EKKLEŻJASTI
1 Dan hu l-kliem tal-għalliem,* it-tifel taʼ David u r-re taʼ Ġerusalemm.
6 Ir-riħ imur lejn in-Nofsinhar u jdur lejn it-Tramuntana;
Ir-riħ il-ħin kollu jdur; dan jibqaʼ jagħmel id-dawra tiegħu.
7 Ix-xmajjar* kollha jagħtu għall-baħar, imma dan ma jimteliex.
Ix-xmajjar jerġgħu jmorru minn fejn bdew, biex jerġgħu jitilqu minn hemm.
8 L-affarijiet kollha jgħejjuk;
Ħadd ma jistaʼ jiddeskrivihom kollha.
L-għajnejn ma jixbgħux jaraw;
U l-widnejn ma jixbgħux jisimgħu.
10 Hemm xi ħaġa li tistaʼ tgħid li hi ġdida?
Le. Din diġà ilha teżisti minn żmien twil ilu;
Diġà ilha teżisti minn qabel ma twilidna.
11 Ħadd ma jiftakar in-nies taʼ qabel;
U ħadd mhu se jiftakar in-nies li ġejjin,
Jew dawk taʼ warajhom.
12 Jien, l-għalliem, sirt u għadni r-re t’Iżrael f’Ġerusalemm. 13 Jien iddeċidejt li nuża l-għerf biex nistudja kulma sar taħt is-sema. Jien investigajt ix-xogħol frustranti li Alla ta lill-bnedmin biex ikollhom x’jagħmlu.
14 Jien rajt kulma jagħmlu n-nies taħt ix-xemx,
U rrealizzajt li kollox hu bla sens, bħall-ġiri wara r-riħ.
15 Ma tistax tiddritta dak li hu mgħawweġ,
U ma tistax tgħodd xi ħaġa li mhix hemm.
16 Imbagħad għedt f’qalbi: “Jien għandi ħafna iktar għerf minn dawk taʼ qabli f’Ġerusalemm, u sirt napprezza l-għerf u l-għarfien.” 17 Jien stinkajt biex insir naf dwar l-għerf, il-ġenn, u l-bluha. Imma anki dan hu ġiri wara r-riħ.
18 Għax iktar ma ssir għaref iktar issir frustrat,
U kull min ikollu iktar għarfien iżid l-uġigħ.
2 Imbagħad għedt f’qalbi: “Ħa nipprova nieħu pjaċir u nara jekk ir-riżultat ikunx tajjeb.” Imma anki dan kien bla sens.
2 Dwar id-daħq għedt: “Dan ġenn!”
U dwar il-pjaċir: “X’tambih?”
3 Iddeċidejt li nara x’ġid hemm milli ngawdi l-inbid, imma xorta bqajt f’sensija u ma tliftx l-għerf. Jien għamilt ukoll affarijiet bla sens biex nara x’l-aħjar li jagħmlu l-bnedmin matul il-ħajja qasira li għandhom taħt is-sema. 4 Jien għamilt ħafna xogħlijiet kbar: Bnejt ħafna djar, ħawwilt ħafna għelieqi bid-dwieli, 5 u għamilt ġonna u parkijiet li fihom ħawwilt kull tip taʼ siġar tal-frott. 6 Għamilt għadajjar tal-ilma biex insaqqi s-siġar li qed jikbru fil-foresta. 7 Jien żidt il-qaddejja rġiel u nisa, u kelli qaddejja li twieldu fid-dar tiegħi. Jien xtrajt ukoll ħafna mrieħel tal-baqar, nagħaġ, u mogħoż iktar minn dawk kollha li għexu qabli f’Ġerusalemm. 8 Ġemmajt fidda u deheb, teżori* li qed nirċievi mingħand ir-rejiet u l-provinċji. Jien ġbart għalija kantanti rġiel u nisa, kif ukoll dak li jagħti pjaċir kbir lill-irġiel—mara, iva, ħafna nisa. 9 Jien sirt aqwa minn dawk li għexu qabli f’Ġerusalemm u kelli iktar affarijiet minnhom. U xorta stajt naġixxi bl-għerf.
10 Kulma xtaqt nagħmel,* għamiltu. Ma żammejtx lura minn kull tip taʼ pjaċir, għax fraħt minħabba x-xogħol iebes kollu tiegħi, u dan kien il-premju* għal dak li għamilt. 11 Imma meta ħsibt dwar ix-xogħol kollu li għamilt b’idejja stess u dwar ix-xogħol iebes kollu li tħabatt biex għamilt, rajt li kollox kien bla sens, qisu ġiri wara r-riħ. Ma kien hemm xejn li kien verament taʼ valur* taħt ix-xemx.
12 Imbagħad ikkunsidrajt l-għerf, il-ġenn, u l-bluha. (Għax x’jistaʼ jagħmel il-bniedem li jiġi wara r-re? Dak biss li diġà sar.) 13 Indunajt li aħjar tkun għaref milli tkun iblah, bħalma d-dawl hu aħjar mid-dlam.
14 Min hu għaref jistaʼ jara l-affarijiet b’mod ċar, imma l-istupidu qisu qed jimxi fid-dlam. Irrealizzajt ukoll li t-tnejn se jispiċċaw l-istess. 15 Imbagħad għedt f’qalbi: “Dak li se jiġri lill-istupidu se jiġri lili wkoll.” Allura, x’akkwistajt imbilli sirt għaref iżżejjed? Għalhekk għedt f’qalbi: “Anki dan hu bla sens.” 16 Għax la l-għaref u lanqas l-istupidu ma jibqaʼ mfakkar għal dejjem. Fiż-żmien li ġej, kulħadd se jintesa. U bħalma jmut l-għaref, imut l-istupidu.
17 Għalhekk bdejt nobgħod il-ħajja, għax kull ħaġa li ssir taħt ix-xemx bdiet tinkwetani, għax kull sforz hu għalxejn, bħall-ġiri wara r-riħ. 18 Bdejt nobgħod dak kollu li ħdimt iebes għalih taħt ix-xemx, għax irrid inħallih għal dak li se jiġi warajja. 19 U min jaf jekk ikunx għaref jew iblah? Iżda hu se jieħu kontroll tal-affarijiet kollha li jien ksibt bix-xogħol iebes u l-għerf taħt ix-xemx. Anki dan hu bla sens. 20 Għalhekk bdejt niddispra minħabba x-xogħol iebes kollu li tħabatt għalih taħt ix-xemx. 21 Għax bniedem jistaʼ jaħdem iebes permezz tal-għerf, l-għarfien, u s-sengħa, imma jrid jgħaddi kollox* lil xi ħadd li ma ħadimx għalih. Anki dan hu bla sens u taʼ inkwiet kbir.*
22 X’jieħu l-bniedem għax-xogħol iebes kollu tiegħu u talli jkun immotivat biex* jaħdem iebes taħt ix-xemx? 23 Għax matul ħajtu, ix-xogħol li jagħmel iġiblu wġigħ u frustrazzjoni, u lanqas billejl ma tistrieħ qalbu. Dan ukoll bla sens.
24 M’hemm xejn aħjar għall-bniedem milli jiekol, jixrob, u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes tiegħu. Irrealizzajt li dan kollu ġej mingħand l-Alla l-veru, 25 għax min jiekol u jixrob aħjar minni?
26 Lil dak li l-Alla l-veru jieħu pjaċir bih jagħtih l-għerf, l-għarfien, u l-ferħ, imma lil xi ħadd midneb* iġiegħlu jiġbor u jerfaʼ affarijiet għan-nies li Hu jieħu pjaċir bihom. Dan ukoll hu bla sens, bħall-ġiri wara r-riħ.
3 Hemm żmien għalkollox,
Kull ħaġa għandha l-ħin tagħha taħt is-sema:
2 Żmien li titwieled u żmien li tmut;
Żmien li tħawwel u żmien li taqlaʼ;
3 Żmien li toqtol u żmien li tfejjaq;
Żmien li twaqqaʼ u żmien li tibni;
4 Żmien li tibki u żmien li tidħaq;
Żmien li turi li int imdejjaq u żmien li tiżfen;*
5 Żmien li tarmi l-ġebel u żmien li tiġbru;
Żmien li tgħannaq u żmien li ma tgħannaqx;
6 Żmien li tfittex xi ħaġa u żmien li tqisha bħala mitlufa;
Żmien li żżomm u żmien li tarmi;
7 Żmien li ċċarrat u żmien li tħit;
Żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem;
8 Żmien li tħobb u żmien li tobgħod;
Żmien għall-gwerra u żmien għall-paċi.
9 X’se jieħu l-ħaddiem mill-isforzi kollha tiegħu? 10 Jien rajt ix-xogħol li Alla ta lill-bnedmin biex iżommhom okkupati. 11 Hu għamel kollox sabiħ* u f’waqtu. Hu saħansitra ta lin-nies ix-xewqa li jgħixu għal dejjem,* imma dawn qatt mhu se jifhmu eżatt* l-affarijiet li għamel l-Alla l-veru.
12 Jien wasalt għall-konklużjoni li m’hemm xejn aħjar għalihom ħlief li jifirħu u jagħmlu dak li hu tajjeb tul ħajjithom. 13 Ukoll li kulħadd jiekol, jixrob, u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes kollu tiegħu. Dan hu rigal mingħand Alla.
14 Jien sirt naf li kulma jagħmel l-Alla l-veru se jibqaʼ għal dejjem. M’hemm xejn xi żżid miegħu u m’hemm xejn xi tnaqqas minnu. L-Alla l-veru għamel kollox b’dan il-mod biex in-nies jirrispettawh ħafna.*
15 Kulma jiġri, diġà ġara, u dak li ġej, diġà sar. Imma l-Alla l-veru se jagħti lin-nies dak li jixxennqu għalih.*
16 Taħt ix-xemx, jien rajt ukoll li minflok il-ġustizzja kien hemm il-ħażen, u minflok is-sewwa, il-ħażen. 17 Allura għedt f’qalbi: “L-Alla l-veru se jiġġudika lill-ġusti u lill-ħżiena, għax hemm żmien għal kull ħaġa li għandha ssir.”
18 F’qalbi għedt ukoll li l-Alla l-veru se jittestja lin-nies u jurihom li huma bħall-annimali, 19 għax bħalma jiġri lin-nies jiġri wkoll lill-annimali. Bħalma jmut wieħed, imut l-ieħor; u kollha għandhom spirtu wieħed. Għalhekk in-nies mhumiex aħjar mill-annimali, għax kollox hu bla sens. 20 Kollha sejrin fl-istess post. Mit-trab magħmulin u trab se jerġgħu jsiru. 21 Min jaf verament jekk l-ispirtu tan-nies jitlax ’il fuq, u jekk l-ispirtu tal-annimali jinżilx fl-art? 22 Jien rajt li m’hemm xejn aħjar milli bniedem jieħu pjaċir b’xogħlu, għax dan hu l-premju* tiegħu. Għax ħadd ma jistaʼ jurih x’se jiġri wara li jmut.
4 Erġajt ikkunsidrajt il-moħqrija kollha li ssir taħt ix-xemx. Rajt id-dmugħ taʼ dawk li jiġu maħqurin, u ma kien hemm ħadd li jinkuraġġihom. Dawk li jaħqruhom kellhom il-qawwa, u għalhekk ma kien hemm ħadd li jinkuraġġihom. 2 U ndunajt li n-nies li kienu diġà mietu huma aħjar minn dawk li għadhom ħajjin. 3 Jerġaʼ dawk li għadhom ma twildux huma aħjar minnhom it-tnejn, għax dawn ma rawx l-affarijiet ħżiena li saru taħt ix-xemx.
4 Rajt ukoll kemm ikun hemm xogħol iebes u tas-sengħa meta jkun hemm il-pika bejn in-nies. Anki dan hu bla sens, qisu ġiri wara r-riħ.
5 L-istupidu joqgħod b’idejh marbutin u jmut bil-ġuħ.*
6 Aħjar ftit mistrieħ milli ħafna xogħol iebes* u ġiri wara r-riħ.
7 Ikkunsidrajt eżempju ieħor t’affarijiet bla sens taħt ix-xemx: 8 Hemm min hu waħdu u m’għandu lil ħadd; la tfal u lanqas aħwa, imma l-ħin kollu jaħdem iebes. Hu dejjem irid iktar ġid. Imma hu ma jistaqsix lilu nnifsu, ‘Għal min qed naħdem iebes u nċaħħad lili nnifsi minn affarijiet tajbin’? Anki dan bla sens u xogħol frustranti.
9 Tnejn aħjar minn wieħed, għax ikollhom premju sabiħ* għax-xogħol iebes tagħhom. 10 Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jgħinu. Imma x’jiġri lil min jaqaʼ u ma jkollux min jgħinu?
11 Iktar minn hekk, jekk tnejn jimteddu ħdejn xulxin huma jżommu sħan, imma wieħed waħdu kif jistaʼ jżomm sħun? 12 Xi ħadd jistaʼ jegħleb lil wieħed waħdu, imma tnejn flimkien jistgħu jiddefendu lilhom infushom kontrih. Ħabel bi tlieta ma jistax jinqataʼ malajr.*
13 Aħjar tifel fqir imma għaref milli re li għandu ż-żmien imma stupidu, li m’għadux jagħti kas it-twissijiet. 14 Għax hu* ħareġ mill-ħabs biex isir re, avolja kien twieled fqir taħt it-tmexxija tar-re li għandu ż-żmien. 15 Jien ikkunsidrajt x’jiġri mill-ħajjin kollha li jimxu taħt ix-xemx u mir-re żagħżugħ li qiegħed minflok ir-re l-ieħor. 16 Għalkemm hemm ħafna li jappoġġawh, dawk li jiġu wara mhux se jieħdu pjaċir bih. Anki dan bla sens, qisu ġiri wara r-riħ.
5 Oqgħod attent kif iġġib ruħek meta tidħol fid-dar tal-Alla l-veru. Ikun aħjar li tmur biex tismaʼ milli biex toffri xi sagrifiċċju bħalma jagħmlu l-istupidi, għax huma ma jafux li dak li qed jagħmlu hu ħażin.
2 Tgħaġġilx biex titkellem u tħallix lil qalbek iġġiegħlek titkellem bla ma taħsibha quddiem l-Alla l-veru. Għax l-Alla l-veru qiegħed fis-sema, imma int qiegħed fuq l-art. Għalhekk, għandek toqgħod attent x’tgħid. 3 Għax il-ħolm jiġi minn ħafna ħsibijiet,* u d-diskors tal-istupidu jiġi minn ħafna kliem. 4 Jekk għamilt wegħda lil Alla, iddumx ma tagħmel bħalma wegħedt, għax hu ma jiħux pjaċir bl-istupidi. Agħmel dak li wegħedt. 5 Ikun aħjar li ma twiegħed xejn milli twiegħed u ma żżommx kelmtek. 6 Tidnibx b’dak li tgħid, u tgħidx quddiem l-anġlu* li dan kien żball. Għala għandek tirrabja ħafna lill-Alla l-veru b’dak li tgħid u b’hekk ikollu jeqred dak li tagħmel? 7 Għax bħalma ħafna ħsibijiet iwasslu għall-ħolm, ħafna kliem iwassal għal affarijiet bla sens. Minflok, irrispetta ħafna lill-Alla* l-veru.
8 Jekk fid-distrett tiegħek tara uffiċjal jaħqar lill-foqra, jikser id-drittijiet tagħhom, u jittrattahom b’inġustizzja, tiħodhiex bi kbira, għax hemm uffiċjal ogħla minnu li qed jinnotah, u terġaʼ hemm oħrajn li għandhom pożizzjoni iktar għolja minn tagħhom.
9 Ukoll, il-qligħ taʼ dak li tipproduċi l-art jinqasam bejniethom kollha; anki l-ikel tar-re jiġi mill-għalqa.
10 Min iħobb il-fidda qatt mhu se jkun sodisfatt bil-fidda, u lanqas min iħobb il-ġid mhu se jkun sodisfatt bil-qligħ. Dan ukoll hu bla sens.
11 Meta jiżdiedu l-affarijiet tajbin, jiżdiedu wkoll dawk li jgawduhom. U x’vantaġġ hemm għas-sid, ħlief li jħares lejhom?
12 Il-qaddej isibha faċli biex jorqod, kemm jekk jiekol ftit u kemm jekk ħafna; imma s-sinjur ma jkunx jistaʼ jorqod minħabba l-ħafna ġid li għandu.
13 Jien rajt dan l-inkwiet* kbir taħt ix-xemx: il-ġid li wieħed refaʼ bi ħsara għalih stess. 14 Dan il-ġid intilef minħabba biċċa xogħol li marret ħażin, u meta dan ikollu tifel, ma jkun għad fadallu xejn x’jagħtih.
15 Bħalma wieħed jitwieled għarwien minn żaqq ommu, hekk se jispiċċa meta jmut. Mhu se jieħu xejn miegħu mix-xogħol iebes kollu tiegħu.
16 Anki dan hu taʼ inkwiet* kbir: Eżatt bħalma ġie se jerġaʼ jmur; u x’se jieħu dak li jibqaʼ jaħdem iebes u jtirlu kollox mar-riħ? 17 Ukoll, hu jiekol kuljum fid-dlam, bi frustrazzjoni kbira, mard, u rabja.
18 Dan rajt li hu sew u xieraq: li wieħed jiekol, jixrob, u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes kollu li tħabat għalih taħt ix-xemx fil-ftit ġranet taʼ ħajja li tah l-Alla l-veru, għax dan hu l-premju* tiegħu. 19 Ukoll, meta l-Alla l-veru jagħti l-ġid u l-affarijiet materjali lill-bniedem, u jippermettilu jgawdihom, dan għandu jaċċetta l-premju* tiegħu u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes li jagħmel. Dan hu rigal mingħand Alla. 20 Hu se jarahom għaddejjin malajr* il-ġranet taʼ ħajtu, għax l-Alla l-veru se jżommu aljenat billi jimlielu qalbu bil-ferħ.
6 Hemm xi ħaġ’oħra taʼ inkwiet* li rajt taħt ix-xemx u din komuni fost il-bnedmin: 2 L-Alla l-veru jagħti l-ġid, l-affarijiet materjali, u l-glorja lil xi ħadd ħalli ma jkun jonqsu xejn minn dak li jixtieq.* Imma l-Alla l-veru ma jħallihx igawdihom, iżda jħalli lil stranġier igawdihom. Dan hu bla sens u taʼ tbatija kbira. 3 Jekk raġel isir missier għal 100 darba, jgħix għal ħafna snin, u jixjieħ, iżda ma jgawdix* l-affarijiet tajbin li għandu qabel ma jmut, ikolli ngħid li tarbija li titwieled mejta hi aħjar minnu. 4 Għax din ġiet għalxejn u mietet fid-dlam, u lanqas isem m’għandha. 5 Għalkemm din qatt ma rat ix-xemx u ma saret taf xejn, xorta hi aħjar* minn dak ir-raġel. 6 X’jiswa li tgħix 2,000 sena u ma tgawdi xejn? Mhux kulħadd fl-istess post sejjer?
7 Ix-xogħol iebes kollu li jagħmel il-bniedem hu biex jimla żaqqu, imma hu qatt ma jixbaʼ. 8 Għax x’vantaġġ għandu l-għaref fuq l-istupidu? Jew x’jieħu l-fqir talli jkun jaf kif ikampa mal-ħajja?* 9 Aħjar tgawdi l-affarijiet li tistaʼ tara milli tixxennaq* għal dak li ma jistax ikollok. Dan ukoll hu bla sens, bħall-ġiri wara r-riħ.
10 Kulma jeżisti, diġà ngħata isem, u l-bniedem sar magħruf x’inhu. Hu ma jistax jiħodha* kontra dak li għandu iktar qawwa minnu. 11 Iktar kemm wieħed jitkellem, iktar jgħid kliem bla sens;* u x’jieħu bniedem minn dan? 12 Min jaf x’inhu l-aħjar li jagħmel bniedem fil-ftit ġranet tal-ħajja bla sens tiegħu, li tgħaddi bħal dell? Għax min jistaʼ jgħidlu x’se jiġri taħt ix-xemx wara li jmut?
7 Li jkollok reputazzjoni tajba* hu aħjar minn żejt prezzjuż, u l-ġurnata taʼ meta wieħed imut hi aħjar minn taʼ meta jitwieled. 2 Aħjar tmur f’dar fejn hemm in-niket minħabba li miet xi ħadd milli f’dar fejn hemm festa, għax kulħadd hekk se jispiċċa. Min hu ħaj għandu jżomm dan f’moħħu. 3 Aħjar l-inkwiet mid-daħq, għax id-dwejjaq jagħmel persuna aħjar.* 4 L-għaref qiegħed fid-dar fejn hemm in-niket minħabba li miet xi ħadd, imma l-istupidu qiegħed fid-dar fejn hemm il-ferħ.*
5 Aħjar tismaʼ l-korrezzjoni taʼ xi ħadd għaref milli tismaʼ t-tifħir* taʼ xi ħadd iblah. 6 Id-daħq tal-iblah hu bħall-ħoss ifaqqaʼ tax-xewk jaqbad taħt il-borma; u dan ukoll hu bla sens. 7 Imma l-moħqrija tistaʼ ġġiegħel lill-għaref jaġixxi taʼ miġnun, u t-tixħim iħassar il-qalb.
8 Aħjar it-tmiem taʼ kwistjoni milli l-bidu tagħha. Aħjar tkun paċenzjuż milli kburi. 9 Tiħux għalik malajr, għax il-boloh jieħdu għalihom.
10 Tgħidx: “Għala l-passat kien aħjar minn issa?” għax ma jkunx għaqli li tistaqsi hekk.
11 Hu tajjeb li xi ħadd għaqli jirċievi wirt, għax l-għarfien hu taʼ vantaġġ għal dawk li huma ħajjin.* 12 Għax l-għerf hu taʼ protezzjoni bħall-flus, imma l-vantaġġ taʼ li wieħed ikollu l-għerf u l-għarfien hu li dawn se jsalvawlu ħajtu.
13 Innota dak li għamel l-Alla l-veru: Min jistaʼ jiddritta dak li hu għamel mgħawweġ? 14 F’ġurnata tajba, kun tajjeb int ukoll, imma f’ġurnata diffiċli,* ftakar li Alla għamilhom it-tnejn li huma biex in-nies ma jkunux jafu* x’se jiġri fil-futur.
15 Matul il-ħajja bla sens tiegħi, jien rajt ħafna affarijiet. Rajt il-ġust imut qabel iż-żmien minkejja li hu ġust u l-ħażin jibqaʼ jgħix minkejja l-ħażen tiegħu.
16 Tkunx ġust iżżejjed jew turi li int għaref wisq. Għala għandek teqred lilek innifsek? 17 Tagħżilx li tagħmel il-ħażin jew li tkun iblah. Għala għandek tmut qabel iż-żmien? 18 Ikun tajjeb li tismaʼ minn dawn iż-żewġ twissijiet. Tirrifjutax waħda minnhom, għax min jirrispetta ħafna lil* Alla jagħti kashom it-tnejn.
19 L-għerf taʼ xi ħadd għaref jagħmlu iktar b’saħħtu minn għaxart irġiel b’saħħithom f’belt. 20 Għax m’hemm ħadd ġust fuq l-art li dejjem jagħmel it-tajjeb u qatt ma jidneb.
21 Ukoll, tagħtix kas kull ħaġa li jgħidu n-nies, inkella jistaʼ jkun li tismaʼ lill-qaddej tiegħek jisħtek.* 22 Għax int stess taf li kemm-il darba sħitt lil oħrajn.
23 Jien eżaminajt dan kollu bl-għerf li għandi u għedt: “Se nsir għaref.” Imma kien wisq diffiċli għalija. 24 In-nies mhumiex kapaċi jifhmu kollox. Hemm affarijiet li huma diffiċli wisq biex tifhimhom. Min jistaʼ jifhem kollox? 25 Jien iddeċidejt li nsir naf, li neżamina, u li nfittex l-għerf u għala saru l-affarijiet. Ukoll li nifhem il-ħażen tal-istupidi u l-bluha taʼ dawk li jaġixxu bil-ġenn. 26 Imbagħad skoprejt li l-mara li hi bħal nassa, li qalbha hi bħal xibka, u li jdejha huma bħall-ktajjen tal-ħabs hi agħar* mill-mewt. Il-wieħed li jogħġob lill-Alla l-veru se jaħrab minnha, imma l-midneb* se jinqabad minnha.
27 “Dan hu li sibt,” jgħid l-għalliem.* “Jien eżaminajt ħaġa wara l-oħra biex nasal għall-konklużjoni, 28 imma għalkemm bqajt infittex,* ma sibtx dak li ridt. Minn 1,000 ruħ sibt raġel ġust, imma mara ġusta ma sibthiex. 29 Dan biss sibt, li l-Alla l-veru għamel lill-bnedmin ġusti, imma dawn għamlu li ppjanaw huma.”
8 Min hu bħar-raġel għaref? Min għandu s-soluzzjoni għal problema?* L-għerf taʼ xi ħadd ikun jidher f’wiċċu u jgħinu jidher ferħan u mhux aħrax.
2 Obdi dak li kkmanda r-re, għax int ħlift quddiem Alla. 3 Tgħaġġilx biex titlaq minn quddiem ir-re. Tiħux sehem f’xi ħaġa ħażina, għax hu jistaʼ jagħmel kulma jogħġbu, 4 u dak li jgħid irid isir. Min jistaʼ jgħidlu: “X’qed tagħmel?”
5 Min jobdi l-kmandamenti ma jiġrilu xejn ħażin, u min hu għaref se jkun jaf meta u kif għandu jaġixxi. 6 In-nies għandhom ħafna problemi, imma hemm ħin u mod xieraq kif tieħu ħsieb kull kwistjoni. 7 Ħadd ma jaf x’se jiġri, aħseb u ara kif se jiġri!
8 Bħalma l-ebda bniedem m’għandu l-qawwa fuq l-ispirtu* jew jistaʼ jikkontrollah, ħadd m’għandu l-qawwa fuq jum il-mewt. Bħalma l-ebda suldat ma jingħata permess jitlaq matul gwerra, il-ħażen ma jħallix lil dawk li jagħmluh jaħarbu mill-konsegwenzi.*
9 Jien rajt dan kollu u kkunsidrajt kull xogħol li sar taħt ix-xemx. Matul iż-żmien kollu li l-bniedem mexxa fuq bniedem, dan ġab it-tbatija.* 10 Jien rajt lill-ħżiena jindifnu. Dawn kienu jidħlu u joħorġu fil-post qaddis, imma huma malajr intesew fil-belt fejn kienu jaġixxu b’dan il-mod. Anki dan hu bla sens.
11 Meta n-nies idumu ma jiġu kkastigati minħabba l-ħażen li jagħmlu, isiru iktar determinati li jagħmluh. 12 Għalkemm midneb* jistaʼ jagħmel il-ħażen għal 100 darba u xorta jgħix fit-tul, jien naf li dawk li jirrispettaw ħafna lill-Alla* l-veru se jaħbtilhom tajjeb. 13 Imma l-ħażin mhux se jaħbatlu tajjeb u lanqas se jtawwal ħajtu li hi bħal dell, għax hu ma jirrispettax lil* Alla.
14 Hemm xi ħaġ’oħra bla sens li ssir fuq l-art: Hemm nies sewwa li jiġu ttrattati bħallikieku aġixxew bil-ħażen, u hemm nies ħżiena li jiġu ttrattati bħallikieku aġixxew b’mod ġust. Ikolli ngħid li anki dan hu bla sens.*
15 Għalhekk nagħti parir lin-nies biex igawdu l-ħajja, għax m’hemm xejn aħjar għal bniedem taħt ix-xemx ħlief li jiekol, jixrob, u jifraħ. Hu għandu jagħmel dan hekk kif jaħdem iebes matul il-ħajja li l-Alla l-veru tah taħt ix-xemx.
16 Kont determinat li jkolli l-għerf u nara kull ħaġa* li ssir fid-dinja, u spiss ma kellix ċans norqod, lanqas billejl.* 17 Imbagħad ikkunsidrajt ix-xogħol kollu tal-Alla l-veru, u ndunajt li n-nies ma jistgħux jifhmu dak li jiġri taħt ix-xemx. Jipprovaw kemm jipprovaw ma jistgħux jifhmu. Anki dawk li jgħidu li huma għorrief u li jafu dan kollu, ma jistgħux jifhmuh verament.
9 Għalhekk, jien ħsibt dwar dan kollu u wasalt għall-konklużjoni li l-ġust u l-għaref, kif ukoll dak li jagħmlu, huma f’idejn l-Alla l-veru. In-nies ma jafux dwar l-imħabba u l-mibegħda li ntwerew qabilhom. 2 Kulħadd l-istess se jispiċċa, il-ġust u l-ħażin, it-tajjeb u l-qaddis u min mhux qaddis, u dawk li jagħmlu s-sagrifiċċji u dawk li ma jagħmluhomx. It-tajjeb hu l-istess bħal dak li jidneb u min jaħlef hu l-istess bħal dak li joqgħod attent qabel ma jaħlef. 3 Din hi xi ħaġa taʼ dwejjaq li tiġri taħt ix-xemx: Peress li kulħadd se jispiċċa l-istess, in-nies moħħhom biex jagħmlu l-ħażen; u jibqgħu jaħsbu dwar affarijiet taʼ bluha tul ħajjithom, u mbagħad imutu!*
4 Kull min hu ħaj għandu tama, għax kelb ħaj hu aħjar minn iljun mejjet. 5 Għax il-ħajjin jafu* li se jmutu, imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn, u mhu se jieħdu xejn,* għax huma ġew minsijin. 6 Ukoll, l-imħabba, il-mibegħda, u l-għira tagħhom diġà sparixxew, u huma ma jiħdux iktar sehem f’dak li jiġri taħt ix-xemx.
7 Mur, gawdi l-ikel tiegħek, u ixrob l-inbid tiegħek bil-ferħ, għax l-Alla l-veru ħa pjaċir b’dak li għamilt. 8 Jalla l-ħwejjeġ tiegħek dejjem ikunu bojod,* u dejjem titfaʼ ż-żejt fuq rasek. 9 Gawdi l-ħajja mal-maħbuba martek tul il-ħajja kollha li Alla tak fuq l-art, matul il-ħajja bla sens kollha tiegħek, għax dak hu l-premju* li tieħu għax-xogħol iebes li titħabat għalih taħt ix-xemx. 10 Kulma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha, għax fil-Qabar* fejn int sejjer la hemm xogħol, la ppjanar, la għarfien, u lanqas għerf.
11 Rajt xi ħaġa oħra taħt ix-xemx: il-ħfief mhux dejjem jirbħu t-tellieqa, dawk b’saħħithom mhux dejjem jirbħu l-battalja, l-għorrief mhux dejjem ikollhom x’jieklu, l-intelliġenti mhux dejjem ikollhom il-ġid, u dawk li għandhom l-għarfien mhux dejjem jirnexxu, għax żmien taʼ inkwiet u affarijiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd. 12 Għax in-nies ma jafux meta se tiġrilhom xi ħaġa kerha. Bħalma l-ħut jinqabad f’xibka qerrieda, u l-għasafar f’nassa, in-nies jinqabdu fi żmien taʼ diżastru* meta jiġi fuqhom f’daqqa.
13 Ukoll, innotajt dan l-eżempju impressjonanti dwar l-għerf taħt ix-xemx: 14 Kien hemm belt żgħira bi ftit irġiel fiha, u re b’saħħtu mar kontriha, dawwarha, u bena strutturi tal-assedju kontriha. 15 Fiha kien hemm raġel fqir imma għaref, u dan salva l-belt bl-għerf tiegħu. Imma ħadd ma ftakru lil dan ir-raġel fqir. 16 U għedt bejni u bejn ruħi: “Li jkollok l-għerf hu aħjar milli jkollok il-qawwa; imma n-nies imaqdruh l-għerf taʼ raġel fqir u ma jobdux kliemu.”
17 Aħjar tismaʼ mill-kliem li l-għaref jgħid b’mod kalm milli mill-għajjat taʼ wieħed li jmexxi fost il-boloh.
18 L-għerf hu aħjar mill-armi tal-gwerra, imma midneb wieħed* jistaʼ jeqred ħafna affarijiet tajbin.
10 Bħalma d-dubbien mejjet iħassar żejt ifuħ u jagħmlu jinten, hekk ftit bluha tħassar ir-reputazzjoni taʼ xi ħadd li hu meqjus għaref u li hu rrispettat.
2 Qalb l-għaref tmexxih fit-triq it-tajba,* imma qalb l-iblah tmexxih fit-triq il-ħażina.* 3 Jimxi f’liema triq jimxi, l-iblah m’għandux sens f’moħħu,* u juri lil kulħadd li hu iblah.
4 Jekk mexxej jirrabja miegħek, titlaqx minn fejn tkun, għax il-kalma tnaqqas dnubiet kbar.
5 Hemm xi ħaġa taʼ dwejjaq li rajt taħt ix-xemx, żball li jagħmlu n-nies fl-awtorità: 6 In-nies boloh jingħataw ħafna pożizzjonijiet għoljin, imma n-nies kapaċi* jibqgħu f’pożizzjonijiet baxxi.
7 Jien rajt qaddejja rekbin fuq iż-żwiemel imma kbarat mexjin bħal qaddejja.
8 Min iħaffer ħofra jistaʼ jaqaʼ fiha u min iwaqqaʼ ħajt tal-ġebel jistaʼ jingidem minn serp.
9 Min jaqtaʼ l-ġebel jistaʼ jweġġaʼ bih u min jaqsam iz-zkuk jistaʼ jkun fil-periklu.*
10 Jekk għodda tal-ħadid ma tibqax taqtaʼ u wieħed ma jsinnhiex, se jkollu bżonn jagħmel ħafna iktar sforz. Imma l-għerf jgħin biex persuna jkollha suċċess.
11 Jekk is-serp jigdem qabel ma jiġi kkontrollat mis-saħħar, għalxejn ikun hemm is-saħħar tas-sengħa.*
12 Il-kliem tal-għaref hu pjaċevoli, imma dak li jgħid l-istupidu se jeqirdu. 13 L-ewwel kliem li jgħid hu bluha, u l-aħħar kliem li jgħid hu ġenn li jġib diżastru. 14 Imma l-iblah jibqaʼ jparla.
Il-bniedem ma jafx x’se jiġri. Min jistaʼ jgħidlu dwar l-affarijiet li se jiġru wara li jmut?
15 Ix-xogħol iebes tal-istupidu jgħejjih, għax hu lanqas biss jaf kif jasal il-belt.
16 Kemm ikun ħażin għall-pajjiż meta r-re tiegħu jkun għadu tifel u l-kbarat jibdew jiffesteġġaw minn filgħodu! 17 Kemm ikun sabiħ għall-pajjiż meta r-re jkun it-tifel tan-nobbli, u l-kbarat jieklu u jixorbu fil-ħin li suppost biex ikunu b’saħħithom, u mhux biex jiskru!
18 Meta xi ħadd ikun għażżien ħafna, it-travi tal-injam jaqgħu, u minħabba li ma jagħmel xejn, is-saqaf iqattar.
19 L-ikel jagħmillek burdata tajba* u l-inbid jagħmel il-ħajja pjaċevoli, imma l-flus jissodisfaw il-bżonnijiet kollha.
20 Tisħitx lir-re, lanqas fil-ħsibijiet tiegħek,* u tisħitx* lis-sinjur fil-kamra tas-sodda tiegħek, għax għasfur* jistaʼ jwassal dak li għedt* jew għasfur żgħir jistaʼ jirripeti kliemek.
11 Waddab* il-ħobż tiegħek fl-ilmijiet, għax wara ħafna ġranet se terġaʼ ssibu. 2 Aqsam minn dak li għandek maʼ sebaʼ min-nies jew anki tmienja, għax ma tafx x’diżastru* jistaʼ jinqalaʼ fuq l-art.
3 Jekk is-sħab ikun mimli bl-ilma, tagħmel ix-xita fuq l-art; u jekk siġra taqaʼ lejn in-Nofsinhar jew it-Tramuntana, hemm se tibqaʼ.
4 Min joqgħod għassa tar-riħ ma jiżrax u min joqgħod iħares lejn is-sħab ma jaħsadx.
5 Bħalma ma tafx kif l-ispirtu jkabbar l-għadam taʼ tarbija f’żaqq mara tqila, int ma tafx dak li jagħmel l-Alla l-veru, li jagħmel kollox.
6 Iżraʼ ż-żerriegħa filgħodu u ibqaʼ għaddej sa filgħaxija, għax ma tafx liema waħda se tikber, jekk hux waħda jew l-oħra, jew jekk hux it-tnejn li huma.
7 Id-dawl hu pjaċevoli, u huwa tajjeb li persuna tara x-xemx. 8 Jekk bniedem jgħix ħafna snin, ħa jgawdihom kollha. Imma għandu jiftakar li jistaʼ jkollu ħafna ġranet tad-dwejjaq. Dak li ġej kollu bla sens.
9 Żagħżugħ, ifraħ waqt li għadek żgħir u kun ferħan f’żgħożitek. Agħmel dak li tixtieq qalbek u stinka għall-affarijiet li tara sbieħ f’għajnejk, imma kun af li l-Alla l-veru se jiġġudikak* għal dan kollu. 10 Għalhekk, neħħi dak li jinkwetak minn qalbek u warrab l-affarijiet taʼ ħsara minn ġismek, għax iż-żgħożija u l-aqwa żmien taʼ ħajtek huma bla sens.
12 Għalhekk, ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’żgħożitek, qabel ma jasal żmien taʼ inkwiet u jaslu s-snin li dwarhom tgħid: “Ma jogħġbuni xejn”; 2 qabel ma jiddallmu x-xemx, id-dawl, il-qamar, u l-istilel, u jerġaʼ jissaħħab wara x-xita;* 3 qabel ma l-għassiesa tad-dar jibdew jirtogħdu, l-irġiel b’saħħithom jitgħawġu, in-nisa ma jibqgħux jitħnu għax saru ftit, u n-nisa li jittawlu mit-twieqi jaraw id-dlam; 4 qabel ma l-bibien li jagħtu għat-triq jingħalqu, jitbaxxa l-ħoss tal-mitħna, tqum kif tismaʼ l-ħoss t’għasfur, u l-bniet kollha jkantaw b’leħen baxx. 5 Ukoll, qabel ma tibda tibżaʼ mill-għoli u tinkwieta dwar il-periklu fit-triq; qabel ma s-siġra tal-lewż tagħmel il-fjuri, il-ġurat jitkaxkar, u l-kappar jinfaqaʼ, għax il-bniedem miexi lejn id-dar fejn se jistrieħ għal żmien twil, u dawk li jibkuh iduru fit-triq; 6 qabel ma jitneħħa l-ħabel tal-fidda, titkisser l-iskutella tad-deheb, titfarrak il-ġarra li qiegħda ħdejn l-għajn, u titkisser it-taljola li ttellaʼ l-ilma mill-bir. 7 Imbagħad it-trab jerġaʼ jmur lura lejn l-art minn fejn ġie, u l-ispirtu* jerġaʼ jmur lura għand l-Alla l-veru li tah lill-bnedmin.
8 “Vera bla sens!”* jgħid l-għalliem.* “Kollox bla sens.”
9 Apparti li l-għalliem sar għaref, hu kompla jgħallem lin-nies dak li jaf, u mmedita u għamel tfittxija bir-reqqa biex jiġbor* ħafna proverbji. 10 L-għalliem ipprova jsib kliem pjaċevoli u jikteb dak li hu eżatt u veru.
11 Il-kliem tal-għorrief hu bħal niggieża tal-barrin, u l-proverbji magħżulin tagħhom huma bħal imsiemer imsammrin; dawn ingħataw minn ragħaj wieħed. 12 Ibni, dwar kull ħaġa oħra apparti dawn, jien inwissik: Se jinkitbu ħafna kotba, tqattax wisq ħin taqrahom, għax tispiċċa tegħja.
13 Wara li ntqal dan kollu, il-konklużjoni hi: Irrispetta ħafna lill-Alla* l-veru u obdi l-kmandamenti tiegħu. Dawn huma l-iktar affarijiet importanti għall-bniedem. 14 Għax l-Alla l-veru se jiġġudika kull ħaġa li jagħmlu n-nies, anki dak li hu moħbi, biex jara jekk hux tajba jew ħażina.
Il-kelma bl-Ebrajk letteralment tirreferi għal xi ħadd li jiġbor flimkien in-nies.
Jew “frugħa.”
Jew “Kull sforz hu għalxejn.”
L-espressjoni “taħt ix-xemx” f’dan il-ktieb tal-Bibbja tfisser “f’din id-dinja.”
Letteralment “tibqaʼ wieqfa.”
Jew “tiddi.”
Jew “tmur lura bla nifs.”
Jew “Il-widien.”
Jew “propjetà speċjali.”
Letteralment “Kulma talbu għajnejja.”
Jew “is-sehem.”
Jew “taʼ vantaġġ.”
Jew “sehmu.”
Jew “diżastru kbir.”
Letteralment “u talli qalbu qed tistinka biex.”
Jew “li jagħmel id-dnub.”
Letteralment “taqbeż.”
Jew “tajjeb; adattat.”
Letteralment “poġġielhom l-eternità f’qalbhom.”
Letteralment “mill-bidu sat-tmiem.”
Letteralment “jibżgħu minnu.”
Jew forsi “se jfittex dak li għadda.”
Jew “is-sehem.”
Letteralment “jiekol laħmu stess.”
Letteralment “id bil-mistrieħ milli żewġ idejn b’xogħol iebes.”
Jew “iktar benefiċċji.”
Jew “faċilment.”
Jistaʼ jkun qed jirreferi għat-tifel għaref.
Jew “ansjetajiet.”
Jew “il-messaġġier.”
Letteralment “ibżaʼ mill-Alla.”
Jew “id-diżastru.”
Jew “diżastru.”
Jew “is-sehem.”
Jew “is-sehem.”
Jew “bilkemm se jiftakarhom.”
Jew “diżastruża.”
Jew “ruħu ma jkun jonqosha xejn.”
Jew “ruħu ma tgawdix.”
Letteralment “għandha iktar mistrieħ.”
Letteralment “kif jimxi quddiem il-ħajjin.”
Jew “ruħek tixxennaq.”
Jew “jiddefendi l-każ tiegħu.”
Jew forsi “Iktar ma jkun hemm affarijiet, iktar ikun hemm frugħa.”
Jew “isem tajjeb.” Letteralment “isem.”
Letteralment “id-dwejjaq tal-wiċċ jagħmel il-qalb aħjar.”
Jew “ix-xalar.”
Letteralment “l-għanja.”
Letteralment “li jaraw ix-xemx.”
Jew “taʼ inkwiet.”
Jew “ma jkunux ċerti.”
Letteralment “jibżaʼ minn.”
Jew “jitkellem ħażin dwarek.”
Letteralment “iktar morra.”
Jew “dak li jagħmel id-dnub.”
Il-kelma bl-Ebrajk letteralment tirreferi għal xi ħadd li jiġbor flimkien in-nies.
Jew “ruħi baqgħet tfittex.”
Jew “jaf ifisser xi ħaġa?”
Jew “in-nifs; ir-riħ.”
Jew forsi “l-ħażen tagħhom ma jistax jeħles il-ħażin.”
Jew “ħsara għalih.”
Jew “dak li jagħmel id-dnub.”
Letteralment “jibżgħu mill-Alla.”
Letteralment “ma jibżax minn.”
Jew “frustranti.”
Jew “kull xogħol.”
Jew forsi “u li n-nies ma jorqdux, la billejl u lanqas binhar.”
Letteralment “u wara jingħaqdu mal-mejtin!”
Jew “huma konxji.”
Jew “l-ebda ħlas.”
Jiġifieri ħwejjeġ taʼ kulur jgħajjat li jirriflettu burdata tajba, u mhux ħwejjeġ taʼ vistu.
Jew “is-sehem.”
Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “inkwiet.”
Jew “bniedem wieħed li jagħmel id-dnub.”
Letteralment “hi fuq il-lemin tiegħu.”
Letteralment “hi fuq ix-xellug tiegħu.”
Jew “għandu qalbu belha.”
Letteralment “sinjuri.”
Jew forsi “għandu joqgħod attent.”
Letteralment “is-sid tal-ilsien.”
Jew “Il-ħobż hu għad-daħq.”
Jew forsi “fuq is-sodda tiegħek.”
Jew “titkellimx ħażin dwar.”
Letteralment “ħliqa li ttir fis-sema.”
Jew “il-messaġġ.”
Jew “Ibgħat.”
Jew “x’inkwiet.”
Jew “jitlob kont minnek.”
Jew forsi “max-xita.”
Jew “il-forza tal-ħajja.”
Jew “frugħa.”
Il-kelma bl-Ebrajk letteralment tirreferi għal xi ħadd li jiġbor flimkien in-nies.
Jew “jirranġa f’ordni.”
Letteralment “Ibżaʼ mill-Alla.”