In-Nisa Jgħixu Iżjed Imma Mhux Neċessarjament Aħjar
MADWAR il-globu n-nisa qegħdin jiżżewġu t’età akbar, ikollhom inqas tfal, u jgħixu iżjed. “Il-ħajjiet tan-nisa qed jinbidlu,” tirrapporta r-rivista UNESCO Sources. Bejn l-1970 u l-1990, it-tul taʼ ħajja li n-nisa mistennijin li jgħixu wara t-twelid żdied b’erbaʼ snin fid-dinja żviluppata u bi kważi disaʼ snin f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. “Dan ifisser li llum, fir-reġjuni żviluppati n-nisa jgħixu medja taʼ sitt snin u nofs iżjed mill-irġiel. Fir-reġjuni li qegħdin jiżviluppaw id-differenza hija taʼ ħames snin fl-Amerka Latina u l-Karibew, tliet snin u nofs fl-Afrika u tliet snin fl-Asja u fil-Paċifiku.”
Minkejja dan, għal ħafna nisa, li jgħixu iżjed ma jfissirx li jgħixu aħjar. Our Planet, rivista tal-Ġnus Magħquda, tinnota li għall-maġġoranza tan-nisa fid-dinja, id-drittijiet umani bażiċi għadhom “il-ġelu fuq il-kejk li qatt ma daqu. Għadhom ifittxu ħobż u ilma ordinarji.” Madankollu, saħansitra l-affarijiet bażiċi, tgħid il-ĠM, huma impossibbli għal miljuni taʼ nisa minħabba li l-maġġoranza estrema taʼ nies illitterati, refuġjati, u foqra fid-dinja kollha, huma nisa. Minkejja xi avvanzi, tikkonkludi l-UNESCO Sources, “l-istampa kollha għan-nisa . . . tidher bla tama.”