L-Evoluzzjoni M’hijiex Fatt
Xi stħarriġ li sar wera li ħafna Amerikani jemmnu li l-ewwel bnedmin ġew maħluqin direttament minn Alla u mhux b’xi proċess taʼ l-evoluzzjoni minn xi forom primittivi taʼ ħajja. Imma għala ħafna għalliema tax-xjenza fl-Amerka jippromwovu l-evoluzzjoni bħala li ġrat b’kumbinazzjoni u bla ħsieb bħala fatt? Raġuni waħda hi li “fundamentalisti Darwinisti . . . jikkontrollaw id-dipartimenti tax-xjenza f’ħafna universitajiet,” jgħid Phillip E. Johnson, professur tal-liġi fl-Università taʼ Kalifornja f’Berkeley.
Johnson jgħidilna: “F’xi każi, professuri tal-bijoloġija ġew ipprojbiti milli jgħidu lill-istudenti, li hemm raġunijiet validi biex wieħed jiddubita l-istqarrija li proċessi materjali li jsiru bla ħsieb jistgħu joħolqu l-għeġubijiet tal-bijoloġija, anzi hekk għamlu.”
Murphy O’Dean, wieħed xjenzat u inġinier josserva: “Minflok ma warrbet teorija li m’hijiex fattwali, it-tendenza tax-‘xjenza evoluzzjonarja’ saret dikjarazzjoni taʼ twemmin mhux ipprovat li ‘l-evoluzzjoni trid tkun vera.’” L-evidenza konfliġġenti u n-nuqqas taʼ evidenza jew jinjorawhom jew inaqqsulhom mis-sinjifikat tagħhom.
Għala? Michael Behe, bijologu molekulari, jgħid fil-ktieb Darwin’s Black Box: “Ħafna nies, inkluż ħafna xjenzati importanti u rrispettati ferm, sempliċement ma jridux jemmnu li teżisti xi ħaġa oħra barra min-natura. Ma jridux li xi esseri sopranaturali jeffettwa lin-natura.” Imma x-xjenza vera ma tinjorax l-evidenza konfliġġenti sabiex tavanza l-ideat li tippreferi hi. Lanqas ix-xjenzati kollha ma jemmnu fl-evoluzzjoni.
Ir-rivista Brażiljana Veja staqsiet lil Carlo Rubbia, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Fiżika, “Int temmen f’Alla?” Waqt li ma rrikonoxxiex lil Alla bħala persuna, hu ammetta: “Iktar ma tosserva n-natura, iktar issir konxju li hemm organizzazzjoni tremenda fl-affarijiet kollha. L-intelliġenza tant hija kbira li billi sempliċement nosserva l-fenomeni naturali nasal għall-konklużjoni li jeżisti Ħallieq.”
L-osservazzjonijiet tiegħu jfakkruna fil-kliem li l-appostlu Pawlu qal dwar Alla: “Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu taʼ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq.”—Rumani 1:20.