IT-TIENI KTIEB TAS-SLATEN
1 Wara li miet Aħab, Mowab irribella kontra Iżrael.
2 Dak iż-żmien, Aħażija waqaʼ mit-tieqa* li kien hemm fil-kamra taʼ fuq tiegħu fis-Samarija. Minħabba f’hekk, hu weġġaʼ u bagħat xi messaġġiera u qalilhom: “Morru staqsu lil Bagħal-żebub l-alla t’Għekron ħalli nsir naf jekk hux se nirkupra.” 3 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Elija* t-Tisbi: “Mur iltaqaʼ mal-messaġġiera tar-re tas-Samarija u għidilhom, ‘Jaqaw għax m’hemmx Alla f’Iżrael li sejrin tistaqsu lil Bagħal-żebub l-alla t’Għekron? 4 Hekk jgħid Ġeħova: “M’intix se tqum mis-sodda li qiegħed mimdud fuqha, għax żgur se tmut.”’” Wara li qal dan, Elija telaq.
5 Meta l-messaġġiera marru lura għand Aħażija, hu minnufih qalilhom: “Għala ġejtu lura?” 6 Huma wiġbuh: “Kien hemm raġel li telaʼ jiltaqaʼ magħna u qalilna, ‘Morru lura għand ir-re li bagħatkom u għidulu, “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Jaqaw għax m’hemmx Alla f’Iżrael li sejrin tistaqsu lil Bagħal-żebub l-alla t’Għekron? Għaldaqstant, m’intix se tqum mis-sodda li qiegħed mimdud fuqha, għax żgur se tmut.’”’” 7 Għal dan staqsiehom: “X’kien liebes ir-raġel li telaʼ jiltaqaʼ magħkom u li qalilkom dan il-kliem?” 8 U qalulu: “Hu kien liebes libsa tas-suf tal-annimali u ċinturin tal-ġild ma’ qaddu.” Fil-pront qal: “Dak Elija t-Tisbi.”
9 Imbagħad ir-re bagħatlu kap taʼ 50 mal-50 raġel tiegħu. Meta telaʼ ħdejh, kien bilqiegħda fuq il-quċċata tal-muntanja. Hu qallu: “Qaddej tal-Alla l-veru, ir-re qallek, ‘Inżel.’” 10 Imma Elija wieġeb lill-kap tal-50: “Jekk jien qaddej t’Alla, ħa jinżel nar mis-sema u jaħraq lilek u lill-50 raġel tiegħek.” U niżel nar mis-sema u ħaraq lilu u lill-50 raġel tiegħu.
11 Ir-re reġaʼ bagħatlu kap ieħor taʼ 50 mal-50 raġel tiegħu. Hu mar u qallu: “Qaddej tal-Alla l-veru, hekk qal ir-re, ‘Inżel malajr.’” 12 Imma Elija wiġibhom: “Jekk jien qaddej tal-Alla l-veru, ħa jinżel nar mis-sema u jaħraq lilek u lill-50 raġel tiegħek.” U niżel nar t’Alla mis-sema u ħaraq lilu u lill-50 raġel tiegħu.
13 Imbagħad ir-re reġaʼ bagħat it-tielet kap taʼ 50 mal-50 raġel tiegħu. Imma dan telaʼ ħdejn Elija, niżel għarkopptejh, miel quddiemu, u beda jitolbu juri ħniena u jgħidlu: “Jekk jogħġbok, qaddej tal-Alla l-veru, ħa tkun ħajti u l-ħajja taʼ dawn il-50 qaddej tiegħek prezzjuża f’għajnejk. 14 Diġà niżel nar mis-sema u ħaraq liż-żewġ kapijiet taʼ qabli u l-50 raġel tagħhom, imma issa ħa tkun ħajti prezzjuża f’għajnejk.”
15 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Elija: “Inżel miegħu. Tibżax minnu.” Għalhekk, niżel miegħu għand ir-re. 16 U Elija qal lir-re: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Int bgħatt messaġġiera biex jistaqsu lil Bagħal-żebub l-alla t’Għekron. Jaqaw għax m’hemmx Alla f’Iżrael? Għala ma staqsejtx lilu? Għaldaqstant, m’intix se tqum mis-sodda li qiegħed mimdud fuqha, għax żgur se tmut.’” 17 Għalhekk Aħażija miet, bħalma Ġeħova qal permezz t’Elija. U peress li ma kellux tifel, Ġeħoram* sar re minfloku fit-tieni sena tat-tmexxija taʼ Ġeħoram bin Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda.
18 Il-bqija tal-istorja t’Aħażija u dak li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
2 Meta Ġeħova kien wasal biex jieħu lil Elija f’riefnu lejn is-sema, Elija u Eliżew ħarġu minn Gilgal. 2 Elija qal lil Eliżew: “Jekk jogħġbok, oqgħod hawnhekk għax Ġeħova bagħatni Betel.” Imma Eliżew qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li m’iniex se nitilqek.” Għalhekk, niżlu Betel. 3 Imbagħad it-tfal tal-profeti* li kienu Betel ħarġu jiltaqgħu m’Eliżew u qalulu: “Taf li llum Ġeħova se jieħu lil sidek milli jkun kap fuqek?” Għal dan qalilhom: “Diġà naf. Titkellmux dwar dan.”
4 Issa Elija qallu: “Jekk jogħġbok, oqgħod hawnhekk għax Ġeħova bagħatni Ġeriko.” Imma Eliżew qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li m’iniex se nitilqek.” Għalhekk marru Ġeriko. 5 Imbagħad it-tfal tal-profeti li kienu Ġeriko marru ħdejn Eliżew u qalulu: “Taf li llum Ġeħova se jieħu lil sidek milli jkun kap fuqek?” Għal dan qalilhom: “Diġà naf. Titkellmux dwar dan.”
6 Imbagħad Elija qallu: “Jekk jogħġbok, oqgħod hawnhekk għax Ġeħova bagħatni l-Ġordan.” Imma hu qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li m’iniex se nitilqek.” Għalhekk, baqgħu sejrin flimkien. 7 U marru wkoll 50 raġel mit-tfal tal-profeti u qagħdu jarawhom mill-bogħod waqt li t-tnejn li huma kienu ħdejn il-Ġordan. 8 Imbagħad Elija ħa l-libsa tiegħu taʼ profeta, irromblaha, u ta daqqa biha fuq l-ilma, u x-xmara nqasmet. B’hekk qasmu fuq art niexfa flimkien.
9 Malli qasmu, Elija qal lil Eliżew: “Itlobni xi tridni nagħmillek qabel nittieħed minn miegħek.” Għalhekk Eliżew qallu: “Jekk jogħġbok, nistaʼ nirċievi sehem doppju* mill-ispirtu tiegħek?” 10 Hu wieġbu: “Tlabt ħaġa diffiċli. Jekk tarani meta nittieħed minn miegħek, jiġri dak li għedt; imma jekk le, ma jiġrix hekk.”
11 Waqt li kienu mexjin jitkellmu, f’daqqa waħda firduhom karru u żwiemel tan-nar, u Elija telaʼ lejn is-sema fir-riefnu. 12 Waqt li Eliżew kien qed jara dan, beda jgħajjat: “Missieri, missieri! Qed nara l-karru t’Iżrael u r-rikkieba taż-żwiemel tiegħu!” Meta ma setax jarah iktar, hu qabad ħwejġu u ċarrathom fi tnejn. 13 Wara, ġabar il-libsa t’Elija li kienet waqgħet minn fuqu, mar lura, u qagħad ħdejn ix-xatt tal-Ġordan. 14 Imbagħad ta daqqa bil-libsa t’Elija fuq l-ilma u qal: “Fejn hu Ġeħova, l-Alla t’Elija?” Meta ta daqqa fuq l-ilma, ix-xmara nqasmet, u b’hekk Eliżew qasam għan-naħa l-oħra.
15 Meta t-tfal tal-profeti li kienu Ġeriko rawh mill-bogħod, huma qalu: “L-ispirtu t’Elija qagħad fuq Eliżew.” Għalhekk, marru jiltaqgħu miegħu u mielu sal-art quddiemu. 16 Huma qalulu: “Għandna 50 raġel kapaċi magħna. Jekk jogħġbok, ħallihom imorru jfittxu lil sidek. Forsi l-ispirtu* taʼ Ġeħova refgħu u tefgħu fuq waħda mill-muntanji jew f’wieħed mill-widien.” Imma hu qalilhom: “Tibagħtuhomx.” 17 Madankollu, baqgħu jinsistu sakemm ħassu skomdu, għalhekk qalilhom: “Ibagħtuhom.” Huma bagħtu l-50 raġel li damu jfittxuh tlett ijiem, imma ma sabuhx. 18 Meta marru lura għandu, hu kien qed joqgħod Ġeriko. Imbagħad qalilhom: “M’għedtilkomx jien biex ma tmorrux?”
19 Maż-żmien, l-irġiel tal-belt qalu lil Eliżew: “Sidna, tistaʼ tara li l-belt qiegħda f’post tajjeb, imma l-ilma hu ħażin u l-art mhix produttiva.”* 20 Għal dan qalilhom: “Newluli skutella żgħira ġdida u itfgħu l-melħ fiha.” U hekk għamlu. 21 Imbagħad ħareġ lejn l-għajn tal-ilma u tefgħalha l-melħ u qal: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Qed nagħmel dan l-ilma tajjeb. Ma jkunx hemm iktar mewt jew nisa li ma jkollhomx tfal* minħabba fih.’” 22 U l-ilma għadu tajjeb sal-lum, bħalma qal Eliżew.
23 Minn hemmhekk telaʼ Betel. Fi triqtu xi tfal subien ħarġu mill-belt u bdew jiddieħqu bih u jgħidulu: “Itlaq minn hawn ja qargħi! Itlaq minn hawn ja qargħi!” 24 Fl-aħħar dar, ħares lejhom, u seħithom f’isem Ġeħova. Imbagħad ħarġu żewġ orsijiet nisa mill-foresta u qattgħu biċċiet 42 minnhom. 25 Hu baqaʼ sejjer lejn il-Muntanja Karmel, u minn hemm mar lura s-Samarija.
3 Ġeħoram bin Aħab sar re fuq Iżrael fis-Samarija fit-18-il sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda, u mexxa 12-il sena. 2 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, imma mhux daqs missieru jew ommu għax neħħa l-pilastru sagru taʼ Bagħal li kien għamel missieru. 3 Iżda hu għamel l-istess dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. Ma waqafx jagħmilhom.
4 U Mesa r-re taʼ Mowab kien irabbi n-nagħaġ, u kien jagħti bħala taxxa lir-re t’Iżrael 100,000 ħaruf u 100,000 muntun mhux imqaxxar. 5 Malli miet Aħab, ir-re taʼ Mowab irribella kontra r-re t’Iżrael. 6 Għalhekk, dak iż-żmien ir-Re Ġeħoram ħareġ mis-Samarija u ġabar lil Iżrael kollu. 7 Ukoll, hu bagħat jgħid lir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda: “Ir-re taʼ Mowab irribella kontrija. Tiġi għall-gwerra miegħi kontra Mowab?” Għal dan qallu: “Jien niġi miegħek bin-nies u ż-żwiemel tiegħi.” 8 Imbagħad staqsieh: “Minn liema triq se nitilgħu?” Wieġbu: “Mit-triq li tagħti għad-Deżert t’Edom.”
9 Ir-re t’Iżrael mar mar-re taʼ Ġuda u r-re t’Edom. Wara li vvjaġġaw għal sebat ijiem, ma kienx hemm ilma għall-armata u għall-annimali li kellhom magħhom. 10 Ir-re t’Iżrael qal: “Xi ġralna! Ġeħova għajjat lilna, it-tliet rejiet, sempliċement biex jagħtina f’idejn Mowab!” 11 Għal dan Ġeħosafat qal: “Hawn xi profeta taʼ Ġeħova li permezz tiegħu nistgħu nistaqsu għall-gwida taʼ Ġeħova?” U wieħed mill-qaddejja tar-re t’Iżrael wieġeb: “Hawn Eliżew bin Safat, li kien iferraʼ l-ilma f’idejn Elija.”* 12 Imbagħad Ġeħosafat qal: “Ġeħova jitkellem permezz tiegħu.” Għalhekk ir-re t’Iżrael, Ġeħosafat, u r-re t’Edom niżlu għandu.
13 Eliżew qal lil Ġeħoram ir-re t’Iżrael: “Għala ġejt għandi?* Mur għand il-profeti taʼ missierek u t’ommok.” Imma r-re t’Iżrael qallu: “Le, għax hu Ġeħova li għajjat lilna, it-tliet rejiet, biex jagħtina f’idejn Mowab.” 14 U Eliżew qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj tal-armati, il-wieħed li naqdi,* illi kieku mhux għax nirrispetta lir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda, ma kontx inħares lejk jew nagħti kasek. 15 Issa ġibuli lil xi ħadd li jdoqq l-arpa.”* Malli dan beda jdoqq, l-ispirtu* taʼ Ġeħova niżel fuq Eliżew. 16 Hu qal, “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Ħaffru ħafna kanali f’dan il-wied, 17 għax hekk jgħid Ġeħova: “La se taraw riħ u lanqas xita; imma l-wied se jimtela bl-ilma, u se tixorbu minnu intom u l-annimali kollha tagħkom.”’ 18 Imma din hi xi ħaġa żgħira għal Ġeħova, għax hu se jagħtikom anki lil Mowab f’idejkom. 19 Għandkom teqirdu kull belt iffortifikata u importanti, taqtgħu kull siġra tajba, issoddu kull għajn tal-ilma, u tirrovinaw l-għelieqi tajbin kollha bil-ġebel.”
20 U filgħodu, fil-ħin tal-offerta taċ-ċereali* taʼ filgħodu, beda ġej l-ilma mid-direzzjoni t’Edom, u l-art imtliet bl-ilma.
21 Il-Mowabin kollha semgħu li r-rejiet kienu marru jiġġieldu kontrihom, għalhekk ġabru lill-irġiel kollha li setgħu jġorru l-armi, u marru qagħdu mal-fruntiera. 22 Meta qamu kmieni filgħodu, ix-xemx bdiet tiddi fuq l-ilma, u minn fejn kienu l-Mowabin l-ilma beda jidher aħmar bħad-demm. 23 Huma qalu: “Dak demm! Żgur li r-rejiet qatlu lil xulxin bix-xabla. Mela ejja mmorru niħdulhom l-affarijiet!” 24 Meta waslu ħdejn il-kampijiet t’Iżrael, l-Iżraelin qamu u bdew jattakkaw lill-Mowabin u dawn ħarbu minnhom. Huma u deħlin Mowab, bdew joqtlu lill-Mowabin. 25 Huma waqqgħu l-bliet, u l-irġiel kollha tefgħu ġebla fl-għelieqi tajbin kollha u mlewhom, saddew kull għajn tal-ilma, u qatgħu kull siġra tajba. Kien għad fadal biss il-ħitan tal-ġebel taʼ Kir-ħareset, imma dawk li kienu bl-iżbandola daru mal-belt u attakkawha.
26 Meta r-re taʼ Mowab ra li kien qed jitlef il-battalja, ħa miegħu 700 raġel armat bix-xabla biex jiġġieldu u jaħarbu min-naħa taʼ fejn kien hemm ir-re t’Edom; imma ma rnexxilhomx. 27 Għalhekk, qabad lil ibnu l-kbir li kien se jmexxi minfloku u offrieh bħala sagrifiċċju tal-ħruq fuq is-sur. U kien hemm rabja kbira għall-Iżraelin, tant li l-armati ma baqgħux jiġġieldu kontra r-re taʼ Mowab u marru lura pajjiżhom.
4 Issa waħda min-nisa tat-tfal tal-profeti għajtet lil Eliżew u qaltlu: “Ir-raġel tiegħi miet, u int taf li hu dejjem irrispetta ħafna lil* Ġeħova. Issa dak li għandna d-dejn miegħu ġie biex jieħu liż-żewġt itfal tiegħi bħala lsiera tiegħu.” 2 Għal dan Eliżew qalilha: “X’nistaʼ nagħmillek? Għidli, x’għandek id-dar?” Hi wiġbitu: “Jien, il-qaddejja tiegħek, m’għandi xejn id-dar ħlief ġarra* żejt.” 3 Imbagħad qalilha: “Mur għand il-ġirien tiegħek kollha u itlobhom reċipjenti vojta. Iġġibx ftit. 4 Imbagħad idħol u agħlaq il-bieb warajk u wara t-tfal tiegħek. Imla dawn ir-reċipjenti, u l-mimlijin warrabhom għalihom.” 5 Għalhekk telqet minn ħdejh.
Meta għalqet il-bieb warajha u wara t-tfal tagħha, huma tawha r-reċipjenti u baqgħet tferraʼ ż-żejt. 6 Meta r-reċipjenti mtlew, qalet lil wieħed mit-tfal: “Ġibli reċipjent ieħor.” Imma qalilha: “Ma baqax iżjed.” Imbagħad iż-żejt ma baqax jiżdied. 7 Għalhekk, marret u qalet b’dan lill-qaddej tal-Alla l-veru, u hu qalilha: “Mur bigħ iż-żejt u ħallas id-dejn tiegħek, u int u t-tfal tiegħek tistgħu tgħixu b’dak li jibqaʼ.”
8 Darba Eliżew mar Sunem, fejn kienet toqgħod mara importanti, u hi insistiet biex jiekol għandha. U kull meta kien jgħaddi minn hemm, kien imur għandha biex jiekol. 9 Għalhekk qalet lil żewġha: “Jien naf li r-raġel li dejjem jgħaddi minn ħdejna huwa qaddej qaddis t’Alla. 10 Jekk jogħġbok, ejja nibnu kamra żgħira fuq il-bejt u nqegħdulu sodda, mejda, siġġu, u gandlier. Imbagħad, kull meta jiġi għandna jkun jistaʼ joqgħod hemmhekk.”
11 Darba mar hemm u telaʼ fil-kamra taʼ fuq il-bejt biex jistrieħ. 12 Imbagħad hu qal lil Geħażi l-qaddej tiegħu: “Għajjat lill-mara Sunamija.” Dan għajtilha, u hi ġiet. 13 Imbagħad qal lil Geħażi: “Jekk jogħġbok għidilha, ‘Int qgħadt titħabat daqshekk għalina. X’nistaʼ nagħmillek? Hemm xi ħaġa li nistaʼ ngħid lir-re jew lill-kap tal-armata għalik?’” Imma t-tweġiba tagħha kienet: “Le, tajba qiegħda kif jien mal-poplu tiegħi.” 14 Allura qal: “Mela x’nistaʼ nagħmlilha?” Geħażi qal: “Li naf hu li m’għandhiex iben, u r-raġel tagħha għandu ż-żmien.” 15 Minnufih qallu: “Erġaʼ għajtilha.” Għalhekk għajtilha, u hi qagħdet fid-daħla tal-bieb. 16 Imbagħad qalilha: “Bħal dan iż-żmien sena, int se tkun qed tgħannaq iben.” Imma hi qalet: “Sidi, int qaddej tal-Alla l-veru. Toqgħodx tigdibli.”
17 Madankollu, il-mara ħarġet tqila u welldet iben bħal dak iż-żmien sena, eżatt kif kien qalilha Eliżew. 18 It-tifel kiber, u darba ħareġ jiltaqaʼ maʼ missieru li kien mal-ħassada. 19 Hu baqaʼ jgħid lil missieru: “Qed tuġagħni rasi!” Imbagħad missieru qal lill-qaddej: “Erfgħu u ħudu għand ommu.” 20 Għalhekk, refgħu u ħadu għand ommu. Hi żammitu fuqha sa nofsinhar, u mbagħad miet. 21 Wara telgħet fuq u medditu fuq is-sodda tal-qaddej tal-Alla l-veru, u għalqet il-bieb u telqet. 22 Hi għajtet lir-raġel tagħha u qalet: “Jekk jogħġbok, ibgħatli wieħed mill-qaddejja u ħmara, u ħallini mmur malajr s’għand il-qaddej tal-Alla l-veru u nerġaʼ lura.” 23 Imma hu qalilha: “Għala sejra għandu llum? Mhuwiex qamar ġdid jew sabat.” Madankollu hi qaltlu: “Toqgħodx tinkwieta, ma ġara xejn.” 24 Għalhekk, ramat il-ħmara u qalet lill-qaddej tagħha: “Ħaffef u tnaqqasx il-pass minħabba fija sakemm ma nkunx għedtlek jien.”
25 Għalhekk marret għand il-qaddej tal-Alla l-veru fuq il-Muntanja Karmel. Malli l-qaddej tal-Alla l-veru raha mill-bogħod, hu qal lil Geħażi l-qaddej tiegħu: “Ara! Dik is-Sunamija. 26 Jekk jogħġbok, mur iġri ltaqaʼ magħha u staqsiha, ‘Kif int? Kif inhuma r-raġel u t-tifel?’” Hi wieġbet: “Kollox sew.” 27 Malli waslet ħdejn il-qaddej tal-Alla l-veru fuq il-muntanja, hi qabditlu saqajh. Għalhekk, Geħażi mar viċin biex iressaqha, imma l-qaddej tal-Alla l-veru qallu: “Ħalliha, għax hi mdejqa ħafna* imma ma nafx għala, għax Ġeħova ma qallix.” 28 Imbagħad hi qalet: “Sidi, jien ma tlabtekx biex ikolli iben. M’għedtlekx jien, ‘Tħallinix nittama għalxejn’?”
29 Minnufih qal lil Geħażi: “Xammar il-libsa maʼ qaddek u aqbad il-bastun tiegħi u mur. Jekk tiltaqaʼ maʼ xi ħadd, issellimlux; u jekk xi ħadd isellimlek, twiġbux. U qiegħed il-bastun tiegħi fuq wiċċ it-tifel.” 30 Għal dan, omm it-tifel qalet: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li m’iniex se nitilqek.” Għalhekk telqu flimkien. 31 Geħażi telaq qabilhom u qiegħed il-bastun fuq wiċċ it-tifel, imma ma kien hemm ebda ħoss jew reazzjoni. Għalhekk, mar lura jiltaqaʼ m’Eliżew u qallu: “It-tifel ma qamx.”
32 Meta Eliżew wasal id-dar, it-tifel kien mejjet fuq is-sodda tiegħu. 33 Hu daħal u għalaq il-bieb tal-kamra. Huma t-tnejn biss kienu fil-kamra. Imbagħad Eliżew beda jitlob lil Ġeħova. 34 Wara, telaʼ fis-sodda u mtedd fuq it-tifel u qiegħed ħalqu maʼ ħalqu, għajnejh m’għajnejh, u l-pali taʼ jdejh mal-pali taʼ jdejh u baqaʼ milwi fuqu. Bil-mod il-mod ġisem it-tifel beda jisħon. 35 Eliżew beda jimxi ’l quddiem u lura fid-dar, u reġaʼ telaʼ fis-sodda u ltewa fuqu. It-tifel għatas sebaʼ darbiet, u wara fetaħ għajnejh. 36 Eliżew issa qal lil Geħażi biex jgħajjat lis-Sunamija. U hu għajtilha u daħlet ħdejh. Imbagħad qalilha: “Hawn hu ibnek.” 37 U hi daħlet u niżlet ħdejn saqajh u mielet fl-art quddiemu, imbagħad refgħet lil binha u ħarġet.
38 Meta Eliżew mar lura Gilgal, kien hemm il-ġuħ fil-pajjiż. It-tfal tal-profeti kienu bilqiegħda quddiemu u hu qal lill-qaddej tiegħu: “Qiegħed il-borma l-kbira fuq in-nar u sajjar naqra soppa għat-tfal tal-profeti.” 39 Għalhekk, wieħed minnhom ħareġ fl-għalqa jiġbor xi ħxejjex, u sab pjanta tal-qaraʼ salvaġġ u qataʼ minnha, u tefagħhom fi ħwejġu. Imbagħad mar lura, qattagħhom, u tefagħhom fil-borma, mingħajr ma kien jaf x’inhuma. 40 Imbagħad servew is-soppa lill-irġiel biex jieklu, u malli ħadu minnha bdew jgħajtu: “Qaddej tal-Alla l-veru, hemm il-velenu fil-borma.” U ma setgħux jikluha. 41 Għalhekk qalilhom: “Ġibu naqra dqiq.” Wara li tefgħu fil-borma hu qal: “Servuha lin-nies.” U m’għamlitilhom ebda ħsara.
42 U wasal raġel minn Bagħal-salisa, u ġab lill-qaddej tal-Alla l-veru 20 ħobża tax-xgħir* mill-ewwel prodott, kif ukoll basket ċereali* ġodda. Imbagħad Eliżew qal: “Agħtuh lin-nies ħa jieklu.” 43 Madankollu, il-qaddej tiegħu qallu: “Ma nistax inservi dan il-ftit ikel quddiem 100 raġel.” Għal dan qallu: “Agħtih lin-nies ħa jieklu, għax hekk qal Ġeħova, ‘Huma se jieklu u jifdal ukoll.’” 44 Għalhekk, poġġieh quddiemhom u kielu, u kien għad fadal, bħalma qal Ġeħova.
5 Issa Nagħman, il-kap tal-armata tar-re tas-Sirja, kien raġel importanti u stmat minn sidu, għax kien permezz tiegħu li Ġeħova ta rebħa* lis-Sirja. Hu kien gwerrier b’saħħtu, għalkemm kellu l-ġdiem.* 2 Darba minnhom, is-Sirjani attakkaw l-art t’Iżrael u ħadu tifla żgħira bħala lsira u din saret qaddejja taʼ mart Nagħman. 3 Hi qalet lil mart Nagħman: “Li kieku sidi jmur għand il-profeta fis-Samarija, hu jfejqu mill-ġdiem.” 4 Għalhekk, hu* mar u qal lil sidu r-re x’qalet it-tifla minn Iżrael.
5 Imbagħad ir-re tas-Sirja qal lil Nagħman: “Mur issa! U jien ħa nibgħat ittra lir-re t’Iżrael.” Għalhekk, mar u ħa miegħu għaxar talenti* fidda, 6,000 biċċa tad-deheb, u għaxar tibdiliet ħwejjeġ. 6 Hu ta l-ittra lir-re t’Iżrael, li kienet tgħid: “Maʼ din l-ittra qed nibgħatlek il-qaddej tiegħi Nagħman sabiex tfejqu mill-ġdiem.” 7 Malli r-re t’Iżrael qara l-ittra, hu ċarrat ħwejġu u qal: “Jaqaw jien Alla, biex nagħti l-mewt lil xi ħadd jew inżommu ħaj? Għala qed jibgħatli lil dan ir-raġel u jgħidli biex infejqu mill-ġdiem? Anki intom tistgħu taraw li jrid jaqlaʼ l-ġlied miegħi!”
8 Imma meta Eliżew, il-qaddej tal-Alla l-veru, semaʼ li r-re t’Iżrael kien ċarrat ħwejġu, hu mill-ewwel bagħat jgħidlu: “Għala ċarratt ħwejġek? Jekk jogħġbok, ħallih jiġi għandi sabiex ikun jaf li hawn profeta f’Iżrael.” 9 Għalhekk, Nagħman mar biż-żwiemel u l-karrijiet tal-gwerra tiegħu u qagħad fid-daħla tad-dar t’Eliżew. 10 Madankollu, Eliżew bagħat messaġġier biex jgħidlu: “Mur ogħdos sebaʼ darbiet fil-Ġordan u l-ġilda tiegħek terġaʼ tiġi kif kienet, u tkun nadif.” 11 Minħabba f’hekk, Nagħman irrabja ħafna u telaq ’l hemm waqt li qal: “F’qalbi għedt, ‘Hu jiġi jiltaqaʼ miegħi u jieqaf hawn u jgħajjat isem Ġeħova l-Alla tiegħu, waqt li jċaqlaq idu ’l quddiem u lura fuq il-ġdiem biex ifejjaqni.’ 12 Mhumiex l-Abana u l-Farfar, ix-xmajjar taʼ Damasku, aħjar mill-ilmijiet kollha t’Iżrael? Ma nistax nogħdos fihom u nindaf?” U dar u telaq irrabjat.
13 Issa l-qaddejja tiegħu resqu lejh u qalu: “Missieri, li kieku l-profeta qallek biex tagħmel xi ħaġa diffiċli, ma kontx tagħmilha? Mela kemm iktar la kulma qallek hu biex togħdos u tindaf?” 14 Għalhekk, niżel u għodos fil-Ġordan sebaʼ darbiet, bħalma kien qallu l-qaddej tal-Alla l-veru. Imbagħad il-ġilda tiegħu reġgħet ġiet bħall-ġilda taʼ tifel żgħir u ndaf.
15 Wara hu mar lura mal-irġiel* tiegħu għand il-qaddej tal-Alla l-veru, u qagħad quddiemu u qal: “Issa naf li fl-art kollha m’hemmx Alla ieħor ħlief f’Iżrael. Jekk jogħġbok, aċċetta rigal* mingħandi, il-qaddej tiegħek.” 16 Imma Eliżew qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj, il-wieħed li lilu naqdi,* li m’iniex se naċċettah.” Nagħman insista biex jieħdu, imma hu baqaʼ jirrifjuta. 17 Fl-aħħar Nagħman qal: “Mela jekk jogħġbok ħa tingħatali ftit ħamrija daqs it-tagħbija taʼ żewġ bgħula għax jien, il-qaddej tiegħek, mhux se noffri iktar offerti tal-ħruq jew sagrifiċċji lil allat oħrajn ħlief lil Ġeħova. 18 Imma jalla Ġeħova jaħfer lili, il-qaddej tiegħek, għal din il-ħaġa: Meta sidi r-re jidħol fid-dar* taʼ Rimmon biex imil hemmhekk, hu jserraħ maʼ idi, allura jien ikolli mmil fid-dar taʼ Rimmon. Meta mmil fid-dar taʼ Rimmon, jalla Ġeħova jaħfirli għal dan.” 19 Hu qallu: “Mur fil-paċi.” Wara li telaq minn ħdejh u kien ivvjaġġa mhux ħażin, 20 Geħażi, il-qaddej t’Eliżew, qal bejnu u bejn ruħu: ‘Sidi ħalla lil dan is-Sirjan Nagħman jitlaq mingħajr m’aċċetta xejn mingħandu. Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li mmur niġri warajh u nieħu xi ħaġa mingħandu.’ 21 Għalhekk, Geħażi mar jiġri warajh. Meta Nagħman ra lil xi ħadd jiġri warajh, hu niżel mill-karru biex jiltaqaʼ miegħu u qallu: “Kollox sew?” 22 Hu wieġbu: “Kollox sew. Sidi bagħatni biex ngħidlek, ‘Issa għadhom kemm waslu għandi żewġ żgħażagħ mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm mit-tfal tal-profeti. Jekk jogħġbok, agħtihom talent fidda u żewġ tibdiliet ħwejjeġ.’” 23 Nagħman qal: “Mur ħu żewġ talenti.” U Nagħman baqaʼ jinsistilu u poġġa żewġ talenti fidda u żewġ tibdiliet f’żewġ xkejjer, u tahom lil tnejn mill-qaddejja tiegħu sabiex iġorruhom quddiemu.
24 Meta wasal Għofel,* ħadhom minn idhom u poġġiehom id-dar. Wara, hu bagħat lill-irġiel u dawn telqu. 25 Imbagħad daħal ħdejn sidu. U Eliżew staqsieh: “Fejn kont Geħażi?” Imma hu qallu: “Sidi, jien ma mort imkien.” 26 Eliżew qallu: “Taħseb li ma nafx li mort wara r-raġel u li niżel minn fuq il-karru ħalli jiltaqaʼ miegħek? Taħseb li huwa ż-żmien li taċċetta fidda, ħwejjeġ, siġar taż-żebbuġ, għelieqi tad-dwieli, nagħaġ, baqar, jew qaddejja rġiel u nisa? 27 Mela l-ġdiem taʼ Nagħman se jibqaʼ fuqek u fuq dawk li jiġu minnek għal dejjem.” U ħareġ minn ħdejh abjad silġ bil-ġdiem.
6 It-tfal tal-profeti qalu lil Eliżew: “Il-post li qed ngħixu fih miegħek huwa żgħir wisq għalina. 2 Jekk jogħġbok, ħa mmorru l-Ġordan u naqtgħu xi siġar minn hemmhekk u nibnu post fejn noqogħdu hemm.” U qalilhom: “Morru.” 3 Wieħed minnhom qal: “Jekk jogħġbok sidi, tistaʼ tiġi magħna?” Qalilhom: “Niġi.” 4 Allura telaq magħhom, waslu l-Ġordan, u bdew jaqtgħu s-siġar. 5 Hekk kif wieħed minnhom kien qed jaqtaʼ siġra, ras il-mannara waqgħetlu fl-ilma, u beda jgħajjat: “X’biċċa ġratli sidi, dik isselliftha!” 6 Il-qaddej tal-Alla l-veru qallu: “Fejn waqgħet?” Għalhekk urieh fejn. Imbagħad Eliżew qataʼ biċċa njama u tefagħha hemmhekk u ras il-mannara telgħet fil-wiċċ. 7 U qallu: “Tellagħha.” U hekk għamel.
8 Issa r-re tas-Sirja mar jiggwerra kontra Iżrael. Hu tkellem maʼ dawk li jagħtuh il-pariri u qalilhom: “Se nikkampja fit-tali post magħkom.” 9 Imbagħad il-qaddej tal-Alla l-veru bagħat jgħid lir-re t’Iżrael: “Oqgħod attent li ma tgħaddix minn dak il-post, għax hemmhekk se jinżlu s-Sirjani.” 10 Għalhekk, ir-re t’Iżrael bagħat javża lin-nies tiegħu li kienu f’dak il-post. Eliżew baqaʼ javżah, u r-re żamm ’il bogħod minn hemmhekk diversi drabi.*
11 Ir-re* tas-Sirja rrabja ħafna minħabba dan u ġabar lil dawk li jagħtuh il-pariri u qalilhom: “Għiduli min fostna qed iżomm mar-re t’Iżrael!” 12 Imbagħad wieħed minnhom qal: “Ħadd minna, sidi r-re! Hu l-profeta Eliżew f’Iżrael li qed jgħid lir-re t’Iżrael x’tgħid int fil-kamra tas-sodda tiegħek.” 13 Hu qal: “Morru u sibu fejn qiegħed, ħalli nibgħat xi rġiel biex jaqbduh.” Iktar tard intqallu li qiegħed Dotan. 14 Hu mill-ewwel bagħat hemm żwiemel u karrijiet tal-gwerra, kif ukoll armata kbira. Huma waslu billejl u dawru l-belt.
15 Meta l-qaddej t’Eliżew qam kmieni u ħareġ barra, hu ra li l-belt kienet imdawra b’armata bi żwiemel u karrijiet tal-gwerra. Minnufih il-qaddej qallu: “X’waħda din sidi! X’se nagħmlu?” 16 Imma hu qallu: “Tibżax! Għax hemm iktar magħna milli magħhom.” 17 Imbagħad Eliżew beda jitlob u jgħid: “Ġeħova, jekk jogħġbok iftaħlu għajnejh ħalli jara.” U Ġeħova fetaħ għajnejn il-qaddej u ra li l-muntanji taʼ madwarhom kienu mimlijin żwiemel u karrijiet tal-gwerra tan-nar.
18 Meta s-Sirjani niżlu lejh, Eliżew talab lil Ġeħova u qal: “Jekk jogħġbok, agħmi* lil dan il-poplu.” Għalhekk, għamiehom bħalma talab Eliżew. 19 Issa Eliżew qalilhom: “Din mhix it-triq u din mhix il-belt. Imxu warajja ħa niħodkom għand ir-raġel li qed tfittxu.” Madankollu, hu ħadhom is-Samarija.
20 Meta waslu s-Samarija, Eliżew qal: “Ġeħova, iftħilhom għajnejhom ħa jaraw.” Għalhekk, Ġeħova fetħilhom għajnejhom u raw li kienu f’nofs is-Samarija. 21 Meta r-re t’Iżrael rahom, hu qal lil Eliżew: “Noqtolhom sidi?” 22 Imma wieġbu: “Toqtolhomx. Toqtol int lil dawk li tkun iġġilidt kontrihom u ħadthom bħala lsiera? Agħtihom ħobż u ilma sabiex jieklu u jixorbu u jmorru lura għand sidhom.” 23 Għalhekk għamlilhom festa kbira, u kielu u xorbu. Wara bagħathom lura għand sidhom. U l-grupp ta’ suldati ħallelin Sirjani qatt ma reġgħu marru fl-art t’Iżrael.
24 Wara dan, Ben-ħadad ir-re tas-Sirja ġabar l-armata* kollha tiegħu u mar jassedja lis-Samarija. 25 Għalhekk, kien hemm ġuħ kbir fis-Samarija, u baqgħu jassedjawha sakemm ras taʼ ħmar saret tiswa 80 biċċa tal-fidda, u kwart taʼ kejl taʼ kab* ħmieġ tal-ħamiem kien jiswa ħames biċċiet tal-fidda. 26 Meta r-re t’Iżrael kien għaddej minn fuq is-sur, waħda mara għajtitlu u qaltlu: “Sidi r-re, għinna!” 27 Għal dan ir-re qalilha: “Jekk ma jgħinekx Ġeħova, kif nistaʼ ngħinek jien? Taħseb li għad fadal xi ċereali,* inbid, jew żejt?” 28 Imbagħad staqsieha: “Xi ġralek?” Wiġbitu: “Din il-mara qaltli, ‘Agħti lil ibnek ħa nikluh illum, u għada nieklu lil ibni.’ 29 Għalhekk, għallejna lil ibni u kilnieh. L-għada għedtilha, ‘Agħti lil ibnek ħa nikluh.’ Imma hi ħbietu.”
30 Malli r-re semaʼ dak li qalet il-mara, hu ċarrat ħwejġu. Meta għadda minn fuq is-sur, in-nies raw li minn taħt kien liebes drapp tal-ixkora. 31 Imbagħad qal: “Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk ras Eliżew bin Safat tibqaʼ fuqu llum!”
32 Eliżew kien bilqiegħda d-dar mal-anzjani.* Ir-re bagħat messaġġier qablu, imma qabel ma wasal, Eliżew qal lill-anzjani: “Rajtu kif dan l-iben taʼ qattiel bagħat biex jaqtagħli rasi? Oqogħdu attenti biex malli jasal il-messaġġier, tagħlqu l-bieb u żżommuh magħluq. M’intomx tisimgħu l-passi taʼ sidu warajh?” 33 Waqt li kien għadu qed jitkellem, il-messaġġier wasal għandu. Imbagħad wasal ir-re u qal: “Dan il-gwaj ġej mingħand Ġeħova. Għalfejn għandi nibqaʼ nistenna għall-għajnuna taʼ Ġeħova?”
7 Issa Eliżew qal, “Isimgħu l-kelma taʼ Ġeħova. Hekk jgħid Ġeħova, ‘Għada madwar dan il-ħin fil-bieb* tas-Samarija, sea* dqiq fin ikun jiswa xekel* u żewġ seat xgħir* ikunu jiswew xekel.’” 2 Imma l-ajjutant li r-re kien jafda qal lill-qaddej tal-Alla l-veru: “Lanqas kieku Ġeħova jiftaħ bibien is-sema ma jkun possibbli dan!”* Għal dan qallu: “Int se tarah b’għajnejk, imma ma tikolx minnu.”
3 Fid-daħla taʼ bieb il-belt kien hemm erbgħa li kellhom il-ġdiem, u qalu lil xulxin: “X’qegħdin nagħmlu bilqiegħda hawn sakemm immutu? 4 Jekk niddeċiedu li nidħlu fil-belt waqt li hemm il-ġuħ, immutu hemm. U jekk noqogħdu hawn, immutu xorta. Mela ejja nidħlu fil-kampijiet tas-Sirjani. Jekk iħalluna ħajjin, ngħixu, imma jekk le, immutu.” 5 Imbagħad, xħin dalam marru lejn il-kampijiet tas-Sirjani. Meta waslu ħdejn il-kampijiet, ma kien hemm ħadd.
6 Dan ġara għax Ġeħova kien ġiegħel lis-Sirjani kkampjati jisimgħu l-ħoss taʼ karrijiet tal-gwerra u żwiemel, il-ħoss t’armata kbira. Għalhekk qalu lil xulxin: “Ir-re t’Iżrael kera lir-rejiet tal-Ħittin u tal-Eġittu biex jiġu kontrina!” 7 Huma qamu minnufih u ħarbu filgħaxija u ħallew it-tined, iż-żwiemel, il-ħmir, u l-kampijiet kollha kif kienu, u ħarbu biex isalvaw.
8 Meta dawk bil-ġdiem waslu ħdejn il-kampijiet, daħlu f’tinda minnhom u bdew jieklu u jixorbu. Huma ħadu minn hemm fidda, deheb, u ħwejjeġ, u marru jaħbuhom. Wara, reġgħu lura u daħlu f’tinda oħra u ħadu xi affarijiet minn hemm ukoll u marru jaħbuhom.
9 Fl-aħħar qalu lil xulxin: “Mhux sew qed nagħmlu. Dan hu jum t’aħbar tajba! Jekk noqogħdu lura u nistennew sa ma jisbaħ, ikun ħaqqna niġu kkastigati. Mela ejja mmorru u ngħidu b’dan lil dar ir-re.” 10 Għalhekk, marru u għajtu lill-għassiesa tal-bibien tal-belt u qalulhom: “Dħalna fil-kampijiet tas-Sirjani, imma ma kien hemm ħadd u ma smajna ’l ħadd. Kien hemm biss iż-żwiemel u l-ħmir marbutin, u t-tined tħallew kif kienu.” 11 Fil-pront, l-għassiesa tal-bibien qalu l-aħbar lin-nies taʼ dar ir-re.
12 Minnufih ir-re qam billejl u qal lill-qaddejja tiegħu: “Ħa ngħidilkom x’għamlu s-Sirjani. Jafu li aħna bil-ġuħ, għalhekk ħarġu mill-kampijiet biex jinħbew fl-għelieqi, għax jaħsbu li aħna se noħorġu mill-belt. Imbagħad jaqbduna ħajjin u jidħlu fil-belt.’” 13 Imbagħad wieħed mill-qaddejja tiegħu qal: “Jekk jogħġbok, ħalli xi rġiel jieħdu ħames żwiemel milli fadal fil-belt. Hekk jew b’hekk xorta se jmutu bħall-folla kollha t’Iżrael li fadal fil-belt. Xorta se jispiċċaw bħall-folla kollha t’Iżrael li nqerdet. Mela ejja nibagħtuhom u naraw.” 14 Għalhekk, ħadu żewġ karrijiet biż-żwiemel, u r-re bagħathom lejn il-kampijiet tas-Sirjani, u qal: “Morru araw.” 15 Huma segwew it-traċċi tas-Sirjani sal-Ġordan. It-triq kollha kienet mimlija ħwejjeġ u għodod li s-Sirjani kienu rmew waqt li ħarbu ppanikjati. Il-messaġġiera marru lura u rrapportaw dan lir-re.
16 Imbagħad in-nies ħarġu u serqu kulma sabu fil-kampijiet tas-Sirjani. B’hekk sea dqiq fin sar jiswa xekel u żewġ seat xgħir saru jiswew xekel, bħalma qal Ġeħova. 17 Ir-re inkariga l-ajjutant li kien jafda biex jieħu ħsieb bieb il-belt, imma n-nies għaffġuh taħt saqajhom f’bieb il-belt u miet, bħalma kien qal il-qaddej tal-Alla l-veru lir-re meta niżel għandu. 18 Ġara eżatt bħalma qal il-qaddej tal-Alla l-veru lir-re: “Għada dal-ħin fil-bieb tas-Samarija, żewġ seat xgħir ikunu jiswew xekel u sea dqiq fin ikun jiswa xekel.” 19 Imma l-ajjutant li r-re kien jafda qal lill-qaddej tal-Alla l-veru: “Lanqas kieku Ġeħova jiftaħ bibien is-sema ma jkun possibbli dan!”* Għal dan qallu: “Int se tarah b’għajnejk, imma ma tikolx minnu.” 20 U ġralu eżatt hekk, għax in-nies għaffġuh taħt saqajhom f’bieb il-belt u miet.
8 Eliżew qal lill-mara li kien irxoxta* lil binha: “Mur mal-familja tiegħek u għix bħala barranija fejn tistaʼ, għax Ġeħova ddikjara li se jkun hawn il-ġuħ fil-pajjiż u se jdum sebaʼ snin.” 2 Għalhekk, il-mara għamlet bħalma qalilha l-qaddej tal-Alla l-veru. Hi telqet mal-familja tagħha u għexet sebaʼ snin fl-art tal-Filistin.
3 Meta għaddew sebaʼ snin, il-mara reġgħet lura mill-art tal-Filistin u marret titlob lir-re biex jagħtiha d-dar u l-għalqa tagħha. 4 Issa r-re kien qed ikellem lil Geħażi, il-qaddej t’Eliżew, u qallu: “Jekk jogħġbok, għidli l-affarijiet kbar kollha li għamel Eliżew.” 5 Waqt li kien qed jirrakkonta lir-re kif Eliżew irxoxta lill-mejjet, omm it-tifel li ġie rxoxtat waslet għand ir-re, u talbitu biex jagħtiha d-dar u l-għalqa tagħha. Fil-pront Geħażi qal: “Sidi r-re, din hi l-mara, u dan hu binha li Eliżew irxoxta.” 6 Malli semaʼ hekk, ir-re staqsa lill-mara dwar dan, u hi rrakkontatlu l-istorja. Imbagħad ir-re għajjat lil uffiċjal tal-palazz u qallu: “Erġaʼ agħtiha dak kollu li hu tagħha u l-prodott kollu tal-għalqa minn dakinhar li telqet mill-pajjiż s’issa.”
7 Meta Eliżew mar Damasku, Ben-ħadad ir-re tas-Sirja kien marid. Għalhekk tawh l-aħbar: “Il-qaddej tal-Alla l-veru ġie hawnhekk.” 8 U r-re qal lil Ħażagħel: “Ħu rigal miegħek u mur iltaqaʼ mal-qaddej tal-Alla l-veru. Għidlu jistaqsi lil Ġeħova jekk hux se nirkupra minn din il-marda.” 9 Ħażagħel mar jiltaqaʼ miegħu u ħadlu kull xorta taʼ ħaġa tajba minn Damasku, daqs it-tagħbija taʼ 40 ġemel. Hu wasal u qagħad quddiemu u qallu: “Il-qaddej tiegħek,* Ben-ħadad ir-re tas-Sirja, bagħatni għandek biex nistaqsik jekk hux se jirkupra mill-marda tiegħu.’” 10 Eliżew wieġbu: “Mur għidlu, ‘Se tirkupra żgur,’ imma Ġeħova wrieni li se jmut żgur.” 11 U baqaʼ jħares lejh tant li Ħażagħel ħassu imbarazzat. Imbagħad il-qaddej tal-Alla l-veru nfaqaʼ jibki. 12 Ħażagħel staqsa: “Sidi għalfejn qed tibki?” Wieġbu: “Għax naf xi ħsara se tagħmel lill-poplu t’Iżrael. Il-postijiet iffortifikati tagħhom se tagħtihom in-nar, l-aqwa rġiel tagħhom se toqtolhom bix-xabla, lit-tfal tagħhom toqtolhom b’mod vjolenti, u lin-nisa tqal tagħhom iċċarrtilhom żaqqhom.” 13 Ħażagħel qal: “Sidi, kif nistaʼ nagħmel dan, meta jien ikkunsidrat bħala sempliċi kelb?” Imma Eliżew qal: “Ġeħova wrieni li int se tkun re fuq is-Sirja.”
14 Imbagħad telaq minn ħdejn Eliżew u mar għand sidu li qallu: “X’qallek Eliżew?” Hu wieġbu: “Qalli li se tirkupra żgur.” 15 Imma l-għada, Ħażagħel qabad kutra, xarrabha bl-ilma, u żammha* fuq wiċċ ir-re sakemm miet. U Ħażagħel sar re minfloku.
16 Fil-ħames sena tat-tmexxija taʼ Ġeħoram bin Aħab ir-re t’Iżrael, Ġeħoram bin Ġeħosafat sar re taʼ Ġuda waqt li missieru kien għadu jmexxi hemm. 17 Hu kellu 32 sena meta sar re, u mexxa tmien snin f’Ġerusalemm. 18 Hu aġixxa bħar-rejiet t’Iżrael, bħalma għamlu dawk taʼ dar Aħab, għax kien iżżewweġ lil bint Aħab. Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 19 Imma Ġeħova ma riedx jeqred lil Ġuda, għax lil David il-qaddej tiegħu kien wiegħdu li jħalli lil dawk li jiġu minnu jmexxu* għal dejjem.
20 Fi żmien Ġeħoram, l-Edomin irribellaw kontra Ġuda u għażlu re fuqhom. 21 Għalhekk, Ġeħoram mar Sagħir bil-karrijiet kollha tiegħu, u qam billejl u rebaħ lill-Edomin li kienu dawru lilu u lill-kapijiet tal-karrijiet. U s-suldati ħarbu lejn it-tined tagħhom. 22 Imma l-Edomin baqgħu jirribellaw kontra Ġuda sal-lum. Anki n-nies taʼ Libna rribellaw f’dak iż-żmien.
23 U l-bqija tal-istorja taʼ Ġeħoram u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 24 Imbagħad Ġeħoram miet* u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. U ibnu Aħażija sar re minfloku.
25 Aħażija bin Ġeħoram ir-re taʼ Ġuda sar re fit-12-il sena tat-tmexxija taʼ Ġeħoram bin Aħab ir-re t’Iżrael. 26 Aħażija kellu 22 sena meta sar re, u dam imexxi sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għatalija li nannuha kien* ir-Re Għomri t’Iżrael. 27 Hu aġixxa bħal dawk taʼ dar Aħab u kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova bħalhom, għax missieru kien miżżewweġ mara mid-dar t’Aħab. 28 Għalhekk, mar maʼ Ġeħoram bin Aħab għall-gwerra kontra Ħażagħel ir-re tas-Sirja f’Ramot-gilegħad, imma s-Sirjani weġġgħu serjament lil Ġeħoram. 29 Għalhekk, ir-Re Ġeħoram reġaʼ lura Ġeżragħel biex jirkupra mill-feriti li għamlulu s-Sirjani f’Rama meta ġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja. Aħażija bin Ġeħoram ir-re taʼ Ġuda mar jara lil Ġeħoram bin Aħab f’Ġeżragħel, għax kien imweġġaʼ serjament.*
9 Il-profeta Eliżew għajjat lil wieħed mit-tfal tal-profeti u qallu: “Xammar il-libsa maʼ qaddek, u ħu malajr dan il-flixkun żejt u mur Ramot-gilegħad. 2 Meta tasal hemmhekk, fittex lil Ġeħu bin Ġeħosafat u n-neputi taʼ Nimsi, idħol ħdejh, qajmu minn fost ħutu, u ħudu fil-kamra taʼ ġewwa nett. 3 Imbagħad aqbad il-flixkun taż-żejt u ferrgħu fuq rasu u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien ninkarigak* bħala re fuq Iżrael.”’ Wara iftaħ il-bieb u aħrab mill-ewwel.”
4 Għalhekk, il-qaddej tal-profeta telaq għal Ramot-gilegħad. 5 Meta wasal, il-kapijiet tal-armata kienu bilqiegħda hemm. Hu qal: “Għandi messaġġ għalik kap.” Ġeħu staqsa: “Għal min minna?” U wieġbu: “Għalik kap.” 6 Għalhekk Ġeħu qam u daħal id-dar; il-qaddej ferragħlu ż-żejt fuq rasu u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Jien ninkarigak* bħala re fuq il-poplu taʼ Ġeħova, fuq Iżrael. 7 Int trid tattakka lil dar sidek Aħab, u jien inpatti għad-demm tal-qaddejja tiegħi l-profeti u tal-qaddejja kollha taʼ Ġeħova li mietu minħabba Ġeżabel. 8 U l-familja kollha t’Aħab tinqered; u jien neqred għalkollox minn dar Aħab lill-irġiel kollha,* inkluż dawk bla ħila u dgħajfin f’Iżrael. 9 U nagħmel lil dar Aħab bħal dar Ġerobogħam bin Nebat u bħal dar Bagħsa bin Aħija. 10 U lil Ġeżabel jikluha l-klieb fil-biċċa art f’Ġeżragħel, u ħadd ma jidfinha.’” Wara li qal dan, fetaħ il-bieb u ħarab.
11 Meta Ġeħu mar lura għand il-qaddejja taʼ sidu, huma staqsewh: “Kollox sew? Dan il-miġnun għala ġie għandek?” Wiġibhom: “Tafu kif inhu dan ir-raġel u kif jitkellem.” 12 Imma qalulu: “Le! Għidilna l-verità, jekk jogħġbok.” Imbagħad qalilhom: “Hekk u hekk qalli, u żied, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien ninkarigak* bħala re fuq Iżrael.”’” 13 Għal dan, kull wieħed minnhom qabad ħwejġu malajr u qegħedhom fit-taraġ biex jgħaddi r-re minn fuqhom. Huma daqqew il-qarn u qalu: “Ġeħu sar re!” 14 Imbagħad Ġeħu bin Ġeħosafat u n-neputi taʼ Nimsi kkonfoffa kontra Ġeħoram.
Ġeħoram kien qiegħed għassa f’Ramot-gilegħad m’Iżrael kollu minħabba r-Re Ħażagħel tas-Sirja. 15 Iktar tard, ir-Re Ġeħoram mar lura Ġeżragħel biex jirkupra mill-feriti li għamlulu s-Sirjani meta ġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja.
Issa Ġeħu qal: “Jekk taqblu, tħallu lil ħadd jaħrab mill-belt biex imur u jwassal din l-aħbar f’Ġeżragħel.” 16 Imbagħad Ġeħu telaʼ fuq il-karru tiegħu u mar Ġeżragħel għax Ġeħoram kien mimdud hemmhekk imweġġaʼ serjament, u r-Re Aħażija taʼ Ġuda kien niżel jara lil Ġeħoram. 17 Hekk kif l-għassies kien fuq it-torri f’Ġeżragħel, hu ra l-folla rġiel taʼ Ġeħu resqin. Minnufih qal: “Qed nara folla rġiel.” Ġeħoram qal: “Ibgħat suldat tal-kavallerija jiltaqaʼ magħhom u jistaqsihom jekk hux ġejjin fil-paċi.” 18 Għalhekk, is-suldat mar jiltaqaʼ magħhom u qal: “Hekk jgħid ir-re, ‘Fil-paċi ġejjin?’” Imma Ġeħu qallu: “X’differenza tagħmillek jekk ġejtx fil-paċi? Ejja warajja!”
Imbagħad l-għassies irrapporta: “Il-messaġġier wasal ħdejhom, imma ma ġiex lura.” 19 Għalhekk, bagħat it-tieni suldat, li meta wasal ħdejhom qal: “Hekk jgħid ir-re, ‘Fil-paċi ġejjin?’” Imma Ġeħu qallu: “X’differenza tagħmillek jekk ġejtx fil-paċi? Ejja warajja!”
20 Imbagħad l-għassies irrapporta: “Wasal ħdejhom, imma ma ġiex lura. U kif isuq il-kap tagħhom qisu Ġeħu li nannuh huwa Nimsi, għax hu jsuq qisu miġnun.” 21 Ġeħoram qal: “Armaw il-karru!” Għalhekk, ramawlu l-karru tal-gwerra u r-Re Ġeħoram t’Iżrael u r-Re Aħażija taʼ Ġuda ħarġu jiltaqgħu maʼ Ġeħu, kull wieħed fuq il-karru tiegħu tal-gwerra. Huma ltaqgħu miegħu fil-biċċa art taʼ Nabot il-Ġeżragħeli.
22 Malli Ġeħoram ra lil Ġeħu qal: “Ġej fil-paċi Ġeħu?” Imma wieġbu: “X’paċi jistaʼ jkun hemm bil-prostituzzjoni t’ommok Ġeżabel u l-ħafna maġija tagħha?” 23 Minnufih Ġeħoram dawwar il-karru biex jaħrab u qal lil Aħażija: “Daħqu bina Aħażija!” 24 Ġeħu qabad il-qaws tiegħu u spara lil Ġeħoram bejn spallejh, u l-vleġġa ħarġet minn qalbu, u waqaʼ fil-karru tiegħu tal-gwerra. 25 Imbagħad qal lil Bidkar l-ajjutant tiegħu: “Erfgħu u itfgħu fl-għalqa taʼ Nabot il-Ġeżragħeli. Ftakar li meta jien u int konna rekbin flimkien fil-karrijiet* wara missieru Aħab, Ġeħova qal dan kontrih: 26 ‘“Jien rajt id-demm taʼ Nabot u tat-tfal tiegħu lbieraħ,” jiddikjara Ġeħova, “u żgur li npatti għad-demm tagħhom f’din il-biċċa art stess,” jiddikjara Ġeħova.’ Għalhekk issa, erfgħu u itfgħu fil-biċċa art skont dak li qal Ġeħova.”
27 Meta r-Re Aħażija taʼ Ġuda ra x’kien qed jiġri, ħarab mit-triq ħdejn id-dar tal-ġnien. (Iktar tard Ġeħu mar warajh u qal: “Oqtlu lilu wkoll!” Għalhekk, attakkawh fil-karru hu u sejjer Gur, li hu ħdejn Iblegħam. Imma hu kompla jaħrab lejn Megiddo u miet hemm. 28 Imbagħad il-qaddejja tiegħu ġarrewh f’karru lejn Ġerusalemm, u difnuh fil-qabar tiegħu maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. 29 Kien fil-11-il sena tat-tmexxija taʼ Ġeħoram bin Aħab li Aħażija kien sar re fuq Ġuda.)
30 Meta Ġeħu wasal Ġeżragħel, Ġeżabel semgħet b’dan. Għalhekk, żebgħet għajnejha bl-iswed,* għamlet xagħarha, u ħarset ’l isfel mit-tieqa. 31 Hekk kif Ġeħu daħal mill-bieb tal-belt, hi qalet: “Tiftakar xi ġralu Żimri meta qatel lil sidu?” 32 Hu ħares lejn it-tieqa u qal: “Min hu miegħi? Min?” Mill-ewwel, tnejn jew tlieta mill-uffiċjali tal-palazz ħarsu ’l isfel lejh. 33 Hu qal: “Itfgħuha għal isfel!” Għalhekk tefgħuha, u ftit minn demmha tar fuq il-ħajt u fuq iż-żwiemel, u hu għadda minn fuqha. 34 Wara, daħal u kiel u xorob. Imbagħad qal: “Jekk jogħġobkom, ħudu ħsieb din il-misħuta u idfnuha. Fuq kollox hi tifla taʼ re.” 35 Imma meta marru biex jidfnuha, sabu biss l-għadam taʼ rasha, is-saqajn, u l-pali taʼ jdejha. 36 Meta reġgħu lura u qalulu b’dan, hu qalilhom: “B’hekk sar dak li qal Ġeħova permezz tal-qaddej tiegħu Elija t-Tisbi, meta qal, ‘Il-klieb se jieklu l-laħam taʼ Ġeżabel fil-biċċa art f’Ġeżragħel. 37 U l-ġisem mejjet taʼ Ġeżabel se jsir bħad-demel f’wiċċ l-għalqa fil-biċċa art f’Ġeżragħel, sabiex ma jgħidux: “Din hi Ġeżabel.”’”
10 Issa Aħab kellu 70 tifel fis-Samarija. Għalhekk, Ġeħu kiteb ittri u bagħathom is-Samarija lill-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja taʼ Ġeżragħel, lill-anzjani,* u lil dawk li kienu jieħdu ħsieb it-tfal t’Aħab.* Fl-ittri kien hemm miktub: 2 “Magħkom hemm it-tfal taʼ sidkom, kif ukoll il-karrijiet tal-gwerra, iż-żwiemel, belt iffortifikata, u armi. Meta taslilkom din l-ittra, 3 agħżlu l-aħjar u l-iktar xieraq* mit-tfal taʼ sidkom u qegħduh fuq it-tron taʼ missieru. Imbagħad iġġieldu għal dar sidkom.”
4 Imma tgħidx kemm beżgħu u qalu: “Jekk ma setgħux jiqfulu żewġ rejiet, kif nistgħu niqfulu aħna?” 5 Għalhekk, dak li kien jieħu ħsieb il-palazz,* il-gvernatur tal-belt, l-anzjani, u dawk li kienu jieħdu ħsieb it-tfal bagħtu dan il-messaġġ lil Ġeħu: “Aħna l-qaddejja tiegħek, u se nagħmlu kulma tgħidilna. Mhu se nagħmlu lil ħadd re. Agħmel dak li jidher li hu tajjeb f’għajnejk.”
6 Imbagħad bagħtilhom it-tieni ittra li fiha kiteb: “Jekk iżżommu miegħi u lesti li tobduni, ġibuli l-irjus tat-tfal taʼ sidkom Aħab u ejjew għandi għada bħalissa f’Ġeżragħel.”
Issa s-70 tifel tar-re kienu mal-irġiel importanti tal-belt li kienu jrabbuhom. 7 Malli waslitilhom l-ittra, huma qabdu lis-70 tifel tar-re, qatluhom, poġġew rashom fil-qfief, u bagħtuhomlu Ġeżragħel. 8 Il-messaġġier daħal u qallu: “Ġabu l-irjus tat-tfal tar-re.” Għalhekk Ġeħu qal: “Poġġuhom f’żewġt igzuz fid-daħla taʼ bieb il-belt u għandhom jibqgħu hemm sa filgħodu.” 9 Meta ħareġ filgħodu, qagħad quddiem il-poplu kollu u qal: “Intom innoċenti.* Iva, jien ikkonfoffajt kontra sidi u qtiltu, imma lil dawn kollha min qatilhom? 10 Mela, kunu afu li l-kliem kollu taʼ Ġeħova li Ġeħova qal kontra d-dar t’Aħab se jsir,* u Ġeħova għamel dak li qal permezz tal-qaddej tiegħu Elija.” 11 U Ġeħu qatel lil dawk kollha li kien fadal minn dar Aħab f’Ġeżragħel, kif ukoll lill-irġiel importanti tiegħu kollha, lil ħbiebu, u lill-qassisin tiegħu, sakemm ma ħallielu lil ħadd ħaj.
12 Imbagħad telaq lejn is-Samarija. U fi triqtu għadda minn ħdejn id-dar fejn ir-ragħajja jaqtgħu s-suf* tan-nagħaġ. 13 Hemm Ġeħu ltaqaʼ maʼ ħut ir-Re Aħażija taʼ Ġuda, u qalilhom, “Min intom?” Huma wiġbuh: “Aħna ħut Aħażija, u sejrin nistaqsu kif inhuma t-tfal tar-re u tar-reġina.”* 14 Fil-pront qal: “Aqbduhom ħajjin!” Għalhekk, qabduhom ħajjin u qatluhom ħdejn il-ġiebja tad-dar fejn jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ. Kienu 42 raġel u ma ħalla lil ħadd minnhom ħaj.
15 Hekk kif telaq minn hemm, iltaqaʼ maʼ Ġeħonadab bin Rekab li kien sejjer jiltaqaʼ miegħu. Meta sellimlu,* qallu: “Hija qalbek leali* lejja, bħalma qalbi hi leali lejk?”
Ġeħonadab wieġeb: “Iva.”
“Jekk iva, agħtini idek.”
Għalhekk tah idu, u Ġeħu tellgħu fuq il-karru tal-gwerra miegħu. 16 Imbagħad qallu: “Ejja miegħi, u ara kif jien ma nittollera ebda nuqqas taʼ lealtà lejn* Ġeħova.” Għalhekk ħadu miegħu. 17 Imbagħad waslu s-Samarija, u attakka lil dawk kollha li kien għad fadal minn dar Aħab fis-Samarija sakemm qeridhom għalkollox, bħalma Ġeħova kien qal lil Elija.
18 Iktar minn hekk, Ġeħu ġabar lin-nies kollha flimkien u qalilhom: “Aħab m’għamilx kulma setaʼ biex iqim lil Bagħal. Imma jien se nagħmel kulma nistaʼ biex inqimu. 19 Mela iġbru lill-profeti kollha taʼ Bagħal, lil dawk kollha li jqimuh, u l-qassisin kollha tiegħu. Tħallu ’l ħadd barra, għax għandi sagrifiċċju kbir għal Bagħal. Min ma jkunx hawn ma jibqax ħaj.” Imma Ġeħu kien qed jaġixxi b’makakkerija biex jeqred lil kull min iqim lil Bagħal.
20 Ġeħu żied jgħid: “Għidu lil kulħadd li se ssir* assemblea speċjali għal Bagħal.” U hekk għamlu. 21 Imbagħad Ġeħu bagħat jgħid dan f’Iżrael kollu, u dawk kollha li jqimu lil Bagħal marru. Ma kienx hemm wieħed li ma marx. Huma daħlu fit-tempju taʼ Bagħal, u dan imtela kollu. 22 Hu qal lil dak li kien jieħu ħsieb il-kamra tal-ħwejjeġ: “Oħroġ il-ħwejjeġ għal dawk kollha li jqimu lil Bagħal.” U hekk għamel. 23 Imbagħad Ġeħu daħal maʼ Ġeħonadab bin Rekab fit-tempju taʼ Bagħal. Hu qal lil dawk kollha li jqimu lil Bagħal: “Fittxu sew u araw li m’hawn ħadd li jqim lil Ġeħova, imma dawk biss li jqimu lil Bagħal.” 24 Fl-aħħar daħlu biex joffru s-sagrifiċċji u l-offerti tal-ħruq. Ġeħu qiegħed 80 raġel fuq barra u qal: “Min iħalli lil wieħed mill-irġiel li qed nagħtikom f’idejkom jaħrab, iħallas b’ħajtu.”
25 Malli offra l-offerta tal-ħruq, Ġeħu qal lill-gwardji* u lill-ajjutanti: “Idħlu oqtluhom! Tħallu ’l ħadd jaħrab.” Għalhekk, il-gwardji u l-ajjutanti qatluhom bix-xabla u tefgħuhom ’il barra, u baqgħu deħlin sa ġewwa nett* tat-tempju taʼ Bagħal. 26 Imbagħad ħarġu l-pilastri sagri tad-dar taʼ Bagħal u ħarquhom. 27 Huma waqqgħu l-pilastru sagru taʼ Bagħal, u waqqgħu t-tempju taʼ Bagħal u għamluh latrina li għadha hemm sal-lum.
28 B’hekk, Ġeħu qered għalkollox lil Bagħal minn Iżrael. 29 Imma hu ħalla l-barrin żgħar* tad-deheb li kienu f’Betel u f’Dan, u b’hekk dineb bħal Ġerobogħam bin Nebat li ġiegħel lil Iżrael jidneb. 30 Għalhekk, Ġeħova qal lil Ġeħu: “Talli aġixxejt tajjeb u għamilt dak li hu sewwa f’għajnejja billi mxejt maʼ dak kollu li jien iddeċidejt kontra d-dar t’Aħab, it-tfal tiegħek joqogħdu fuq it-tron t’Iżrael sar-rabaʼ ġenerazzjoni.” 31 Imma Ġeħu ma qagħadx attent li jimxi mal-Liġi taʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael b’qalbu kollha. Ma warrabx għalkollox mid-dnubiet li Ġerobogħam ġiegħel lil Iżrael jagħmel.
32 Dak iż-żmien Ġeħova beda jnaqqas it-territorju tal-Iżraelin. Ħażagħel baqaʼ jattakkahom fit-territorju kollu t’Iżrael. 33 Mill-Ġordan lejn il-Lvant, hu rebaħ l-art kollha taʼ Gilegħad, fejn kienu jgħixu l-Gadin, ir-Rubenin, u l-Manassin. Dan kien jinkludi t-territorju minn Għarogħer, li qiegħda ħdejn il-Wied tal-Arnon, sa Gilegħad u l-Basan.
34 U l-bqija tal-istorja taʼ Ġeħu, kulma għamel, u l-qawwa kollha tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 35 Imbagħad Ġeħu miet u difnuh fis-Samarija. Ibnu Ġeħogħaħaż sar re minfloku. 36 Ġeħu dam 28 sena jmexxi fuq Iżrael fis-Samarija.
11 Issa meta Għatalija, omm Aħażija, rat li binha miet, hi pprovat teqred il-linja kollha tar-re. 2 Madankollu, Ġeħoseba bint ir-Re Ġeħoram, oħt Aħażija, serqet lil Ġeħogħas bin Aħażija minn fost it-tfal tar-re li kienu se jinqatlu, u żammet lilu u lil dik li kienet tieħu ħsiebu fil-kamra tas-sodda taʼ ġewwa. Huma rnexxielhom iżommuh moħbi minn Għatalija, u b’hekk ma nqatilx. 3 Hu baqaʼ magħha sitt snin moħbi fid-dar taʼ Ġeħova, waqt li Għatalija kienet qed tmexxi fuq il-pajjiż.
4 Fis-sebaʼ sena, Ġeħojada bagħat għall-kapijiet tal-mijiet tal-gwardji persunali tal-Karin u tal-gwardji tal-palazz* u ħadhom għandu fid-dar taʼ Ġeħova. Hu għamel patt magħhom u ġegħelhom jaħilfu fid-dar taʼ Ġeħova, u mbagħad uriehom lil bin ir-re. 5 Hu kkmandahom: “F’dan is-Sabat, terz minnkom għandhom jgħassu sew il-palazz tar-re, 6 terz ieħor joqogħdu f’Bieb il-Pedament, u terz ieħor joqogħdu fil-bieb taʼ wara l-gwardji tal-palazz. U toqogħdu għassa tad-dar meta jmisskom. 7 Iż-żewġ taqsimiet minnkom li suppost ma jkunux għassa fis-Sabat għandhom jgħassu sew id-dar taʼ Ġeħova biex jipproteġu lir-re. 8 Għandkom toqogħdu madwar ir-re minn kull naħa, kull wieħed bl-armi tiegħu f’idu. U għandu jinqatel kull min jipprova jgħaddi minn bejn is-suldati. Ibqgħu mar-re kull fejn imur.”*
9 Il-kapijiet tal-mijiet għamlu eżatt dak li kkmandahom Ġeħojada l-qassis. Għalhekk, kull wieħed ħa lill-irġiel tiegħu li kienu għassa fis-Sabat, flimkien maʼ dawk li ma kinux għassa fis-Sabat, u marru għand Ġeħojada l-qassis. 10 Imbagħad il-qassis ta lill-kapijiet tal-mijiet il-lanez u t-tarki tondi li kienu tar-Re David u li kienu fid-dar taʼ Ġeħova. 11 U l-gwardji tal-palazz ħadu posthom, kull wieħed bl-armi tiegħu f’idu, min-naħa tal-lemin tad-dar san-naħa tax-xellug tad-dar, ħdejn l-artal u ħdejn id-dar, madwar ir-re. 12 Imbagħad Ġeħojada ħareġ lil bin ir-re u qiegħed fuqu l-kuruna* u t-Testimonjanza,* u għamluh re u dilkuh.* Huma bdew iċapċpu u jgħidu: “Ħa jkun imbierek ir-re!”
13 Meta Għatalija semgħet in-nies jiġru, mill-ewwel marret ħdejn in-nies fid-dar taʼ Ġeħova. 14 Imbagħad rat ir-re ħdejn il-kolonna kif kienet id-drawwa. Il-kapijiet u dawk li jdoqqu t-trumbetti kienu ħdejn ir-re, u n-nies kollha tal-pajjiż kienu qed jifirħu u jdoqqu t-trumbetti. Għal dan Għatalija ċarrtet ħwejjiġha u għajtet: “Konfoffa! Konfoffa!” 15 Imma Ġeħojada l-qassis ikkmanda lill-kapijiet tal-mijiet, dawk taʼ fuq l-armata, u qalilhom: “Oħorġuha minn bejn is-suldati, u jekk xi ħadd imur warajha, oqtluh bix-xabla!” Għax il-qassis kien qalilhom: “Toqtluhiex fid-dar taʼ Ġeħova.” 16 Għalhekk qabduha, u qatluha meta waslu fid-daħla taż-żwiemel tal-palazz tar-re.
17 Imbagħad Ġeħojada għamel patt bejn Ġeħova, ir-re, u l-poplu, li se jibqgħu l-poplu taʼ Ġeħova. Hu għamel patt ukoll bejn ir-re u l-poplu. 18 Wara dan, in-nies kollha tal-pajjiż daħlu fit-tempju taʼ Bagħal, kissru l-artali tiegħu, kissru għalkollox l-istatwi tiegħu, u qatlu lil Mattan il-qassis taʼ Bagħal quddiem l-artali.
Imbagħad il-qassis inkariga rġiel biex jieħdu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova. 19 Iktar minn hekk, hu ħa lill-kapijiet tal-mijiet, il-gwardji persunali tal-Karin, il-gwardji tal-palazz, u n-nies kollha tal-pajjiż sabiex jinżlu mar-re mid-dar taʼ Ġeħova sal-palazz tar-re. Huma għaddew mill-bieb tal-gwardji tal-palazz. Imbagħad hu qagħad fuq it-tron tar-rejiet. 20 Għalhekk, in-nies kollha tal-pajjiż ferħu u kien hemm il-paċi fil-belt, għax lil Għatalija kienu qatluha bix-xabla ħdejn il-palazz tar-re.
21 Ġeħogħas kellu sebaʼ snin meta sar re.
12 Fis-sebaʼ sena tat-tmexxija taʼ Ġeħu, Ġeħogħas sar re u mexxa 40 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Sibjah minn Bir-xeba. 2 Ġeħogħas għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova matul il-jiem kollha li kien iggwidat minn Ġeħojada l-qassis. 3 Madankollu, il-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm.
4 Ġeħogħas qal lill-qassisin: “Ħudu l-flus kollha għall-offerti qaddisin li n-nies jagħtu fid-dar taʼ Ġeħova, jiġifieri t-taxxa li għandu jħallas kulħadd, il-flus li jingħataw min-nies li jkunu għamlu xi wegħdi, u l-flus kollha li kull wieħed jagħti minn qalbu fid-dar taʼ Ġeħova. 5 Il-qassisin jiħduhom personalment mingħand dawk li jagħtuhom* u jużawhom biex isewwu kull fejn hemm xi ħsara* fid-dar.”
6 Sat-23 sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħogħas, il-qassisin kienu għadhom ma sewwewx il-ħsara fid-dar. 7 Għalhekk, ir-Re Ġeħogħas għajjat lil Ġeħojada l-qassis u lill-qassisin l-oħrajn u qalilhom: “Għala m’intomx issewwu l-ħsara fid-dar? Tiħdux iktar flus mingħand dawk li jagħtu, sakemm ma jintużawx biex tissewwa d-dar.” 8 Għaldaqstant, il-qassisin qablu li ma jiħdux iktar flus mingħand in-nies u ma jkunux responsabbli biex isewwu d-dar.
9 Ġeħojada l-qassis imbagħad ħa kaxxa u għamel toqba fl-għatu u qegħedha ħdejn l-artal fuq il-lemin fid-daħla tad-dar taʼ Ġeħova. Il-qassisin li kienu jaqdu bħala għassiesa tal-bibien kienu jqiegħdu fiha l-flus kollha li n-nies kienu jagħtu fid-dar taʼ Ġeħova. 10 Meta kienu jaraw li hemm ħafna flus fil-kaxxa, is-segretarju tar-re u l-qassis il-kbir kienu jitilgħu, jiġbru* l-flus li n-nies ikunu taw fid-dar taʼ Ġeħova, u jgħodduhom. 11 Huma kienu jagħtu dawn il-flus lil dawk inkarigati biex jieħdu ħsieb ix-xogħol fid-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad, dawn kienu jħallsu lill-mastrudaxxi u lill-bennejja li kienu qed jaħdmu fid-dar taʼ Ġeħova, 12 kif ukoll lill-ħaddiema fil-ġebel u lil dawk li jaqtgħu l-ġebel. Ukoll, kienu jixtru l-injam u l-ġebel maqtugħ bl-għodda ħalli jsewwu l-ħsara fid-dar taʼ Ġeħova u kienu jużaw il-flus għall-ispejjeż kollha l-oħra biex tissewwa d-dar.
13 Imma bil-flus li n-nies kienu qed jagħtu fid-dar taʼ Ġeħova ma saret ebda bieqja tal-fidda, għodda li jittrimmjaw u jitfu l-ftila biha, skutella, trumbetta, u oġġett tad-deheb jew tal-fidda għad-dar taʼ Ġeħova. 14 Huma kienu jagħtuhom biss lil dawk li kienu jagħmlu x-xogħol, u bihom sewwew id-dar taʼ Ġeħova. 15 Dawk li kienu jieħdu ħsieb ix-xogħol ma kinux jitolbu kont mill-irġiel li kienu jagħtuhom il-flus għax kienu taʼ min jafdahom. 16 Imma l-flus tal-offerti għall-ħtija u l-flus tal-offerti għad-dnub ma kinux jiħduhom fid-dar taʼ Ġeħova. Dawn kienu għall-qassisin.
17 Kien f’dak iż-żmien li Ħażagħel ir-re tas-Sirja telaʼ jiġġieled kontra Gat u ħadha taħt idejh. Wara ddeċieda li jattakka lil* Ġerusalemm. 18 Għal dan, ir-Re Ġeħogħas taʼ Ġuda ħa l-offerti qaddisin kollha li kienu qaddsu missirijietu Ġeħosafat, Ġeħoram, u Aħażija, ir-rejiet taʼ Ġuda. Ħa wkoll l-offerti li kien qaddes hu u d-deheb kollu li kien hemm fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova u fil-palazz tar-re, u bagħathom lil Ħażagħel ir-re tas-Sirja. B’hekk dan irtira minn Ġerusalemm.
19 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħas u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 20 Madankollu, il-qaddejja tiegħu kkonfoffaw kontrih u qatluh fid-dar tal-Għolja,* fit-triq li tinżel lejn Silla. 21 Kienu l-qaddejja tiegħu Ġożakar bin Simegħat u Ġeħożabad bin Somer li attakkawh u qatluh. Hu ġie midfun maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David, u ibnu Amażija sar re minfloku.
13 Fit-23 sena tat-tmexxija taʼ Ġeħogħas bin Aħażija r-re taʼ Ġuda, Ġeħogħaħaż bin Ġeħu sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa għal 17-il sena. 2 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnub li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. Ma warrabx minnu. 3 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna m’Iżrael, u tahom f’idejn ir-Re Ħażagħel tas-Sirja u f’idejn ibnu Ben-ħadad għal ħafna snin.
4 Maż-żmien, Ġeħogħaħaż talab bil-ħniena lil Ġeħova biex jgħinhom, u Ġeħova semgħu għax kien ra l-moħqrija li r-re tas-Sirja kien ġab fuq Iżrael. 5 Għalhekk, Ġeħova bagħat lil xi ħadd biex jeħles lil Iżrael minn taħt idejn is-Sirja, u l-Iżraelin setgħu jgħixu fi djarhom bħal qabel.* 6 (Madankollu, baqgħu jagħmlu d-dnub taʼ dar Ġerobogħam li hu ġiegħel lil Iżrael jagħmel, u l-arblu sagru* kien għadu fis-Samarija.) 7 Ġeħogħaħaż kien baqagħlu biss armata taʼ 50 rikkieb taż-żwiemel, għaxar karrijiet, u 10,000 suldat, għax ir-re tas-Sirja kien qeridhom u għamilhom bħat-trab li joħroġ fid-dris tal-qamħ.
8 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħaħaż, kulma għamel, u l-qawwa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 9 Imbagħad Ġeħogħaħaż miet u difnuh fis-Samarija. Ibnu Ġeħogħas sar re minfloku.
10 Fis-37 sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħogħas taʼ Ġuda, Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa għal 16-il sena. 11 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, ma telaqx id-dnubiet kollha li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. Baqaʼ jipprattika dawn* id-dnubiet.
12 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħas, kulma għamel, il-qawwa tiegħu, u kif iġġieled kontra Amażija r-re taʼ Ġuda huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 13 Imbagħad Ġeħogħas miet, u Ġerobogħam* qagħad fuq it-tron tiegħu. U Ġeħogħas indifen fis-Samarija mar-rejiet t’Iżrael.
14 Issa meta Eliżew marad bil-marda li spiċċa miet biha, Ġeħogħas ir-re t’Iżrael niżel għandu u beka fuqu jgħid: “Missieri, missieri! Qed nara l-karru tal-gwerra t’Iżrael u r-rikkieba taż-żwiemel tiegħu!” 15 U Eliżew qallu: “Ħu qaws u xi vleġeġ.” U hekk għamel. 16 Imbagħad qal lir-re t’Iżrael: “Ipprepara biex tispara.” U wara li għamel hekk, Eliżew qiegħed idejh fuq idejn ir-re. 17 Imbagħad qal: “Iftaħ it-tieqa lejn il-Lvant.” U fetaħha. Eliżew qallu: “Spara!” U hekk għamel. Wara qallu: “Dik hi l-vleġġa taʼ rebħa* taʼ Ġeħova! Il-vleġġa taʼ rebħa kontra s-Sirja! Int se tegħleb lis-Sirja f’Afek sa ma teqridha.”
18 Hu kompla: “Aqbad il-vleġeġ,” u qabadhom. Imbagħad qallu: “Agħti daqqiet bihom fuq l-art.” U ta tliet daqqiet u waqaf. 19 Għalhekk, il-qaddej tal-Alla l-veru rrabja ħafna għalih u qallu: “Messek għamilt hekk ħames jew sitt darbiet! Kieku kont tegħleb lis-Sirja sa ma teqridha, imma issa se tegħlibha tliet darbiet biss.”
20 Wara dan, Eliżew miet u difnuh. U kien hemm gruppi taʼ ħallelin Mowabin li kienu jidħlu fil-pajjiż fil-bidu tas-sena.* 21 Hekk kif xi rġiel kienu qed jidfnu raġel, raw il-grupp taʼ ħallelin, għalhekk tefgħu lir-raġel fil-qabar t’Eliżew u ħarbu. Meta r-raġel mess mal-għadam t’Eliżew, hu ħa l-ħajja u qam bilwieqfa.
22 Ir-Re Ħażagħel tas-Sirja ħaqar lil Iżrael kemm dam imexxi Ġeħogħaħaż. 23 Madankollu, Ġeħova wriehom qalb tajba u ħenn għalihom u wera li jimpurtah minnhom minħabba l-patt tiegħu m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Hu ma riedx jeqridhom, u ma keċċihomx minn quddiemu sal-lum. 24 Meta r-Re Ħażagħel tas-Sirja miet, ibnu Ben-ħadad sar re minfloku. 25 Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ħa lura mingħand Ben-ħadad bin Ħażagħel il-bliet li dan kien ħa mingħand missieru Ġeħogħaħaż fil-gwerra. Tliet darbiet għelbu Ġeħogħas, u ħa lura l-bliet t’Iżrael.
14 Fit-tieni sena tat-tmexxija taʼ Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ir-re t’Iżrael, Amażija bin ir-Re Ġeħogħas taʼ Ġuda sar re. 2 Hu kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġeħogħaddin minn Ġerusalemm. 3 Hu kompla jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejn Ġeħova, imma mhux bħall-antenat tiegħu David. Hu aġixxa bħal missieru Ġeħogħas f’kulma għamel. 4 Imma l-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx, u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm. 5 Malli Amażija kellu kontroll sħiħ tas-saltna, hu qatel lill-qaddejja tiegħu li kienu qatlu lil missieru r-re. 6 Imma lit-tfal tagħhom ma qatilhomx, skont il-kmandament taʼ Ġeħova mniżżel fil-ktieb tal-Liġi taʼ Mosè, li jgħid: “Il-missirijiet m’għandhomx jinqatlu minħabba t-tfal tagħhom, u t-tfal m’għandhomx jinqatlu minħabba missirijiethom. Kull wieħed għandu jinqatel għad-dnub tiegħu stess.” 7 Hu qatel lill-Edomin f’Wied il-Melħ, li kienu 10,000 raġel, u ħa f’idejh il-belt taʼ Sela fil-gwerra, u isimha sar Ġoktel sal-lum.
8 Imbagħad Amażija bagħat messaġġiera għand Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż u n-neputi taʼ Ġeħu r-re t’Iżrael biex jgħidlu: “Ejja niffaċċjaw lil xulxin fil-battalja.”* 9 Ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael bagħat jgħidlu hekk lir-Re Amażija taʼ Ġuda: “Ix-xewka li kienet fil-Libanu bagħtet tgħid liċ-ċedru fil-Libanu, ‘Agħti lil bintek biex tiżżewweġ lil ibni.’ Madankollu, annimal salvaġġ tal-Libanu għadda minn hemm u għaffeġ ix-xewka. 10 Int għelibt lil Edom, u qalbek tkabbret. Gawdi l-glorja tiegħek imma ibqaʼ f’darek.* Għala għandek iġġib diżastru u titlef int u Ġuda miegħek?” 11 Iżda Amażija ma semax minnu.
Għalhekk, ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael telaʼ u ffaċċja lir-Re Amażija taʼ Ġuda f’battalja f’Bet-xemex, li hi taʼ Ġuda. 12 Iżrael għeleb lil Ġuda, u s-suldati ħarbu kull wieħed lejn daru.* 13 F’Bet-xemex, ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael qabad lir-Re Amażija taʼ Ġuda, li kien bin Ġeħogħas u n-neputi t’Aħażija. Imbagħad ħadu miegħu Ġerusalemm u waqqaʼ 400 kubitu* mis-sur tagħha, minn Bieb Efrajm sal-Bieb tal-Kantuniera. 14 Hu ħa d-deheb u l-fidda kollha u l-oġġetti kollha li kienu fid-dar taʼ Ġeħova u fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tar-re, kif ukoll xi nies bħala ostaġġi. Imbagħad mar lura s-Samarija.
15 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħas, dak li għamel, il-qawwa tiegħu, u kif iġġieled kontra r-Re Amażija taʼ Ġuda huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 16 Imbagħad Ġeħogħas miet u ndifen fis-Samarija mar-rejiet t’Iżrael. U ibnu Ġerobogħam* sar re minfloku.
17 Amażija bin Ġeħogħas ir-re taʼ Ġuda għex 15-il sena oħra wara l-mewt taʼ Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ir-re t’Iżrael. 18 Il-bqija tal-istorja t’Amażija hi miktuba fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 19 Wara saret konfoffa kontrih f’Ġerusalemm u ħarab lejn Lakis, imma bagħtu xi rġiel warajh f’Lakis u qatluh hemmhekk. 20 Għalhekk, ġarrewh lura fuq iż-żwiemel u ndifen f’Ġerusalemm maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. 21 Imbagħad in-nies kollha taʼ Ġuda ħadu lil Għażarija,* li kellu 16-il sena, u għamluh re minflok missieru Amażija. 22 Hu reġaʼ bena Elat u taha lura lil Ġuda wara li r-re* miet.
23 Fil-15-il sena tat-tmexxija t’Amażija bin Ġeħogħas ir-re taʼ Ġuda, Ġerobogħam bin ir-Re Ġeħogħas t’Iżrael sar re fis-Samarija u mexxa għal 41 sena. 24 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnubiet kollha li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 25 Hu rrestawra l-fruntiera t’Iżrael minn Lebo-ħamat* sal-Baħar tal-Għaraba,* skont dak li Ġeħova l-Alla t’Iżrael qal permezz tal-qaddej tiegħu Ġona bin Amittaj, il-profeta minn Gat-ħefer. 26 Għax Ġeħova kien ra t-tbatija u d-diffikultà t’Iżrael. Ma kien fadal ħadd li setaʼ jgħin lil Iżrael, lanqas dawk bla ħila u dgħajfin. 27 Iżda Ġeħova kien wiegħed li ma jeqridx isem Iżrael minn fuq wiċċ l-art. Għalhekk salvahom permezz taʼ Ġerobogħam bin Ġeħogħas.
28 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġerobogħam, kulma għamel, il-qawwa tiegħu, kif iġġieled, u kif reġaʼ ta l-bliet taʼ Damasku u Ħamat lil Ġuda u Iżrael huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 29 Imbagħad Ġerobogħam miet u ndifen maʼ missirijietu, ir-rejiet t’Iżrael. U ibnu Żakkarija sar re minfloku.
15 Fis-27 sena tat-tmexxija tar-Re Ġerobogħam* t’Iżrael, Għażarija* bin ir-Re Amażija taʼ Ġuda sar re. 2 Hu kellu 16-il sena meta sar re, u mexxa 52 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġekolija minn Ġerusalemm. 3 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel missieru Amażija. 4 Madankollu, il-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx, u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm. 5 Ġeħova kkastiga lir-re bil-ġdiem u baqaʼ bil-ġdiem sakemm miet. Hu għex f’dar oħra, waqt li ibnu Ġotam kien jieħu ħsieb il-palazz u jiġġudika lin-nies tal-pajjiż. 6 Il-bqija tal-istorja t’Għażarija u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 7 Imbagħad Għażarija miet u difnuh maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. U ibnu Ġotam sar re minfloku.
8 Fit-38 sena tat-tmexxija tar-Re Għażarija taʼ Ġuda, Żakkarija bin Ġerobogħam sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa sitt xhur. 9 Hu għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kienu għamlu missirijietu. Hu baqaʼ jagħmel id-dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 10 Imbagħad Sallum bin Ġabes ikkonfoffa kontrih u qatlu f’Iblegħam. Wara sar re minfloku. 11 Il-bqija tal-istorja taʼ Żakkarija hi miktuba fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 12 B’hekk sar dak li Ġeħova qal lil Ġeħu: “It-tfal tiegħek joqogħdu fuq it-tron t’Iżrael sar-rabaʼ ġenerazzjoni.” U hekk ġara.
13 Sallum bin Ġabes sar re fid-39 sena tat-tmexxija tar-Re Użżija taʼ Ġuda, u dam imexxi xahar fis-Samarija. 14 Imbagħad Menaħem bin Gadi telaʼ minn Tirsa għas-Samarija u qatel lil Sallum bin Ġabes hemm. Wara sar re minfloku. 15 Il-bqija tal-istorja taʼ Sallum u l-konfoffa li kien għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 16 Kien dak iż-żmien li Menaħem ħareġ minn Tirsa biex jattakka lil Tifsa u t-territorju tagħha, għax ma fetħulux il-bibien tagħha. Hu qeridha, u n-nisa tqal tagħha ċarrtilhom żaqqhom.
17 Fid-39 sena tat-tmexxija tar-Re Għażarija taʼ Ġuda, Menaħem bin Gadi sar re fuq Iżrael u mexxa għaxar snin fis-Samarija. 18 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Tul ħajtu baqaʼ jagħmel id-dnubiet kollha li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 19 Ir-Re Pul tal-Assirja daħal fil-pajjiż, u Menaħem tah 1,000 talent* fidda sabiex jgħinu jkollu iktar kontroll fuq is-saltna. 20 Menaħem ħa l-fidda għar-re tal-Assirja mingħand l-irġiel importanti u sinjuri t’Iżrael. Dawn kellhom jagħtu 50 xekel* fidda kull wieħed. Imbagħad ir-re tal-Assirja mar lura, u ma baqax fil-pajjiż. 21 Il-bqija tal-istorja taʼ Menaħem u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 22 Imbagħad Menaħem miet u ibnu Pekaħija sar re minfloku.
23 Fil-50 sena tat-tmexxija tar-Re Għażarija taʼ Ġuda, Pekaħija bin Menaħem sar re fuq Iżrael fis-Samarija u dam imexxi sentejn. 24 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 25 Imbagħad l-ajjutant tiegħu, Pekaħ bin Remalija, ikkonfoffa kontrih u qatlu fis-Samarija fit-torri ffortifikat tal-palazz tar-re m’Argob u Arje. Hu kellu 50 raġel minn Gilegħad miegħu. Wara li qatlu, hu sar re minfloku. 26 Il-bqija tal-istorja taʼ Pekaħija u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
27 Fit-52 sena tat-tmexxija tar-Re Għażarija taʼ Ġuda, Pekaħ bin Remalija sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa 20 sena. 28 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 29 Fi żmien ir-Re Pekaħ t’Iżrael, ir-Re Tiglat-pileser tal-Assirja daħal f’Iżrael u rebaħ lil Ijon, Abel-bet-magħka, Ġanogħa, Kedes, Ħasor, u Gilegħad. Hu rebaħ ukoll il-Galilija, jiġifieri l-art kollha taʼ Naftali. Hu ħa n-nies t’hemm fl-eżilju lejn l-Assirja. 30 Imbagħad Ħosegħa bin Elah ikkonfoffa kontra Pekaħ bin Remalija u qatlu. Hu sar re minfloku fl-20 sena tat-tmexxija taʼ Ġotam bin Użżija. 31 Il-bqija tal-istorja taʼ Pekaħ u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
32 Fit-tieni sena tat-tmexxija taʼ Pekaħ bin Remalija r-re t’Iżrael, Ġotam bin ir-Re Użżija taʼ Ġuda sar re. 33 Hu kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 16-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġerusa bint Sadok. 34 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel missieru Użżija. 35 Madankollu, il-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm. Kien hu li bena l-bieb taʼ fuq tad-dar taʼ Ġeħova. 36 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġotam u dak li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 37 Dak iż-żmien Ġeħova bagħat kontra Ġuda lil Resin ir-re tas-Sirja u lil Pekaħ bin Remalija. 38 Imbagħad Ġotam miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David l-antenat tiegħu. U ibnu Aħaż sar re minfloku.
16 Fis-17-il sena tat-tmexxija taʼ Pekaħ bin Remalija, Aħaż bin ir-Re Ġotam taʼ Ġuda sar re. 2 Aħaż kellu 20 sena meta sar re, u mexxa 16-il sena f’Ġerusalemm. Hu m’għamilx dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu bħalma għamel l-antenat tiegħu David. 3 Minflok hu aġixxa bħar-rejiet t’Iżrael, u saħansitra ħaraq lil ibnu fin-nar,* skont il-prattiki moqżieża tal-popli li Ġeħova keċċa minn quddiem Iżrael. 4 Ukoll, hu kompla joffri s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima falza, fuq l-għoljiet, u taħt kull siġra b’saħħitha.
5 Kien dak iż-żmien li r-Re Resin tas-Sirja u Pekaħ bin Remalija r-re t’Iżrael telgħu jiggwerraw kontra Aħaż f’Ġerusalemm. Huma assedjawha, imma ma setgħux jiħduha taħt idejhom. 6 Dak iż-żmien ir-Re Resin tas-Sirja reġaʼ ta l-belt t’Elat lil Edom, u mbagħad keċċa l-Lhud* minn Elat. U l-Edomin daħlu Elat u baqgħu jgħixu fiha sal-lum. 7 Għalhekk, Aħaż bagħat messaġġiera għand ir-Re Tiglat-pileser tal-Assirja biex jgħidlu: “Jien il-qaddej tiegħek u ibnek.* Itlaʼ u salvani minn idejn ir-re tas-Sirja u r-re t’Iżrael, li qed jattakkawni.” 8 Imbagħad Aħaż ħa l-fidda u d-deheb li kien hemm fid-dar taʼ Ġeħova u fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tar-re u bagħathom lir-re tal-Assirja bħala rigal biex ixaħħmu. 9 Ir-re tal-Assirja aċċetta dak li talbu. Għalhekk telaʼ Damasku, ħadha taħt idejh, ħa n-nies tagħha fl-eżilju lejn Kir, u lil Resin qatlu.
10 Imbagħad ir-Re Aħaż mar jiltaqaʼ mar-Re Tiglat-pileser tal-Assirja f’Damasku. Meta ra l-artal li kien hemm f’Damasku, ir-Re Aħaż bagħat id-disinn iddettaljat taʼ kif kien maħdum l-artal lil Urijah il-qassis. 11 Urijah il-qassis bena artal skont kulma kien bagħatlu r-Re Aħaż minn Damasku. Hu lestieh qabel ma wasal ir-re. 12 Meta r-re wasal minn Damasku u ra l-artal, hu mar ħdejh u għamel offerti fuqu. 13 U kompla jagħmel l-offerti tal-ħruq u l-offerti taċ-ċereali.* Ukoll, hu ferraʼ l-offerti tax-xorb u raxx id-demm tas-sagrifiċċji tal-paċi fuq l-artal. 14 Imbagħad l-artal tar-ram li kien quddiem Ġeħova ressqu minn quddiem id-dar, minn bejn l-artal tiegħu u d-dar taʼ Ġeħova, u qiegħdu fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-artal tiegħu. 15 Ir-Re Aħaż ikkmanda lil Urijah il-qassis: “Fuq l-artal il-kbir aħraq l-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu, l-offerta taċ-ċereali taʼ filgħaxija, l-offerta tal-ħruq u l-offerta taċ-ċereali tiegħi, kif ukoll l-offerti tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali, u l-offerti tax-xorb tan-nies kollha. Trid ukoll troxx fuqu d-demm kollu tal-offerti tal-ħruq u tas-sagrifiċċji l-oħrajn. U rigward l-artal tar-ram, nara jien x’nagħmel bih.” 16 U Urijah il-qassis għamel kulma kkmandah ir-Re Aħaż.
17 Iżjed minn hekk, ir-Re Aħaż qattaʼ biċċiet il-pannelli tal-ġnub tal-karrijiet u neħħa l-vaski minn magħhom. Ukoll, hu niżżel il-vaska kbira li ssemmiet il-Baħar minn fuq il-barrin tar-ram u qegħedha fuq art tal-ġebel. 18 U l-parti msaqqfa għas-Sabat li kienu bnew fid-dar u d-daħla taʼ barra tar-re neħħiehom mid-dar taʼ Ġeħova. Hu għamel dan minħabba r-re tal-Assirja.
19 Il-bqija tal-istorja t’Aħaż u dak li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 20 Imbagħad Aħaż miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David, u ibnu Ħeżekija* sar re minfloku.
17 Fit-12-il-sena tat-tmexxija tar-Re Aħaż taʼ Ġuda, Ħosegħa bin Elah sar re fuq Iżrael fis-Samarija u dam imexxi disaʼ snin. 2 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, imma mhux daqs ir-rejiet t’Iżrael taʼ qablu. 3 Ir-Re Salmaneser tal-Assirja telaʼ kontrih, u Ħosegħa sar il-qaddej tiegħu u beda jagħtih it-taxxi. 4 Madankollu, ir-re tal-Assirja sar jaf li Ħosegħa kien qed jikkonfoffa kontrih billi bagħat messaġġiera għand ir-Re So tal-Eġittu u ma tahx it-taxxi bħalma għamel fis-snin taʼ qabel. Għalhekk, ir-re tal-Assirja qaflu u żammu marbut il-ħabs.
5 Ir-re tal-Assirja telaʼ kontra l-pajjiż kollu, u wasal is-Samarija u assedjaha għal tliet snin. 6 Ir-re tal-Assirja rebaħ is-Samarija fid-disaʼ sena tat-tmexxija taʼ Ħosegħa. Imbagħad ħa l-poplu t’Iżrael fl-eżilju fl-Assirja u ġegħelhom jgħixu f’Ħala u f’Ħabor ħdejn ix-Xmara Gożan u fil-bliet tal-Medin.
7 Dan ġara għax l-Iżraelin kienu dinbu kontra Ġeħova l-Alla tagħhom, li ħariġhom mill-art tal-Eġittu minn taħt idejn il-Fargħun ir-re tal-Eġittu. Huma qdew* allat oħrajn, 8 u mxew mad-drawwiet tal-popli li Ġeħova kien keċċa minn quddiemhom u mad-drawwiet li daħħlu r-rejiet t’Iżrael.
9 L-Iżraelin kienu qed jagħmlu affarijiet li ma kinux sewwa għal Ġeħova l-Alla tagħhom. Huma baqgħu jibnu postijiet għall-qima falza fil-bliet kollha tagħhom, minn torri tal-għassa sa belt iffortifikata.* 10 Huma poġġew pilastri sagri u arbli sagri* fuq kull għolja kbira u taħt kull siġra b’saħħitha. 11 U f’kull post għall-qima kienu joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji bħalma kienu jagħmlu l-popli li Ġeħova kien keċċa minn quddiemhom. Huma komplew jagħmlu affarijiet ħżiena biex joffendu lil Ġeħova.
12 Huma baqgħu jaqdu idoli moqżieża,* avolja Ġeħova kien qalilhom b’mod ċar biex ma jagħmlux hekk. 13 Ġeħova baqaʼ jwissi lil Iżrael u lil Ġuda permezz tal-profeti kollha tiegħu u l-viżjonarji* kollha, billi jgħidilhom: “Tibqgħux tagħmlu affarijiet ħżiena! Obdu l-kmandamenti u l-liġijiet tiegħi, skont il-liġi kollha li kkmandajt lil missirijietkom u li bgħattilkom permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti.” 14 Imma ma semgħux, u baqgħu rashom iebsa* bħal missirijiethom li ma wrewx fidi f’Ġeħova l-Alla tagħhom. 15 Huma baqgħu jinjoraw ir-regoli tiegħu, il-patt li kien għamel maʼ missirijiethom, u t-tfakkiriet li wissiehom bihom. Huma komplew iqimu idoli li ma jiswew għal xejn u saru ma jiswew għal xejn huma wkoll, għax imitaw lill-popli taʼ madwarhom li Ġeħova kien ikkmandahom biex ma jimitawx.
16 Huma telqu l-kmandamenti kollha taʼ Ġeħova l-Alla tagħhom, u għamlu statwi taʼ żewġ barrin żgħar mill-metall* u arblu sagru,* u mielu quddiem l-istilel kollha u qdew lil Bagħal. 17 Huma wkoll ħarqu fin-nar* lit-tfal tagħhom subien u bniet, ipprattikaw it-teħbir u fittxew sinjali li bihom jaqraw il-futur, u baqgħu jagħmlu apposta* dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova biex joffenduh.
18 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna għal Iżrael, tant li neħħiehom minn quddiem wiċċu. Ma ħalla lil ħadd ħlief lit-tribù taʼ Ġuda.
19 Lanqas in-nies taʼ Ġuda m’obdew il-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tagħhom, huma wkoll imxew mad-drawwiet li daħħlu l-Iżraelin. 20 Ġeħova ċaħad lill-Iżraelin kollha,* umiljahom, u tahom f’idejn dawk li ħatfuhom, sakemm keċċiehom minn quddiemu. 21 Hu neħħa lil Iżrael minn taħt it-tmexxija taʼ dar David, u huma għamlu re lil Ġerobogħam bin Nebat. Imma Ġerobogħam ġiegħel lill-Iżraelin jitbiegħdu minn Ġeħova u jagħmlu dnub kbir. 22 U l-Iżraelin għamlu l-istess dnubiet li kien għamel Ġerobogħam. Baqgħu jagħmluhom 23 sakemm Ġeħova neħħiehom minn quddiem wiċċu, bħalma kien qal permezz tal-qaddejja kollha tiegħu l-profeti. Għalhekk, l-Iżraelin ittieħdu minn arthom fl-eżilju fl-Assirja, u għadhom hemm sal-lum.
24 Imbagħad ir-re tal-Assirja ħa nies minn Babilonja, Kuta, Għawwa, Ħamat, u Sefarwajim biex jgħixu fil-bliet tas-Samarija minflok l-Iżraelin. Dawn ħadu f’idejhom is-Samarija u għexu fil-bliet tagħha. 25 Għall-ewwel li bdew jgħixu hemm, ma qimux lil* Ġeħova. Għalhekk, Ġeħova bagħat iljuni f’nofshom, u qatlu xi nies. 26 U lir-re tal-Assirja tawh l-aħbar: “Il-popli li ħadt fl-eżilju u li qegħedt fil-bliet tas-Samarija ma jafux ir-reliġjon* tal-Alla tal-pajjiż. Għalhekk hu qed jibgħat iljuni f’nofshom u qed joqtluhom, għax ħadd minnhom ma jaf ir-reliġjon tal-Alla tal-pajjiż.”
27 Għal dan, ir-re tal-Assirja kkmanda: “Ibagħtu lura wieħed mill-qassisin li ħadtu fl-eżilju biex jerġaʼ jmur jgħix hemm u jgħallimhom ir-reliġjon tal-Alla tal-pajjiż.” 28 Għalhekk, wieħed mill-qassisin li kienu ħadu fl-eżilju mis-Samarija reġaʼ mar jgħix f’Betel, u beda jgħallimhom kif għandhom iqimu lil Ġeħova.
29 Madankollu, kull poplu għamel alla* għalih, u qegħduhom fid-djar fil-postijiet għall-qima li kienu għamlu s-Samaritani. Kull poplu għamel hekk fil-bliet fejn kien qed jgħix. 30 Għalhekk in-nies taʼ Babilonja għamlu lil Sukkot-benot, in-nies taʼ Kut għamlu lil Nergal, in-nies taʼ Ħamat għamlu lil Asima, 31 u l-Għawwin għamlu lil Nibħaż u lil Tartak. Is-Sefarwajin kienu jaħarqu lit-tfal tagħhom fin-nar għal Adrammelek u Anammelek, l-allat taʼ Sefarwajim. 32 Għalkemm kienu jqimu lil Ġeħova, huma inkarigaw għalihom qassisin minn nieshom stess għall-postijiet għall-qima tal-allat, u dawn kienu jaqdu hemm. 33 B’hekk, qiemu lil Ġeħova imma qiemu wkoll lill-allat tagħhom skont id-drawwiet reliġjużi tal-pajjiż minn fejn kienu.
34 Sal-lum, għadhom jagħmlu skont ir-reliġjonijiet* li kellhom. Ħadd minnhom ma qiem lil Ġeħova u ħadd ma obda r-regoli, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, il-Liġi, u l-kmandamenti li Ġeħova ta lit-tfal taʼ Ġakobb, li biddillu ismu għal Iżrael. 35 Meta Ġeħova għamel patt magħhom, hu kkmandahom: “Tqimux allat oħrajn, tmilux quddiemhom, taqduhomx, u toffrulhomx sagrifiċċji. 36 Imma qimu lili, Ġeħova, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu b’qawwa kbira u b’id b’saħħitha. Quddiemi għandkom tmilu u lili għandkom toffru s-sagrifiċċji. 37 U għandkom tagħmlu ċert li dejjem tobdu r-regoli, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, il-Liġi, u l-kmandamenti li ktibtilkom, u tqimux allat oħrajn. 38 Tinsewx il-patt li għamilt magħkom, u tqimux allat oħrajn. 39 Imma qimu lili, Ġeħova l-Alla tagħkom, għax jien se neħliskom minn id l-għedewwa kollha tagħkom.”
40 Imma huma m’obdewx, u għamlu skont ir-reliġjonijiet* li kellhom. 41 Għalhekk dawn il-popli bdew iqimu lil Ġeħova, imma kienu jaqdu wkoll l-istatwi minquxin tagħhom. U t-tfal u n-neputijiet tagħhom baqgħu jagħmlu eżatt bħal missirijiethom sal-lum.
18 Fit-tielet sena tat-tmexxija taʼ Ħosegħa bin Elah ir-re t’Iżrael, Ħeżekija bin ir-Re Aħaż taʼ Ġuda sar re. 2 Hu kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Abi* bint Żakkarija. 3 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħall-antenat tiegħu David. 4 Kien hu li neħħa l-postijiet għall-qima falza, kisser il-pilastri sagri,* u qaċċat l-arblu sagru. Ukoll, hu farrak is-serp tar-ram li kien għamel Mosè. Għax sa dak iż-żmien l-Iżraelin kienu għadhom joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lil dan l-idolu li kienu jgħidulu s-serp tar-ram.* 5 Hu kien jafda f’Ġeħova l-Alla t’Iżrael; u la qablu u lanqas warajh ma kien hemm bħalu fost ir-rejiet kollha taʼ Ġuda. 6 Hu kien leali lejn Ġeħova u dejjem obdieh u żamm mal-kmandamenti li Ġeħova kien ta lil Mosè. 7 U Ġeħova kien miegħu. Hu kien jaġixxi bil-għaqal f’kulma kien jagħmel. Hu rribella kontra r-re tal-Assirja u ma riedx jaqdih. 8 Ukoll, għeleb lill-Filistin sa Gaża u t-territorji tagħha, minn torri tal-għassa sa belt iffortifikata.*
9 Fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ħeżekija, jiġifieri fis-sebaʼ sena tat-tmexxija taʼ Ħosegħa bin Elah ir-re t’Iżrael, ir-Re Salmaneser tal-Assirja telaʼ kontra s-Samarija u assedjaha. 10 Huma rebħuha wara kważi tliet snin, fis-sitt sena tat-tmexxija taʼ Ħeżekija, jiġifieri fid-disaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ħosegħa t’Iżrael. 11 Wara dan, ir-re tal-Assirja ħa lil Iżrael fl-eżilju lejn l-Assirja u ġegħelhom jgħixu f’Ħala u f’Ħabor ħdejn ix-Xmara Gożan u fil-bliet tal-Medin. 12 Dan ġara għax ma semgħux minn Ġeħova l-Alla tagħhom imma baqgħu jiksru l-patt tiegħu, jiġifieri kulma kien ikkmandahom Mosè, il-qaddej taʼ Ġeħova. Huma la semgħu u lanqas obdew.
13 Fl-14-il sena tat-tmexxija tar-Re Ħeżekija, Sennakerib ir-re tal-Assirja telaʼ kontra l-bliet iffortifikati kollha taʼ Ġuda u ħadhom f’idejh. 14 Għalhekk, ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda bagħat jgħid lir-re tal-Assirja f’Lakis: “Nammetti li għandi tort. Tibqax tiġġieled kontrija u nagħtik kulma titlobni.” Ir-re tal-Assirja ġiegħel lir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda jagħtih 300 talent* fidda u 30 talent deheb. 15 Għalhekk, Ħeżekija tah il-fidda kollha li kienet fid-dar taʼ Ġeħova u fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tiegħu. 16 U Ħeżekija qalaʼ* l-bibien tat-tempju taʼ Ġeħova u l-koxox tal-bibien li kien kesa hu stess bid-deheb u tahom lir-re tal-Assirja.
17 Wara, ir-re tal-Assirja bagħat lit-Tartan,* lir-Rabsaris,* u lir-Rabsake* b’armata kbira minn Lakis għal għand ir-Re Ħeżekija f’Ġerusalemm. Huma telgħu Ġerusalemm u qagħdu ħdejn il-kanal tal-għadira taʼ fuq, li qiegħed fit-triq prinċipali li tagħti għall-għalqa tal-ħassiel. 18 Meta bdew jgħajtu lir-re biex joħroġ, ħarġu jiltaqgħu magħhom Eljakim bin Ħilkija, li kien jieħu ħsieb il-palazz, Sebnah is-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf ir-reġistratur.
19 Għalhekk ir-Rabsake qalilhom: “Jekk jogħġobkom għidu lil Ħeżekija, ‘Hekk jgħid ir-re l-kbir, ir-re tal-Assirja: “Għala int daqshekk fiduċjuż? 20 Int qed tgħid, ‘Għandi l-istrateġija u l-qawwa biex niggwerra,’ imma dan hu kliem bla sens. F’min fdajt biex tażżarda tirribella kontrija? 21 Int tafda fl-appoġġ taʼ qasba mkissra, l-Eġittu, li jekk xi ħadd iserraħ magħha tidħol fil-pala t’idu u ttaqqabhielu. Hekk hu l-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, għal kull min jafdah. 22 Jew forsi tgħiduli, ‘Aħna nafdaw f’Ġeħova l-Alla tagħna.’ Mhux tiegħu kienu l-postijiet għall-qima u l-artali li neħħa Ħeżekija, filwaqt li qal lil Ġuda u Ġerusalemm biex imilu quddiem dan l-artal f’Ġerusalemm?”’ 23 Mela issa jekk jogħġbok, agħmel imħatra maʼ sidi r-re tal-Assirja: Jien nagħtik 2,000 żiemel jekk int kapaċi ssib biżżejjed rikkieba għal fuqhom. 24 Int li tafda fl-Eġittu għall-karrijiet u r-rikkieba taż-żwiemel, tistaʼ tegħleb gvernatur wieħed li hu l-iċken mill-qaddejja taʼ sidi? 25 Taħseb li jien tlajt kontra dan il-post biex neqirdu mingħajr il-permess taʼ Ġeħova? Ġeħova nnifsu qalli, ‘Itlaʼ kontra dan il-pajjiż u eqirdu.’”
26 Għal dan Eljakim bin Ħilkija, Sebnah, u Ġowaħ qalu lir-Rabsake: “Jekk jogħġbok, tkellem magħna bil-lingwa Aramajka,* għax aħna nifhmuha; tkellimniex bil-lingwa tal-Lhud għax in-nies taʼ fuq is-sur qed jisimgħu.” 27 Imma r-Rabsake qalilhom: “Jaqaw sidi bagħatni ngħid dan il-kliem lil sidkom u lilkom biss? Mhux anki lill-irġiel taʼ fuq is-sur, dawk li se jieklu ħmieġhom stess u jixorbu l-pipì tagħhom stess magħkom?”
28 Imbagħad ir-Rabsake għajjat b’leħen għoli bil-lingwa tal-Lhud: “Isimgħu l-kelma tar-re l-kbir, ir-re tal-Assirja. 29 Hekk jgħid ir-re, ‘Tħallux lil Ħeżekija jqarraq bikom, għax hu ma jistax jeħliskom minn taħt idejja. 30 U tħallux lil Ħeżekija jikkonvinċikom tafdaw f’Ġeħova billi jgħidilkom: “Żgur li Ġeħova se jeħlisna, u din il-belt ma tingħatax f’idejn ir-re tal-Assirja.” 31 Tisimgħux minn Ħeżekija, għax hekk jgħid ir-re tal-Assirja: “Agħmlu paċi miegħi u ċedu,* u kull wieħed minnkom jiekol mid-dielja u mit-tina tiegħu u jixrob l-ilma tal-ġiebja tiegħu, 32 sakemm niġi u niħodkom f’art bħal tagħkom. Art li tipproduċi ħafna ċereali* u għeneb biex tagħmlu l-ħobż u l-inbid, u fiha siġar taż-żebbuġ u għasel. Imbagħad tibqgħu tgħixu u ma tmutux. Tisimgħux minn Ħeżekija għax hu jqarraq bikom meta jgħidilkom, ‘Ġeħova se jeħlisna.’ 33 Jaqaw kien hemm xi wieħed mill-allat tal-popli li ħeles lil artu minn taħt idejn ir-re tal-Assirja? 34 Fejn huma l-allat taʼ Ħamat u Arfad? Fejn huma l-allat taʼ Sefarwajim, Ħena, u Iwwa? Ħelsuha lis-Samarija minn taħt idejja? 35 Min fost l-allat kollha ħeles lil artu minn taħt idejja, biex Ġeħova jeħles lil Ġerusalemm minn taħt idejja?”’”
36 Imma n-nies baqgħu siekta u ma wiġbuh xejn, għax il-kmand tar-re kien: “Twiġbuhx.” 37 U Eljakim bin Ħilkija, li kien jieħu ħsieb il-palazz, Sebnah is-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf ir-reġistratur marru għand Ħeżekija bi ħwejjiġhom imċarrtin u qalulu x’qal ir-Rabsake.
19 Malli r-Re Ħeżekija semaʼ dan, hu ċarrat ħwejġu u libes ħwejjeġ tal-ixkora u daħal fid-dar taʼ Ġeħova. 2 Wara bagħat lil Eljakim, li kien jieħu ħsieb il-palazz, lil Sebnah is-segretarju, u lill-kapijiet tal-qassisin għand il-profeta Isaija bin Għamoż lebsin ħwejjeġ tal-ixkora. 3 Huma qalulu: “Hekk jgħid Ħeżekija, ‘Dan hu jum taʼ dwejjaq, tgħajjir, u diżunur. Għax aħna bħal mara li waslet biex twelled imma m’għandhiex saħħa tagħmel dan. 4 Għandu mnejn Alla Ġeħova semaʼ dak kollu li qal ir-Rabsake, li ntbagħat minn sidu r-re tal-Assirja biex iwaqqaʼ għaċ-ċajt lill-Alla l-ħaj. Forsi Alla Ġeħova jitlob kont minnhom minħabba dak li semaʼ. Mela, itlob għalina li għad fadal hawn.’”
5 Għalhekk, il-qaddejja tar-Re Ħeżekija marru għand Isaija, 6 u hu qalilhom biex jgħidu lil sidhom: “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Tibżax mill-kliem li smajt, li bih il-qaddejja tar-re tal-Assirja dgħaw* kontrija. 7 Se nqiegħed ħsieb f’moħħu* ħalli meta jismaʼ rapport, imur lura lejn pajjiżu. U nagħmel ċert li jmut bix-xabla f’pajjiżu stess.’”
8 Wara li r-Rabsake semaʼ li r-re tal-Assirja kien telaq minn Lakis, hu mar lura għandu u sabu jiġġieled kontra Libna. 9 Ir-re semaʼ li r-Re Tirħaka tal-Etjopja ħareġ jiġġieled kontrih. Għalhekk reġaʼ bagħat messaġġiera għand Ħeżekija u qalilhom: 10 “Hekk għidulu lir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda, ‘Tħallix lill-Alla tiegħek li qed tafda fih iqarraq bik billi jgħidlek: “Ġerusalemm mhix se tingħata f’idejn ir-re tal-Assirja.” 11 Int smajt kif ir-rejiet tal-Assirja qerdu lill-pajjiżi kollha. Taħseb li se teħlisha int biss? 12 Ħelsuhom l-allat tal-popli li missirijieti qerdu? Fejn huma Gożan, Ħaran, Reżef, u n-nies t’Għeden li kienu f’Tel-assar? 13 Fejn hu r-re taʼ Ħamat, ir-re t’Arfad, u r-re tal-bliet taʼ Sefarwajim, taʼ Ħena, u taʼ Iwwa?’”
14 Ħeżekija ħa l-ittri mingħand il-messaġġiera u qrahom. Imbagħad telaʼ lejn id-dar taʼ Ġeħova u firixhom quddiem Ġeħova. 15 U Ħeżekija beda jitlob quddiem Ġeħova u jgħid: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron fuq* il-kerubini, int waħdek l-Alla l-veru tas-saltniet kollha tal-art. Int għamilt is-sema u l-art. 16 Jekk jogħġbok Ġeħova ismaʼ! Iftaħ għajnejk u ara Ġeħova! Ismaʼ l-kliem li Sennakerib bagħat biex iwaqqaʼ għaċ-ċajt lill-Alla l-ħaj. 17 Huwa fatt, Ġeħova, li r-rejiet tal-Assirja ħarbtu lill-popli u l-artijiet tagħhom. 18 U tefgħu l-allat tagħhom fin-nar, għax ma kinux allat imma għamluhom in-nies mill-injam u l-ġebel. Kien għalhekk li setgħu jeqirduhom. 19 Jekk jogħġbok Ġeħova Alla tagħna, salvana minn idejh sabiex is-saltniet kollha tal-art ikunu jafu li int biss Alla, Ġeħova.”
20 Isaija bin Għamoż bagħat jgħid lil Ħeżekija: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Jien smajt dak li tlabtni dwar ir-Re Sennakerib tal-Assirja. 21 Ġeħova qal hekk kontrih:
“Il-verġni bint Sijon maqdritek, hi waqqgħatek għaċ-ċajt.
Bint Ġerusalemm xenglet rasha minn warajk.
22 Lil min waqqajt għaċ-ċajt u dgħajt kontrih?
Kontra min għollejt leħnek
U għollejt għajnejk b’arroganza?
Kontra l-Qaddis t’Iżrael!
23 Bil-messaġġiera tiegħek waqqajt għaċ-ċajt lil Ġeħova u għedt,
‘Bil-ħafna karrijiet tal-gwerra li għandi
Jien se nitlaʼ fl-għoli tal-muntanji,
L-iktar partijiet ’il bogħod tal-Libanu.
Jien naqtaʼ s-siġar taċ-ċedri kbar tiegħu, l-aħjar siġar tal-ġnibru tiegħu.
Jien nidħol fl-iktar post ’il bogħod u kenni, fil-foresti sbieħ tiegħu.
24 Inħaffer bjar u nixrob ilmijiet barranin;
U b’qiegħ saqajja nnixxef ix-xmajjar* kollha tal-Eġittu.’
25 Ma smajtx? Sa minn żmien twil ilu hekk iddeċidejt li nagħmel.
Minn żmien ilu ppreparajt dan.
Issa se nġiegħlu jseħħ.
Int se tirrovina l-bliet iffortifikati u ġġibhom abbandunati.
26 In-nies li joqogħdu fihom ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn;
Se jibżgħu u jistħu.
Se jiddgħajfu u jsiru bħall-ħaxix tal-għelieqi u bħall-ħaxix aħdar,
Bħall-ħaxix taʼ fuq il-bjut li jinħaraq bir-riħ mil-Lvant.
27 Imma jien naf tajjeb meta int toqgħod bilqiegħda, meta toħroġ, meta tidħol,
U meta tkun irrabjat ħafna għalija,
28 Għax ir-rabja kbira li għandek għalija u l-għajjat tiegħek waslu f’widnejja.
Għalhekk se nqiegħed il-ganċ tiegħi fi mnieħrek u ħadida* bejn xofftejk,
U nieħdok lura minn fejn ġejt.”
29 “‘U dan ikun is-sinjal għalik:* Din is-sena int tiekol dak li jikber waħdu.* U fit-tieni sena tiekol iċ-ċereali* li jinbtu fl-istess post. Imma fit-tielet sena tiżraʼ ż-żerriegħa u taħsad, u tħawwel l-għelieqi bid-dwieli u tiekol frotthom. 30 Dawk li jibqgħu ħajjin mid-dar taʼ Ġuda se jrabbu l-għeruq bħall-pjanti u jkollhom il-frott. 31 Minn Ġerusalemm se joħorġu n-nies li jifdal, u dawk li jaħarbu se joħorġu mill-Muntanja Sijon. Iż-żelu taʼ Ġeħova tal-armati se jagħmel dan.
32 “‘Għalhekk, Ġeħova jgħid dan dwar ir-re tal-Assirja:
“Ma jidħolx f’din il-belt
Jew jispara vleġġa fiha
Jew jersaq lejha b’tarka
Jew itellaʼ kontriha rampa għall-assedju.
33 Mit-triq li ġie minnha se jerġaʼ lura;
Ma jidħolx f’din il-belt,” jgħid Ġeħova.
34 “Jien niddefendi din il-belt u nsalvaha minħabba fija stess
U minħabba l-qaddej tiegħi David.”’”
35 Dak il-lejl, l-anġlu taʼ Ġeħova ħareġ u qatel 185,000 raġel fil-kampijiet tal-Assirjani. Meta n-nies qamu kmieni filgħodu, sabuhom kollha mejtin. 36 Għalhekk, ir-Re Sennakerib tal-Assirja rtira mill-battalja u mar lura Ninwe. 37 U waqt li kien qed imil fit-tempju tal-alla tiegħu Nisrok, it-tfal tiegħu Adrammelek u Sareser qatluh bix-xabla u mbagħad ħarbu lejn l-art t’Ararat. U ibnu Esar-ħaddon sar re minfloku.
20 Dak iż-żmien, Ħeżekija marad u kien wasal biex imut. Il-profeta Isaija bin Għamoż daħal ħdejh u qallu, “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Agħti istruzzjonijiet lil taʼ darek, għax se tmut; mhux se jgħaddilek.’” 2 Għalhekk, dar wiċċu mal-ħajt u beda jitlob lil Ġeħova: 3 “Nitolbok bil-ħniena Ġeħova, jekk jogħġbok ftakar kif jien imxejt quddiemek lealment u b’qalb sħiħa, u għamilt dak li hu tajjeb f’għajnejk.” U Ħeżekija beka fuq li beka.
4 Isaija lanqas laħaq ħareġ fil-bitħa tan-nofs meta Ġeħova qallu: 5 “Erġaʼ lura u għid lil Ħeżekija l-mexxej tal-poplu tiegħi, ‘Hekk jgħid Ġeħova l-Alla tal-antenat tiegħek David: “Jien smajt it-talba tiegħek u rajt id-dmugħ tiegħek. Jien se nfejqek. Fit-tielet jum se titlaʼ fid-dar taʼ Ġeħova. 6 Jien inżidlek 15-il sena oħra maʼ ħajtek, u neħles lilek u lil din il-belt minn idejn ir-re tal-Assirja, u niddefendi lil din il-belt minħabba fija stess u minħabba l-qaddej tiegħi David.”’”
7 Imbagħad Isaija qal: “Ġibu ċappa tin niexef u ppressat.” Għalhekk, ħaduha u dellkuha fuq il-musmar tiegħu, u wara beda jfiq bil-mod.
8 Ħeżekija kien staqsa lil Isaija: “X’inhu s-sinjal li juri li Ġeħova se jfejjaqni u li fit-tielet jum se nitlaʼ fid-dar taʼ Ġeħova?” 9 Isaija wieġeb: “Dan hu s-sinjal mingħand Ġeħova biex jurik li Ġeħova se jagħmel dak li qal: Trid li d-dell fuq it-taraġ* jimxi għaxar tarġiet ’il quddiem jew għaxar tarġiet lura?” 10 Ħeżekija qal: “Hi ħaġa ħafifa li d-dell jimxi għaxar tarġiet ’il quddiem, imma mhux li jmur għaxar tarġiet lura.” 11 Għalhekk il-profeta Isaija għajjat lil Ġeħova, u Hu mexxa d-dell lura għaxar tarġiet fuq it-taraġ t’Aħaż.
12 Dak iż-żmien ir-re taʼ Babilonja, Berodak-baladan bin Baladan, bagħat xi ittri u rigal lil Ħeżekija għax kien semaʼ li Ħeżekija kien marad. 13 Ħeżekija laqaʼ* lill-messaġġiera u wriehom it-teżori kollha tiegħu: il-fidda, id-deheb, iż-żejt tal-balzmu u żejt prezzjuż ieħor, l-armi, u kulma kien hemm. Hu wriehom kulma kellu fil-palazz u fis-saltna kollha tiegħu.
14 Imbagħad il-profeta Isaija mar għand ir-Re Ħeżekija u staqsieh: “X’qalu dawn l-irġiel u minn fejn ġew?” U Ħeżekija qallu: “Ġew mill-bogħod, minn Babilonja.” 15 Wara staqsieh: “X’raw fil-palazz tiegħek?” Ħeżekija wieġbu: “Kollox raw. Ma kien hemm xejn li ma wrejthomx mill-post fejn jinżammu t-teżori.”
16 Imbagħad Isaija qal lil Ħeżekija: “Ismaʼ dak li jgħid Ġeħova, 17 ‘Għad jiġi ż-żmien li kulma hemm fil-palazz tiegħek u kulma ħażnu missirijietek sal-lum se jinġarr lejn Babilonja. Xejn ma jitħalla,ʼ jgħid Ġeħova. 18 ‘U xi tfal li se jkollok jittieħdu u jsiru uffiċjali tal-palazz tar-re taʼ Babilonja.’”
19 Għal dan Ħeżekija qal lil Isaija: “Dak li qal Ġeħova permezz tiegħek hu tajjeb.” Imbagħad żied: “Jien grat li se jkun hemm il-paċi u s-sigurtà* fi żmieni.”
20 Il-bqija tal-istorja taʼ Ħeżekija, il-qawwa kollha tiegħu, u kif għamel l-għadira u l-kanal u daħħal l-ilma fil-belt huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 21 Imbagħad Ħeżekija miet, u ibnu Manasse sar re minfloku.
21 Manasse kellu 12-il sena meta sar re, u mexxa 55 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ħefsiba. 2 Hu għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova billi għamel il-prattiki moqżieża tal-popli li Ġeħova kien keċċa minn quddiem l-Iżraelin. 3 Hu reġaʼ bena l-postijiet għall-qima li kien qered missieru Ħeżekija u għamel artali lil Bagħal u arblu sagru,* bħalma kien għamel Aħab ir-re t’Iżrael. U miel quddiem l-istilel u qdiehom. 4 Ukoll, hu bena artali fid-dar taʼ Ġeħova, li dwarha Ġeħova kien qal: “Se nqiegħed ismi f’Ġerusalemm.” 5 U bena artali għall-istilel f’żewġ btieħi tad-dar taʼ Ġeħova. 6 Hu ħaraq lil ibnu stess fin-nar,* ipprattika l-maġija, fittex sinjali li bihom jaqra l-futur, u inkariga medji tal-ispirti u nies li jbassru l-futur. Hu għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova biex joffendih.
7 Hu qiegħed l-istatwa skolpita tal-arblu sagru* li kien għamel fid-dar li dwarha Ġeħova kien qal lil David u lil ibnu Salamun: “Se nqiegħed ismi għal dejjem f’din id-dar u f’Ġerusalemm, li jien għażilt mit-tribujiet kollha t’Iżrael. 8 U qatt ma nerġaʼ nġiegħel lill-Iżraelin joħorġu mill-art li tajt lil missirijiethom, dment li joqogħdu attenti li jobdu kulma kkmandajthom, il-Liġi kollha li kkmandahom il-qaddej tiegħi Mosè.” 9 Imma huma m’obdewx, u Manasse baqaʼ jiżvijahom, b’hekk għamlu iktar ħażen mill-popli li Ġeħova kien qered għalkollox minn quddiemhom.
10 Ġeħova kompla jgħid permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti: 11 “Manasse r-re taʼ Ġuda għamel dawn l-affarijiet moqżieża kollha. L-azzjonijiet tiegħu kienu agħar minn tal-Amurrin kollha li kien hemm qablu, u ġiegħel lil Ġuda jidneb bl-idoli moqżieża* tiegħu. 12 Hu għalhekk li Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid: ‘Se nġib gwaj fuq Ġerusalemm u Ġuda, u min jismaʼ dwaru jibqaʼ xxokkjat.* 13 U se nifrex fuq Ġerusalemm il-ħabel tal-kejl li ntuża għas-Samarija u l-istess invell* li ntuża għal dar Aħab, u se nnaddaf lil Ġerusalemm bħalma wieħed inaddaf skutella u jaqlibha wiċċha ’l isfel. 14 Se nitlaq lil dawk li jifdal mill-wirt tiegħi u nagħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom. Dawn jiħduhom bħala lsiera u jisirqulhom l-affarijiet. 15 Dan talli għamlu dak li hu ħażin f’għajnejja u baqgħu joffenduni minn dakinhar li missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sal-lum.’”
16 Ukoll, Manasse xerred kwantità kbira ħafna taʼ demm taʼ nies innoċenti sakemm mela lil Ġerusalemm minn naħa s’oħra, minbarra d-dnub li ġiegħel lil Ġuda jidneb billi għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 17 Il-bqija tal-istorja taʼ Manasse, kulma għamel, u d-dnubiet kollha li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 18 Imbagħad Manasse miet u ndifen fil-ġnien tal-palazz tiegħu, il-ġnien t’Użża. U ibnu Amon sar re minfloku.
19 Amon kellu 22 sena meta sar re, u mexxa sentejn f’Ġerusalemm. Ommu kienet Mesullemet bint Ħarus minn Ġotba. 20 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel missieru Manasse. 21 Hu baqaʼ jaġixxi eżatt bħal missieru, u kompla jaqdi u jmil quddiem l-idoli moqżieża li kien qeda missieru. 22 B’hekk, telaq lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijietu, u ma mexiex fit-triq taʼ Ġeħova. 23 Fl-aħħar, il-qaddejja t’Amon ikkonfoffaw kontrih u qatluh f’daru stess. 24 Imma n-nies tal-pajjiż qatlu lil dawk kollha li kkonfoffaw kontra r-Re Amon u għamlu lil ibnu Ġosija re minfloku. 25 Il-bqija tal-istorja t’Amon u dak li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 26 Għalhekk, difnuh fil-qabar tiegħu fil-ġnien t’Użża, u ibnu Ġosija sar re minfloku.
22 Ġosija kellu tmien snin meta sar re, u mexxa 31 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġedida bint Għadaja minn Boskat. 2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova u aġixxa bħall-antenat tiegħu David, u baqaʼ jobdi għalkollox il-kmandi t’Alla.
3 Fit-18-il sena tat-tmexxija tiegħu, ir-Re Ġosija bagħat lil Safan is-segretarju, bin Asalija u n-neputi taʼ Mesullam, lejn id-dar taʼ Ġeħova, u qallu: 4 “Mur għand Ħilkija l-qassis il-kbir, u għidlu jiġbor il-flus li qed jagħtu n-nies fid-dar taʼ Ġeħova u li l-għassiesa tal-bibien qed jiġbru mingħandhom. 5 Il-flus għandhom jingħataw lil dawk li ġew inkarigati jieħdu ħsieb ix-xogħol fid-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad huma jagħtuhom lill-ħaddiema li se jirranġaw il-ħsara* fid-dar taʼ Ġeħova, 6 jiġifieri lin-nies tas-sengħa, il-bennejja, u l-ħaddiema fil-ġebel. Bil-flus għandhom jixtru l-injam u l-ġebel maqtugħ bl-għodda ħalli jsewwu d-dar. 7 Imma m’għandux jintalab kont mingħandhom tal-flus li qed jingħataw, għax huma taʼ min jafdahom.”
8 Iktar tard, Ħilkija l-qassis il-kbir qal lil Safan is-segretarju: “Sibt il-ktieb tal-Liġi fid-dar taʼ Ġeħova!” Għalhekk, Ħilkija ta l-ktieb lil Safan, u dan beda jaqrah. 9 Imbagħad Safan is-segretarju daħal għand ir-re u qallu: “Il-qaddejja tiegħek battlu l-flus li kien hemm fid-dar u tawhom lil dawk li ġew inkarigati jieħdu ħsieb ix-xogħol fid-dar taʼ Ġeħova.” 10 Qallu wkoll: “Ħilkija l-qassis tani ktieb.” Imbagħad Safan beda jaqrah quddiem ir-re.
11 Malli r-re semaʼ l-kliem tal-Liġi ċarrat ħwejġu. 12 Imbagħad ir-re ta dan il-kmand lil Ħilkija l-qassis, lil Aħikam bin Safan, lil Għakbor bin Mikaja, lil Safan is-segretarju, u lil Għasaja l-qaddej tiegħu: 13 “Morru, itolbu għall-gwida taʼ Ġeħova għalija, għall-poplu, u għal Ġuda kollu biex insiru nafu kif il-kliem taʼ dan il-ktieb li nstab jeffettwana. Għax Ġeħova rrabja bil-kbir magħna minħabba li missirijietna m’obdewx il-kliem taʼ dan il-ktieb u m’għamlux skont dak li hemm miktub.”
14 Għalhekk, Ħilkija l-qassis, Aħikam, Għakbor, Safan, u Għasaja marru għand il-profetessa Ħulda u kellmuha. Hi kienet il-mara taʼ Sallum, bin Tikwa u n-neputi taʼ Ħarħas, li kien jieħu ħsieb il-kamra tal-ħwejjeġ. Hi kienet toqgħod fit-Tieni Distrett taʼ Ġerusalemm. 15 Hi qaltilhom: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Għidu lir-raġel li bagħatkom għandi: 16 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Se nġib gwaj fuq dan il-post u fuq in-nies tiegħu, u l-kliem kollu li r-re taʼ Ġuda qara fil-ktieb se jsir. 17 Talli telquni u qed jagħmlu d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn sabiex joffenduni bix-xogħol kollu taʼ jdejhom, ir-rabja tiegħi se ssir bħal nar kontra dan il-post u mhix se tintefa.’”’ 18 Imma dan għandkom tgħidu lir-re taʼ Ġuda li bagħatkom tistaqsu x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova, “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael rigward il-kliem li smajt: 19 ‘Qalbek tqanqlet* u umiljajt ruħek quddiem Ġeħova meta smajt dak li għedt kontra dan il-post u n-nies tiegħu, jiġifieri li se tiġi saħta fuqhom u n-nies se jibżgħu minħabba fihom. Ukoll, int ċarratt ħwejġek u bkejt quddiemi. Għalhekk jien ukoll smajtek, jgħid Ġeħova. 20 B’hekk, se niġbrok mal-antenati tiegħek* u tindifen fil-paċi, u għajnejk ma jarawx il-gwaj kollu li se nġib fuq dan il-post.’”’” Imbagħad huma wasslu r-risposta lir-re.
23 Għalhekk, ir-re bagħat għall-anzjani* kollha taʼ Ġuda u Ġerusalemm u marru għandu. 2 Wara, ir-re telaʼ lejn id-dar taʼ Ġeħova mal-irġiel kollha taʼ Ġuda, in-nies kollha taʼ Ġerusalemm, il-qassisin, u l-profeti, jiġifieri man-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir. Hu qralhom il-kliem kollu tal-ktieb tal-patt li kien instab fid-dar taʼ Ġeħova. 3 Ir-re qagħad ħdejn il-kolonna u għamel patt* quddiem Ġeħova, li kien se jimxi wara Ġeħova u jobdi l-kmandamenti, it-tfakkiriet, u l-liġijiet tiegħu b’qalbu kollha u b’ruħu* kollha. Hu wiegħed li jagħmel dan billi jgħix skont dak kollu li hemm miktub fil-ktieb tal-patt. U n-nies kollha qablu mal-patt.
4 Imbagħad ir-re kkmanda lil Ħilkija l-qassis il-kbir, il-qassisin l-oħra, u l-għassiesa tal-bibien biex joħorġu mit-tempju taʼ Ġeħova l-għodod kollha li kienu ntgħamlu għal Bagħal, għall-arblu sagru,* u għall-istilel. Imbagħad ħaraqhom barra Ġerusalemm fl-għelieqi taʼ Kidron, u ħa l-irmied tagħhom f’Betel. 5 Għalhekk, neħħa l-qassisin tal-allat barranin, li r-rejiet taʼ Ġuda kienu inkarigaw biex joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima fil-bliet taʼ Ġuda u l-inħawi taʼ madwar Ġerusalemm. Neħħa wkoll lil dawk li kienu joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lil Bagħal, lix-xemx, lill-qamar, lill-gruppi taʼ stilel taż-żodjaku, u lill-bqija tal-istilel. 6 Hu ħareġ l-arblu sagru* mid-dar taʼ Ġeħova u ħadu barra Ġerusalemm lejn il-Wied taʼ Kidron. Hu ħarqu hemm, farrku, u tefgħu fuq l-oqbra tan-nies komuni. 7 Ukoll, hu waqqaʼ d-djar tal-prostituti rġiel tat-tempju, li kienu fid-dar taʼ Ġeħova, fejn in-nisa kienu jaħdmu t-tined għall-arblu sagru.*
8 Imbagħad ħareġ lill-qassisin kollha mill-bliet taʼ Ġuda u ħadhom Ġerusalemm. Il-postijiet għall-qima falza minn Geba sa Bir-xeba fejn il-qassisin kienu joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji ma ħallihomx adattati għall-qima. Hu waqqaʼ wkoll il-postijiet għall-qima li kienu fid-daħla tal-bieb taʼ Ġożwè, il-kap tal-belt, li kienu fuq ix-xellug int u dieħel minn bieb il-belt. 9 Il-qassisin tal-postijiet għall-qima ma setgħux jaqdu ħdejn l-artal taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm, imma xorta kienu jieklu ħobż bla ħmira maʼ ħuthom. 10 Lil Tofet, li qiegħed fil-Wied tat-Tfal taʼ Ħinnom,* ma ħalliehx post adattat għall-qima, sabiex ħadd ma jkun jistaʼ jaħraq* lil ibnu jew lil bintu għal Molek. 11 U ż-żwiemel li r-rejiet taʼ Ġuda kienu ddedikaw* lix-xemx ma ħallihomx ikomplu jidħlu fid-dar taʼ Ġeħova minn ħdejn il-kamra* tal-uffiċjal tal-palazz Natan-melek, li kienet fid-dar tal-kolonni. Hu ħaraq il-karrijiet tax-xemx. 12 Ir-re kisser ukoll l-artali li r-rejiet taʼ Ġuda kienu għamlu fuq il-kamra tal-bejt t’Aħaż, kif ukoll l-artali li Manasse għamel f’żewġ btieħi tad-dar taʼ Ġeħova. Hu farrakhom u tefaʼ t-trab tagħhom fil-Wied taʼ Kidron. 13 U l-postijiet għall-qima li kienu quddiem Ġerusalemm fuq in-naħa tan-Nofsinhar* tal-Muntanja tar-Rovina,* ir-re ma ħallihomx adattati għall-qima. Dawn kienu l-postijiet li Salamun ir-re t’Iżrael kien bena lil Għastoret l-alla mara diżgustanti tas-Sidonin, lil Kemos l-alla diżgustanti taʼ Mowab, u lil Milkom l-alla moqżież tal-Għammonin. 14 Hu kisser il-pilastri sagri u qaċċat l-arbli sagri,* u mela posthom bl-għadam tan-nies. 15 Hu kisser ukoll l-artal li kien f’Betel u l-post għall-qima li Ġerobogħam bin Nebat kien għamel u li ġiegħel lil Iżrael jidneb bih. Wara li kissirhom, ħaraq il-post għall-qima, farrku, u ħaraq l-arblu sagru.*
16 Meta Ġosija dar u ra l-oqbra fuq il-muntanja, hu kkmanda biex jieħdu l-għadam minnhom u mbagħad ħarqu fuq l-artal. B’hekk ma ħalliehx adattat għall-qima. Dan għamlu skont il-kelma taʼ Ġeħova li ġiet imxandra mill-qaddej tal-Alla l-veru, li kien bassar li kellhom jiġru dawn l-affarijiet. 17 Imbagħad qal: “Taʼ min hi din il-lapida?” U n-nies tal-belt qalulu: “Dan hu l-qabar tal-qaddej tal-Alla l-veru minn Ġuda li bassar l-affarijiet li int għamilt kontra l-artal taʼ Betel.” 18 Għalhekk qalilhom: “Tħallu lil ħadd imiss l-għadam tiegħu, ħalluh kif inhu.” Għalhekk, ma messewx l-għadam tiegħu, u lanqas l-għadam tal-profeta li kien ġie mis-Samarija.
19 Ġosija neħħa wkoll id-djar kollha fil-postijiet għall-qima li kienu fil-bliet tas-Samarija, li r-rejiet t’Iżrael bnew biex joffendu lil Alla. U għamlilhom eżatt kif għamel f’Betel. 20 Għalhekk, hu ssagrifika fuq l-artali l-qassisin kollha tal-postijiet għall-qima li kienu hemm, u ħaraq fuqhom l-għadam tan-nies. Wara reġaʼ lura Ġerusalemm.
21 Imbagħad ir-re kkmanda lill-poplu kollu: “Iċċelebraw Qbiż lil Ġeħova l-Alla tagħkom kif hemm miktub f’dan il-ktieb tal-patt.” 22 Ma kienx sar Qbiż bħal dan sa minn żmien l-imħallfin li ġġudikaw lil Iżrael u ż-żmien kollu tar-rejiet t’Iżrael u r-rejiet taʼ Ġuda. 23 Imma fit-18-il sena tat-tmexxija tar-Re Ġosija ġie ċċelebrat dan il-Qbiż lil Ġeħova f’Ġerusalemm.
24 Ġosija neħħa wkoll il-medji tal-ispirti, dawk li jbassru l-futur, l-istatwi tat-terafim,* l-idoli moqżieża,* u l-affarijiet moqżieża kollha li kien hemm fl-art taʼ Ġuda u f’Ġerusalemm. Dan għamlu sabiex isir il-kliem tal-Liġi li kien miktub fil-ktieb li Ħilkija l-qassis sab fid-dar taʼ Ġeħova. 25 La qablu u lanqas warajh ma kien hemm re bħalu li reġaʼ lura lejn Ġeħova b’qalbu kollha, b’ruħu* kollha, u b’saħħtu kollha, skont il-Liġi kollha taʼ Mosè.
26 Madankollu, Ġeħova baqaʼ rrabjat ħafna maʼ Ġuda minħabba l-affarijiet kollha li kien għamel Manasse biex joffendih. 27 Ġeħova qal: “Lil Ġuda wkoll se nneħħih minn quddiem wiċċi, bħalma neħħejt lil Iżrael. Se niċħad lil din il-belt li għażilt, lil Ġerusalemm, u lid-dar li dwarha għedt, ‘Ismi se jibqaʼ hemmhekk.’”
28 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġosija u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 29 Fi żmienu l-Fargħun Neko, ir-re tal-Eġittu, telaʼ biex jgħin lir-re tal-Assirja ħdejn ix-Xmara Ewfrat. Ir-Re Ġosija mar għal kontrih, imma meta Neko rah, qatlu f’Megiddo. 30 Għalhekk, il-qaddejja tiegħu ġarrewh mejjet f’karru minn Megiddo, ħaduh Ġerusalemm, u difnuh fil-qabar tiegħu. Imbagħad in-nies tal-pajjiż dilku lil Ġeħogħaħaż bin Ġosija u għamluh re minflok missieru.
31 Ġeħogħaħaż kellu 23 sena meta beda jmexxi, u mexxa tliet xhur f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ħamutal bint Ġeremija minn Libna. 32 Hu beda jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kienu għamlu missirijietu. 33 Il-Fargħun Neko tefgħu l-ħabs f’Ribla fl-art taʼ Ħamat, biex ma jħallihx imexxi f’Ġerusalemm. Imbagħad ġiegħel lin-nies taʼ Ġuda jħallsu multa taʼ talent* deheb u 100 talent fidda. 34 Iżjed minn hekk, il-Fargħun Neko għamel lil Eljakim bin Ġosija re minflok missieru Ġosija u biddillu ismu għal Ġeħojakim. Imma lil Ġeħogħaħaż ħadu l-Eġittu, fejn eventwalment miet. 35 Ġeħojakim ta l-fidda u d-deheb lill-Fargħun, imma sabiex jagħtihomlu kellu jintaxxa lill-pajjiż. Hu ġabar il-fidda u d-deheb mingħand in-nies tal-pajjiż skont ir-rata tat-taxxa taʼ kull wieħed, biex jagħtihom lill-Fargħun Neko.
36 Ġeħojakim kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Żebida bint Pedaja minn Rumah. 37 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamlu missirijietu.
24 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja telaʼ kontra Ġuda, u Ġeħojakim sar il-qaddej tiegħu għal tliet snin. Imma mbagħad irribella kontrih. 2 Wara, Ġeħova beda jibgħat kontrih gruppi taʼ ħallelin Kaldin, Sirjani, Mowabin, u Għammonin. Hu baqaʼ jibgħathom kontra l-art taʼ Ġuda biex jeqridha, bħalma kien qal Ġeħova permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti. 3 Kien Ġeħova li ta l-kmand biex jiġri dan lil Ġuda, ħalli jneħħihom minn quddiem wiċċu minħabba d-dnubiet kollha li kien għamel Manasse 4 u d-demm tan-nies innoċenti li kien xerred. Għax kien mela lil Ġerusalemm b’demm taʼ nies innoċenti, u Ġeħova ma kienx lest li jaħfer.
5 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħojakim u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 6 Imbagħad Ġeħojakim miet, u ibnu Ġeħojakin sar re minfloku.
7 Ir-re tal-Eġittu qatt iktar ma bagħat l-armati tiegħu ’l barra minn pajjiżu, għax ir-re taʼ Babilonja kien ħadlu l-art kollha li kellu mill-Wied tal-Eġittu sax-Xmara Ewfrat.
8 Ġeħojakin kellu 18-il sena meta sar re, u mexxa tliet xhur f’Ġerusalemm. Ommu kienet Neħusta bint Elnatan minn Ġerusalemm. 9 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel missieru. 10 Matul dak iż-żmien, il-qaddejja tar-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja telgħu kontra Ġerusalemm u assedjawha. 11 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja wasal waqt li l-qaddejja tiegħu kienu qed jassedjawha.
12 Ir-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda ċeda flimkien m’ommu, il-qaddejja, il-prinċpijiet, u l-uffiċjali tal-palazz tiegħu. Għalhekk, ir-re taʼ Babilonja ħadu bħala lsir fit-tmien sena tiegħu bħala re. 13 Imbagħad ħa minn hemmhekk it-teżori kollha tad-dar taʼ Ġeħova u t-teżori tal-palazz tar-re. Hu kisser l-għodod kollha tad-deheb li Salamun ir-re t’Iżrael kien għamel fit-tempju taʼ Ġeħova. Dan ġara eżatt kif kien bassar Ġeħova. 14 Hu ħa fl-eżilju lil Ġerusalemm kollha, jiġifieri l-prinċpijiet, il-gwerriera b’saħħithom, u n-nies tas-sengħa u l-ħaddieda.* Ħa fl-eżilju 10,000 ruħ. Ħadd ma tħalla ħlief l-iktar nies foqra tal-pajjiż. 15 B’hekk ħa lil Ġeħojakin fl-eżilju f’Babilonja, kif ukoll lil ommu, in-nisa tiegħu, l-uffiċjali tal-palazz tiegħu, u l-irġiel importanti tal-pajjiż. 16 Ir-re taʼ Babilonja ħa wkoll fl-eżilju f’Babilonja lill-gwerriera kollha, li kienu 7,000, kif ukoll 1,000 raġel tas-sengħa u ħaddied,* ilkoll b’saħħithom u ttrennjati għall-gwerra. 17 Ir-re taʼ Babilonja għamel lil Mattanija, iz-ziju taʼ Ġeħojakin, re minfloku u biddillu ismu għal Sedekija.
18 Sedekija kellu 21 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ħamutal bint Ġeremija minn Libna. 19 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel Ġeħojakim. 20 Kien minħabba r-rabja taʼ Ġeħova li ġraw dawn l-affarijiet f’Ġerusalemm u Ġuda, sakemm keċċiehom minn quddiem wiċċu. U Sedekija rribella kontra r-re taʼ Babilonja.
25 Fid-disaʼ sena tat-tmexxija taʼ Sedekija, fl-għaxar jum tal-għaxar xahar, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja mar kontra Ġerusalemm bl-armata kollha tiegħu. Hu kkampja biex jattakkaha u bena ħajt tal-assedju mad-dawra tagħha kollha, 2 u l-belt damet assedjata sal-11-il sena tat-tmexxija tar-Re Sedekija. 3 Fid-disaʼ jum tar-rabaʼ xahar, il-ġuħ kien kbir fil-belt u ma kienx hemm ikel għan-nies tal-pajjiż. 4 Il-Kaldin għamlu fetħa fis-sur tal-belt, u s-suldati kollha ħarbu billejl mill-bieb taʼ bejn iż-żewġ ħitan li hemm ħdejn il-ġnien tar-re, waqt li l-Kaldin kienu qed idawru l-belt. Ir-re telaq mit-triq li tagħti għall-Għaraba. 5 Imma l-armata tal-Kaldin marret għal wara r-re, u laħquh fil-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko, u s-suldati kollha li kellu miegħu telquh. 6 Imbagħad qabdu lir-re u ħaduh għand ir-re taʼ Babilonja f’Ribla, u qatgħulu s-sentenza. 7 Huma qatlu lit-tfal taʼ Sedekija quddiem għajnejh stess. Imbagħad Nebukadnessar għamieh, rabtu bi ktajjen tar-ram, u ħadu f’Babilonja.
8 Fis-sebaʼ jum tal-ħames xahar, jiġifieri fid-19-il sena tat-tmexxija tar-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, Nebużaradan ġie Ġerusalemm. Hu kien il-kap tal-gwardji u l-qaddej tar-re. 9 Hu ħaraq id-dar taʼ Ġeħova, il-palazz tar-re, id-djar kollha taʼ Ġerusalemm, u d-dar taʼ kull raġel importanti. 10 U l-armata kollha tal-Kaldin li kienet mal-kap tal-gwardji waqqgħu s-swar taʼ madwar Ġerusalemm. 11 Nebużaradan il-kap tal-gwardji ħa fl-eżilju lin-nies li kien għad fadal fil-belt, lil dawk li kienu marru jagħtu ruħhom f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u lill-bqija tan-nies. 12 Imma l-kap tal-gwardji ħalla ftit mill-iktar foqra tal-pajjiż biex jieħdu ħsieb id-dwieli u jaħdmu l-għelieqi. 13 U l-Kaldin kissru biċċiet il-kolonni tar-ram tad-dar taʼ Ġeħova. Kissru wkoll il-karrijiet u l-vaska kbira tar-ram li ssemmiet Baħar li kienu fid-dar taʼ Ġeħova, u ħadu r-ram Babilonja. 14 Ħadu wkoll ir-reċipjenti għall-irmied, il-pali, l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, it-tazzi, u l-għodod kollha tar-ram li kienu jintużaw fit-tempju. 15 Il-kap tal-gwardji ħa r-reċipjenti għall-ġamar u l-iskutelli li kienu tad-deheb pur u tal-fidda pura. 16 Tant intuża ram meta Salamun għamel iż-żewġ kolonni, il-Baħar, u l-karrijiet għad-dar taʼ Ġeħova li kien impossibbli biex jiġi kkalkulat kemm jiżen. 17 Kull kolonna kienet twila 18-il kubitu,* u l-parti mżejna taʼ fuqha kienet tar-ram u għolja tliet kubiti, u x-xibka u r-rummien mad-dawra tal-parti mżejna kienu kollha tar-ram. It-tieni kolonna kienet bħalha.
18 Il-kap tal-gwardji ħa wkoll lil Seraja l-qassis il-kbir, lil Sofonija l-qassis li jgħin lill-qassis il-kbir, u lit-tliet għassiesa tal-bibien. 19 U mill-belt ħa uffiċjal tal-palazz li kien fuq is-suldati, ħamest irġiel li kienu jagħtu l-pariri lir-re, is-segretarju tal-kap tal-armata li kien jagħżel is-suldati għall-armata, u 60 raġel min-nies komuni tal-pajjiż. 20 Imbagħad, Nebużaradan ħadhom għand ir-re taʼ Babilonja f’Ribla. 21 U r-re taʼ Babilonja qatilhom f’Ribla fl-art taʼ Ħamat. B’hekk, in-nies taʼ Ġuda ttieħdu fl-eżilju.
22 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja inkariga lil Gedalija, bin Aħikam u n-neputi taʼ Safan, fuq in-nies li ħalla warajh fl-art taʼ Ġuda. 23 Meta l-kapijiet kollha tal-armata u s-suldati tagħhom semgħu li r-re taʼ Babilonja kien inkariga lil Gedalija, huma minnufih marru għand Gedalija f’Mispa. Dawn il-kapijiet kienu Ismagħel bin Netanija, Ġoħanan bin Kareja, Seraja bin Tanħumet in-Netofati, u Ġagħżanija bin il-Magħkati. 24 Imbagħad Gedalija ħalef lilhom u lis-suldati tagħhom: “Tibżgħux tkunu l-qaddejja tal-Kaldin. Għixu fil-pajjiż u aqdu lir-re taʼ Babilonja, u tmorru tajjeb.”
25 Fis-sebaʼ xahar, Ismagħel bin Netanija u n-neputi taʼ Elisama, li kien mil-linja tar-re, mar m’għaxar suldati u qatel lil Gedalija u lil-Lhud u l-Kaldin li kienu miegħu f’Mispa. 26 Imbagħad in-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir, inkluż il-kapijiet tal-armata marru l-Eġittu, għax beżgħu mill-Kaldin.
27 U fis-37 sena tal-eżilju tar-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda, fis-27 jum tat-12-il xahar, ir-Re Evil-merodak taʼ Babilonja ħeles* lir-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda mill-ħabs. Dan għamlu fis-sena li sar re. 28 Hu kellmu b’qalb tajba u għolla t-tron tiegħu ’l fuq mit-tronijiet tar-rejiet l-oħra li kienu miegħu f’Babilonja. 29 Għalhekk, Ġeħojakin neħħa l-ħwejjeġ tal-ħabs, libes ħwejjeġ ġodda, u kiel b’mod regulari mal-mejda tar-re ħajtu kollha. 30 Ir-re baqaʼ jagħtih porzjon taʼ ikel jum wara l-ieħor tul ħajtu kollha.
Jistaʼ jkun li kienet fetħa fis-saqaf għad-dawl tax-xemx mgħottija b’biċċiet tal-injam.
Ifisser “Alla Tiegħi Hu Ġeħova.”
Jiġifieri ħu Aħażija.
Jew “b’ruħek.”
Milli jidher “tfal tal-profeti” tirreferi għal grupp taʼ profeti li rċivew tagħlim speċjali flimkien jew li qdew flimkien.
Jew “b’ruħek.”
Jew “b’ruħek.”
Jew “żewġ partijiet.”
Jew “ir-riħ.”
Jew forsi “tikkaġuna l-korrimenti.”
Jew forsi “li jkorru.”
Jew “li kien il-qaddej t’Elija.”
Jew “X’għandi x’naqsam miegħek?”
Letteralment “li ninsab wieqaf quddiemu.”
Jew “mużiċist.”
Letteralment “l-id.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “beżaʼ minn.”
Jew “ġarra biż-żennuna.”
Jew “ruħha mnikkta.”
Jew “b’ruħek.”
Jiġifieri barley.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “salvazzjoni.”
Jew “kellu marda fil-ġilda.”
Jistaʼ jirreferi għal Nagħman.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Letteralment “mal-kampijiet.”
Letteralment “barka.”
Letteralment “li ninsab wieqaf quddiemu.”
Jew “fit-tempju.”
Post fis-Samarija, jistaʼ jkun għolja jew fortifikazzjoni.
Jew “iktar minn darba jew tnejn.”
Letteralment “Qalb ir-re.”
Jistaʼ jkun li dan ma jfissirx li għamew letteralment, imma li Alla ġegħelhom ma jifhmux dak li kienu qed jaraw.
Letteralment “il-kampijiet.”
Kab kien daqs 1.22 litru. Ara App. B14.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “fis-suq.”
Sea kien daqs 7.33 litri. Ara App. B14.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jiġifieri barley.
Letteralment “din il-kelma.”
Letteralment “din il-kelma.”
Jew “ta l-ħajja mill-ġdid.”
Letteralment “Ibnek.”
Jew “poġġieha.”
Letteralment “li se jagħtih lampa.”
Letteralment “imtedd maʼ missirijietu.”
Letteralment “it-tifla taʼ.”
Jew “marid.”
Letteralment “nidilkek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “nidilkek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “kull min jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li f’dan il-kuntest tistaʼ tirreferi għall-irġiel u s-subien.
Letteralment “nidilkek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “rekbin iż-żwiemel ħdejn xulxin.”
Jew “għamlet l-eye shadow.”
Letteralment “dawk li kienu jieħdu ħsieb lil Aħab.”
Jew “ġust.”
Letteralment “id-dar.”
Jew “ġusti.”
Letteralment “mhux se jaqaʼ fl-art.”
Letteralment “jorbtu.” Mid-dehra kien post fejn kienu jorbtu n-nagħaġ biex jaqtgħulhom is-suf.”
Jiġifieri r-Reġina Ġeżabel, omm ir-Re Ġeħoram.
Jew “bierku.”
Letteralment “ġusta.”
Jew “ara ż-żelu tiegħi għal.”
Letteralment “Qaddsu.”
Letteralment “lill-ġerrejja.”
Letteralment “sal-belt,” forsi binja qisha fortizza.
Jew “għoġġiela.”
Letteralment “tal-ġerrejja.”
Letteralment “meta joħroġ u meta jidħol.”
Jew “id-dijadema.”
Jistaʼ jkun skroll li fih il-Liġi t’Alla.
Jew “jafuhom.”
Jew “xaqq.”
Jew “jitfgħu f’basktijiet.” Letteralment “jorbtu.”
Letteralment “Ħażagħel dawwar wiċċu biex imur kontra.”
Jew “f’Bet-millo.”
Jiġifieri fil-paċi u s-sigurtà.
Letteralment “Hu mexa f’dawn.”
Jiġifieri Ġerobogħam II.
Jew “salvazzjoni.”
Letteralment “fi dħul is-sena,” aktarx fir-rebbiegħa.
Jew “niltaqgħu wiċċ imb wiċċ.”
Jew “fil-palazz tiegħek.”
Letteralment “it-tinda tiegħu.”
Madwar 178 metru. Ara App. B14.
Jiġifieri Ġerobogħam II.
Ifisser “Ġeħova Għen.” Fit-2Slt 15:13; 2Kro 26:1-23; Is 6:1; u Żak 14:5 jissejjaħ Użżija.
Jiġifieri missieru Amażija.
Jew “mid-daħla taʼ Ħamat.”
Jiġifieri l-Baħar il-Mielaħ, jew il-Baħar il-Mejjet.
Jiġifieri Ġerobogħam II.
Ifisser “Ġeħova Għen.” Fit-2Slt 15:13; 2Kro 26:1-23; Is 6:1; u Żak 14:5 jissejjaħ Użżija.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Letteralment “għadda lil ibnu min-nar.”
Jew “l-irġiel taʼ Ġuda.”
Li wieħed jitkellem maʼ xi ħadd u jirreferi għalih innifsu bħala ibnu kienet espressjoni taʼ rispett.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Ifisser “Ġeħova Jsaħħaħ.”
Letteralment “beżgħu minn.”
Jiġifieri f’kull post, kemm jekk kienu jgħixu ftit jew ħafna nies.
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Jiġifieri dawk li jirċievu l-viżjonijiet.
Letteralment “webbsu għonqhom.”
Jew “għoġġiela minn metall imdewweb.”
Letteralment “għaddew min-nar.”
Letteralment “ibigħu lilhom infushom biex jagħmlu.”
Jew “lid-dixxendenti kollha t’Iżrael.”
Letteralment “ma beżgħux minn.” Din tapplika wkoll fil-versi simili fʼdan il-kapitlu.
Jew “id-drawwiet reliġjużi.”
Jew “allat.”
Jew “id-drawwiet reliġjużi.”
Jew “id-drawwiet reliġjużi.”
Forma mqassra taʼ Abija.
Jew “jgħidulu Neħustan.”
Jiġifieri f’kull post, kemm jekk kienu jgħixu ftit jew ħafna nies.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Letteralment “qataʼ.”
Jew “lill-kmandant.”
Jew “lill-kap tal-uffiċjali tal-palazz.”
Jew “lill-kap taʼ dawk li jservu x-xorb.”
Jew “Sirjana.”
Letteralment “Agħmlu barka miegħi u oħorġu għandi.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “spirtu fih.”
Jew forsi “bejn.”
Jew “il-kanali tan-Nil.”
Din kienet tkun imqabbda b’ħabel u tintuża biex tikkontrolla żiemel.
Jiġifieri Ħeżekija.
Jew “dak li jikber miż-żerriegħa taċ-ċereali li taqaʼ.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Aktarx dan it-taraġ kien jintuża biex ikunu jafu l-ħin, bħalma jintuża arloġġ tax-xemx.
Jew “semaʼ.”
Jew “il-verità.”
Letteralment “għadda lil ibnu min-nar.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Letteralment “widnejh iżarżru.”
Jew “lenza biċ-ċomb.”
Jew “ix-xquq.”
Letteralment “irtabet.”
Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.
Jew “ġedded il-patt.”
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Geħenna.”
Letteralment “jgħaddi min-nar.”
Letteralment “taw.”
Jew “il-kamra tal-ikel.”
Letteralment “lemin.” Jiġifieri n-Nofsinhar, meta wieħed iħares lejn il-Lvant.
Jiġifieri l-Muntanja taż-Żebbuġ, b’mod partikulari l-parti t’isfel nett magħrufa wkoll bħala l-Muntanja tal-Offiża.
Jew “l-allat tad-dar; l-idoli.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Jew forsi “l-bennejja tas-swar.”
Jew forsi “bennej tas-swar.”
Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
Letteralment “għolla ras.”