Il-bqija tal-ġrajjiet taʼ Nadab u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 32 II-gwerer ma waqfux bejn Asa u r-Re Bagħsa t’Iżrael.
33 Fit-tielet sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, Bagħsa bin Aħija sar re f’Tirsa fuq Iżrael kollu u mexxa għal 24 sena. 34 Imma hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u għamel l-istess dnubiet li Ġerobogħam ġiegħel lil Iżrael jagħmel.
16 Imbagħad permezz taʼ Ġeħu bin Ħanani, Ġeħova ta dan il-ġudizzju kontra Bagħsa: 2 “Għollejtek mit-trab u għamiltek il-mexxej tal-poplu tiegħi Iżrael, imma int aġixxejt bħal Ġerobogħam u ġegħelt lill-poplu tiegħi Iżrael jidneb u b’hekk offendewni bid-dnubiet tagħhom. 3 Għalhekk, jien se niknes għalkollox lil Bagħsa u lil daru, u nagħmel lil daru bħal dar Ġerobogħam bin Nebat. 4 Min imut fil-belt minn dar Bagħsa jikluh il-klieb, u min imut fl-għalqa jikluh l-għasafar.”
5 Il-bqija tal-istorja taʼ Bagħsa, dak li għamel, u l-qawwa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 6 Imbagħad Bagħsa miet u ndifen f’Tirsa; u ibnu Elah sar re minfloku. 7 Barra minn hekk, permezz tal-profeta Ġeħu bin Ħanani, Ġeħova qal x’inhu l-ġudizzju tiegħu kontra Bagħsa u daru, minħabba l-ħażen kollu li għamel f’għajnejn Ġeħova billi offendieh bħad-dar taʼ Ġerobogħam, u minħabba li qatel lil Nadab.
8 Fis-26 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, Elah bin Bagħsa sar re fuq Iżrael f’Tirsa u mexxa għal sentejn. 9 Il-qaddej tiegħu Żimri, il-kap taʼ nofs il-karrijiet tal-gwerra, ikkonfoffa kontrih waqt li kien qed jixrob u jisker f’Tirsa fid-dar t’Arsa, li kien jieħu ħsieb il-palazz f’Tirsa. 10 Żimri daħal, attakkah, u qatlu fis-27 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, u sar re minfloku. 11 Meta sar re u qagħad fuq it-tron, hu qatel lid-dar kollha taʼ Bagħsa. Ma ħalliex raġel ħaj,* la mill-qraba* u lanqas mill-ħbieb tiegħu. 12 B’hekk Żimri qered għalkollox id-dar kollha taʼ Bagħsa, skont dak li Ġeħova qal kontra Bagħsa permezz tal-profeta Ġeħu. 13 Dan kien minħabba d-dnubiet kollha li għamlu Bagħsa u ibnu Elah u d-dnubiet li ġiegħlu lil Iżrael jagħmel billi offendew lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael bl-idoli tagħhom li ma jiswew għal xejn. 14 Il-bqija tal-istorja t’Elah u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
15 Fis-27 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, Żimri sar re għal sebat ijiem f’Tirsa waqt li s-suldati kienu kkampjati biex jattakkaw lil Gibbeton, li kienet tal-Filistin. 16 U s-suldati li kienu kkampjati semgħu li Żimri kkonfoffa u qatel lir-re. Għalhekk, dakinhar stess fil-kampijiet għamlu lil Għomri, li kien il-kap tal-armata, re fuq Iżrael. 17 Imbagħad Għomri u Iżrael kollu telgħu minn Gibbeton u assedjaw lil Tirsa. 18 Meta Żimri ra li l-belt kienet inqabdet, mar fit-torri ffortifikat tal-palazz tar-re u ħaraq il-palazz bih b’kollox u miet. 19 Dan kien minħabba li dineb għax għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova bħal Ġerobogħam u minħabba d-dnub li ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 20 Il-bqija tal-istorja taʼ Żimri u l-konfoffa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
21 Kien dak iż-żmien li l-poplu t’Iżrael inqasam fi tnejn. Min beda jsegwi lil Tibni bin Ginat biex jagħmlu re u min lil Għomri. 22 Imma n-nies li kienu wara Għomri għelbu lin-nies taʼ wara Tibni bin Ginat. Għalhekk, Tibni miet u Għomri sar re.
23 Fil-31 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, Għomri sar re fuq Iżrael u dam imexxi 12-il sena. F’Tirsa mexxa sitt snin. 24 Hu xtara l-muntanja tas-Samarija mingħand Semer għal żewġ talenti* fidda. Hu bena belt fuqha u semmieha Samarija,* għal Semer sid* il-muntanja. 25 Għomri baqaʼ jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u kien agħar minn dawk kollha taʼ qablu. 26 Hu aġixxa eżatt bħal Ġerobogħam bin Nebat u għamel l-istess dnub li ġiegħel lill-Iżraelin jagħmlu meta offendew lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael bl-idoli tagħhom li ma jiswew għal xejn. 27 Il-bqija tal-istorja t’Għomri, dak li għamel, u l-qawwa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 28 Imbagħad Għomri miet u ndifen fis-Samarija; u ibnu Aħab sar re minfloku.
29 Aħab bin Għomri sar re fuq Iżrael fit-38 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda u dam imexxi fuq Iżrael fis-Samarija 22 sena. 30 F’għajnejn Ġeħova, Aħab bin Għomri kien agħar minn dawk kollha taʼ qablu. 31 U bħallikieku ma kienx biżżejjed li jagħmel id-dnubiet taʼ Ġerobogħam bin Nebat, hu żżewweġ lil Ġeżabel bint Etbagħal, ir-re tas-Sidonin, u beda jaqdi lil Bagħal u jmil quddiemu. 32 Iktar minn hekk, għamel artal lil Bagħal fid-dar* li bnielu fis-Samarija. 33 Aħab għamel ukoll arblu sagru.* Hu għamel iktar affarijiet biex joffendi lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael mir-rejiet kollha t’Iżrael taʼ qablu.
34 Fi żmienu, Ħijel il-Beteli reġaʼ bena Ġeriko. Hu tilef lil Abiram l-ewwel imwieled tiegħu meta qiegħed il-pedament tagħha u lil Segub l-iżgħar tifel tiegħu meta waqqaf il-bibien tagħha, skont dak li Ġeħova kien qal permezz taʼ Ġożwè bin Nun.
17 Issa Elija* t-Tisbi, li kien joqgħod Gilegħad, qal lil Aħab: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj t’Iżrael li jien naqdi,* illi matul dawn is-snin la jkun hawn nida u lanqas xita ħlief meta ngħid jien!”
2 Ġeħova qal lil Elija: 3 “Itlaq minn hawn, mur lejn il-Lvant, u nħeba fil-Wied taʼ Kerit, fil-Lvant tal-Ġordan. 4 Ixrob mill-wied, u jien se nikkmanda ċ-ċawluni jipprovdulek l-ikel hemmhekk.” 5 Hu telaq mill-ewwel u għamel skont dak li qallu Ġeħova. Hu mar u qagħad ħdejn il-Wied taʼ Kerit, fil-Lvant tal-Ġordan. 6 U ċ-ċawluni kienu jġibulu l-ħobż u l-laħam kull filgħodu u kull filgħaxija, u kien jixrob mill-wied. 7 Imma wara ftit jiem, il-wied nixef għax m’għamlitx xita.
8 Imbagħad Ġeħova qallu: 9 “Mur Sarefat, li hi taʼ Sidon, u oqgħod hemm. Jien se nikkmanda lil waħda armla biex tipprovdilek l-ikel.” 10 Għalhekk mar Sarefat. Meta wasal fid-daħla tal-belt, kien hemm armla tiġbor il-ħatab. Hu għajtilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli ftit ilma biex nixrob.” 11 Hi u sejra għall-ilma, hu reġaʼ għajtilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli wkoll biċċa ħobż.” 12 Għal dan qaltlu: “Naħlef bl-Alla tiegħek Ġeħova, l-Alla l-ħaj, li m’għandix ħobż. Kulma għandi hu ponn dqiq fil-ġarra l-kbira u ftit żejt fil-ġarra ż-żgħira. Issa se niġbor ftit ħatab, u mbagħad nidħol u nagħmel xi ħaġa għalija u għal ibni. Din tkun l-aħħar ikla tagħna qabel ma mmutu.”
13 Imbagħad Elija qalilha: “Tibżax. Idħol u agħmel kif għedt. Imma l-ewwel agħmilli ħobża żgħira forma taʼ ftira minn dak li hemm, u ġibhieli. Imbagħad tistaʼ tagħmel xi ħaġa għalik u għal ibnek. 14 Għax hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Il-ġarra l-kbira tad-dqiq ma tinħeliex, u l-ġarra ż-żgħira taż-żejt ma tispiċċax sal-jum li fih Ġeħova jibgħat ix-xita.’” 15 Għalhekk, marret u għamlet kif qalilha. U hi, Elija, u taʼ darha kellhom x’jieklu għal ħafna jiem. 16 Il-ġarra l-kbira tad-dqiq ma nħlietx, u l-ġarra ż-żgħira taż-żejt ma spiċċatx, bħalma Ġeħova qal permezz t’Elija.
17 Wara dawn l-affarijiet, it-tifel tal-mara marad, u l-marda tiegħu tant iggravat li ma baqax jieħu nifs. 18 Għal dan hi qalet lil Elija: “X’għamiltlek ħażin* qaddej tal-Alla l-veru? Jaqaw ġejt għandi biex tfakkarni fl-iżball tiegħi u toqtol lil ibni?” 19 Imma hu qalilha: “Agħtini lil ibnek.” Imbagħad ħadu minn idejha, tellgħu fil-kamra taʼ fuq fejn kien qed joqgħod, u qiegħdu fuq is-sodda tiegħu stess. 20 Hu għajjat lil Ġeħova u staqsa: “Ġeħova Alla tiegħi, se ġġib ukoll it-tbatija fuq l-armla li qed ngħix magħha billi tħalli lil binha jmut?” 21 Imbagħad imtedd fuq it-tifel tliet darbiet u għajjat lil Ġeħova u qal: “Jekk jogħġbok Ġeħova Alla tiegħi, ħalli l-ħajja* tat-tifel terġaʼ lura fih.” 22 Ġeħova semaʼ t-talba t’Elija, u t-tifel reġaʼ beda jgħix. 23 Elija niżżel it-tifel mill-kamra taʼ fuq, daħħlu d-dar, u tah lil ommu. Hu qalilha: “Ara, ibnek ħaj.” 24 Għal dan il-mara qalet lil Elija: “Issa naf li int verament qaddej t’Alla u li l-kelma taʼ Ġeħova li għedt hi vera.”
18 Wara xi żmien, fit-tielet sena, Ġeħova qal lil Elija: “Mur għand Aħab, u jien nibgħat ix-xita.” 2 Għalhekk, Elija mar għand Aħab waqt li fis-Samarija kien hemm ġuħ kbir.
3 Sadanittant, Aħab għajjat lil Għobadija. Dan kien jiħodlu ħsieb il-palazz. (Issa Għobadija kien jirrispetta ħafna lil* Ġeħova, 4 u meta Ġeżabel kienet qed toqtol il-profeti taʼ Ġeħova, Għobadija ħa 100 profeta u ħbiehom fl-għerien f’żewġ gruppi taʼ 50, u pprovdielhom ħobż u ilma.) 5 Imbagħad Aħab qal lil Għobadija: “Dur mal-pajjiż u mur ħdejn kull għajn tal-ilma u wied. Forsi nsibu biżżejjed ħaxix biex inżommu ż-żwiemel u l-bgħula ħajjin ħalli ma jmutux l-annimali kollha.” 6 Għalhekk, qasmu bejniethom l-art li kienu se jgħaddu minnha. Aħab mar minn triq u Għobadija mar minn oħra.
7 Waqt li Għobadija kien fi triqtu, Elija mar jiltaqaʼ miegħu. Hu mill-ewwel għarfu u nxteħet wiċċu fl-art u qallu: “Dan int sidi Elija?” 8 Hu wieġbu: “Iva, jien hu. Mur u għid lil sidek li jien qiegħed hawn.” 9 Imma hu qallu: “Xi dnub għamilt biex tagħtini f’id Aħab ħalli joqtolni? 10 Naħlef bl-Alla tiegħek Ġeħova, l-Alla l-ħaj, li m’hemmx poplu jew saltna li sidi ma bagħatx ifittxek fiha. U wara li qalulu li ma sabukx, hu ġiegħel lis-saltna u l-poplu jaħilfu li ma setgħux isibuk. 11 Issa qed tgħidli biex immur u ngħid lil sidi li int qiegħed hawn? 12 Meta nitlaq minn ħdejk, l-ispirtu taʼ Ġeħova jieħdok f’post li jien ma nafx bih u meta ngħid lil Aħab u ma jsibekx, żgur joqtolni. Madankollu, jien ilni nirrispetta ħafna lil* Ġeħova mindu kont żgħir. 13 Ma qalulekx sidi x’għamilt meta Ġeżabel kienet qed toqtol il-profeti taʼ Ġeħova? Jien ħbejt 100 profeta taʼ Ġeħova, 50 f’kull għar, u bqajt nipprovdilhom ħobż u ilma. 14 Imma issa jekk nagħmel bħalma għedtli u mmur ngħid lil sidi li int qiegħed hawn, hu żgur joqtolni.” 15 Madankollu Elija qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj tal-armati, il-wieħed li naqdi,* li llum se nidher quddiem ir-re.”
16 Għalhekk, Għobadija mar jgħid lil Aħab u dan mar jiltaqaʼ m’Elija.
17 Malli Aħab ra lil Elija qallu: “Hawn hu, il-wieħed li ġab dan l-inkwiet kbir fuq Iżrael!”*
18 Għal dan wieġbu: “Mhux jien ġibt l-inkwiet fuq Iżrael, imma int u dar missierek, billi tlaqtu l-kmandamenti taʼ Ġeħova u mortu wara l-Bagħalim. 19 U issa iġbor lil Iżrael kollu quddiemi fuq il-Muntanja Karmel flimkien mal-450 profeta taʼ Bagħal u l-400 profeta tal-arblu sagru,* li jieklu mal-mejda taʼ Ġeżabel.” 20 Għalhekk, Aħab bagħat jgħid lill-poplu t’Iżrael kollu u ġabar flimkien il-profeti fuq il-Muntanja Karmel.
21 Imbagħad Elija resaq lejn in-nies kollha u qal: “Kemm se ddumu bejn ħaltejn?* Jekk Ġeħova hu l-Alla l-veru, morru warajh; imma jekk hu Bagħal, morru warajh.” Imma n-nies ma wiġbuhx. 22 Imbagħad Elija qalilhom: “Jien l-uniku profeta taʼ Ġeħova li baqaʼ, waqt li hemm 450 profeta taʼ Bagħal. 23 Ħa ningħataw żewġ barrin żgħar,* u ħa jagħżlu barri minnhom, iqattgħuh biċċiet, u jqegħduh fuq il-ħatab, imma ma jagħtuhx in-nar. Jien nipprepara l-barri l-ieħor u nqiegħdu fuq il-ħatab, imma ma nagħtihx in-nar. 24 Imbagħad intom għajtu lill-alla tagħkom, u jien ngħajjat lil Ġeħova. L-Alla li jwieġeb billi jibgħat in-nar juri li hu l-Alla l-veru.” Għal dan il-poplu kollu wieġeb: “Tajjeb.”
25 Wara, Elija qal lill-profeti taʼ Bagħal: “Agħżlu barri żgħir u ppreparawh intom l-ewwel, għax intom qegħdin fil-maġġuranza. Imbagħad għajtu l-alla tagħkom, imma tagħtux in-nar lis-sagrifiċċju.” 26 Għalhekk, ħadu l-barri ż-żgħir li għażlu, ippreparawh, u baqgħu jgħajtu lil Bagħal minn filgħodu sa nofsinhar, u jgħidu: “Bagħal wiġibna!” Imma ma nstemaʼ l-ebda leħen u ħadd ma wiġibhom. Huma baqgħu jaqbżu madwar l-artal li kienu għamlu. 27 Għall-ħabta taʼ nofsinhar, Elija beda jidħaq bihom u jgħid: “Għajtu kemm tifilħu għax intom għedtu li hu alla! Forsi mitluf fi ħsibijietu jew mar jaqdi bżonnijietu.* Jew forsi hu rieqed u hemm bżonn li xi ħadd iqajmu!” 28 Huma għajtulu kemm felħu u qattgħu ġisimhom stess bl-istalletti u l-lanez, skont id-drawwa tagħhom, sakemm imtlew bid-demm. 29 Qabeż nofsinhar u huma komplew jaġixxu b’mod stramb* sal-ħin li tiġi ppreżentata l-offerta taċ-ċereali* ta’ filgħaxija, imma ma nstemaʼ l-ebda leħen u ħadd ma wiġibhom. Ħadd ma kien qed jagħti kashom.
30 Fl-aħħar, Elija qal lin-nies kollha: “Ersqu lejja.” U n-nies kollha resqu lejh. Imbagħad sewwa l-artal taʼ Ġeħova li kien tkisser. 31 Wara ħa 12-il ġebla, li jirrappreżentaw it-tribujiet tat-tfal taʼ Ġakobb, li lilu Ġeħova kien qallu: “Ismek isir Iżrael.” 32 Bil-ġebel bena artal f’isem Ġeħova. Imbagħad għamel gandott madwar l-artal kollu, bejn wieħed u ieħor daqs l-art li tinżeraʼ b’żewġ seat* żerriegħa. 33 Wara, poġġa l-ħatab f’ordni, qattaʼ l-barri ż-żgħir, u qiegħdu fuq il-ħatab. U qal: “Imlew erbaʼ ġarar kbar bl-ilma u ferrgħuh fuq l-offerta tal-ħruq u fuq il-ħatab.” 34 Imbagħad qal: “Erġgħu agħmlu hekk.” U hekk għamlu. Għal darb’oħra qal: “Agħmlu hekk għat-tielet darba.” Allura, reġgħu għamlu hekk. 35 U l-ilma nfirex madwar l-artal kollu, u hu mela l-gandott bl-ilma wkoll.
36 Fil-ħin li tiġi ppreżentata l-offerta taċ-ċereali, il-profeta Elija resaq lejn l-artal u qal: “Ġeħova, l-Alla t’Abraham, Iżakk, u Iżrael, ħalli lil kulħadd isir jaf illum li int Alla f’Iżrael u li jien il-qaddej tiegħek u li dawn l-affarijiet kollha għamilthom skont kelmtek. 37 Wiġibni Ġeħova! Wiġibni ħalli dawn in-nies ikunu jafu li int, Ġeħova, int l-Alla l-veru u li qed tgħinhom jiġu lura għandek.”*
38 Għal dan, in-nar taʼ Ġeħova niżel mis-sema u ħaraq l-offerta tal-ħruq, il-ħatab, il-ġebel, u t-trab, u nixxef l-ilma tal-gandott. 39 Malli n-nies kollha raw dan, inxteħtu wiċċhom fl-art u qalu: “Ġeħova hu l-Alla l-veru! Ġeħova hu l-Alla l-veru!” 40 Imbagħad Elija qalilhom: “Aqbdu l-profeti taʼ Bagħal! Tħallu lil ħadd minnhom jaħrab!” Huma qabduhom mill-ewwel, u Elija niżżilhom fil-wied taʼ Kison u qatilhom.
41 Imbagħad Elija qal lil Aħab: “Itlaʼ, kul u ixrob, għax jinstemaʼ l-ħoss taʼ xita bil-qliel.” 42 Għalhekk Aħab telaʼ jiekol u jixrob, filwaqt li Elija telaʼ fuq il-quċċata tal-Karmel u niżel mal-art b’wiċċu bejn irkopptejh. 43 Imbagħad qal lill-qaddej tiegħu: “Jekk jogħġbok, itlaʼ u ħares lejn il-baħar.” Għalhekk, telaʼ jara u qal: “M’hemm xejn.” Elija qallu jagħmel dan sebaʼ darbiet. 44 Mas-sebaʼ darba, il-qaddej tiegħu qal: “Ara! Hemm sħaba żgħira daqs il-pala taʼ id tielgħa mill-baħar.” U Elija qallu: “Mur għid lil Aħab, ‘Arma l-karru! U inżel ħalli ma tinqabadx fix-xita!’” 45 Sadanittant is-sema ddallmet bis-sħab, qam ir-riħ, u bdiet nieżla xita bil-qliel. U Aħab baqaʼ għaddej fi triqtu lejn Ġeżragħel. 46 Imma Ġeħova ta s-saħħa lil Elija, u hu xammar il-libsa u ġera qabel Aħab it-triq kollha sa Ġeżragħel.
19 Imbagħad Aħab qal lil Ġeżabel b’kulma għamel Elija u kif qatel il-profeti kollha bix-xabla. 2 Għalhekk, Ġeżabel bagħtet tgħid lil Elija: “Jalla l-allat jikkastigawni bl-aħrax jekk s’għada bħalissa ma nkunx għamiltlek bħall-profeti li qtilt!” 3 Għal dan hu beda jibżaʼ, allura ħarab biex isalva. Hu mar Bir-xeba, li hi taʼ Ġuda, u ħalla lill-qaddej tiegħu hemm. 4 Hu vvjaġġa għal jum fid-deżert u mar ħdejn siġra tal-ġummar u qagħad bilqiegħda taħtha. Hu talab biex imut u qal: “Ma niflaħx iktar! Ġeħova ħudli ħajti, għax jien mhux aħjar minn missirijieti.”
5 Imbagħad imtedd u raqad taħt is-siġra tal-ġummar. Imma f’daqqa waħda messu anġlu u qallu: “Qum u kul.” 6 Meta ħares, ra li ħdejn rasu kien hemm ħobża tonda fuq ġebel sħun u buqar ilma. Hu kiel, xorob, u reġaʼ mtedd. 7 Iktar tard l-anġlu taʼ Ġeħova reġaʼ mar ħdejh u messu u qallu: “Qum u kul, għax il-vjaġġ se jkun wisq għalik.” 8 Għalhekk hu qam, kiel u xorob, u bis-saħħa taʼ dak l-ikel baqaʼ sejjer 40 jum u 40 lejl sakemm wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Alla l-veru.
9 Hu daħal f’għar u qattaʼ l-lejl fih; u Ġeħova qallu: “X’int tagħmel hawn Elija?” 10 Hu qal: “Jien naqdi lilek b’żelu kbir Ġeħova l-Alla tal-armati. Imma l-poplu t’Iżrael telaq il-patt tiegħek, kisser l-artali tiegħek, u qatel bix-xabla lill-profeti tiegħek, u jien biss baqaʼ. Issa qed jipprovaw joqtluni.” 11 Imma Alla qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem Ġeħova.” U ara! Ġeħova kien għaddej, u riħ qawwi u b’saħħtu beda jaqsam il-muntanji u jfarrak il-blat quddiem Ġeħova, imma Ġeħova ma kienx fir-riħ. Wara r-riħ, kien hemm terremot, imma Ġeħova ma kienx fit-terremot. 12 Wara t-terremot, kien hemm nar, imma Ġeħova ma kienx fin-nar. Wara n-nar, kien hemm leħen kalm u baxx. 13 Malli Elija semgħu, hu għatta wiċċu bil-libsa tiegħu taʼ profeta u ħareġ u qagħad fid-daħla tal-għar. Imbagħad il-leħen staqsieh: “X’int tagħmel hawn Elija?” 14 Hu qal: “Jien naqdi lilek b’żelu kbir Ġeħova l-Alla tal-armati. Imma l-poplu t’Iżrael telaq il-patt tiegħek, kisser l-artali tiegħek, u qatel bix-xabla lill-profeti tiegħek, u jien biss baqaʼ. Issa qed jipprovaw joqtluni.”
15 Ġeħova qallu: “Erġaʼ lura, u mur fid-deżert taʼ Damasku. Meta tasal, inkariga* lil Ħażagħel bħala re tas-Sirja. 16 U għandek tinkariga* lil Ġeħu, li nannuh huwa Nimsi, bħala re fuq Iżrael, u inkariga* lil Eliżew* bin Safat minn Abel-meħola bħala profeta minflokok. 17 Min jaħrab mix-xabla taʼ Ħażagħel, joqtlu Ġeħu, u min jaħrab mix-xabla taʼ Ġeħu, joqtlu Eliżew. 18 U f’Iżrael għad għandi 7,000 ruħ li ma milux quddiem Bagħal u li ma bisuhx.”
19 Għalhekk, telaq minn hemm u sab lil Eliżew bin Safat waqt li dan kien qed jaħrat bi 12-il par barri quddiemu, u hu kien mat-12-il wieħed. Għalhekk, Elija mar ħdejh u tefagħlu fuqu l-libsa tiegħu taʼ profeta. 20 U hu ħalla l-barrin u ġera wara Elija u qallu: “Jekk jogħġbok, ħallini nsellem u nbus lil missieri u lil ommi. Imbagħad niġi warajk.” Hu wieġbu: “Mur, mhux se nżommok.” 21 Għaldaqstant mar lura u ħa żewġ barrin u ssagrifikahom, u hu ħaraq l-għodda tal-ħrit biex jgħalli l-laħam tal-barrin u tah lin-nies, u kielu. Wara dan, Eliżew mar wara Elija u beda jgħinu.
20 Issa r-Re Ben-ħadad tas-Sirja ġabar l-armata kollha tiegħu kif ukoll 32 re u ż-żwiemel u l-karrijiet tagħhom. Hu telaʼ u assedja l-belt tas-Samarija u ġġieled kontriha. 2 Wara bagħat messaġġiera fil-belt għand ir-Re Aħab t’Iżrael u qallu: “Hekk jgħid Ben-ħadad, 3 ‘Il-fidda u d-deheb tiegħek huma tiegħi, u anki l-isbaħ nisa u tfal tiegħek.’” 4 Għal dan ir-re t’Iżrael wieġeb: “Kif tgħid int, sidi r-re; jien tiegħek flimkien maʼ dak kollu li għandi.”
5 Iktar tard il-messaġġiera reġgħu marru għandu u qalu: “Hekk jgħid Ben-ħadad, ‘Jien bgħatt dan il-messaġġ: “Int se tagħtini l-fidda, id-deheb, in-nisa, u t-tfal tiegħek.” 6 Imma għada madwar dan il-ħin jien se nibgħat il-qaddejja tiegħi għandek, u huma jfittxu sew fid-dar tiegħek u fid-djar tal-qaddejja tiegħek u jaħtfu u jieħdu dak kollu li hu prezzjuż għalik.’”
7 Għalhekk, ir-re t’Iżrael għajjat lill-anzjani* kollha tal-pajjiż u qalilhom: “Jekk jogħġobkom, kunu afu li dan ir-raġel irid jaqlaʼ l-inkwiet, għax hu diġà talabni n-nisa, it-tfal, il-fidda, u d-deheb tiegħi, u jien aċċettajt.” 8 Imbagħad l-anzjani kollha u l-poplu kollu qalulu: “Tobdihx, u taċċettax.” 9 Għalhekk, lill-messaġġiera taʼ Ben-ħadad qalilhom: “Għidu lil sidi r-re, ‘Dak kollu li tlabtni l-ewwel darba se nagħmlu, imma dan ma nistax nagħmlu.’” U l-messaġġiera marru u wasslulu r-risposta.
10 Issa Ben-ħadad bagħatlu dan il-messaġġ: “Jalla l-allat jikkastigawni bl-aħrax jekk ma neqridx is-Samarija u jekk ikun fadal biżżejjed trab biex nagħti ponn lil kull suldat mill-armata kbira tiegħi!” 11 Ir-re t’Iżrael wieġeb: “Għidulu, ‘Toqgħodx tiftaħar qabel ma tibda l-gwerra bħallikieku diġà rbaħtha.’” 12 Meta semaʼ din it-tweġiba, Ben-ħadad u r-rejiet kienu qed jixorbu fit-tined* tagħhom. Minnufih hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Kunu lesti biex tattakkaw!” Għalhekk, lestew ruħhom biex jattakkaw il-belt.
13 Imma profeta mar ħdejn ir-Re Aħab t’Iżrael u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Rajtha din l-armata kbira? Jien illum se nagħtiha f’idejk, u mbagħad int tkun taf li jien Ġeħova.’” 14 Aħab staqsa: “Permezz taʼ min se jagħmel dan?” Wieġbu: “Hekk qal Ġeħova, ‘Permezz tal-qaddejja żgħażagħ tal-gvernaturi tal-artijiet.’”* Allura staqsa: “Min se jibda l-battalja?” Hu wieġbu: “Int!”
15 Imbagħad Aħab għadd il-qaddejja żgħażagħ tal-gvernaturi tal-artijiet, u kienu 232. Wara għadd is-suldati Iżraelin kollha, u kienu 7,000. 16 Huma ħarġu f’nofsinhar meta Ben-ħadad kien qed jixrob u jisker fit-tined* mat-32 re li kienu qed jgħinuh. 17 Meta l-qaddejja żgħażagħ tal-gvernaturi ħarġu mill-belt, Ben-ħadad bagħat xi nies jaraw x’inhu jiġri. Huma qalulu: “Ħarġu xi rġiel mis-Samarija.” 18 U qalilhom: “Aqbduhom ħajjin, kemm jekk ħarġu għall-paċi u kemm jekk għall-battalja.” 19 Imma meta l-qaddejja żgħażagħ tal-gvernaturi u l-armati li kienu warajhom ħarġu mill-belt, 20 huma qatlu lill-għedewwa tagħhom. Imbagħad is-Sirjani ħarbu u l-Iżraelin ġrew warajhom. Imma r-Re Ben-ħadad tas-Sirja ħarab fuq żiemel flimkien maʼ xi rikkieba taż-żwiemel. 21 U r-re t’Iżrael ħareġ u baqaʼ jegħleb l-għedewwa li kienu fuq iż-żwiemel u l-karrijiet, u ġab telfa* kbira fuq is-Sirjani.
22 Iktar tard, il-profeta mar ħdejn ir-re t’Iżrael u qallu: “Mur, saħħaħ id-difiża tiegħek, u kkunsidra x’għandek tagħmel, għax fil-bidu tas-sena d-dieħla* r-re tas-Sirja jerġaʼ jitlaʼ kontrik.”
23 Il-qaddejja tar-re tas-Sirja qalulu: “L-Alla tagħhom hu l-Alla tal-muntanji. Għalhekk rebħulna. Imma jekk niġġieldu magħhom fuq art ċatta, nirbħu aħna. 24 Ukoll, neħħi r-rejiet u qiegħed gvernaturi minflokhom. 25 Imbagħad iġbor* armata daqs l-armata li kellek, bl-istess ammont taʼ żwiemel u karrijiet tal-gwerra. Ejja niġġildulhom fuq art ċatta u żgur nirbħulhom.” Hu semaʼ mill-parir li tawh.
26 Fil-bidu tas-sena,* Ben-ħadad ġabar is-Sirjani u telaʼ Afek biex jiġġieled kontra Iżrael. 27 Anki l-Iżraelin inġabru u ħadu provvisti tal-ikel, u ħarġu jiġġieldu kontrihom. Meta l-Iżraelin ikkampjaw quddiemhom, kienu bħal żewġ imrieħel żgħar tal-mogħoż, waqt li s-Sirjani mlew l-art kollha. 28 Imbagħad il-qaddej tal-Alla l-veru mar ħdejn ir-re t’Iżrael u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Talli s-Sirjani qalu: “Ġeħova hu l-Alla tal-muntanji, u mhuwiex l-Alla tal-pjanuri,” se nagħti din l-armata kbira f’idejk, u intom żgur li tkunu tafu li jien Ġeħova.’”
29 Huma baqgħu kkampjati faċċata taʼ xulxin għal sebat ijiem, u fis-sebaʼ jum bdiet il-battalja. L-Iżraelin għelbu* 100,000 suldat Sirjan f’jum wieħed. 30 U l-kumplament ħarbu lejn Afek, fil-belt. Imma s-sur waqaʼ fuq is-27,000 raġel li kien baqaʼ. Ben-ħadad ħarab ukoll, daħal fil-belt, u staħba f’kamra taʼ ġewwa taʼ dar.
31 Għalhekk, il-qaddejja tiegħu qalulu: “Aħna smajna li r-rejiet taʼ dar Iżrael juru ħniena.* Jekk jogħġbok, ħallina nilbsu l-ixkora maʼ ġenbejna u nagħmlu l-ħbula maʼ rasna u mmorru għand ir-re t’Iżrael, forsi ma joqtlokx.” 32 Għalhekk, libsu l-ixkora maʼ ġenbejhom u għamlu l-ħbula maʼ rashom. Imbagħad daħlu għand ir-re t’Iżrael u qalulu: “Il-qaddej tiegħek Ben-ħadad jgħid, ‘Jekk jogħġbok toqtolnix.’” Wiġibhom: “Għadu ħaj? Dak ħija.” 33 L-irġiel ħadu dan bħala sinjal tajjeb u ħatfuh fil-kelma u qalulu: “Ben-ħadad huwa ħuk.” U qalilhom: “Morru ġibuh.” Imbagħad Ben-ħadad mar għandu, u Aħab tellgħu fuq il-karru tiegħu.
34 Imbagħad Ben-ħadad qallu: “Il-bliet li ħa missieri mingħand missierek nagħtihomlok lura, u agħżel it-toroq li trid f’Damasku biex tinnegozja fihom, bħalma għamel missieri fis-Samarija.”
Aħab wieġbu: “B’dan il-ftehim* inħallik tmur.”
Għaldaqstant għamel ftehim miegħu u ħallieh imur.
35 Bħalma kkmandah Ġeħova, wieħed mit-tfal tal-profeti* qal lil dak li kien miegħu: “Sawwatni jekk jogħġbok.” Imma r-raġel ma riedx. 36 Għalhekk hu qallu: “Talli ma smajtx minn leħen Ġeħova, malli titlaq minn ħdejja se joqtlok iljun.” Wara li telaq minn ħdejh, sabu ljun u qatlu.
37 Hu sab raġel ieħor u qallu: “Sawwatni jekk jogħġbok.” Għalhekk, ir-raġel sawtu u weġġgħu serjament.
38 Imbagħad il-profeta telaq u qagħad jistenna lir-re fit-triq, u għamel faxxa fuq għajnejh biex ma jintgħarafx. 39 Meta r-re kien għaddej minn hemm, hu għajjat lir-re u qallu: “Jien, il-qaddej tiegħek, ħriġt fl-eqqel tal-battalja, u wieħed mis-suldati ġabli raġel u qalli, ‘Oqgħod għassa miegħu. Jekk jaħrab, ikollok tħallas b’ħajtek stess, inkella jkollok tħallas talent* fidda.’ 40 U waqt li jien kont imħabbat, dak ħarab.” Għal dan, ir-re t’Iżrael qallu: “Dak hu l-kastig tiegħek. Int stess għedt hekk.” 41 Imbagħad neħħa l-faxxa malajr minn fuq għajnejh, u r-re t’Iżrael induna li kien wieħed mill-profeti. 42 Hu qallu: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Talli tlaqt minn taħt idejk ir-raġel li jien għedt li għandu jinqered, ħajtek trid tħallas għal ħajtu, u l-ħajja tal-poplu tiegħek għall-poplu tiegħu.’” 43 Imbagħad ir-re t’Iżrael telaq lejn il-palazz tiegħu fis-Samarija bin-nervi u mdejjaq.
21 Wara dan, kien hemm raġel jismu Nabot minn Ġeżragħel li kellu għalqa tad-dwieli f’Ġeżragħel, ħdejn il-palazz t’Aħab ir-re tas-Samarija. 2 Aħab qal lil Nabot: “Agħtini l-għalqa tad-dwieli tiegħek sabiex nagħmilha ġnien tal-ħxejjex għalija, għax qiegħda viċin il-palazz tiegħi. U minflokha nagħtik għalqa tad-dwieli aħjar minnha. Jew jekk trid, inħallsek skont kemm tiswa.” 3 Imma Nabot qallu: “Meta nqis is-sitwazzjoni mill-ħarsa taʼ Ġeħova ma jgħaddilix minn moħħi li nagħtik wirt missirijieti.” 4 Għalhekk, Aħab mar il-palazz tiegħu bin-nervi u mdejjaq minħabba li Nabot il-Ġeżragħeli qallu li mhux se jagħtih wirt missirijietu. Imbagħad imtedd fuq is-sodda, dawwar wiċċu lejn il-ħajt, u ma kielx.
5 Martu Ġeżabel daħlet ħdejh u staqsietu: “Għala int* tant imdejjaq li ma tridx tiekol?” 6 Wiġibha: “Għax kellimt lil Nabot il-Ġeżragħeli u għedtlu, ‘Agħtini l-għalqa tad-dwieli bil-flus. Jew jekk trid nagħtik għalqa tad-dwieli oħra minflokha.’ Imma hu qalli, ‘M’iniex se nagħtik l-għalqa tad-dwieli tiegħi.’” 7 Imbagħad martu Ġeżabel qaltlu: “Int ir-re li qed imexxi fuq Iżrael! Mela qum, kul xi ħaġa, u tibqax imdejjaq. Jien se nagħtik l-għalqa tad-dwieli taʼ Nabot il-Ġeżragħeli.” 8 Għaldaqstant kitbet xi ittri f’isem Aħab u mmarkathom bis-siġill tiegħu, u bagħtithom lill-anzjani* u lin-nobbli li kienu jgħixu fil-belt taʼ Nabot. 9 Fl-ittri hi kitbet: “Għidu lil kulħadd biex isum, u araw li Nabot joqgħod bilqiegħda quddiem il-poplu. 10 U qabbdu lil żewġt irġiel li mhuma tajbin għal xejn biex jixhdu kontrih u jgħidu, ‘Int sħitt lil Alla u lir-re!’ Imbagħad oħorġuh mill-belt u waddbulu l-ġebel sakemm imut.”
11 Għalhekk, l-anzjani u n-nobbli li kienu jgħixu fil-belt tiegħu għamlu bħalma kien hemm miktub fl-ittri li bagħtitilhom Ġeżabel. 12 Huma qalu lil kulħadd biex isum u raw li Nabot joqgħod bilqiegħda quddiem il-poplu. 13 Imbagħad tnejn mill-irġiel li mhuma tajbin għal xejn daħlu, poġġew quddiem Nabot, u bdew jixhdu kontrih quddiem il-poplu billi qalu: “Nabot seħet lil Alla u lir-re!” Wara dan ħaduh barra l-belt u waddbulu l-ġebel sakemm miet. 14 Imbagħad bagħtu jgħidu lil Ġeżabel: “Lil Nabot waddbulu l-ġebel sakemm miet.”
15 Malli Ġeżabel semgħet li Nabot waddbulu l-ġebel u miet, hi qalet lil Aħab: “Mur, ħu l-għalqa tad-dwieli taʼ Nabot il-Ġeżragħeli, li ma riedx jagħtik bil-flus, għax m’għadux ħaj.” 16 Xħin Aħab semaʼ li Nabot kien miet, hu mar fl-għalqa tad-dwieli tiegħu ħalli jiħodha.
17 Imma Ġeħova qal lil Elija t-Tisbi: 18 “Inżel iltaqaʼ m’Aħab ir-re t’Iżrael fis-Samarija. Hu qiegħed fl-għalqa tad-dwieli taʼ Nabot, għax mar fiha biex jiħodha. 19 Għandek tgħidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Int qtilt raġel! U issa se tieħu wkoll il-propjetà tiegħu?”’* Imbagħad għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Fil-post fejn il-klieb lagħqu d-demm taʼ Nabot, il-klieb se jilagħqu demmek stess.”’”
20 Aħab qal lil Elija: “Qbadtni, ja għadu tiegħi!” Hu wieġbu: “Qbadtek. Alla qallek: ‘Talli int determinat li* tagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, 21 jien se nġib gwaj fuqek, u niknes għalkollox lil dawk li jiġu minnek u neqred minn darek lil kull raġel,* inkluż lil dawk bla ħila u dgħajfin f’Iżrael. 22 U nagħmel lil darek bħal dar Ġerobogħam bin Nebat u bħal dar Bagħsa bin Aħija, minħabba li ġegħeltni nirrabja u ġegħelt lil Iżrael jidneb.’ 23 U dwar Ġeżabel, Ġeħova qal: ‘Il-klieb se jieklu lil Ġeżabel fil-biċċa art f’Ġeżragħel. 24 Min imut fil-belt minn darek jikluh il-klieb, u min imut fl-għalqa jikluh l-għasafar. 25 Fil-fatt qatt ma kien hemm xi ħadd determinat* daqs Aħab li jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Hu kien imħeġġeġ jagħmel dan minn martu Ġeżabel. 26 Hu aġixxa bl-iktar mod moqżież billi mar wara l-idoli diżgustanti,* bħalma kienu għamlu l-Amurrin kollha, li Ġeħova keċċa minn quddiem l-Iżraelin.’”
27 Malli semaʼ dan il-kliem, Aħab ċarrat ħwejġu u libes ħwejjeġ tal-ixkora fuq il-laħam; u beda jsum u baqaʼ jimtedd liebes l-ixkora u jimxi b’qalbu maqtugħa. 28 Imbagħad Ġeħova qal lil Elija t-Tisbi: 29 “Rajt kif Aħab umilja ruħu minħabba fija? Talli umilja ruħu quddiemi, ma nġibx il-gwaj fuq daru fi żmienu imma fi żmien ibnu.”
22 Għal tliet snin, ma kienx hemm gwerer bejn is-Sirja u Iżrael. 2 Fit-tielet sena, ir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda niżel għand ir-Re Aħab t’Iżrael. 3 Imbagħad ir-re t’Iżrael qal lill-qaddejja tiegħu: “Intom tafu li Ramot-gilegħad hi tagħna. Iżda xorta għadna naħsbuha jekk niħduhiex minn idejn ir-re tas-Sirja.” 4 Imbagħad qal lil Ġeħosafat: “Tiġi miegħi niġġieldu f’Ramot-gilegħad?” Hu wieġbu: “Jien niġi miegħek bin-nies u ż-żwiemel tiegħi.”
5 Imma Ġeħosafat qal lil Aħab: “Jekk jogħġbok, l-ewwel staqsi x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova dwar dan.” 6 Għalhekk, ir-re t’Iżrael ġabar lill-profeti flimkien, madwar 400 raġel, u staqsiehom: “Għandi mmur għall-gwerra kontra Ramot-gilegħad jew le?” Huma qalulu: “Itlaʼ, u Ġeħova jagħtiha f’idejk.”
7 Imbagħad Ġeħosafat qal: “Jekk hawn profeta taʼ Ġeħova, ejja nistaqsu permezz tiegħu wkoll.” 8 Għal dan, ir-Re Aħab t’Iżrael qallu: “Għad fadal raġel ieħor li permezz tiegħu nistgħu nistaqsu x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova; imma jien nobogħdu għax qatt ma jipprofetizza affarijiet tajbin dwari. Hu Mikaja bin Imla.” Madankollu, Ġeħosafat qal: “M’għandekx tgħid xi ħaġa bħal din re.”
9 Għalhekk, ir-Re Aħab t’Iżrael għajjat uffiċjal tal-palazz u qallu: “Ġib malajr lil Mikaja bin Imla.” 10 Issa r-re t’Iżrael u Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda kienu bilqiegħda fuq it-tron tagħhom, lebsin ħwejjeġ tar-rejiet, fil-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali* fid-daħla tal-bieb tas-Samarija, u l-profeti kollha kienu qed jipprofetizzaw quddiemhom. 11 Imbagħad Sedekija bin Kengħana għamel qrun tal-ħadid u qal: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘B’dawn se tweġġaʼ serjament* lis-Sirjani sakemm teqridhom għalkollox.’” 12 Il-profeti l-oħrajn kollha bdew jipprofetizzaw bl-istess mod billi jgħidu: “Itlaʼ Ramot-gilegħad u tirnexxi; Ġeħova se jagħtiha f’idejk.”
13 Għalhekk, il-messaġġier li mar jgħajjat lil Mikaja qallu: “Il-profeti kollha qed jitkellmu favur ir-re. Jekk jogħġbok, ħa jkun dak li tgħid bħal tagħhom, u tkellem favurih.” 14 Imma Mikaja qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li se ngħid dak li jgħidli Ġeħova.” 15 Imbagħad daħal għand Aħab, u dan staqsieh: “Mikaja, għandna mmorru Ramot-gilegħad għall-gwerra jew le?” Minnufih wieġbu: “Itlaʼ u tirnexxi; Ġeħova jagħtiha f’idejk.” 16 Għal dan ir-re qallu: “Kemm-il darba rrid inġiegħlek taħlef biex tgħidli biss il-verità f’isem Ġeħova?” 17 Għalhekk qallu: “Qed nara lill-Iżraelin kollha mxerrdin fuq il-muntanji, bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Ġeħova qal: ‘Dawn m’għandhomx sid. Ħallihom imorru lura lejn darhom fil-paċi.’”
18 Imbagħad ir-Re Aħab t’Iżrael qal lil Ġeħosafat: “M’għedtlekx jien li qatt ma jipprofetizza affarijiet tajbin dwari?”
19 Mikaja mbagħad qal: “Issa ismaʼ dak li jgħid Ġeħova. Jien rajt lil Ġeħova bilqiegħda fuq it-tron tiegħu u l-armata kollha tas-sema ħdejh, fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu. 20 Wara Ġeħova qal, ‘Min se jidħaq b’Aħab, sabiex jitlaʼ u jmut f’Ramot-gilegħad?’ U min beda jgħid ħaġa u min oħra. 21 Imbagħad, anġlu* minnhom resaq u qagħad quddiem Ġeħova u qal, ‘Jien nidħaq bih.’ Ġeħova staqsieh, ‘Kif?’ 22 Wieġbu, ‘Immur u nġiegħel il-profeti tiegħu jigdbu.’ Għalhekk qal, ‘Se tidħaq bih, iva, se jirnexxilek. Mur agħmel hekk.’ 23 U issa Ġeħova ħalla lil dan l-anġlu jġiegħel lil dawn il-profeti kollha jigdbulek, għax fir-realtà Ġeħova ddeċieda li jġib il-gwaj fuqek.”
24 Issa Sedekija bin Kengħana resaq u ta daqqa taʼ ħarta lil Mikaja u qallu: “U int taħseb li l-anġlu taʼ Ġeħova telaq mingħandi biex jiġi jitkellem miegħek?” 25 Mikaja wieġbu: “Dakinhar li tidħol fil-kamra taʼ ġewwa nett biex tinħeba se tkun ċert minn dan.” 26 Imbagħad ir-Re Aħab t’Iżrael qal: “Ħu lil Mikaja u agħtih lil Amon il-kap tal-belt u lil Ġowas bin ir-re. 27 Għidilhom, ‘Hekk jgħid ir-re: “Lil dan itfgħuh il-ħabs u agħtuh inqas ħobż u ilma mis-soltu sakemm niġi lura fil-paċi.”’” 28 Imma Mikaja qal: “Jekk terġaʼ lura fil-paċi, mela Ġeħova ma kellimnix.” Imbagħad żied: “Ftakar dan poplu kollu.”
29 Għalhekk, Aħab ir-re t’Iżrael u Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda telgħu Ramot-gilegħad. 30 Issa r-re t’Iżrael qal lil Ġeħosafat: “Jien se nilbes b’mod li ma nintgħarafx u noħroġ għall-battalja, imma int ilbes il-ħwejjeġ tiegħek taʼ re.” Għalhekk, ir-re t’Iżrael biddel u mar għall-battalja. 31 Issa r-re tas-Sirja kien ikkmanda lit-32 kap tal-karrijiet tiegħu: “Tiġġieldu maʼ ħadd, la mas-suldati u lanqas mal-uffiċjali, ħlief mar-Re Aħab t’Iżrael.” 32 U malli l-kapijiet tal-karrijiet raw lil Ġeħosafat, huma qalu bejnhom u bejn ruħhom: “Żgur li dan hu r-re t’Iżrael.” Għalhekk, marru biex jiġġildulu, u Ġeħosafat beda jgħajjat għall-għajnuna. 33 Meta l-kapijiet tal-karrijiet indunaw li ma kienx ir-re t’Iżrael, huma telqu minn warajh minnufih.
34 Imma raġel spara l-qaws tiegħu bl-addoċċ* u laqat lir-Re Aħab t’Iżrael bejn il-biċċiet imrikkbin tal-kurazza. Għalhekk, ir-re qal lis-sewwieq tal-karru tiegħu: “Dawwar u oħroġni mill-battalja,* għax ġejt imweġġaʼ serjament.” 35 Il-battalja baqgħet tiħrax dakinhar, u r-re kellu jinżamm bilwieqfa fil-karru, faċċata tas-Sirjani. Id-demm mill-ferita ċarċar ġol-karru tal-gwerra, u filgħaxija miet. 36 Madwar inżul ix-xemx ġriet l-għajta fost is-suldati: “Kulħadd lejn beltu! Kulħadd lejn artu!” 37 B’hekk, ir-re miet u ħaduh fis-Samarija u difnuh hemm. 38 Meta ħaslu l-karru tal-gwerra ħdejn l-għadira tas-Samarija, il-klieb lagħqu d-demm tiegħu u l-prostituti nħaslu hemm,* bħalma kien qal Ġeħova.
39 Il-bqija tal-istorja t’Aħab, kulma għamel, il-palazz tal-avorju li bena, u l-bliet kollha li bena huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 40 Imbagħad Aħab miet u ibnu Aħażija sar re minfloku.
41 Ġeħosafat bin Asa kien sar re fuq Ġuda fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Aħab t’Iżrael. 42 Ġeħosafat kellu 35 sena meta sar re, u dam imexxi 25 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għażuba bint Silħi. 43 Hu baqaʼ jaġixxi bħal missieru Asa f’kollox. Ma waqafx milli jagħmel dan u għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova. Madankollu, il-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx, u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm. 44 Ġeħosafat baqaʼ fil-paċi mar-re t’Iżrael. 45 Il-bqija tal-ġrajjiet taʼ Ġeħosafat, il-qawwa tiegħu, u kif iggwerra huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 46 Ukoll, hu neħħa mill-pajjiż il-bqija tal-prostituti rġiel tat-tempju li kien fadal minn żmien missieru Asa.
47 F’dak iż-żmien, f’Edom ma kienx hemm re; gvernatur kien jagħmilha taʼ re.
48 Ġeħosafat għamel ukoll vapuri taʼ Tarsis* biex imorru Ofir għad-deheb, imma ma marrux għax tfarrku f’Għesjon-geber. 49 Kien f’dak iż-żmien li Aħażija bin Aħab qal lil Ġeħosafat: “Ħalli l-qaddejja tiegħi jmorru mal-qaddejja tiegħek fuq il-vapuri,” imma Ġeħosafat ma qabilx.
50 Imbagħad Ġeħosafat miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David l-antenat tiegħu, u ibnu Ġeħoram sar re minfloku.
51 Aħażija bin Aħab sar re fuq Iżrael fis-Samarija fis-17-il sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda, u mexxa sentejn fuq Iżrael. 52 U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jaġixxi bħal missieru, ommu, u Ġerobogħam bin Nebat, li kien ġiegħel lil Iżrael jidneb. 53 Hu kompla jaqdi lil Bagħal u jmil quddiemu u baqaʼ joffendi lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael, bħalma għamel missieru.
Jew “weġġagħlu s-sentimenti tiegħu; ċanfru.”
Letteralment “timtedd maʼ missirijietek.”
Jew “fdieli ruħi.”
Jew “taʼ min jistmah.”
Letteralment “Jien illum sejjer fit-triq tal-art kollha.”
Jew “taġixxi b’għaqal.”
Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “dawwar wiċċu lejja biex.”
Letteralment “li għamel dar għalija.”
Jew “tal-Mulej Sovran Ġeħova.”
Jew “taʼ demmek.”
Jew “ħa.”
Letteralment “l-akbar post.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “naqra taʼ tifel.”
Letteralment “ma nafx noħroġ u nidħol.”
Jew forsi “diffiċli.” Letteralment “tqil.”
Letteralment “ħafna jiem.”
Letteralment “il-jiem kollha tiegħek.”
Letteralment “intawwal jiemek.”
Jew “f’idejha.” Letteralment “fi ħdanha.”
Letteralment “biżaʼ.”
Jew “il-prinċpijiet.”
Jiġifieri l-Ewfrat.
Kor kien daqs 220 litru. Ara App. B14.
Jiġifieri l-Punent tal-Ewfrat.
Dan in-numru jinsab f’xi manuskritti u fir-rakkont simili. Manuskritti oħra jgħidu 40,000.
Jew “rikkieb taż-żwiemel.”
Jiġifieri barley.
Jew “kien jitkellem.”
Jew “ħlejjaq li jtiru.”
Jistgħu jinkludu rettili u insetti.
Letteralment “midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “dejjem ħabbu lil David.”
Kor kien daqs 220 litru. Ara App. B14.
Jew “patt.”
Ara App. B8.
Letteralment “it-tfal t’Iżrael.”
Ara App. B15.
Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
Letteralment “it-tempju tad-dar.”
Jew “wiesgħa.”
Jew “20 kubitu tul il-wisaʼ tad-dar.”
Hawn qed jirreferi għall-Qaddis.
Letteralment “injam taż-żejt,” forsi Żnuber.
Jiġifieri l-Iktar Qaddis.
Jistaʼ jkun qed tirreferi għall-bini tal-koxox tal-bibien jew għad-daqs tal-bibien.
Hawn qed jirreferi għall-Qaddis.
Jistaʼ jkun qed tirreferi għall-bini tal-koxox tal-bibien jew għad-daqs tal-bibien.
Ara App. B15.
Ara App. B15.
Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
Jistgħu jirreferu għat-travi prinċipali.
Jew “b’erbaʼ naħat; rettangolari.”
Jew “l-Intrata.”
Jew “l-Intrata.”
Letteralment “id-dar tas-Sala.”
Jew “bronż,” hawn u d-drabi l-oħra li tidher f’dan il-kapitlu.
Jew “u ħajta taʼ 12-il kubitu kienet tkejjel id-dawra taʼ kull waħda miż-żewġ kolonni.”
Hawn qed jirreferi għall-Qaddis.
Jew “tan-Nofsinhar.”
Ifisser “Jalla Hu [jiġifieri Ġeħova] Isaħħaħ Dan il-Post.”
Jew “tat-Tramuntana.”
Jistaʼ jfisser “Fis-Saħħa.”
Jew “Kien jeħtieġ ħabel taʼ 30 kubitu biex idur miegħu dawramejt.”
Madwar 7.4 ċentimetri. Ara App. B14.
Bat kien daqs 22 litru. Ara App. B14.
Jew “karettuni għall-ilma.”
Jew “kellha dijametru taʼ erbaʼ kubiti.”
Jiġifieri l-Festa tal-Għerejjex.
Ara App. B15.
Letteralment “li b’idu stess.”
Letteralment “qal b’ħalqu stess.”
Letteralment “ibnek, il-wieħed li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri talba bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri ħalfa li ġġib magħha saħta bħala kastig jekk min għamilha jkun ħalef falz jew kisirha.
Letteralment “saħta.”
Letteralment “mill-agħar.”
Letteralment “ġust.”
Jew “ġegħelthom ibatu.”
Jew “ir-reputazzjoni tiegħek.”
Letteralment “agħmel ġudizzju.”
Jew “f’kulma nitolbuk.”
Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”
Jew “devota għalkollox għal.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “id-daħla taʼ Ħamat.”
Letteralment “Fit-tmien jum,” jiġifieri l-għada tat-tieni perjodu taʼ sebat ijiem.
Jiġifieri talba bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “proverbju.”
Letteralment “isaffar.”
Letteralment “ma kinux tajbin f’għajnejh.”
Jew forsi “l-Art li Mhi Tajba għal Xejn.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Jew “Millo.” Terminu Ebrajk li jfisser “timla.”
Jew “rigal tat-tieġ; dota.”
Jew “saħħaħ.”
Jew “Millo.” Terminu Ebrajk li jfisser “timla.”
Jew “taʼ taħbil il-moħħ.”
Letteralment “moħbi.”
Letteralment “ma kienx fadlilha spirtu fiha.”
Jew “kliemek.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Din spiss kienet tintuża mill-arċieri.
Fl-Iskrittura Ebrajka mina kienet daqs 570 gramma. Ara App. B14.
Letteralment “ifittxu wiċċ.”
Jew “rikkieba taż-żwiemel.”
Jew “rikkieb taż-żwiemel.”
Tip taʼ siġar tat-tin.
Jew forsi “mill-Eġittu u minn Kuwi; il-merkanti tar-re kienu jixtruhom minn Kuwi,” li jistaʼ jirreferi għaċ-Ċiliċja.
Jew “m’għandkomx tintrabtu magħhom fiż-żwieġ.”
Letteralment “idawrulkom qalbkom biex.”
Letteralment “dawrulu qalbu.”
Jew “devota għalkollox għal.”
Letteralment “dawwar qalbu.”
Letteralment “kull min hu tas-sess maskil,” milli jidher jinkludi s-subien.
Letteralment “kull min hu tas-sess maskil,” milli jidher jinkludi s-subien.
Mhux reġina li tmexxi.
Letteralment “jgħolli idu.”
Jew “Millo.” Terminu Ebrajk li jfisser “timla.”
Letteralment “lampa.”
Jew “taʼ moħqrija.”
Jew “l-anzjani.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “l-anzjani.”
Jew “l-anzjani.”
Letteralment “it-tined tagħhom.”
Letteralment “magħżul.”
Jew “saħħaħ.”
Jew “saħħaħ.”
Jew “għoġġiela.”
Jew “għoġol.”
Jew “lill-għoġġiela.”
Jew “sinjal tal-għaġeb.”
Jew “is-sinjal tal-għaġeb.”
Jew “irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.
Letteralment “nixfet.”
Jew “is-sinjal tal-għaġeb.”
Jiġifieri itlob bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “jimlielu idu.”
Jew “Hekk u hekk għandek tgħidilha.”
Jew “statwi minn metall imdewweb.”
Letteralment “kull min jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li f’dan il-kuntest tistaʼ tirreferi għall-irġiel u s-subien.
Jiġifieri l-Ewfrat.
Letteralment “tal-ġerrejja.”
Jgħidulu wkoll Abija.
Jew “devota għalkollox għal.”
Letteralment “tah lampa.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Jew “minn reġina omm.”
Jew “devota għalkollox għal.”
Jew “saħħaħ; reġaʼ bena.”
Jew “fit-territorju taʼ.”
Jew “patt.”
Jew “il-patt.”
Jew “isaħħaħ; jerġaʼ jibni.”
Jew “isaħħaħ; jerġaʼ jibni.”
Jew “saħħaħ; reġaʼ bena.”
Jew “ebda ħaġa li tieħu n-nifs ħajja.”
Letteralment “kull min jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li f’dan il-kuntest tistaʼ tirreferi għall-irġiel u s-subien.
Jew “la lil xi ħadd li kellu d-dritt jivvendika ruħu għal demmu.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Ifisser “Li Hi tal-Familja taʼ Semer.”
Letteralment “mulej.”
Jew “fit-tempju.”
Ifisser “Alla Tiegħi Hu Ġeħova.”
Letteralment “li ninsab wieqaf quddiemu.”
Jew “X’għandi x’naqsam miegħek.”
Jew “ir-ruħ.”
Letteralment “jibżaʼ ħafna minn.”
Letteralment “nibżaʼ minn.”
Letteralment “li ninsab wieqaf quddiemu.”
Jew “li ġiegħel lil Iżrael jiġi mwarrab!”
Letteralment “izzappu fuq żewġ opinjonijiet differenti?”
Jew “għoġġiela.”
Jew forsi “msiefer.”
Jew “bħala profeti.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Sea kien daqs 7.33 litri. Ara App. B14.
Letteralment “qed iddawwar lil qlubhom lura lejk.”
Letteralment “idlek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tidlek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “idlek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Ifisser “Alla Hu Salvazzjoni.”
Jew “fl-għerejjex.”
Letteralment “fil-provinċji.”
Jew “fl-għerejjex.”
Jew “qatla.”
Jiġifieri fir-rebbiegħa li ġejja.
Letteralment “għodd.”
Jiġifieri fir-rebbiegħa.
Jew “qatlu.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “il-patt.”
Milli jidher “tfal tal-profeti” tirreferi għal grupp taʼ profeti li rċivew tagħlim speċjali flimkien jew li qdew flimkien.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Letteralment “l-ispirtu tiegħek hu.”
Letteralment “il-wirt?”
Letteralment “begħt lilek innifsek biex.”
Letteralment “kull min jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li f’dan il-kuntest tistaʼ tirreferi għall-irġiel u s-subien.
Letteralment “li biegħ lilu nnifsu.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Jew “qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “timbotta.”
Letteralment “spirtu.”
Jew “bla ħsieb taʼ xejn.”
Letteralment “mill-kampijiet.”
Jew forsi “fejn kienu jinħaslu l-prostituti, il-klieb lagħqu d-demm tiegħu.”