LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Neħemija 1:1-13:31
  • Neħemija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Neħemija
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Neħemija

NEĦEMIJA

1 Dan hu l-kliem taʼ Neħemija* bin Ħakalija: Fix-xahar taʼ Kislew,* fl-20 sena tat-tmexxija tar-Re Artaserse,* jien kont fil-palazz* taʼ Susan.* 2 F’dak iż-żmien ġie Ħanani, wieħed minn ħuti, maʼ xi rġiel oħrajn minn Ġuda. Jien staqsejthom dwar il-Lhud li kien fadal u li kienu ħarbu mill-jasar, u dwar Ġerusalemm. 3 Huma wieġbu: “In-nies li ġew lura mill-jasar u li issa qed jgħixu fid-distrett taʼ Ġuda* qegħdin f’sitwazzjoni kerha ħafna u tal-mistħija. Is-swar taʼ Ġerusalemm huma mwaqqgħin u l-bibien tagħha maħruqin.”

4 Malli smajt dan il-kliem, jien poġġejt u bdejt nibki. Għamilt ġranet sħaħ bid-dwejjaq, insum, u nitlob lill-Alla tas-sema. 5 Jien għedt: “Ġeħova, int l-Alla tas-sema u l-Alla l-kbir li taʼ min jibżaʼ minnek u jirrispettak. Int iżżomm il-patt tiegħek u turi mħabba u lealtà* maʼ dawk li jħobbuk u jobdu l-kmandamenti tiegħek. 6 Jekk jogħġbok, ħares lejja u ismaʼ t-talba li qed nitolbok illum. Jien qed nitolbok lejl u nhar dwar il-qaddejja tiegħek l-Iżraelin u dwar id-dnubiet li l-poplu għamel kontrik. Aħna dnibna, kemm jien u kemm dar missieri. 7 Aħna żgur li aġixxejna ħażin ħafna miegħek għax m’obdejniex il-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li int tajt lill-qaddej tiegħek Mosè.

8 “Jekk jogħġbok, ftakar f’dak li għedt* lill-qaddej tiegħek Mosè: ‘Jekk ma tkunux leali, jien se nxerridkom fost il-popli. 9 Imma jekk terġgħu lura għandi u żżommu mal-kmandamenti tiegħi u tobduhom, anki jekk tkunu mxerrdin sa tarf l-art, jien se niġborkom minn hemm u nġibkom fil-post li għażilt biex jiġi mfaħħar ismi.’ 10 Huma l-qaddejja u l-poplu tiegħek, li int ħlist* bis-saħħa kbira u l-qawwa tiegħek. 11 Jekk jogħġbok Ġeħova, ismaʼ t-talba tiegħi, il-qaddej tiegħek, u t-talba tal-qaddejja tiegħek li minn qalbhom jirrispettaw ħafna lil* ismek. Jekk jogħġbok, għinni ħalli r-re jurini ħniena u jħallini nagħmel dak li se nitolbu llum.”

Dak iż-żmien jien kont il-wieħed li nservi l-inbid lir-re.

2 Darba minnhom fix-xahar taʼ Nisan,* fl-20 sena tat-tmexxija tar-Re Artaserse, ir-re kellu l-inbid ħdejh, u jien bħas-soltu qbadt l-inbid u tajthulu. Dak il-ħin kont vera mdejjaq. Ir-re qatt ma kien rani hekk. 2 Hu qalli: “Għala int daqshekk imdejjaq la m’intix marid? Żgur li hemm xi ħaġa qed tinkwetak.” U jien bżajt ħafna.

3 Imbagħad wiġibtu: “Ħa tkun imbierek, re! Kif nistaʼ ma nkunx imdejjaq meta l-belt fejn huma midfunin l-antenati tiegħi hi ħerba u l-bibien tagħha huma maħruqin?” 4 Ir-re qalli: “X’tixtieq?” Jien mill-ewwel tlabt lill-Alla tas-sema 5 u wiġibtu: “Sidi, jekk hu tajjeb għalik u jekk int kuntent bija, ibgħatni fil-belt taʼ Ġuda, fejn huma midfunin l-antenati tiegħi, ħalli nerġaʼ nibniha.” 6 Imbagħad ir-re, waqt li r-reġina kienet bilqiegħda ħdejh, qalli: “Kemm hu twil il-vjaġġ, u meta tiġi lura?” Għalhekk, ir-re aċċetta li jibgħatni, u jien għedtlu kemm se ndum.

7 Imbagħad għedtlu: “Jekk hu tajjeb għalik, ħa jingħatawli ittri għall-gvernaturi tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara,* ħalli jħalluni ngħaddi għal Ġuda. 8 Ħa tingħatali wkoll ittra għal Asaf, li jieħu ħsieb il-foresta tiegħek,* biex b’hekk jagħtini njam għall-bibien tal-Fortizza tad-Dar,* għas-swar tal-belt, u għad-dar fejn se noqgħod.” U r-re tahomli, għax l-Alla tiegħi kien miegħi.

9 Eventwalment wasalt għand il-gvernaturi tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara u tajthom l-ittri tar-re. Ir-re bagħat miegħi wkoll kapijiet tal-armata u rikkieba taż-żwiemel. 10 Meta Sanballat il-Ħoroni u Tobija l-uffiċjal* Għammoni semgħu dwar dan, xejn ma ħadu pjaċir li xi ħadd ġie jgħin lill-poplu t’Iżrael.

11 Sa fl-aħħar wasalt Ġerusalemm. Wara tlett ijiem, 12 qomt billejl u ħadt xi rġiel miegħi. M’għedt lil ħadd x’kien ħeġġiġni nagħmel l-Alla tiegħi għal Ġerusalemm. L-uniku annimal li ħadna kien il-ħmar li kont riekeb fuqu. 13 U dak il-lejl ħriġt minn Bieb il-Wied u għaddejt minn quddiem l-Għajn tas-Serp il-Kbir lejn Bieb l-Irmied. Imbagħad eżaminajt is-swar taʼ Ġerusalemm li kienu mwaqqgħin u l-bibien tagħha li kienu maħruqin. 14 U għaddejt lejn Bieb l-Għajn u l-Għadira tar-Re, u ma kienx hemm biżżejjed spazju minn fejn ngħaddi bil-ħmar. 15 Allura bqajt tielaʼ lejn il-wied u bqajt neżamina s-sur. Wara mort lura u dħalt minn Bieb il-Wied, u bqajt sejjer lejn id-dar.

16 L-uffiċjali ma kinux jafu fejn mort u x’għamilt. Jien kont għadni m’għedtilhom xejn lil-Lhud, lill-qassisin, lill-mexxejja, lill-uffiċjali, u lill-bqija tal-ħaddiema. 17 Fl-aħħar għedtilhom: “Intom qed taraw is-sitwazzjoni kerha li qegħdin fiha, kif Ġerusalemm għadha ħerba u l-bibien tagħha għadhom maħruqin. Ejja nerġgħu nibnu s-swar taʼ Ġerusalemm, ħalli ma nibqgħux f’din is-sitwazzjoni tal-mistħija.” 18 Imbagħad għedtilhom kif l-Alla tiegħi kien miegħi u dwar dak li qalli r-re. Għal dan qalu: “Ejja nibdew nibnu.” Għalhekk, inkuraġġew lil xulxin* biex jagħmlu dan ix-xogħol tajjeb.

19 Issa meta Sanballat il-Ħoroni, Tobija l-uffiċjal* Għammoni, u Gesem l-Għarbi semgħu dan, bdew jiddieħqu bina u jmaqdruna u jgħidu: “X’qed tagħmlu? Jaqaw qed tirribellaw kontra r-re?” 20 Imma jien wiġibthom: “L-Alla tas-sema hu dak li se jgħinna nirnexxu, u aħna, il-qaddejja tiegħu, se nibdew nibnu. Imma intom m’għandkom ebda sehem, dritt, jew storja* f’Ġerusalemm.”

3 Eljasib il-qassis il-kbir u ħutu l-qassisin bdew jibnu Bieb in-Nagħaġ. Huma qaddsuh* u waħħlu l-bibien tiegħu. Huma qaddsu s-sur sat-Torri tal-Mija u sat-Torri taʼ Ħananel. 2 Ħdejhom kienu qed jibnu l-irġiel taʼ Ġeriko. U ħdejn dawn kien qed jibni Żakkur bin Imri.

3 It-tfal taʼ Ħassena bnew Bieb il-Ħut; huma għamlu l-frejm tal-injam u waħħlu miegħu l-bibien, il-firrolli, u l-istaneg. 4 U ħdejhom għamel xogħol taʼ tiswija Meremot bin Urijah u n-neputi taʼ Ħakkos. U ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Mesullam bin Berekija u n-neputi taʼ Meseżabel. U ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Sadok bin Bagħna. 5 U ħdejh għamlu xogħol taʼ tiswija t-Tekogħin, imma l-irġiel importanti tagħhom ma kinux lesti jaħdmu* taħt id-direzzjoni tas-sidien tagħhom.

6 Ġojada bin Pasegħa u Mesullam bin Besodija sewwew Bieb il-Belt il-Qadima; huma għamlu l-frejm tal-injam u waħħlu miegħu l-bibien, il-firrolli, u l-istaneg. 7 Ħdejhom għamlu xogħol taʼ tiswija Melatija l-Gibegħoni u Ġadon il-Meronoti. Dawn kienu rġiel minn Gibegħon u Mispa taħt l-awtorità* tal-gvernatur tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara.* 8 Ħdejhom għamel xogħol taʼ tiswija Użżijel bin Ħarħaja, wieħed minn dawk li jaħdmu d-deheb. U ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Ħananija, wieħed minn dawk li jagħmlu l-fwieħa.* Il-ħaddiema ksew l-art biċ-ċangaturi f’Ġerusalemm sas-Sur il-Wiesaʼ. 9 U ħdejhom għamel xogħol taʼ tiswija Refaja bin Ħur, mexxej taʼ nofs id-distrett taʼ Ġerusalemm. 10 U ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Ġedaja bin Ħarumaf quddiem daru stess. U ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Ħattus bin Ħasabneja.

11 Malkija bin Ħarim u Ħassub bin Paħat-mowab sewwew parti oħra tas-sur u t-Torri tal-Ifran. 12 U ħdejhom għamel xogħol taʼ tiswija Sallum bin Ħalloħes, mexxej tan-nofs l-ieħor tad-distrett taʼ Ġerusalemm, flimkien mat-tfal bniet tiegħu.

13 Ħanun u n-nies taʼ Żanogħa sewwew Bieb il-Wied. Huma bnewh u mbagħad waħħlulu l-bibien, il-firrolli, u l-istaneg. Sewwew ukoll 1,000 kubitu* tas-sur sa Bieb l-Irmied. 14 Malkija bin Rekab, mexxej tad-distrett taʼ Bet-ħakkerem, sewwa Bieb l-Irmied. Hu bnieh u waħħallu l-bibien, il-firrolli, u l-istaneg.

15 Sallun bin Kolħoże, mexxej tad-distrett taʼ Mispa, sewwa Bieb l-Għajn. Hu bnieh u saqqfu u waħħallu l-bibien, il-firrolli, u l-istaneg. Sewwa wkoll is-sur tal-Għadira tal-Kanal lejn il-Ġnien tar-Re sat-Taraġ li jinżel mill-Belt taʼ David.

16 Ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Neħemija bin Għażbuk, mexxej taʼ nofs id-distrett taʼ Bet-sur, minn quddiem l-Oqbra taʼ David sal-għadira artifiċjali u sad-Dar tal-Gwerriera.

17 Ħdejh għamlu xogħol taʼ tiswija l-Leviti, fosthom Reħum bin Bani. Ħdejn Reħum għamel xogħol taʼ tiswija Ħasabija, mexxej taʼ nofs id-distrett taʼ Kejla, għad-distrett tiegħu. 18 Ħdejh għamlu xogħol taʼ tiswija Leviti oħra, li fuqhom kien hemm Bawwaj bin Ħenadad, mexxej tan-nofs l-ieħor tad-distrett taʼ Kejla.

19 U ħdejh Għeżer bin Ġeswa, mexxej taʼ Mispa, kien qed isewwi parti oħra quddiem it-telgħa tal-Armerija fl-Istruttura tas-Sur.

20 Ħdejh Baruk bin Żabbaj ħadem bil-ħeġġa u sewwa parti oħra, mill-Istruttura tas-Sur sad-daħla tad-dar t’Eljasib il-qassis il-kbir.

21 Ħdejh Meremot bin Urijah u n-neputi taʼ Ħakkos sewwa parti oħra, mid-daħla tad-dar t’Eljasib sat-tarf tad-dar t’Eljasib.

22 U ħdejh għamlu xogħol taʼ tiswija l-qassisin tad-distrett tal-Ġordan.* 23 Ħdejhom għamlu xogħol taʼ tiswija Benjamin u Ħassub quddiem darhom stess. Ħdejhom għamel xogħol taʼ tiswija Għażarija bin Magħseja u n-neputi taʼ Għananija qrib daru stess. 24 Ħdejh Binnuwi bin Ħenadad sewwa parti oħra, mid-dar t’Għażarija sal-Istruttura tas-Sur u sal-kantuniera.

25 Ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Palal bin Użaj quddiem l-Istruttura tas-Sur u t-torri li qiegħed mad-Dar* tar-Re, il-bini taʼ fuq tal-Bitħa tal-Għassa. Ħdejh kien hemm Pedaja bin Pargħos.

26 U l-qaddejja tat-tempju* li kienu jgħixu f’Għofel għamlu xogħol taʼ tiswija minn quddiem Bieb l-Ilma fil-Lvant u t-torri li ħiereġ ’il barra.

27 Ħdejhom it-Tekogħin sewwew parti oħra, minn quddiem it-torri l-kbir li ħiereġ ’il barra sas-sur t’Għofel.

28 Il-qassisin għamlu xogħol taʼ tiswija fuq Bieb iż-Żwiemel, kull wieħed quddiem daru stess.

29 Ħdejhom għamel xogħol taʼ tiswija Sadok bin Immer quddiem daru stess.

U ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Semajja bin Sekanija, l-għassies taʼ Bieb il-Lvant.

30 Ħdejh Ħananija bin Selemija u Ħanun is-sitt iben taʼ Salaf sewwew parti oħra.

Ħdejhom għamel xogħol taʼ tiswija Mesullam bin Berekija quddiem is-sala tiegħu stess.

31 Ħdejh għamel xogħol taʼ tiswija Malkija, wieħed minn dawk li jaħdmu d-deheb, sad-dar tal-qaddejja tat-tempju* u tan-negozjanti li qiegħda quddiem Bieb l-Ispezzjoni, u għamel xogħol taʼ tiswija sal-kamra taʼ fuq fil-kantuniera.

32 U bejn il-kamra taʼ fuq fil-kantuniera u Bieb in-Nagħaġ sar xogħol taʼ tiswija minn dawk li jaħdmu d-deheb u n-negozjanti.

4 Malli Sanballat semaʼ li konna qed nerġgħu nibnu s-sur, hu rrabja u xejn ma ħa pjaċir,* u baqaʼ jwaqqaʼ għaċ-ċajt lil-Lhud. 2 U quddiem sħabu u l-armata tas-Samarija beda jgħid: “X’qed jagħmlu dawn il-Lhud dgħajfin? Jaqaw mingħalihom li se jagħmluh waħedhom? Humiex jaħsbu li se joffru s-sagrifiċċji u jlestu x-xogħol f’ġurnata? Tgħid mhux se jużaw il-ġebel maħruq li hemm fit-tifrik!”

3 Imbagħad Tobija l-Għammoni, li kien ħdejh, qal: “Anki jekk jitlaʼ volpi mas-sur li qed jibnu, iwaqqgħu.”

4 Alla tagħna, ara kif qed niġu ttrattati u ġiegħel li t-tmaqdir tagħhom jiġi fuqhom stess. Agħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom u ġiegħel li jsiru lsiera f’art oħra. 5 Tagħlaqx għajnejk għall-iżball u d-dnub tagħhom u tħassarhomx minn quddiemek, għax huma offendew lill-bennejja.

6 Għalhekk, komplejna nibnu s-sur, u bnejna s-sur kollu sa nofs l-għoli tiegħu mad-dawra kollha tal-belt. In-nies komplew jaħdmu mill-qalb.

7 Malli Sanballat, Tobija, l-Għarab, l-Għammonin, u l-Asdodin semgħu li l-partijiet imwaqqgħin tas-sur taʼ Ġerusalemm kienu qed jerġgħu jinbnew u x-xogħol kien miexi ’l quddiem, tgħidx kemm irrabjaw. 8 Huma ftiehmu bejniethom biex jiġġieldu kontra Ġerusalemm u jaqilgħu l-inkwiet. 9 Imma aħna tlabna lill-Alla tagħna biex jgħinna u qegħedna l-għassa lejl u nhar biex jipproteġuna minnhom.

10 Madankollu, in-nies taʼ Ġuda bdew jgħidu: “Il-ħaddiema* m’għadx għandhom saħħa u għad hemm wisq tifrik. Qatt mhu se jirnexxilna nibnu s-sur.”

11 U l-għedewwa tagħna baqgħu jgħidu: “Qabel ma jindunaw x’inhu jiġri, inkunu fosthom, noqtluhom, u nwaqqfu x-xogħol.”

12 Meta kienu jiġu l-Lhud li joqogħdu viċin tagħhom, kienu jgħidulna għal darba wara l-oħra:* “Se jiġu għalina minn kull naħa.”

13 Għalhekk, qegħedt irġiel wara s-sur fil-postijiet baxxi u miftuħin. Qegħedthom skont il-familji tagħhom armati b’xabla, lanza, u qaws. 14 Meta rajt il-biżaʼ li kellhom, jien aġixxejt malajr. U lill-mexxejja, lill-uffiċjali, u lill-bqija tan-nies għedtilhom: “Tibżgħux minnhom. Ftakru f’Ġeħova, li hu kbir u taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah ħafna. Iġġieldu għal ħutkom, għat-tfal tagħkom, għan-nisa tagħkom, u għad-djar tagħkom.”

15 L-għedewwa tagħna semgħu li sirna nafu b’dak li kienu qed jipprovaw jagħmlulna u li l-Alla l-veru fixkel il-pjan tagħhom. Imbagħad aħna komplejna nibnu s-sur. 16 Minn dakinhar ’il quddiem, nofs l-irġiel tiegħi kienu jagħmlu x-xogħol u n-nofs l-ieħor kienu armati b’lanza, tarka, u qaws, u lebsin kurazza. Il-mexxejja appoġġaw* in-nies taʼ dar Ġuda kollha 17 li kienu qed jibnu s-sur. Dawk li kienu qed iġorru t-tagħbija għamlu dan b’id waħda waqt li fl-oħra kellhom arma. 18 Kull bennej kellu xabla marbuta maċ-ċinturin waqt li kien qed jibni. U ħdejja kien hemm dak li jdoqq il-qarn.

19 Imbagħad jien għedtilhom hekk lill-mexxejja, lill-uffiċjali, u lill-bqija tan-nies: “Hawn ħafna xogħol xi jsir fuq is-sur, u aħna mferrxin miegħu ’l bogħod minn xulxin. 20 Meta tisimgħu l-ħoss tal-qarn, inġabru fejn qiegħed jien. L-Alla tagħna se jiġġieled għalina.”

21 Għalhekk, minn filgħodu kmieni sa ma dehru l-istilel, aħna komplejna naħdmu waqt li n-nofs l-ieħor kienu armati bil-lanez. 22 Dak iż-żmien, jien għedt lill-poplu: “Ħa jgħaddu l-lejl Ġerusalemm l-irġiel u l-qaddejja tagħhom, ħalli jaħdmu matul il-ġurnata u joqogħdu għassa billejl skont meta jmisshom.” 23 Għalhekk jien, ħuti, il-qaddejja tiegħi, u l-għassiesa li kienu miegħi, bqajna bl-istess ħwejjeġ u kull wieħed minna żamm l-arma f’idu l-leminija.

5 Madankollu, l-irġiel u n-nisa tagħhom bdew igergru ħafna kontra ħuthom il-Lhud. 2 Xi wħud bdew jgħidu: “Aħna għandna ħafna subien u bniet. M’għandniex x’nieklu. Kif se nibqgħu ngħixu?” 3 Oħrajn kienu qed jgħidu: “Aħna qed nagħtu bħala garanzija l-għelieqi, id-dwieli, u d-djar tagħna biex ikollna x’nieklu waqt li hawn nuqqas taʼ ikel.” 4 U oħrajn bdew jgħidu: “Aħna użajna l-għelieqi tagħna u d-dwieli tagħna bħala garanzija biex inħallsu t-taxxa lir-re. 5 Aħna l-istess bħal ħutna,* u t-tfal tagħna m’għandhom xejn inqas mit-tfal tagħhom. Minkejja dan, aħna se jkollna nagħtu s-subien u l-bniet tagħna bħala lsiera. Fil-fatt, xi wħud mill-bniet tagħna diġà huma lsiera, imma aħna ma nistgħu nagħmlu xejn dwar dan għax l-għelieqi u d-dwieli tagħna huma taʼ ħaddieħor.”

6 Jien irrabjajt ħafna meta smajt minn xiex qed jgħaddu. 7 Jien ħsibt sew dwar din il-problema u akkużajt lill-mexxejja u lill-uffiċjali, u għedtilhom: “Kull wieħed minnkom qed jitlob l-imgħax* mingħand ħutu.”

Minħabba f’hekk, jien ġbart lin-nies flimkien. 8 U għedtilhom: “Aħna għamilna kulma stajna biex nixtru lura lil ħutna l-Lhud li kienu mibjugħin lil popli oħra. Allura se tbigħuhom intom, u b’hekk ikollna nerġgħu nixtruhom mingħandkom biex neħilsuhom?” Meta semgħu dan ma kinux jafu x’se jaqbdu jgħidu. 9 Imbagħad jien għedt: “Dak li qed tagħmlu mhux sew. Għandkom turu rispett kbir lejn* l-Alla tagħna ħalli l-popli, li huma l-għedewwa tagħna, ma jkollhomx għal xiex jakkużawna. 10 Iktar minn hekk, jien, ħuti, u l-qaddejja tiegħi qed nisilfuhom flus u ikel mingħajr imgħax. Mela jekk jogħġobkom, tibqgħux issellfu bl-imgħax. 11 Jekk jogħġobkom, illum stess agħtuhom lura l-għelieqi, id-dwieli, l-għelieqi taż-żebbuġ, u d-djar tagħhom, kif ukoll wieħed fil-100* tal-flus, taċ-ċereali,* tal-inbid ġdid, u taż-żejt li qed titolbuhom bħala mgħax.”

12 Għal dan huma qalu: “Aħna se nagħtu lura dawn l-affarijiet u mhu se nitolbu xejn lura. Se nagħmlu eżatt kif qed tgħid.” Għalhekk, jien għajjatt lill-qassisin u ġegħelt lil dawn l-irġiel jaħilfu li se jżommu l-wegħda. 13 U wkoll jien farfart ħwejġi u għedt: “Jalla l-Alla l-veru jagħmel l-istess lil kull min ma jżommx mal-wegħda tiegħu billi jiħodlu d-dar tiegħu u kulma għandu sakemm ma jifdallu xejn.” Għal dan il-kongregazzjoni kollha qalet: “Ammen!”* Huma faħħru lil Ġeħova u għamlu bħalma wiegħdu.

14 Minn dakinhar li r-re inkarigani bħala gvernatur fl-art taʼ Ġuda, għaddew 12-il sena, mill-20 sena sat-32 sena tat-tmexxija tar-Re Artaserse. Matul dak iż-żmien, la jien u lanqas ħuti ma kilna mill-ikel dovut lill-gvernatur. 15 Imma l-gvernaturi taʼ qabli għamlulhom ħajjithom diffiċli lin-nies, u ħadulhom 40 xekel* fidda kuljum għall-ħobż u għall-inbid. Anki l-qaddejja tagħhom ħaqru lin-nies. Imma jien m’għamiltx dan, għax nirrispetta ħafna lil* Alla.

16 Iktar minn hekk, jien tajt daqqa t’id fix-xogħol li kien qed isir fis-sur, u l-qaddejja kollha tiegħi kienu qed jaħdmu hemm. Imma lanqas għalqa waħda ma ħadna. 17 Il-Lhud u l-uffiċjali li kienu jieklu mal-mejda tiegħi kienu 150. Kien ikun hemm ukoll dawk li jiġu għandna mill-popli taʼ madwarna. 18 Kuljum jien kont nipprovdi barri, sitt nagħġiet mill-aqwa, u għasafar li kienu jiġu ppreparati għalina biex nikluhom. U darba kull għaxart ijiem kont nipprovdi kull tip taʼ nbid. Minkejja dan, jien ma kontx nitlob l-ikel li kien dovut lill-gvernatur, għax in-nies kienu diġà mgħobbijin iżżejjed. 19 Għalhekk jien tlabt: “Alla tiegħi, wara dak kollu li jien għamilt għal dan il-poplu, ftakar fija u berikni.”

6 Sanballat, Tobija, Gesem l-Għarbi, u l-kumplament tal-għedewwa tagħna ntqalilhom li jien kont bnejt is-sur u li ma kienx għad hemm partijiet imwaqqgħin (għalkemm sa dak iż-żmien kont għadni ma waħħaltx il-bibien). 2 U Sanballat u Gesem mill-ewwel bagħtuli dan il-messaġġ: “Ejja niftiehmu ħalli niltaqgħu flimkien fl-irħula tal-Pjanura tal-Wied t’Ono.” Imma huma kienu qed jippjanaw biex jagħmluli l-ħsara. 3 Għalhekk, bgħatt messaġġiera jgħidulhom: “Qed nagħmel xogħol importanti ħafna u ma nistax niġi. Għala għandu x-xogħol jieqaf biex niġi ħdejkom?” 4 Huma bagħtuli l-istess messaġġ erbaʼ darbiet, u kull darba wiġibthom l-istess ħaġa.

5 Imbagħad Sanballat bagħat lill-qaddej tiegħu bl-istess messaġġ għall-ħames darba, u b’ittra miftuħa f’idu. 6 Fiha kien hemm miktub: “Il-popli qed jgħidu li int u l-Lhud qed tippjanaw biex tirribellaw kontra r-re, anki Gesem qed jgħid hekk. Huwa għalhekk li qed tibnu s-sur. U skont dak li qed jintqal, int se ssir ir-re tagħhom. 7 Ukoll, int qabbadt profeti biex jgħidu f’Ġerusalemm kollha, ‘Hemm re f’Ġuda!’ Issa dan se jintqal lir-re tagħna. Mela ejja ħa niddiskutu dan flimkien.”

8 Imma jien bgħattlu din it-tweġiba: “Xejn minn dak li qed tgħid mhu veru. Int qed tivvintah.” 9 Għax huma kienu qed jipprovaw ibeżżgħuna, għax ħasbu li se naqtgħu qalbna* u mhux se nkomplu x-xogħol. Imma jien tlabt lil Alla biex jagħtini l-kuraġġ.

10 Imbagħad jien mort għand Semajja bin Delaja u n-neputi taʼ Meħetabel waqt li ma kienx qed joħroġ mid-dar. Hu qalli: “Ejja niftiehmu u niltaqgħu fid-dar tal-Alla l-veru, fit-tempju, u nagħlqu l-bibien warajna, għax ġejjin biex joqtluk. Ġejjin biex joqtluk billejl.” 11 Imma jien għedtlu: “Għandu raġel bħali jaħrab? Jistaʼ raġel bħali jidħol fit-tempju u jibqaʼ ħaj? M’iniex se mmur!” 12 Imbagħad indunajt li ma kienx profeta mibgħut mingħand Alla, imma Tobija u Sanballat kienu ħallsuh biex iqarraq bija. 13 Hu kien tħallas biex ibeżżagħni u jġegħelni nidneb, ħalli jkollhom għal xiex iħammġu r-reputazzjoni tiegħi u jakkużawni.

14 Alla tiegħi, ftakar f’Tobija u Sanballat u f’dawn l-affarijiet li għamlu. Ftakar ukoll f’Nogħadija l-profetessa u l-profeti l-oħra li kienu l-ħin kollu jipprovaw ibeżżgħuni.

15 U s-sur tlesta fil-25 t’Elul,* fi 52 ġurnata.

16 Hekk kif l-għedewwa kollha tagħna semgħu dwar dan u l-popli kollha taʼ madwarna rawh, huma ħassewhom umiljati ħafna u rrealizzaw li dan ix-xogħol sar bl-għajnuna tal-Alla tagħna. 17 F’dak iż-żmien, il-mexxejja taʼ Ġuda kienu qed jibagħtu ħafna ittri lil Tobija, u hu kien iwiġibhom. 18 Ħafna f’Ġuda ħalfu li kienu se jkunu leali lejh għax hu kien miżżewweġ lit-tifla taʼ Sekanija bin Araħ, u t-tifel tiegħu Ġeħoħanan kien iżżewweġ lit-tifla taʼ Mesullam bin Berekija. 19 Ukoll, huma kienu joqogħdu jgħiduli affarijiet tajbin dwaru, u mbagħad imorru jgħidulu dak li nkun għedtilhom jien. U Tobija kien jibgħatli l-ittri biex ibeżżagħni.

7 Malli s-sur kien inbena mill-ġdid, jien waħħalt il-bibien. Imbagħad qegħedt l-għassiesa tal-bibien, il-kantanti, u l-Leviti fuq xogħolhom. 2 Wara inkarigajt lil ħija Ħanani biex jieħu ħsieb lil Ġerusalemm flimkien maʼ Ħananija, il-kap tal-Fortizza, għax dan kien taʼ min jafdah ħafna u kellu rispett lejn* l-Alla l-veru iktar minn ħafna oħrajn. 3 Jien għedtilhom: “Il-bibien taʼ Ġerusalemm m’għandhomx jinfetħu qabel nofsinhar,* u waqt li l-għassiesa tal-bibien ikunu qegħdin għassa, għandhom jagħlqu l-bibien u jsakkruhom bil-firrolli. Inkarigaw lin-nies taʼ Ġerusalemm bħala għassiesa. Xi wħud minnhom fil-post tal-għassa tagħhom u oħrajn quddiem id-dar tagħhom.” 4 Il-belt kienet spazjuża u kbira, u ma tantx kien hemm nies u djar fiha.

5 Imma l-Alla tiegħi ħeġġiġni biex niġbor lill-mexxejja, lill-uffiċjali, u lin-nies biex jiġu rreġistrati skont il-familji tagħhom. Imbagħad sibt il-ktieb li fih kien hemm irreġistrati l-ewwel nies li ġew lura mill-jasar skont il-familji tagħhom. Fih kien hemm miktub dan li ġej:

6 Dawn kienu n-nies tal-provinċja* li marru lura minn Babilonja wara li r-Re Nebukadnessar kien ħa l-Lhud bħala lsiera f’Babilonja. Dawn marru lura Ġerusalemm u Ġuda, kull wieħed lejn il-belt tiegħu. 7 Huma marru maʼ Żerubbabel, Ġeswa, Neħemija, Għażarija, Ragħmija, Naħamani, Mordekaj, Bilsan, Misferet, Bigwaj, Neħum, u Bagħnah.

Dan hu n-numru tal-irġiel Iżraelin li marru lura: 8 mill-familja taʼ Pargħos 2,172; 9 mill-familja taʼ Sefatija 372; 10 mill-familja t’Araħ 652; 11 mill-familja taʼ Paħat-mowab, li kienu jiġu minn Ġeswa u Ġowab, 2,818; 12 mill-familja t’Għelam 1,254; 13 mill-familja taʼ Żattu 845; 14 mill-familja taʼ Żakkaj 760; 15 mill-familja taʼ Binnuwi 648; 16 mill-familja taʼ Bebaj 628; 17 mill-familja t’Għażgad 2,322; 18 mill-familja t’Adonikam 667; 19 mill-familja taʼ Bigwaj 2,067; 20 mill-familja t’Għadin 655; 21 mill-familja t’Ater, li kienu jiġu minn Ħeżekija, 98; 22 mill-familja taʼ Ħasum 328; 23 mill-familja taʼ Bezaj 324; 24 mill-familja taʼ Ħarif 112; 25 mill-familja taʼ Gibegħon 95; 26 mill-irġiel taʼ Betlem u Netofa 188; 27 mill-irġiel t’Għanatot 128; 28 mill-irġiel taʼ Bet-għażmawet 42; 29 mill-irġiel taʼ Kirjat-ġegħarim, Kefira, u Birot 743; 30 mill-irġiel taʼ Rama u Geba 621; 31 mill-irġiel taʼ Mikmas 122; 32 mill-irġiel taʼ Betel u Għaj 123; 33 mill-irġiel taʼ Nebo l-oħra 52; 34 mill-familja t’Għelam l-ieħor 1,254; 35 mill-familja taʼ Ħarim 320; 36 mill-irġiel taʼ Ġeriko 345; 37 mill-irġiel taʼ Lod, Ħadid, u Ono 721; 38 u mill-irġiel taʼ Senagħa 3,930.

39 Il-qassisin: mill-familja taʼ Ġedaja, li kienu minn dar Ġeswa, 973; 40 mill-familja t’Immer 1,052; 41 mill-familja taʼ Pasħur 1,247; 42 u mill-familja taʼ Ħarim 1,017.

43 Il-Leviti: mill-familja taʼ Ġeswa u Kadmijel, li jiġu minn Ħodewa, 74. 44 Il-kantanti: mill-familja t’Asaf 148. 45 L-għassiesa tal-bibien: mill-familja taʼ Sallum, mill-familja t’Ater, mill-familja taʼ Talmon, mill-familja t’Għakkub, mill-familja taʼ Ħatita, u mill-familja taʼ Sobaj 138.

46 Mill-qaddejja tat-tempju* kien hemm il-familja taʼ Siħa, il-familja taʼ Ħasufa, il-familja taʼ Tabbagħot, 47 il-familja taʼ Keros, il-familja taʼ Sigħa, il-familja taʼ Padon, 48 il-familja taʼ Lebana, il-familja taʼ Ħagaba, il-familja taʼ Salmaj, 49 il-familja taʼ Ħanan, il-familja taʼ Giddel, il-familja taʼ Gaħar, 50 il-familja taʼ Regħaja, il-familja taʼ Resin, il-familja taʼ Nekoda, 51 il-familja taʼ Gażżam, il-familja t’Użża, il-familja taʼ Pasegħa, 52 il-familja taʼ Besaj, il-familja taʼ Megħunim, il-familja taʼ Nefusesim, 53 il-familja taʼ Bakbuk, il-familja taʼ Ħakufa, il-familja taʼ Ħarħur, 54 il-familja taʼ Baslit, il-familja taʼ Meħida, il-familja taʼ Ħarsa, 55 il-familja taʼ Barkos, il-familja taʼ Sisera, il-familja taʼ Tamaħ, 56 il-familja taʼ Nesija, u l-familja taʼ Ħatifa.

57 Mill-familja tal-qaddejja taʼ Salamun kien hemm il-familja taʼ Sotaj, il-familja taʼ Soferet, il-familja taʼ Perida, 58 il-familja taʼ Ġagħla, il-familja taʼ Darkon, il-familja taʼ Giddel, 59 il-familja taʼ Sefatija, il-familja taʼ Ħattil, il-familja taʼ Pokeret-ħassebajim, u l-familja t’Amon. 60 Il-qaddejja tat-tempju* u l-familja tal-qaddejja taʼ Salamun kienu 392 b’kollox.

61 Minn Tel-melaħ, Tel-ħarsa, Kerub, Addon, u Immer telgħu wħud li ma setgħux jagħtu prova jekk huma jew dar missirijiethom kinux Iżraelin. Dawn kienu 62 mill-familja taʼ Delaja, mill-familja taʼ Tobija, u mill-familja taʼ Nekoda, 642 b’kollox. 63 U mill-familja tal-qassisin kien hemm il-familja taʼ Ħabaja, il-familja taʼ Ħakkos, u l-familja taʼ Barżillaj, li żżewweġ mara mill-bniet taʼ Barżillaj il-Gilegħadi u beda jissejjaħ b’isem il-familja tagħha. 64 Dawn fittxew isem il-familji tagħhom fir-rekords, imma ma sabuhomx, għalhekk ma baqgħux jikkwalifikaw biex ikunu qassisin.* 65 Il-gvernatur* qalilhom li ma setgħux jieklu mill-affarijiet l-iktar qaddisin sakemm ikun hemm qassis li jara x’jgħid Alla permezz tal-Urim u t-Tummim.

66 B’kollox, fil-kongregazzjoni kien hemm 42,360, 67 minbarra l-ilsiera tagħhom irġiel u nisa li kienu 7,337. Kellhom ukoll 245 kantant, irġiel u nisa. 68 Kellhom 736 żiemel, 245 bagħal, 69 435 ġemel, u 6,720 ħmar.

70 Xi wħud mill-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier taw kontribuzzjoni għax-xogħol. Biex jappoġġa x-xogħol, il-gvernatur* ta 1,000 drakma* tad-deheb, 50 skutella, u 530 libsa twila għall-qassisin. 71 U xi wħud mill-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier appoġġaw ix-xogħol billi taw 20,000 drakma tad-deheb u 2,200 mina* tal-fidda. 72 U l-bqija tan-nies taw 20,000 drakma tad-deheb, 2,000 mina tal-fidda, u 67 libsa twila għall-qassisin.

73 U l-qassisin, il-Leviti, l-għassiesa tal-bibien, il-kantanti, il-qaddejja tat-tempju,* u l-bqija tal-poplu ssetiljaw fil-bliet tagħhom. B’hekk, sas-sebaʼ xahar, l-Iżraelin kollha ssetiljaw fil-bliet tagħhom.

8 In-nies kollha nġabru b’fehma waħda fil-pjazza taʼ quddiem Bieb l-Ilma, u qalu lil Esdra li kien jikkopja l-Iskrittura* biex iġib il-ktieb tal-liġi taʼ Mosè, li Ġeħova kien ta lill-Iżraelin. 2 Għalhekk, Esdra l-qassis ħa l-Liġi biex jaqraha quddiem il-kongregazzjoni taʼ rġiel, nisa, u dawk kollha li setgħu jifhmu. Dan għamlu fl-ewwel ġurnata tas-sebaʼ xahar. 3 Hu qraha b’leħen għoli lil dawk miġburin fil-pjazza taʼ quddiem Bieb l-Ilma, minn xħin sebaħ sa nofsinhar. Huma qagħdu attenti waqt li hu qara mill-ktieb tal-Liġi. 4 U Esdra li kien jikkopja l-Iskrittura* kien qiegħed fuq palk tal-injam, li għamluh apposta għal din il-laqgħa. Ħdejh fuq il-lemin kien hemm Mattitija, Sema, Għanaja, Urija, Ħilkija, u Magħseja. U fuq ix-xellug kien hemm Pedaja, Misael, Malkija, Ħasum, Ħas-baddana, Żakkarija, u Mesullam.

5 Esdra fetaħ il-ktieb u n-nies kollha setgħu jarawh peress li kien qiegħed iktar fl-għoli minnhom. Xħin fetħu, kulħadd qam bilwieqfa. 6 Imbagħad Esdra faħħar lil Ġeħova, l-Alla l-kbir u veru, u n-nies qalu, “Ammen!* Ammen!” u għollew idejhom ’il fuq. Imbagħad mielu u nxteħtu b’wiċċhom lejn l-art quddiem Ġeħova. 7 U Ġeswa, Bani, Serebija, Ġamin, Għakkub, Sabbetaj, Ħodija, Magħseja, Kelita, Għażarija, Ġożabad, Ħanan, u Pelaja, li kienu Leviti, kienu qed jispjegaw il-Liġi lin-nies, li kienu għadhom bilwieqfa. 8 Huma komplew jaqraw b’leħen għoli mill-ktieb tal-Liġi t’Alla, u jispjegaw ċar u tond xi jfisser il-kliem. Għalhekk għenu lin-nies jifhmu dak li kien qed jinqara.

9 U Neħemija l-gvernatur,* Esdra l-qassis li kien jikkopja l-Iskrittura,* u l-Leviti li kienu qed jgħallmu lin-nies, qalu lin-nies kollha: “Dan hu jum qaddis għal Ġeħova l-Alla tagħkom. Tagħmlux dwejjaq u tibkux.” Għax in-nies kollha kienu qed jibku hekk kif semgħu l-kliem tal-Liġi. 10 Neħemija qalilhom: “Morru, kulu l-aqwa ikel u ixorbu xorb ħelu, u ibagħtu xi ikel lil dawk li m’għandhom xejn lest, għax dan hu jum qaddis għall-Mulej tagħna. Tkunux imdejqin, għax il-ferħ li Ġeħova jagħti hu l-fortizza* tagħkom.” 11 U l-Leviti kienu qed jikkalmaw lin-nies u jgħidulhom: “Tibkux! Għax dan hu jum qaddis, u tkunux imdejqin.” 12 Għalhekk, in-nies kollha telqu jieklu u jixorbu, u bagħtu xi ikel lil oħrajn u komplew jifirħu bil-kbir, għax kienu fehmu l-kliem li ġie spjegat lilhom.

13 U fit-tieni jum, il-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier, il-qassisin, u l-Leviti ltaqgħu maʼ Esdra li kien jikkopja l-Iskrittura,* biex jifhmu iktar il-kliem tal-Liġi. 14 Imbagħad fil-Liġi sabu li Ġeħova kien ikkmanda permezz taʼ Mosè li l-Iżraelin għandhom joqogħdu fl-għerejjex* matul il-festa fis-sebaʼ xahar. 15 Barra minn hekk, huma għandhom imorru fil-bliet kollha u f’Ġerusalemm jikkmandaw lin-nies biex joħorġu fil-muntanji u jġibu friegħi bil-weraq tas-siġar taż-żebbuġ, tal-arżnu, tar-riħan, tal-palm, u taʼ siġar oħra biex jagħmlu l-għerejjex, skont dak li hemm miktub.

16 Għalhekk, in-nies ħarġu u ġabu magħhom il-friegħi biex jagħmlu l-għerejjex, kull wieħed fuq il-bejt tiegħu, fil-btieħi tagħhom, fil-btieħi tad-dar tal-Alla l-veru, fil-pjazza taʼ Bieb l-Ilma, u fil-pjazza taʼ Bieb Efrajm. 17 B’hekk, dawk kollha fil-kongregazzjoni li kienu ġew lura mill-jasar għamlu l-għerejjex u bdew joqogħdu fihom. L-Iżraelin kien ilhom ma jiċċelebraw il-festa b’dan il-mod minn żmien Ġożwè bin Nun, u għalhekk kien hemm ferħ kbir ħafna. 18 Mill-ewwel sal-aħħar ġurnata kien jinqara l-ktieb tal-Liġi tal-Alla l-veru. Huma ċċelebraw il-festa għal sebat ijiem. U fit-tmien jum kien hemm assemblea speċjali, bħalma kienet titlob il-Liġi.

9 Fl-24 tas-sebaʼ xahar, l-Iżraelin inġabru u samu, libsu ħwejjeġ tal-ixkora, u tefgħu t-trab fuqhom. 2 Huma nfirdu mill-barranin kollha u ammettew id-dnubiet tagħhom u l-iżbalji taʼ missirijiethom. 3 Imbagħad inqralhom b’leħen għoli l-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova l-Alla tagħhom għal tliet sigħat.* U għal tliet sigħat oħra, huma ammettew id-dnubiet tagħhom u mielu quddiem Ġeħova l-Alla tagħhom.

4 Ġeswa, Bani, Kadmijel, Sebanija, Bunni, Serebija, Bani, u Kenani telgħu fuq il-platform tal-Leviti u talbu lil Ġeħova l-Alla tagħhom b’leħen għoli. 5 U l-Leviti Ġeswa, Kadmijel, Bani, Ħasabneja, Serebija, Ħodija, Sebanija, u Petaħija qalu: “Qumu u faħħru lil Ġeħova l-Alla tagħkom għal dejjem. Alla tagħna, ħa jfaħħru lill-isem glorjuż tiegħek, għalkemm int akbar minn kwalunkwe tifħir jew barka li n-nies jistgħu jagħtu.

6 “Ġeħova, m’hemmx Alla ieħor bħalek. Int għamilt is-sema, iva, l-ogħla sema u kulma fiha, l-art u kulma hemm fuqha, u l-ibħra u kulma fihom. Int iżżomm kollox ħaj, u kulma hemm fis-sema* jmil quddiemek. 7 Int Ġeħova l-Alla l-veru, li għażilt lil Abram u ħriġtu minn Ur tal-Kaldin u biddiltlu ismu f’Abraham. 8 Int rajt li qalbu kienet leali lejk, għalhekk għamilt patt miegħu biex tagħtih l-art tal-Kangħanin, il-Ħittin, l-Amurrin, il-Pereżin, il-Ġebusin, u l-Girgasin għal dawk li jiġu minnu. Int żammejt kelmtek, għaliex int ġust.

9 “Int rajt lill-antenati tagħna jbatu fl-Eġittu, u smajthom meta talbuk bil-ħniena biex tgħinhom ħdejn il-Baħar l-Aħmar. 10 Imbagħad għamilt sinjali u mirakli biex tikkastiga lill-Fargħun, il-qaddejja kollha tiegħu, u n-nies kollha tal-art tiegħu, għax huma kienu arroganti mal-poplu tiegħek. Int għamilt lil ismek magħruf u għadu magħruf sal-lum. 11 U fridt il-baħar quddiemhom biex ikunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra fuq art niexfa. Int tfajt lil dawk li kienu qed jiġru warajhom f’qiegħ il-baħar bħal ġebla mitfugħa fl-ilmijiet qawwijin. 12 Matul il-ġurnata mexxejthom b’kolonna tas-sħab, u billejl b’kolonna tan-nar biex tagħtihom id-dawl u turihom minn fejn jgħaddu. 13 Int inżilt fuq il-Muntanja Sinaj u wkoll kellimthom mis-sema u tajthom liġijiet ġusti, liġijiet ibbażati fuq il-verità,* u regoli u kmandamenti tajbin. 14 Int għallimthom josservaw jum is-Sabat u jżommuh qaddis, u tajthom kmandamenti, regoli, u liġi permezz tal-qaddej tiegħek Mosè. 15 Meta kienu bil-ġuħ, int tajthom ħobż mis-sema, u meta kienu bil-għatx ħriġtilhom l-ilma mill-blat, u għedtilhom biex jidħlu u jieħdu f’idejhom l-art li int ħlift li se tagħtihom.

16 “Imma huma, l-antenati tagħna, aġixxew bi prużunzjoni, webbsu rashom, u ma ridux jisimgħu mill-kmandamenti tiegħek. 17 Huma ma ridux jisimgħu, u ma ftakrux fl-affarijiet tal-għaġeb li int għamilt f’nofshom. Huma webbsu rashom u inkarigaw mexxej biex imorru lura l-Eġittu bħala lsiera. Imma int Alla li lest li taħfer, qalbek tajba* u ħanin, ma tirrabjax malajr u turi ħafna mħabba u lealtà.* Int m’abbandunajthomx. 18 Huma għamlu għalihom statwa taʼ barri żgħir mill-metall* u bdew jgħidu, ‘Dan hu l-Alla tiegħek li ħarġek mill-art tal-Eġittu.’ Huma wrewk diżrispett kbir. 19 Minkejja dan kollu, peress li int ħanin ħafna, m’abbandunajthomx fid-deżert. Int bqajt tipprovdilhom il-kolonna tas-sħab matul il-jum sabiex tiggwidahom u l-kolonna tan-nar billejl biex tagħtihom id-dawl u turihom minn fejn jgħaddu. 20 Int tajthom l-ispirtu* tiegħek biex ikunu għorrief. Int ma żammejtx lura milli tagħtihom il-manna, u tajthom jixorbu meta kienu bil-għatx. 21 Int bqajt tipprovdilhom l-ikel fid-deżert għal 40 sena. Ma kien jonqoshom xejn. Ħwejjiġhom ma qdimux u saqajhom ma ntefħux.

22 “Int tajthom saltniet u popli, u qassamtilhom l-artijiet. B’hekk ħadu taħt idejhom l-art taʼ Siħon, jiġifieri l-art tar-re taʼ Ħesbon, kif ukoll l-art t’Għog ir-re tal-Basan. 23 Int tajthom tfal daqskemm hemm stilel. Imbagħad daħħalthom fl-art li kont wegħedt lil missirijiethom li għandhom jidħlu fiha u jiħduha taħt idejhom. 24 Għalhekk, it-tfal tagħhom marru u ħadu dik l-art, u int għelibt lill-Kangħanin li kienu joqogħdu hemm, u tajthom f’idejhom lir-re u lin-nies taʼ dik l-art biex jagħmlu li jridu bihom. 25 Huma rebħu bliet iffortifikati u għelieqi li jipproduċu ħafna u ħadu djar mimlijin b’affarijiet tajbin, ġwiebi li kienu diġà mħaffrin, dwieli, għelieqi taż-żebbuġ, u ħafna siġar li jagħmlu l-frott. Huma kielu, xebgħu, u ħxienu. Huma ħadu pjaċir ħafna bl-affarijiet tajbin kollha li għamilt magħhom.

26 “Minkejja dan, huma ma baqgħux jobduk, irribellaw kontrik, u injoraw il-Liġi tiegħek.* Huma qatlu lill-profeti tiegħek li wissewhom biex jerġgħu lura għandek u wrewk diżrispett kbir. 27 Għalhekk, int tajthom f’idejn l-għedewwa tagħhom, li baqgħu jġegħluhom ibatu. Imma f’dan iż-żmien diffiċli huma kienu jgħajtulek għall-għajnuna, u int kont tismagħhom mis-sema. U peress li int ħanin ħafna, kont tibagħtilhom lil xi ħadd biex jeħlishom minn idejn l-għedewwa tagħhom.

28 “Imma malli ma kinux jibqgħu taħt l-għedewwa tagħhom, kienu jerġgħu jagħmlu dak li hu ħażin u int tagħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom, li kienu jiddominawhom.* Imbagħad kienu jerġgħu jduru lejk u jgħajtulek għall-għajnuna, u int kont tismagħhom mis-sema u ssalvahom għal darba wara l-oħra, peress li int ħanin ħafna. 29 Għalkemm kont twissihom biex jerġgħu jobdu l-Liġi tiegħek, huma aġixxew bi prużunzjoni u rrifjutaw li jisimgħu mill-kmandamenti tiegħek. Huma dinbu kontra r-regoli tiegħek, li jekk bniedem jobdihom jistaʼ jgħix. Huma baqgħu jagħtuk daharhom, webbsu rashom, u ma ridux jobdu. 30 Int bqajt tieħu paċenzja bihom għal ħafna snin u bqajt twissihom bl-ispirtu tiegħek permezz tal-profeti, imma huma ma ridux jisimgħu. Fl-aħħar, int tajthom f’idejn in-nies tal-artijiet taʼ madwarhom. 31 U peress li int ħanin ħafna, ma qridthomx għalkollox u m’abbandunajthomx, għax int Alla qalbek tajba* u ħanin.

32 “Alla tagħna, int l-Alla l-kbir, b’saħħtek, u taʼ min jibżaʼ minnek u jirrispettak. Int żammejt il-patt tiegħek u wrejt imħabba u lealtà. Tinsiex it-tbatijiet kollha li għaddejna minnhom aħna, ir-rejiet tagħna, il-mexxejja tagħna, il-qassisin tagħna, il-profeti tagħna, missirijietna, u l-poplu kollu tiegħek minn żmien ir-rejiet tal-Assirja sal-lum. 33 Int kont ġust u leali minkejja dak kollu li għaddejna minnu. Konna aħna li aġixxejna b’mod ħażin. 34 Ir-rejiet tagħna, il-mexxejja tagħna, il-qassisin tagħna, u missirijietna m’obdewx il-Liġi tiegħek u lanqas taw kas il-kmandamenti jew it-tfakkiriet tiegħek li bihom wissejthom. 35 Huma kienu mmexxijin mir-rejiet tagħhom stess, irċivew ħafna barkiet mingħandek, u għexu fl-art li tajthom, li kienet kbira u tipproduċi ħafna. Minkejja dan, huma ma qdewkx u komplew jagħmlu dak li hu ħażin. 36 Issa aħna lsiera, iva, ilsiera fl-art li int tajt lil missirijietna biex jieklu mill-prodott tagħha u jgawdu l-affarijiet tajbin tagħha. 37 Il-prodott kollu tagħha jiħduh ir-rejiet li int poġġejt fuqna minħabba d-dnubiet tagħna. Huma jmexxu fuqna u fuq l-imrieħel tagħna kif jidhrilhom, u aħna qed inbatu ħafna.

38 “Minħabba dan, qed nagħmlu ftehim bil-miktub li huwa approvat bis-siġill tal-mexxejja, tal-Leviti, u tal-qassisin tagħna.”

10 Dawk li approvawh bis-siġill tagħhom kienu:

Neħemija l-gvernatur* bin Ħakalija,

Kif ukoll Sedekija, 2 Seraja, Għażarija, Ġeremija, 3 Pasħur, Amarija, Malkija, 4 Ħattus, Sebanija, Malluk, 5 Ħarim, Meremot, Għobadija, 6 Danjel, Ginneton, Baruk, 7 Mesullam, Abija, Mijamin, 8 Magħżija, Bilgaj, u Semajja; dawn huma l-qassisin.

9 Ukoll il-Leviti li approvawh kienu: Ġeswa bin Ażanija, Binnuwi mit-tfal taʼ Ħenadad, Kadmijel, 10 u ħuthom Sebanija, Ħodija, Kelita, Pelaja, Ħanan, 11 Mika, Reħob, Ħasabija, 12 Żakkur, Serebija, Sebanija, 13 Ħodija, Bani, u Beninu.

14 Il-kapijiet tal-poplu li approvawh kienu: Pargħos, Paħat-mowab, Għelam, Żattu, Bani, 15 Bunni, Għażgad, Bebaj, 16 Adonija, Bigwaj, Għadin, 17 Ater, Ħeżekija, Għażżur, 18 Ħodija, Ħasum, Bezaj, 19 Ħarif, Għanatot, Nebaj, 20 Magfigħas, Mesullam, Ħeżir, 21 Meseżabel, Sadok, Ġaddugħa, 22 Pelatija, Ħanan, Għanaja, 23 Ħosegħa, Ħananija, Ħassub, 24 Ħalloħes, Pilħa, Sobek, 25 Reħum, Ħasabna, Magħseja, 26 Aħija, Ħanan, Għanan, 27 Malluk, Ħarim, u Bagħnah.

28 Il-bqija tal-poplu li ngħaqdu fil-ftehim u li setgħu jifhmuh* kienu: Il-qassisin, il-Leviti, l-għassiesa tal-bibien, il-kantanti, il-qaddejja tat-tempju,* u dawk kollha li nfirdu minn nies taʼ pajjiżi oħra biex isegwu l-Liġi tal-Alla l-veru, flimkien man-nisa u t-tfal tagħhom. 29 Huma ngħaqdu maʼ ħuthom, irġiel importanti, u ħalfu* li se jobdu l-Liġi tal-Alla l-veru, li ngħatat permezz taʼ Mosè l-qaddej tal-Alla l-veru, u li se jżommu sew mal-kmandamenti kollha, il-ġudizzji, u r-regoli taʼ Ġeħova l-Mulej tagħna. 30 Aħna mhux se nżewġu lill-bniet tagħna lil nies taʼ pajjiżi oħra, u mhux se nieħdu l-bniet tagħhom biex inżewġuhom lis-subien tagħna.

31 Jekk nies taʼ pajjiżi oħra jiġu jbigħu xi affarijiet u kull tip taʼ ċereali* f’jum is-Sabat, aħna mhu se nixtru xejn mingħandhom la fis-Sabat u lanqas f’jum qaddis ieħor. U fis-sebaʼ sena ma naħdmux l-art u naħfru d-dejn kollu.

32 Ukoll, obbligajna lilna nfusna li kull wieħed minna se jagħti terz taʼ xekel* kull sena għas-servizz tad-dar* tal-Alla tagħna, 33 għall-ħobż tal-preżenza,* għall-offerta regolari taċ-ċereali, għall-offerta tal-ħruq regolari taʼ kull Sabat u qamar ġdid, għall-istaġuni tal-festi, għall-affarijiet qaddisin, għall-offerti għad-dnub biex jinħafru d-dnubiet t’Iżrael, u għax-xogħol kollu tad-dar tal-Alla tagħna.

34 Ukoll, tfajna x-xorti biex niddeċiedu meta kien se jmissha kull dar min-naħa tal-missier tal-qassisin, tal-Leviti, u tal-poplu biex iġġib l-injam fid-dar tal-Alla tagħna sena wara sena. Dan l-injam kellu jinħaraq fuq l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tagħna skont kif hemm miktub fil-Liġi. 35 Iddeċidejna li nġibu wkoll fid-dar taʼ Ġeħova, sena wara sena, l-ewwel prodott tal-art u l-ewwel frott taʼ kull tip taʼ siġra. 36 Se nagħtu wkoll l-ewwel tifel tagħna u l-ewwel ferħ tal-annimali, tal-baqar, tan-nagħaġ, u tal-mogħoż tagħna, skont kif hemm miktub fil-Liġi. Se nġibuhom fid-dar tal-Alla tagħna u nagħtuhom lill-qassisin li jaqdu fid-dar tal-Alla tagħna. 37 Se nġibu wkoll l-ewwel dqiq mhux irfinut, il-kontribuzzjonijiet, il-frott taʼ kull tip taʼ siġra, l-inbid ġdid, u ż-żejt. Se nġibuhom lill-qassisin fl-imħażen* tad-dar tal-Alla tagħna. U minn dak li tipprovdi l-art, se nagħtu l-għaxra fil-100* lil-Leviti, għax huma l-uħud li jiġbruhom mill-bliet fejn għandna l-għelieqi.

38 U qassis, li jiġi minn Aron, għandu jkun mal-Leviti meta dawn jiġbru l-għaxra fil-100. U minn dawn l-għaxra fil-100, il-Leviti jridu jagħtu għaxra fil-100 għad-dar tal-Alla tagħna għall-kmamar* tal-maħżen. 39 Għax l-Iżraelin u t-tfal tal-Leviti għandhom iġibu l-kontribuzzjoni taċ-ċereali, tal-inbid ġdid, u taż-żejt fil-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet.* Hemmhekk hemm l-għodod tas-santwarju kif ukoll il-qassisin li jaqdu, l-għassiesa tal-bibien, u l-kantanti. Aħna mhux se nittraskuraw id-dar tal-Alla tagħna.

11 Il-mexxejja tan-nies kienu joqogħdu Ġerusalemm. Imma l-bqija tan-nies tefgħu x-xorti biex wieħed minn kull għaxra jmur jgħix f’Ġerusalemm, il-belt qaddisa, filwaqt li d-disgħa l-oħra jibqgħu fil-bliet l-oħra. 2 Iżjed minn hekk, in-nies bierku lil dawk kollha li offrew li jgħixu Ġerusalemm.

3 U dawn huma l-irġiel importanti tal-provinċja* li kienu jgħixu f’Ġerusalemm. (Il-bqija tal-Iżraelin, il-qassisin, il-Leviti, il-qaddejja tat-tempju,* u l-familja tal-qaddejja taʼ Salamun għexu fil-bliet l-oħra taʼ Ġuda, kull wieħed fil-propjetà li kellu fil-belt tiegħu.

4 F’Ġerusalemm kienu jgħixu wkoll xi wħud mit-tribù taʼ Ġuda u Benjamin.) Mit-tribù taʼ Ġuda kien hemm Għataja bin Użżija, bin Żakkarija, bin Amarija, bin Sefatija, bin Maħalalel, mill-familja taʼ Pereż, 5 u Magħseja bin Baruk, bin Kolħoże, bin Ħażaja, bin Għadaja, bin Ġojarib, bin Żakkarija, mill-familja tas-Selanin. 6 Dawk kollha li jiġu minn Pereż u li kienu jgħixu Ġerusalemm kienu 468 raġel kapaċi.

7 U dawn kienu xi wħud mit-tribù taʼ Benjamin: Sallu bin Mesullam, bin Ġogħed, bin Pedaja, bin Kolaja, bin Magħseja, bin Itijel, bin Ġesagħija; 8 u miegħu kien hemm ukoll Gabbaj u Sallaj, 928 b’kollox; 9 u Ġoel bin Żikri kien fuqhom, u Ġuda bin Ħassenugħa kien taʼ warajh f’li jieħu ħsieb il-belt.

10 Mill-qassisin: Ġedaja bin Ġojarib, Ġakin, 11 Seraja bin Ħilkija, bin Mesullam, bin Sadok, bin Merajot, bin Aħitub, mexxej tat-tempju* tal-Alla l-veru, 12 u ħuthom li kienu qed jaqdu fit-tempju, 822 b’kollox; u Għadaja bin Ġeroħam, bin Pelalija, bin Amsi, bin Żakkarija, bin Pasħur, bin Malkija, 13 u ħutu, kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier, 242 b’kollox; u Għamassaj bin Għażarel, bin Aħżaj, bin Mesillemot, bin Immer, 14 u ħuthom, irġiel b’saħħithom u kuraġġużi, 128 b’kollox; u taʼ fuqhom kien Żabdijel, li kien minn familja importanti.

15 U mil-Leviti: Semajja bin Ħassub, bin Għażrikam, bin Ħasabija, bin Bunni, 16 u Sabbetaj u Ġożabad mill-kapijiet tal-Leviti li kienu jieħdu ħsieb ix-xogħol li jsir barra t-tempju tal-Alla l-veru; 17 u Mattanija bin Mikea, bin Żabdi, bin Asaf, il-mexxej tal-kor li jieħu ħsieb it-tifħir matul it-talb, u Bakbukija, l-assistent tiegħu, u Għabda bin Sammugħa, bin Galal, bin Ġedutun. 18 Fil-belt qaddisa kien hemm 284 Levita b’kollox.

19 U l-għassiesa tal-bibien kienu Għakkub, Talmon, u ħuthom, 172 b’kollox.

20 Il-bqija tal-Iżraelin, il-qassisin, u l-Leviti kienu fil-bliet l-oħra kollha taʼ Ġuda, kull wieħed fl-art li wiret. 21 Il-qaddejja tat-tempju* kienu jgħixu f’Għofel, u Siħa u Gisfa kienu inkarigati fuqhom.

22 Dak li kien jieħu ħsieb il-Leviti f’Ġerusalemm kien Użżi bin Bani, bin Ħasabija, bin Mattanija, bin Mika, mill-familja t’Asaf, il-kantanti; hu kien jieħu ħsieb ix-xogħol tat-tempju tal-Alla l-veru. 23 Għax ir-re* kien ħareġ kmand biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ kuljum tal-kantanti. 24 U Petaħija bin Meseżabel mill-familja taʼ Żeraħ bin Ġuda kien jagħti pariri lir-re dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-poplu.

25 Rigward l-irħula bl-għelieqi, xi nies mit-tribù taʼ Ġuda kienu jgħixu f’Kirjat-arba u l-bliet li jiddependu minnha,* f’Dibon u l-bliet li jiddependu minnha, f’Ġekabsel u l-irħula tagħha, 26 f’Ġeswa, f’Molada, f’Bet-pelet, 27 f’Ħasar-sugħal, f’Bir-xeba u l-bliet li jiddependu minnha,* 28 f’Siklag, f’Mekona u l-bliet li jiddependu minnha,* 29 f’Għajn-rimmon, f’Sorgħa, f’Ġarmut, 30 f’Żanogħa, f’Għadullam u l-irħula tagħhom, f’Lakis u l-għelieqi tagħha, u f’Għażeka u l-bliet li jiddependu minnha.* Huma bdew jgħixu* minn Bir-xeba sa Wied Ħinnom.

31 U xi wħud mit-tribù taʼ Benjamin kienu minn Geba, Mikmax, Għajja, Betel u l-bliet li jiddependu minnha,* 32 Għanatot, Nob, Għananija, 33 Ħasor, Rama, Gittajm, 34 Ħadid, Sebogħim, Neballat, 35 Lod, u Ono, jiġifieri l-wied tan-nies tas-sengħa.* 36 U xi taqsimiet tal-Leviti minn Ġuda ssetiljaw f’Benjamin.

12 Dawn kienu l-qassisin u l-Leviti li ġew lura maʼ Żerubbabel bin Saltijel, u Ġeswa: Seraja, Ġeremija, Esdra, 2 Amarija, Malluk, Ħattus, 3 Sekanija, Reħum, Meremot, 4 Iddo, Ginnetoj, Abija, 5 Mijamin, Magħdija, Bilga, 6 Semajja, Ġojarib, Ġedaja, 7 Sallu, Għamok, Ħilkija, u Ġedaja. Dawn kienu l-kapijiet tal-qassisin u ta’ ħuthom fi żmien Ġeswa.

8 Il-Leviti kienu Ġeswa, Binnuwi, Kadmijel, Serebija, Ġuda, u Mattanija li kien imexxi l-kant taʼ ringrazzjament maʼ ħutu. 9 U ħuthom Bakbukija u Unni qagħdu faċċata tagħhom għassa mat-tempju.* 10 Ġeswa kellu lil Ġojakim, Ġojakim kellu lil Eljasib, Eljasib kellu lil Ġojada, 11 Ġojada kellu lil Ġonatan, u Ġonatan kellu lil Ġaddugħa.

12 Fi żmien Ġojakim, dawn kienu l-qassisin, il-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier: għal Seraja, Meraja; għal Ġeremija, Ħananija; 13 għal Esdra, Mesullam; għal Amarija, Ġeħoħanan; 14 għal Meliki, Ġonatan; għal Sebanija, Ġużeppi; 15 għal Ħarim, Għadna; għal Merajot, Ħelkaj; 16 għal Iddo, Żakkarija; għal Ginneton, Mesullam; 17 għal Abija, Żikri; għal Minjamin, . . . ;* għal Mogħadija, Piltaj; 18 għal Bilga, Sammugħa; għal Semajja, Ġeħonatan; 19 għal Ġojarib, Mattenaj; għal Ġedaja, Użżi; 20 għal Sallaj, Kallaj; għal Għamok, Għeber; 21 għal Ħilkija, Ħasabija; u għal Ġedaja, Netanel.

22 Il-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier tal-Leviti u l-qassisin fi żmien Eljasib, Ġojada, Ġoħanan, u Ġaddugħa ġew irreġistrati sat-tmexxija taʼ Darju l-Persjan.

23 Il-Leviti li kienu l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier ġew irreġistrati fil-ktieb tal-istorja sa żmien Ġoħanan bin Eljasib. 24 Il-kapijiet tal-Leviti kienu Ħasabija, Serebija, u Ġeswa bin Kadmijel. Ħuthom l-għassiesa qagħdu faċċata tagħhom fi gruppi biex ifaħħru u jirringrazzjaw lil Alla skont l-istruzzjonijiet taʼ David il-qaddej tal-Alla l-veru. 25 Mattanija, Bakbukija, Għobadija, Mesullam, Talmon, u Għakkub kienu joqogħdu għassa mal-imħażen viċin il-bibien tat-tempju. 26 Dawn qdew fi żmien Ġojakim bin Ġeswa bin Ġosadak u fi żmien Neħemija l-gvernatur u Esdra l-qassis li kien jikkopja l-Iskrittura.*

27 Għall-inawgurazzjoni tas-swar taʼ Ġerusalemm, huma fittxew lil-Leviti u ħaduhom Ġerusalemm mill-postijiet fejn kienu qed jgħixu biex jiċċelebraw l-inawgurazzjoni bil-ferħ, bil-kant taʼ ringrazzjament, biċ-ċimbali, bl-istrumenti tal-korda, u bl-arpi. 28 U l-kantanti ttrennjati* nġabru flimkien mid-distrett taʼ madwar il-Ġordan, minn madwar Ġerusalemm kollha, mill-irħula tan-Netofatin, 29 minn Bet-gilgal, u mill-kampanja taʼ Geba u Għażmawet, għax il-kantanti kienu bnew irħula għalihom madwar Ġerusalemm kollha. 30 Il-qassisin u l-Leviti tnaddfu b’mod ċerimonjali. Għamlu hekk ukoll lin-nies, il-bibien, u s-sur.

31 Imbagħad tellajt il-mexxejja taʼ Ġuda fuq is-sur. Ukoll, inkarigajt żewġ korijiet kbar biex jirringrazzjaw lil Alla u żewġ gruppi biex jimxu warajhom. Kor minnhom mexa fuq il-lemin fuq is-sur lejn Bieb l-Irmied. 32 Ħosajja u nofs il-mexxejja taʼ Ġuda mxew warajhom, 33 flimkien m’Għażarija, Esdra, Mesullam, 34 Ġuda, Benjamin, Semajja, u Ġeremija. 35 Magħhom kien hemm xi wħud mit-tfal tal-qassisin bit-trumbetti: Żakkarija bin Ġonatan, bin Semajja, bin Mattanija, bin Mikaja, bin Żakkur, bin Asaf, 36 u ħutu Semajja, Għażarel, Milalaj, Gilalaj, Magħaj, Netanel, Ġuda, u Ħanani, bl-istrumenti mużikali taʼ David il-qaddej tal-Alla l-veru. U Esdra li kien jikkopja l-Iskrittura* mexa quddiemhom. 37 Minn ħdejn Bieb l-Għajn baqgħu telgħin dritt lejn it-Taraġ tal-Belt taʼ David mit-telgħa tas-sur li qiegħda fuq id-Dar taʼ David u baqgħu sejrin lejn Bieb l-Ilma lejn il-Lvant.

38 Il-kor l-ieħor li jirringrazzja lil Alla mexa fuq ix-xellug,* u jien imxejt warajh flimkien maʼ nofs in-nies minn fuq is-sur, minn ħdejn it-Torri tal-Ifran lejn is-Sur il-Wiesaʼ, 39 u minn fuq Bieb Efrajm lejn Bieb il-Belt il-Qadima, Bieb il-Ħut, it-Torri taʼ Ħananel, it-Torri tal-Mija, u Bieb in-Nagħaġ. Imbagħad waqafna f’Bieb l-Għassa.

40 Wara, iż-żewġ korijiet li jirringrazzjaw lil Alla waqfu quddiem id-dar tal-Alla l-veru. Wasalna wkoll jien, nofs l-uffiċjali, 41 u l-qassisin Eljakim, Magħseja, Minjamin, Mikaja, Eljogħenaj, Żakkarija, u Ħananija bit-trumbetti, 42 u Magħseja, Semajja, Elegħażar, Użżi, Ġeħoħanan, Malkija, Għelam, u Għeżer. U l-kantanti kantaw b’leħen għoli taħt id-direzzjoni taʼ Iżraħija.

43 Dakinhar offrew ħafna sagrifiċċji u ferħu, għax l-Alla l-veru kien tahom għal xiex jifirħu bil-kbir. Anki n-nisa u t-tfal ferħu, tant li l-ferħ taʼ Ġerusalemm setaʼ jinstemaʼ mill-bogħod.

44 Dakinhar xi rġiel ġew inkarigati fuq l-imħażen għall-kontribuzzjonijiet, għall-ewwel prodott, u għall-għaxra fil-100.* Fihom kellhom jiġbru mill-għelieqi tal-bliet is-sehem mitlub bil-Liġi għall-qassisin u l-Leviti. In-nies taʼ Ġuda għamlu dan għax kienu ferħanin ħafna li l-qassisin u l-Leviti kienu qed jaqdu fit-tempju. 45 Dawn bdew jieħdu ħsieb ix-xogħol tal-Alla tagħhom u jagħmlu t-tindif ċerimonjali, bħalma kienu jagħmlu l-kantanti u l-għassiesa tal-bibien, skont l-istruzzjonijiet taʼ David u ibnu Salamun. 46 Għax żmien ilu, fi żmien David u Asaf, kien hemm dawk li jidderieġu* l-kantanti u l-għanjiet taʼ tifħir u ringrazzjament lil Alla. 47 U fi żmien Żerubbabel u Neħemija, Iżrael kollu kien jagħti s-sehem għall-kantanti u għall-għassiesa tal-bibien, skont x’kien ikollhom bżonn kuljum. Kienu jwarrbu wkoll is-sehem għal-Leviti, u l-Leviti kienu jwarrbu s-sehem għal dawk li jiġu minn Aron.

13 Dakinhar inqara l-ktieb taʼ Mosè quddiem il-poplu, u fih kien hemm miktub li ebda wieħed mill-Għammonin u l-Mowabin ma kellu jidħol fil-kongregazzjoni tal-Alla l-veru. 2 Dan kien għax ma tawx ħobż u ilma lill-Iżraelin, imma minflok krew lil Balgħam biex jisħithom. Minkejja dan, l-Alla tagħna biddel is-saħta f’barka. 3 Hekk kif semgħu l-Liġi, l-Iżraelin bdew jifirdu minn magħhom lill-barranin.*

4 Qabel dan, il-qassis li kien jieħu ħsieb l-imħażen tad-dar* tal-Alla tagħna kien Eljasib li jiġi minn Tobija. 5 Hu ta lil Tobija kamra* kbira fejn qabel kienu jinżammu l-offerta taċ-ċereali,* l-inċens abjad, l-għodod, u l-għaxra fil-100* taċ-ċereali, l-inbid ġdid, u ż-żejt li kellhom jingħataw lil-Leviti, lill-kantanti, u lill-għassiesa tal-bibien, flimkien mal-kontribuzzjoni għall-qassisin.

6 Matul dan iż-żmien kollu, jien ma kontx Ġerusalemm għax kont mort lura għand ir-Re Artaserse taʼ Babilonja fit-32 sena tat-tmexxija tiegħu. Xi żmien wara tlabtu permess biex immur lura Ġerusalemm. 7 Imbagħad wasalt Ġerusalemm u rajt li dak li għamel Eljasib għal Tobija kien ħażin ħafna. Hu kien tah kamra fejn jinżammu l-affarijiet fil-bitħa tad-dar tal-Alla l-veru. 8 Din il-ħaġa dejqitni ħafna, għalhekk qbadt l-għamara kollha taʼ Tobija u tfajthielu ’l barra. 9 Wara, jien tajt kmand biex il-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet* jitnaddfu b’mod ċerimonjali, u hekk sar. Imbagħad erġajt poġġejt l-għodod tad-dar tal-Alla l-veru, l-offerta taċ-ċereali, u l-inċens abjad.

10 Sirt naf ukoll li s-sehem tal-Leviti ma kienx qed jingħatalhom. Għalhekk, il-Leviti u l-kantanti li kienu jagħmlu x-xogħol telqu fl-għelieqi tagħhom. 11 B’hekk irrabjajt mal-uffiċjali u għedtilhom: “Għala ġiet ittraskurata d-dar tal-Alla l-veru?” Imbagħad ġbart lil dawk li kienu telqu u inkarigajthom fuq xogħolhom. 12 U n-nies taʼ Ġuda kollha ġabu l-għaxra fil-100 taċ-ċereali, tal-inbid ġdid, u taż-żejt fil-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet. 13 Imbagħad, biex jieħdu ħsieb il-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet, qabbadt lil Selemija l-qassis, Sadok li jikkopja l-Iskrittura,* u Pedaja l-Levita. Ħanan bin Żakkur u n-neputi taʼ Mattanija kien l-assistent tagħhom, għax dawn l-irġiel kienu jitqiesu taʼ min joqgħod fuqhom. Kienet ir-responsabbiltà tagħhom li jqassmu l-affarijiet lil ħuthom.

14 Alla tiegħi, ftakar fija u tinsiex l-affarijiet li għamilt bi mħabba u lealtà* għad-dar tiegħek u għal dak li jsir fiha.

15 F’dak iż-żmien, rajt nies f’Ġuda jagħmlu l-inbid* fis-Sabat, idaħħlu ċ-ċereali u jgħabbuh fuq il-ħmir, idaħħlu l-inbid, l-għeneb, it-tin, u kull tip taʼ prodott ieħor f’jum is-Sabat. Għalhekk wissejthom biex ma jbigħu xejn dakinhar.* 16 U xi nies taʼ Tir li joqogħdu fil-belt kienu qed idaħħlu l-ħut u kull tip taʼ prodott ieħor biex ibigħuhom lin-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm fis-Sabat. 17 Għalhekk, irrabjajt man-nies importanti taʼ Ġuda u għedtilhom: “X’inhi din il-ħaġa ħażina ħafna li qed tagħmlu? Intom qed tiksru l-liġi tas-Sabat. 18 Mhux hekk għamlu missirijietkom? Kien minħabba dan li Alla kkastiga lilna u lil din il-belt. U issa qed tiksru l-liġi tas-Sabat. Jaqaw tridu li Alla jirrabja saħansitra iktar m’Iżrael?”

19 Jien tajt kmand biex il-bibien taʼ Ġerusalemm jingħalqu qabel ma jidlam, jiġifieri qabel ma jibda s-Sabat. Ukoll għedtilhom li m’għandhomx jiftħuhom sakemm jispiċċa s-Sabat. Jien qegħedt xi qaddejja tiegħi ħdejn il-bibien ħalli ma jiddaħħal ebda prodott f’jum is-Sabat. 20 Għalhekk, in-negozjanti u l-bejjiegħa taʼ kull tip taʼ prodott qattgħu l-lejl barra Ġerusalemm għal darba jew tnejn. 21 Imbagħad wissejthom u għedtilhom: “Għala qed tqattgħu l-lejl quddiem is-sur? Jekk terġgħu tagħmluha, inkeċċikom bil-forza.” Minn dakinhar ma reġgħux ġew fis-Sabat.

22 U għedt lil-Leviti li għandhom jibqgħu nodfa b’mod ċerimonjali, u joqogħdu għassa mal-bibien biex iżommu jum is-Sabat qaddis. Alla tiegħi, ftakar fija għal din il-ħaġa wkoll u ħenn għalija għax int turi ħafna mħabba u lealtà.

23 F’dak iż-żmien, sirt naf ukoll li xi Lhud iżżewġu* nisa Asdodin, Għammonin, u Mowabin. 24 Nofs it-tfal tagħhom kienu jitkellmu bl-Asdodi u n-nofs l-ieħor b’lingwi oħra. Imma ħadd minnhom ma kien jaf jitkellem bil-lingwa tal-Lhud. 25 Għalhekk irrabjajt magħhom, sħitthom, sawwatt lil xi rġiel minnhom, u ġbidtilhom xagħarhom.* Imbagħad ġegħelthom jaħilfu b’Alla li mhux se jżewġu lill-bniet tagħhom lill-barranin u lanqas ma jieħdu bniet taʼ nies barranin biex jiżżewġuhom huma jew is-subien tagħhom. 26 Imbagħad għedtilhom: “Kien minħabba nisa bħal dawn li r-Re Salamun t’Iżrael dineb. Fost il-popli kollha ma kienx hemm re bħalu. L-Alla tiegħu kien iħobbu, u għalhekk għamlu re fuq Iżrael kollu. Imma anki hu dineb minħabba n-nisa barranin li kellu. 27 Ma nistax nemmen li għamiltu dan il-ħażen hekk kbir billi żżewwiġtu nisa barranin u ma kontux leali lejn l-Alla tagħna.”

28 Wieħed mit-tfal ta’ Ġojada bin Eljasib il-qassis il-kbir kien iżżewweġ it-tifla taʼ Sanballat il-Ħoroni. Għalhekk, keċċejtu minn quddiemi.

29 Alla tiegħi, ftakar fihom u kkastigahom għax huma niġġsu s-servizz tal-qassisin u kisru* l-patt tiegħek mal-qassisin u l-Leviti.

30 Jien naddafthom b’mod ċerimonjali billi ħlisthom minn kull tip taʼ influwenza ħażina taʼ nies barranin, u lill-qassisin u l-Leviti inkarigajthom fuq xogħolhom. 31 U għamilt arranġamenti biex jinġieb l-injam fil-ħin u biex jinġieb l-ewwel prodott.

Alla tiegħi, ftakar fija u berikni.

Ifisser “Jah Jagħti l-Faraġ.”

Ara App. B15.

Letteralment “fis-sena 20.” Ara Ne 2:1.

Jew “fil-fortizza; fiċ-ċittadella.”

Jew “Susa.”

Jew “fil-provinċja.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “fit-twissija li tajt.”

Letteralment “fdejt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “jibżgħu minn.”

Ara App. B15.

Dan jirreferi għat-territorju fil-Punent tal-Ewfrat.

Jew “il-Park Irjali.”

Jew “tat-Tempju.”

Letteralment “il-qaddej.”

Letteralment “saħħew idejhom.”

Letteralment “il-qaddej.”

Letteralment “tifkira.”

Jew “iddedikawh lil Alla.”

Letteralment “ma meddewx għonqhom għax-xogħol.”

Letteralment “taħt it-tron.”

Dan jirreferi għat-territorju fil-Punent tal-Ewfrat.

Jew “iħalltu l-ingwent.”

Madwar 445 metru. Ara App. B14.

Jew forsi “mid-distrett viċin.”

Jew “mal-Palazz.”

Jew “in-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.

Jew “tan-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.

Jew “offenda ruħu bil-kbir.”

Jew “Dawk li jġorru t-tagħbija.”

Letteralment “għaxar darbiet.”

Letteralment “kienu wara.”

Letteralment “Laħamna hu bħal laħam ħutna.”

Jew “l-użura.”

Letteralment “tibżgħu minn.”

Jiġifieri wieħed fil-100 kull xahar.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “Hekk ikun!”

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Letteralment “nibżaʼ minn.”

Jew “li jdejna se jintelqu mix-xogħol.”

Ara App. B15.

Letteralment “kien jibżaʼ minn.”

Letteralment “sakemm tisħon ix-xemx.”

Tistaʼ tirreferi għall-art taʼ Babilonja jew taʼ Ġuda.

Jew “Min-Netinin.” Letteralment “Minn dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.

Jew “In-Netinin.” Letteralment “Dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.

Jew “ma tħallewx ikunu qassisin għax ma kinux nodfa.”

Jew “It-Tirsata,” titlu Persjan għal gvernatur taʼ provinċja.

Jew “it-Tirsata,” titlu Persjan għal gvernatur taʼ provinċja.

Ġeneralment kienet titqies daqs id-darik Persjan tad-deheb li kien jiżen 8.4 grammi. Din mhix id-drakma tal-Iskrittura Griega. Ara App. B14.

Fl-Iskrittura Ebrajka mina kienet daqs 570 gramma. Ara App. B14.

Jew “in-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.

Jew “skriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “skriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Hekk ikun!”

Jew “it-Tirsata,” titlu Persjan għal gvernatur taʼ provinċja.

Jew “skriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “is-saħħa.”

Jew “skriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “fit-tined temporanji.”

Letteralment “għal kwart tal-ġurnata.”

Dan jistaʼ jirreferi għall-anġli u l-istilel.

Jew “liġijiet taʼ min joqgħod fuqhom.”

Jew “turi mogħdrija.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “għoġol mill-metall imdewweb.”

Letteralment “l-ispirtu tajjeb.”

Letteralment “tefgħu l-Liġi tiegħek wara daharhom.”

Jew “jgħaffġuhom taħt saqajhom.”

Jew “li juri mogħdrija.”

Jew “it-Tirsata,” titlu Persjan għal gvernatur taʼ provinċja.

Jew forsi “u li kienu kbar biżżejjed biex jifhmu.”

Jew “in-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.

Jiġifieri ħalfa li ġġib magħha saħta bħala kastig jekk min għamilha jiksirha.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “tat-tempju.”

Letteralment “għall-ħobż impoġġi f’ordni.”

Jew “fis-swali tal-ikel.”

Jew “l-għexur.”

Jew “għas-swali tal-ikel.”

Jew “fis-swali tal-ikel.”

Jew “tad-distrett taʼ Ġuda.”

Jew “in-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.

Letteralment “tad-dar.”

Jew “In-Netinin.” Letteralment “Dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.

Milli jidher ir-Re Artaserse.

Jew “taʼ madwarha.”

Jew “taʼ madwarha.”

Jew “taʼ madwarha.”

Jew “taʼ madwarha.”

Jew “ikkampjaw.”

Jew “taʼ madwarha.”

Jew forsi “Ono, u l-wied tan-nies tas-sengħa.”

Jew forsi “matul is-servizz.”

Milli jidher il-kitba oriġinali Ebrajka tħalli isem barra hawn.

Jew “skriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “it-tfal tal-kantanti.”

Jew “skriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “fid-direzzjoni opposta.”

Jew “għall-għexur.”

Letteralment “il-kapijiet taʼ.”

Dawn jinkludu wħud li l-ġenituri tagħhom ma kinux it-tnejn Iżraelin.

Jew “il-kmamar tal-ikel tat-tempju.”

Jew “kamra tal-ikel.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “l-għexur.”

Jew “il-kmamar tal-ikel.”

Jew “l-iskriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “jgħaffġu fl-imgħasar tal-inbid.”

Jew forsi “Għalhekk dakinhar wissejthom biex ma jbigħu xejn.”

Jew “kienu ħadu fi djarhom.”

Jistaʼ jkun qed jirreferi wkoll għad-daqna.

Letteralment “niġġsu.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja