Osteoporosi—Il-Marda Taʼ L-‘Għadam Fraġli’
“L-osteoporosi hija kundizzjoni fejn l-ammont taʼ dik il-materja li tifforma l-għadam huwa tant baxx illi l-għadam jinkiser faċilment taħt l-iċken pressjoni. Persuna li tbati bl-osteoporosi tistaʼ tikser xi polz jew wieħed minn ġenbejha wara xi żelqa jew tlaqqat xi kustilja miksura minn xi tgħanniqa t’affezzjoni. . . . Fil-fatt, l-ammont tal-materja li tifforma l-għadam jistaʼ tant ikun baxx li persuna tistaʼ tikser l-ispina sempliċement billi ġġorr il-piż taʼ ġisimha.”—“Osteoporosis—A Guide to Prevention & Treatment” (Osteoporosi—Gwida għal Prevenzjoni u Kura), minn John F. Aloia, M.D.
TBATI int bl-osteoporosi? Dan id-diżordni li jraqqaʼ l-għadam huwa komuni fost nisa li jkunu għaddew mill-menopawsa. Madankollu, jistaʼ jiżviluppa f’nisa iżgħar kif ukoll fl-irġiel. Skond il-U.S. National Institutes of Health, l-osteoporosi teffettwa “daqs 15-20 miljun individwu fl-Istati Uniti.” Kull sena fl-Istati Uniti, l-osteoporosi hija l-kaġun taʼ madwar 1.3 miljun ksur f’nies taʼ 45 sena jew iktar. Dan jiswa $3.8 biljun kull sena.
Health Tips (Pariri Dwar Is-Saħħa), pubblikazzjoni tal-California Medical Education and Research Foundation, tispjega: “Għalkemm is-sintomi taʼ l-osteoporosi huma l-iktar viżibbli meta tibda toqrob ix-xjuħija, il-proċess li jdgħajjef l-għadam attwalment jibda minn 30 sa 40 sena qabel ma jseħħ l-ewwel ksur. Wara l-35 sena kemm l-irġiel u kemm in-nisa jibdew inaqqsu mill-massa taʼ l-għadam. Hekk kif l-għadam jeħfief u jirqaq, il-ksur jistaʼ jseħħ iktar faċilment u għandu mnejn li jfiq bil-qajla għaliex il-ġisem m’huwiex kapaċi jifforma għadam ġdid bl-istess faċilità li kellu qabel. Il-kaġun preċiż taʼ l-osteoporosi m’huwiex magħruf, imma ammont inadegwat taʼ kalċju u vitamina D fid-dieta, livelli mnaqqsin taʼ estroġenu fin-nisa u nuqqas taʼ eżerċizzju għandhom mnejn li lkoll jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħha.”
Il-ktieb Understanding Your Body—Every Woman’s Guide to a Lifetime of Health (Ifhem lil ġismek—Il-Gwida Taʼ Kull Mara Għal Ħajja Mimlija Saħħa) jinnota li wieħed mis-sintomi komuni assoċjati mal-menopawsa huwa telf fis-saħħa taʼ l-għadam. Dan jistqarr: “L-osteoporosi, litteralment għadam poruż, hija problema komuni u importanti għan-nisa wara l-menopawsa.”
Ir-riċerka tissuġġerixxi li lill-osteoporosi wieħed jistaʼ jilqgħalha kif ukoll jikkuraha. Miżura preventiva waħda hi li tassigura li l-ġisem għandu l-ammont xieraq taʼ kalċju flimkien mal-vitamina D, li hija essenzjali biex ikun jistaʼ jiġi assorbit il-kalċju. Miżura preventiva oħra hija eżerċizzju regulari li jagħmel piż fuq l-għadam, bħalma huwa l-mixi u l-ġogging.
Dr. Carol E. Goodman qalet f’Geriatrics: “Għandhom jiġu preskritti eżerċizzji li jikkorreġu u jsaħħu l-qagħda tal-ġisem—u rridu nkunu daqstant skruplużi dwar dawn il-preskrizzjonijiet daqs kemm aħna dwar dawk għall-mediċini. Programm ideali t’eżerċizzju għal pazjent osteoporotiku avanzat fiż-żmien jistaʼ jkun faċli biex jiġi mifhum, faċli li jitwettaq, u mingħajr periklu.”
Għalkemm l-osteoporosi ma tistax titfejjaq, qegħdin jinħolqu kuri ġodda għaliha. Iktar minn hekk, din wieħed jistaʼ jilqgħalha, permezz taʼ nutriment xieraq, eżerċizzju adegwat, u għal xi wħud, terapija li ġġedded l-ormoni. Biex ikunu taʼ l-akbar effett, dawn il-miżuri jridu jittieħdu qabel ma jibda jseħħ it-tnaqqis fl-għadam u jissoktaw għall-bqija taʼ ħajtek.
[kaxxa fʼpaġna 17]
[Protezzjoni Kontra L-Osteoporosi
1. Kalċju
2. Vitamina D
3. Xemx
4. Qagħda tajba tal-ġisem
5. Prekawzjonijiet għall-kura tad-dahar
6. Eżerċizzju
7. Ebda tipjip
[Kaxxa fʼpaġna 17]
Il-Kalċju Fl-Ikel Komuni
Kalċju◌Fl-Ikel (milligrammi)
Ħalib bla xaħam, kikkra 300
Ġobon Cheddar, pulzier kubu 130
Jogurt, kikkra 300
Ċanga, tiġieġ, ħut, 6 uqijiet 30-80
Salamun tal-bott, 3 uqijiet 170
Ħobż, qamħ, ross, kikkra 20-50
Tofu (baqta tas-soyabean), 4 uqijiet 150
Lewż, 1/2 kikkra 160
Ġewż, 1/2 kikkra 50
Brokkli, zokk wieħed 150
Spinaċi, kikkra 200
Weraq tan-nevew, kikkra 250
Il-biċċa l-kbira taʼ ħxejjex oħrajn 40-80
Berquq, imqadded, kikkra 100
Tamar, mingħajr għadma, kikkra 100
Rabarbru, kikkra 200
Il-biċċa l-kbira taʼ frott ieħor, kikkra 20-70
Minn Understanding Your Body (Ifhem Lil Ġismek), taʼ Felicia Stewart, Gary Stewart, Felicia Guest, u Robert Hatcher, paġna 596.
[Kaxxa fʼpaġna 17]
Xi Fatturi Li Jistgħu Jikkontribwixxu Għall-Osteoporosi
Fatturi◌Ereditarji
Li tkun femminili
Li ma tkunx iswed jew sewda
Li jkollok antenati mill-Ewropa taʼ Fuq
Karnaġjon bajdani
Irquqija
Qosor (ħames piedi u żewġ pulzieri jew inqas)
Fatturi◌Minn◌Stil◌Taʼ◌Ħajja
Dawl tax-xemx, inqas minn tliet sigħat fil-ġimgħa
Teħid t’ammont baxx taʼ kalċju
Teħid għoli taʼ kaffeina u/jew fosfat
Medikazzjonijiet
Mediċini għal kontra l-aċidi li jkun fihom l-aluminju
It-Tirojde jew levothyroxine
Sterojdi (kortiżan)
Dilantin (kura mtawla)
Furosemide (dijuretiku)
Problemi◌Mediċi
Menopawsa bikrija jew prematura
Amenorrhea (jieqaf iċ-ċiklu menstruwali)
Anorexia nervosa
Ipertirojdiżmu (tirojde żejda)
Mard jew ġebel fil-kliewi
Dijabete
Nuqqas taʼ ħalib (intolleranza għall-ħalib)
Mard fl-imsaren (kolite, iljolite)
Alkoħoliżmu
Mistrieħ fis-sodda jew ċaqliq xejn għal iktar minn tliet ġimgħat
Artrite rewmatojda