LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Għanja ta’ Salamun 1:1-8:14
  • Għanja taʼ Salamun

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għanja taʼ Salamun
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Għanja taʼ Salamun

L-GĦANJA TAʼ SALAMUN

1 L-għanja tal-għanjiet,* li hi taʼ Salamun:

 2 “Busni, busni b’xofftejk,

Għax l-espressjonijiet taʼ mħabba tiegħek huma aħjar mill-inbid.

 3 Iż-żjut li tuża jfuħu.

Ismek hu bħal żejt li jfuħ u li jitferraʼ.

Għalhekk iħobbuk it-tfajliet.

 4 Ħudni miegħek;* ejja naħarbu,

Għax ir-re daħħalni fil-kmamar taʼ ġewwa tiegħu.

Ejja nifirħu flimkien.

Ejja nitkellmu dwar l-espressjonijiet taʼ mħabba tiegħek li huma aħjar mill-inbid.

Mhux taʼ b’xejn li jħobbuk.*

 5 “Nisa taʼ Ġerusalemm, jien samra* imma gustuża,

Jien bħat-tined taʼ Kedar u bħad-drapp tat-tinda taʼ Salamun.

 6 Tiċċassawx lejja għax jien samra,

Għax ħaditni x-xemx.

Ħuti s-subien kienu rrabjati miegħi;

Qabbduni nieħu ħsieb l-għelieqi tad-dwieli,

Imma l-għalqa tad-dwieli tiegħi ma ħadtx ħsiebha.

 7 “Għidli, ragħaj tiegħi li jien* tant inħobb,

Fejn tiħodha tiekol il-merħla tiegħek

U fejn tiħodha tistrieħ f’nofsinhar?

Għidli, ħalli ma noqgħodx indur bejn l-imrieħel taʼ sħabek

B’wiċċi mgħotti b’velu.”*

 8 “L-isbaħ waħda fost in-nisa, jekk ma tafx fejn hu,

Mur minn fejn għaddiet il-merħla

U irgħa l-gidjien tiegħek ħdejn it-tined tar-ragħajja.”

 9 “Għażiża tiegħi, int bħal debba* sabiħa fost il-karrijiet tal-Fargħun.

10 Il-wardiet taʼ wiċċek huma sbieħ bl-imsielet,*

Għonqok sabiħ bil-ġiżirana taż-żibeġ.

11 Se nagħmlulek ġojjelli* tad-deheb

B’żibeġ tal-fidda.”

12 “Waqt li r-re qiegħed mal-mejda tonda tiegħu,

Il-fwieħa* tiegħi tħalli r-riħa tfuħ tagħha.

13 L-għażiż tiegħi għalija hu bħal borża tal-mirra tfuħ

U li billejl tkun bejn sidri.

14 L-għażiż tiegħi għalija hu bħal bukkett tal-fjuri tal-ħenna,

Fost l-għelieqi tad-dwieli t’Għajn-gedi.”

15 “Kemm int sabiħa, għażiża tiegħi!

Kemm int sabiħa! Għajnejk huma bħal tal-ħamiem.”

16 “Kemm int sabiħ* u ħelu, għażiż tiegħi!

Is-sodda tagħna hi magħmula minn ħaxix aħdar.

17 It-travi tad-dar* tagħna huma taċ-ċedri,

U s-saqaf tagħna magħmul mis-siġar tal-ġnibru.

2 “Jien sempliċi fjura taż-żagħfran ta’ ħdejn il-baħar,

Ġilju tal-widien.”

 2 “Il-maħbuba tiegħi fost it-tfajliet

Hi bħal ġilju qalb ix-xewk.”

 3 “L-għażiż tiegħi fost il-ġuvintur

Hu bħal siġra tat-tuffieħ qalb is-siġar tal-foresta.

Jien nixtieq ħafna li nkun bilqiegħda fid-dell tiegħu,

Li nkun miegħu qisni qed induq frotta ħelwa.

 4 Hu daħħalni fid-dar fejn jagħmel ikliet kbar,*

U kulħadd setaʼ jara li jħobb lili.

 5 Agħtuni ċapep taż-żbib u tuffieħ,

Ħalli nħossni aħjar u nerġaʼ nissaħħaħ,

Għax qed inħossni dgħajfa tant kemm inħobbu.

 6 Idu x-xellugija qiegħda taħt rasi,

U b’idu l-leminija qed jgħannaqni.

 7 Tfajliet taʼ Ġerusalemm, jien qed inġegħelkom taħilfu

Bl-għażżiela u biċ-ċerva,

Biex ma tipprovawx tqanqlu fija mħabba li ma teżistix.

 8 “Qed nismaʼ lill-għażiż tiegħi ġej.

Hemm hu, tielaʼ fuq il-muntanji u jaqbeż fuq l-għoljiet.

 9 L-għażiż tiegħi qisu għażżiela u ċerv żgħir.

Hemm qiegħed, bilwieqfa wara l-ħajt tagħna.

Hu qed iħares mit-twieqi,

Jittawwal mill-istrixxi msallbin tagħha.

10 L-għażiż tiegħi jgħidli:

‘Ejja, maħbuba tiegħi,

Ejja miegħi, sabiħa tiegħi.

11 Ix-xitwa għaddiet.

Ix-xita waqfet u mhux se tagħmel iktar.

12 Is-siġar tal-kampanja qed joħorġu l-fjuri,

Wasal iż-żmien biex id-dwieli jinżabru,

U fil-pajjiż tagħna qed jinstemaʼ l-gamiem.

13 It-tin bikri qabad isir;

Id-dwieli qed jarmu u jagħmlu riħa tfuħ.

Ejja maħbuba tiegħi,

Ejja miegħi, sabiħa tiegħi.

14 Ħamiema tiegħi li qiegħda fil-kenn tal-blat,

Fil-postijiet moħbijin tal-irdum,

Ħallini narak u nisimgħek,

Għax nieħu gost nismaʼ leħnek u d-dehra tiegħek sabiħa.’”

15 “Aqbdulna l-volpijiet,

Il-volpijiet iż-żgħar li qed jagħmlu l-ħsara l-għelieqi tad-dwieli,

Għax id-dwieli tagħna qed jarmu.”

16 “L-għażiż tiegħi hu tiegħi, u jien tiegħu.

Hu qed jirgħa l-merħla qalb il-ġilji.

17 Għażiż tiegħi, ejja lura malajr għandi,

Qabel ma jonfoħ ir-riħ u jitlaq id-dell.

Aqsam il-muntanji li qed jisseparawna* bħall-għażżiela jew ċerv żgħir.

3 “Matul l-iljieli, fuq is-sodda tiegħi kont naħseb

Dwar il-wieħed li nħobb.*

Xtaqt ħafna li narah, imma ma kienx hemm.

 2 Ħa nqum u mmur indur fil-belt;

Ħa nfittex lil dak li nħobb.*

Fit-toroq u fil-pjazez,

Għalkemm fittixtu, ma stajtx insibu.

 3 L-għassiesa li kienu qed iduru mal-belt rawni.

Jien staqsejthom, ‘Ma rajtux lil dak li nħobb,* hux?’

 4 Jien sibt lil dak li nħobb*

Ftit wara li tlaqt minn ħdejhom.

Jien qbadt miegħu, u ma ridtx nitilqu

Sakemm indaħħlu fid-dar t’ommi,

Fil-kamra taʼ ġewwa taʼ dik li wellditni.

 5 Tfajliet taʼ Ġerusalemm, jien qed inġegħelkom taħilfu

Bl-għażżiela u biċ-ċerva

Biex ma tipprovawx tqanqlu fija mħabba li ma teżistix.”

 6 “X’inhu dak li tielaʼ fid-deżert qisu kolonni tad-duħħan,

B’riħa tal-mirra u l-inċens abjad,

U b’kull tip taʼ fwieħa li jbigħ negozjant?”

 7 “Ara, dak is-sufan taʼ Salamun!

Madwaru hemm 60 raġel b’saħħtu

Mill-irġiel b’saħħithom t’Iżrael.

 8 Kollha kemm huma armati bix-xabla

U ttrennjati għall-gwerra.

Kull wieħed minnhom għandu xabla fuq ġenbu

Biex jipproteġi lir-re mill-perikli taʼ matul il-lejl.

 9 “Dak is-sufan* irjali tar-Re Salamun,

Li għamel għalih innifsu mis-siġar tal-Libanu.

10 Il-kolonni ta’ miegħu għamilhom tal-fidda,

U maʼ xiex iserraħ għamlu tad-deheb.

Fejn joqgħod bilqiegħda kien magħmul minn suf vjola,

U minn ġewwa kien imżejjen bi mħabba

Mit-tfajliet taʼ Ġerusalemm.”

11 “Tfajliet taʼ Sijon,

Morru araw lir-Re Salamun

Liebes il-kuruna tat-tieġ* li għamlitlu ommu

Dakinhar li żżewweġ,

Fil-ġurnata li feraħ ħafna.”

4 “Kemm int sabiħa, għażiża tiegħi!

Kemm int sabiħa!

Għajnejk huma bħal tal-ħamiem, taħt il-velu tiegħek.

Xagħrek hu bħal merħla mogħoż

Li nieżla mal-muntanji taʼ Gilegħad.

 2 Snienek huma bojod u sbieħ,

Huma bħal merħla nagħaġ li għadhom kemm ġew imqaxxrin u maħsulin.

Kollha kemm huma għandhom waħda taqbel magħhom

U m’hemmx waħda weħidha.

 3 Xofftejk huma bħal ħajta b’kulur aħmar jgħajjat,

U dak li tgħid hu pjaċevoli.

Il-wardiet taʼ wiċċek huma*

Bħal flieli taʼ rummiena taħt il-velu tiegħek.

 4 Għonqok hu bħat-torri taʼ David,

Li hu mibni b’filati tal-ġebel.

Miegħu hemm imdendlin 1,000 tarka,

It-tarki tondi kollha tal-irġiel b’saħħithom.

 5 Sidrek qisu żewġt ifrieħ tewmin t’għażżiela,*

Li jieklu qalb il-ġilji.”

 6 “Jien se nitlaʼ fuq il-muntanja tal-mirra

U l-għolja tal-inċens abjad

Qabel ma jonfoħ ir-riħ u jitlaq id-dell.”

 7 “Maħbuba tiegħi, kollok kemm int sabiħa,

M’hemmx difett fik.

 8 Ejja miegħi mil-Libanu, għarusa tiegħi,

Ejja miegħi mil-Libanu.

Inżel minn fuq il-quċċata tal-Amana,*

Minn fuq il-quċċata tas-Senir u tal-Ħermon,

Minn fejn jgħixu l-iljuni, u mill-muntanji tal-leopardi.

 9 Sraqtli qalbi, oħti, għarusa tiegħi,

Int sraqtli qalbi b’ħarsa waħda,

B’pendent wieħed tal-ġiżirana tiegħek.

10 Kemm huma sbieħ l-espressjonijiet tal-imħabba tiegħek, oħti, għarusa tiegħi!

L-espressjonijiet tal-imħabba tiegħek huma ħafna aħjar mill-inbid,

Ir-riħa tfuħ tal-fwieħa tiegħek tfuħ iktar minn kull tip taʼ ħwawar!

11 Għarusa tiegħi, xofftejk iqattru għasel pur.

Taħt ilsienek hemm għasel u ħalib.

U r-riħa tfuħ tal-ħwejjeġ tiegħek hi bħal dik tal-Libanu.

12 Oħti, għarusa tiegħi, int bħal ġnien imsakkar,

Ġnien imsakkar u għajn tal-ilma magħluqa.

13 Int bħal siġar fi ġnien li l-friegħi tagħhom mimlijin rummien,*

Bl-aqwa rummien u pjanti tal-ħenna u tal-ispikonardu,

14 L-ispikonardu u ż-żagħfran, il-qasab aromatiku u l-kannella,

Kull tip taʼ siġar tal-inċens abjad, tal-mirra u tas-sabbara,

U l-aqwa fwejjaħ.

15 Int bħal għajn tal-ilma fi ġnien, bir b’ilma ġieri,

U xmara li tiġi mil-Libanu.

16 Riħ mit-Tramuntana, qum;

Riħ min-Nofsinhar, idħol.

Onfħu b’ġentilezza fuq il-ġnien tiegħi.

Ħa tinfirex ir-riħa tfuħ tiegħu.”

“Ħa jiġi l-għażiż tiegħi

U jiekol fil-ġnien tiegħu l-aqwa frott.”

5 “Oħti, għarusa tiegħi,

Jien dħalt fil-ġnien tiegħi,

Qtajt mill-mirra u l-ħwawar tiegħi.

Kilt l-għasel tiegħi mill-bejta tan-naħal;

Xrobt l-inbid u l-ħalib tiegħi.”

“Kulu, għeżież ħbieb!

Ixorbu u iskru bl-espressjonijiet taʼ mħabba.”

 2 “Jien rieqda, imma qalbi mqajma.

Qed nismaʼ lill-għażiż tiegħi jħabbat u jgħid:

‘Iftaħli, oħti, maħbuba tiegħi,

Ħamiema bla difett tiegħi!

Għax rasi mxarrba bin-nida

U xagħri għasra bl-umdità tal-lejl.ʼ

 3 Jien neħħejt il-libsa.

Nerġaʼ nilbisha?

Ħsilt saqajja.

Nerġaʼ nħammiġhom?

 4 L-għażiż tiegħi neħħa idu minn fuq it-toqba tal-bieb,

Jien xtaqt ħafna li nkun miegħu.

 5 Jien qomt biex niftaħ lill-għażiż tiegħi;

Idejja kienu qed iqattru l-mirra

U subgħajja ż-żejt tal-mirra,

Fuq il-pum tas-serratura.

 6 Jien ftaħt lill-għażiż tiegħi,

Imma ma kienx għadu hemm, kien diġà telaq.

Ħassejtni* ddisprata meta telaq.*

Fittixtu, imma ma sibtux.

Għajjattlu, imma ma wiġibnix.

 7 L-għassiesa li kienu qed iduru mal-belt sabuni.

Huma sawtuni u weġġgħuni.

L-għassiesa tas-swar ħaduli l-velu.*

 8 Tfajliet taʼ Ġerusalemm, jien qed inġegħelkom taħilfu

Li jekk issibu l-għażiż tiegħi,

Tgħidulu li qed inħossni dgħajfa tant kemm inħobbu.”

 9 “L-għażiż tiegħek kif inhu aħjar mill-irġiel l-oħra,

L-isbaħ waħda fost in-nisa?

L-għażiż tiegħek kif inhu aħjar mill-irġiel l-oħra,

Biex qed iġġegħelna naħilfu dan?”

10 “L-għażiż tiegħi hu gustuż u ruxxan;

Hu jispikka fost 10,000.

11 Rasu sabiħa bħad-deheb, bħall-aqwa deheb.

Xagħru qisu friegħi tal-palm fir-riħ*

U iswed bħaċ-ċawlun.

12 Għajnejh bħal ħamiem ħdejn nixxigħat tal-ilma,

Li qed jinħaslu fil-ħalib

U qegħdin bilqiegħda ħdejn għadira ilma.*

13 Il-wardiet taʼ wiċċu huma bħal ġnien miżrugħ bil-ħwawar

U b’ħafna ħxejjex ifuħu.

Xofftejh huma bħal ġilji u jqattru ż-żejt tal-mirra.

14 Is-swabaʼ taʼ jdejh huma tad-deheb u d-dwiefer tal-krisolitu.

Żaqqu hi tal-avorju jleqq miksi biż-żaffir.

15 Saqajh huma kolonni tal-irħam fuq pedestalli tal-aqwa deheb.

Hu sabiħ bħal-Libanu, u ma jitqabbel maʼ xejn, bħas-siġar taċ-ċedri.

16 Ħalqu ħelu bħall-għasel,

U kollox jogħġobni fih.

Dan hu l-għażiż tiegħi u dan hu l-maħbub tiegħi, tfajliet taʼ Ġerusalemm.”

6 “Fejn qiegħed l-għażiż tiegħek,

L-isbaħ waħda fost in-nisa?

Fejn mar?

Ejja ħa nfittxuh miegħek.”

 2 “L-għażiż tiegħi niżel fil-ġnien tiegħu,

Fejn għandu l-pjanti tal-ħwawar miżrugħin,

Biex jirgħa l-merħla fil-ġonna,

U jaqtaʼ l-ġilji.

 3 Jien tal-għażiż tiegħi,

U l-għażiż tiegħi hu tiegħi.

Hu qed jirgħa l-merħla qalb il-ġilji.”

 4 “Maħbuba tiegħi, int sabiħa daqs Tirsa,*

Ħelwa daqs Ġerusalemm,

U impressjonanti daqs l-armati mdawrin mal-bnadar tagħhom.

 5 Meta tħares lejja, tħawwadni.

Xagħrek hu bħal merħla mogħoż

Li nieżla mal-għoljiet taʼ Gilegħad.

 6 Snienek huma bojod u sbieħ.

Huma bħal merħla nagħaġ li għadhom kemm ġew maħsulin.

Kollha kemm huma għandhom waħda taqbel magħhom

U m’hemmx waħda waħedha.

 7 Il-wardiet taʼ wiċċek huma*

Bħal flieli taʼ rummiena taħt il-velu tiegħek.

 8 Hemm 60 reġina,

80 konkubina,

U ammont kbir taʼ tfajliet,

 9 Imma waħda biss hi l-ħamiema bla difett tiegħi.

Hi l-iktar tifla speċjali għal ommha.

Il-preferuta* taʼ dik li wellditha.

It-tfajliet jarawha u jgħidulha kemm hi ffortunata;

Ir-reġini u l-konkubini jarawha u jfaħħruha.

10 ‘Min hi din li tiddi* bħal meta jisbaħ,

Li hi sabiħa daqs il-qamar kwinta,

Pura daqs id-dawl tax-xemx,

U impressjonanti daqs l-armati mdawrin mal-bnadar tagħhom?’”

11 “Jien inżilt fil-ġnien tas-siġar tal-ġewż

Biex nara x’kiber ġdid fil-wied,

Jekk id-dielja rmietx,

U jekk is-siġar tar-rummien ħarġux il-fjuri.

12 Bla ma naf kif,

Ix-xewqa tiegħi* li nara dawn l-affarijiet

Ħaditni ħdejn il-karrijiet tan-nies importanti* tiegħi.”

13 “Ejja lura, ejja lura, Sulamija!

Ejja lura, ejja lura,

Ħalli narawk!”

“Għala tridu taraw lili, tfajla Sulamija?”

“Int bħal żifna taʼ żewġ gruppi taʼ nies!”*

7 “Tfajla ġeneruża,

Kemm huma sbieħ saqajk fis-sandli tiegħek.

It-tondjaturi taʼ ġenbejk huma bħall-ġojjelli,

Xogħol idejn xi ħadd tas-sengħa.

 2 Iż-żokra tiegħek hi bħal tazza tonda.

Jalla qatt ma tkun nieqsa minn inbid imħallat.

Żaqqek hi bħal qatta qamħ

Imdawra bil-ġilji.

 3 Sidrek qisu żewġt ifrieħ tewmin t’għażżiela.*

 4 Għonqok hu bħal torri tal-avorju.

Għajnejk huma bħall-għadajjar taʼ Ħesbon,

Li hemm ħdejn il-bieb taʼ Bat-rabbim.

Imnieħrek hu bħat-torri tal-Libanu,

Li jħares lejn Damasku.

 5 Rasek hi bħall-Muntanja Karmel

U xagħrek* hu bħal suf vjola.

Jien, ir-re, affaxxinat mix-xagħar* twil u sabiħ tiegħek.

 6 Maħbuba tiegħi, kemm int sabiħa u ħelwa,

Int isbaħ minn kwalunkwe ħaġa!

 7 L-istatura tiegħek hi bħal siġra tal-palm

U sidrek bħall-għenieqed tat-tamal.

 8 Jien għedt, ‘Se nitlaʼ mas-siġra tal-palma

Biex naqtaʼ l-frott tagħha.’

Jalla sidrek ikun bħall-għenieqed tal-għeneb,

Nifsek ifuħ bħat-tuffieħ,

 9 U ħalqek bħall-aħjar inbid.”

“Jalla jinżel ħelu ħelu għall-għażiż tiegħi,

Bħal inbid li jċarċar fuq ix-xofftejn

U li jġiegħel l-irġiel jorqdu.

10 Jien tal-għażiż tiegħi,

U hu jixtieq lili.

11 Ejja għażiż tiegħi,

Ħalli mmorru fl-għelieqi;

U noqogħdu qalb il-pjanti tal-ħenna.

12 Ejja nqumu kmieni u mmorru fl-għelieqi tad-dwieli

Biex naraw jekk id-dielja hux tarmi,

Jekk iż-żahar fetaħx,

U jekk is-siġar tar-rummien fetħux il-fjuri.

Hemmhekk se nurik kemm inħobbok.

13 Il-frott tal-mandragori qed ifuħ;

Ħdejn il-bibien tagħna hemm kull tip taʼ frott mill-aqwa.

Għażiż tiegħi, żammejtlek minn dak li għadu kif inqataʼ

U minn dak li hemm merfugħ.

8 “Mank kont bħal ħija,

Li xorob mill-ħalib t’ommi!

Kieku nkun nistaʼ nbusek meta narak barra

U ħadd ma jikkundannani.

 2 Kieku nieħdok

U ndaħħlek id-dar t’ommi,

Għand dik li għallmitni.

Nagħtik tixrob inbid imħawwar

U meraq frisk tar-rummien.

 3 Kieku idek ix-xellugija tkun taħt rasi,

U b’idek il-leminija tgħannaqni.

 4 Tfajliet taʼ Ġerusalemm, jien qed inġegħelkom taħilfu

Biex ma tipprovawx tqanqlu fija mħabba li ma teżistix.”

 5 “Min hi dik li ġejja mid-deżert,

Li qed isserraħ fuq l-għażiż tagħha?”

“Jien qajjimtek taħt is-siġra tat-tuffieħ.

Hemmhekk ommok kellha l-uġigħ tal-ħlas minħabba li kienet tqila bik.

Hemmhekk dik li wellditek kellha l-uġigħ tal-ħlas.

 6 Agħmilni bħal siġill fuq qalbek,

Bħal siġill fuq idek,

Għax l-imħabba hi b’saħħitha daqs il-mewt

U l-lealtà determinata daqs il-Qabar.*

Din l-imħabba hi bħal fjammi taʼ nar jaqbad, il-fjamma taʼ Jah.*

 7 Ebda ammont t’ilma ma jistaʼ jitfi l-imħabba,

Lanqas ix-xmajjar ma jistgħu jgħarrquha.

Jekk xi ħadd jagħti l-ġid kollu tad-dar tiegħu biex ikollu l-imħabba,

Dan* żgur li se jiġi mmaqdar.”

 8 “Aħna għandna oħtna żgħira

Li m’għandhiex sider.

X’se nagħmlu għaliha

Dakinhar li jiġi xi ħadd biex jiżżewwiġha?”

 9 “Jekk inhi sur,

Nibnu fuqha ċint tal-fidda,

Imma jekk inhi bieb,

Nagħlquha b’tavlun taċ-ċedru.”

10 “Jien sur

U sidri bħal torrijiet.

Għalhekk, f’għajnejn il-maħbub tiegħi,

Jien qiegħda fil-paċi.

11 Salamun kellu għalqa tad-dwieli f’Bagħal-ħamon.

Hu ħallieha f’idejn xi nies biex jieħdu ħsiebha.

Kull wieħed minnhom kien jagħti 1,000 biċċa tal-fidda għall-frott tagħha.

12 L-1,000 biċċa tal-fidda huma tiegħek Salamun,

U 200 huma taʼ dawk li qed jieħdu ħsieb il-frott,

Imma jien għandi l-għalqa tad-dwieli tiegħi

U nagħmel li rrid biha.”

13 “Sħabi qed jistennew biex jisimgħu leħnek,

Int li toqgħod bilqiegħda fil-ġonna.

Ħallini ħa nisimgħu jien ukoll.”

14 “Għaġġel, għażiż tiegħi,

U kun ħafif bħal għażżiela jew ċerv żgħir

Fuq il-muntanji tal-ħwawar.”

Jew “L-isbaħ għanja.”

Letteralment “Iġbidni għal warajk.”

Jiġifieri t-tfajliet.

Letteralment “sewda.”

Jew “ruħi.”

Jew “b’velu tal-vistu.”

Jew “bħad-debba tiegħi.”

Jew forsi “bejn il-malji taʼ xagħrek.”

Jew “ċrieki.”

Letteralment “L-ispikonardu.”

Jew “gustuż.”

Jew “dar mill-isbaħ.”

Letteralment “fid-dar tal-inbid.”

Jew “il-muntanji taʼ Beter.”

Jew “ruħi tħobb.”

Jew “dak li ruħi tħobb.”

Jew “dak li ruħi tħobb.”

Jew “dak li ruħi tħobb.”

Sufan miksi li kien jintuża biex tinġarr persuna importanti.

Din tistaʼ tirreferi għal kuruna magħmula mill-fjuri jew il-weraq.

Jew “Ngħasek hu.”

Tip taʼ ċerva.

Jew “anti-Libanu.”

Jew forsi “L-ġilda tiegħek ġenna tar-rummien.”

Jew “Ruħi kienet.”

Jew forsi “Ruħi ħarġet meta tkellem.”

Jew “ix-xall.”

Jew forsi “qisu għenieqed tat-tamal.”

Jew forsi “fuq ix-xifer tal-għajn tal-ilma.”

Jew “Belt il-Ġmiel.”

Jew “Ngħasek hu.”

Letteralment “Il-pura.”

Letteralment “li tħares ’l isfel.”

Jew “taʼ ruħi.”

Jew “ħerqanin.”

Jew “bħaż-żifna taʼ Maħanajm.”

Tip taʼ ċerva.

Letteralment “rasek.”

Jew “mitluf wara x-xagħar.”

Jew “Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

“Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.

X’aktarx qed jirreferi għall-ġid.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja