Żgħażagħ Delinkwenti—X’Inhuma l-Kaġuni?
TAĦSIBHA int bħal ħafna wħud li ż-żgħażagħ delinkwenti taʼ spiss jiġu minn familji fqar u li t-tfal minn familji “tajbin” rari jaqgħu għall-kriminalità? Fl-Asja, għal xi wħud il-fatti donnhom li kienu jappoġġaw din il-ħarsa. “Mhux iktar,” tirrapporta Asia Magazine. “L-istatistiċi tal-pulizija u każijiet tipiċi madwar l-Asja juru li iktar u iktar żgħażagħ minn familji rispettabbli qegħdin jisirqu, jagħmlu atti vandali, jieħdu d-drogi u jaqgħu għall-prostituzzjoni.”
Per eżempju, fil-Ġappun nofs iż-żgħażagħ kollha akkużati b’xi delitt trabbew f’ambjent tal-klassi tan-nofs. Is-sitwazzjoni f’Bangkok tinsab fl-istess ilma. “Fil-passat,” jgħid Adisai Ahapanun, kap tal-Muhita Training School, “il-kriminalità fost iż-żgħażagħ kienet fil-biċċa l-kbira mmotivata minn nuqqas taʼ flus. Illum, iktar minn 50 fil-mija taż-żgħażagħ t’hawnhekk ġejjin minn familji bi dħul medju u mingħajr diffikultajiet finanzjarji.”
Xi nies iwaħħlu fl-ommijiet li jaħdmu, fir-rati li dejjem jiżdiedu tad-divorzji, u fil-ħarsa materjalistika lejn il-ħajja. Eddie Jacob, assistent direttur taʼ dar f’Singapor li tgħin liż-żgħażagħ jerġgħu jistabbilixxu ruħhom fis-soċjetà, jgħid: “Il-qofol taʼ kollox huwa l-familji li ma jiffunzjonawx tajjeb—fejn il-ġenituri jistgħu jkunu ddivorzjati, jew fejn ikun hemm familji b’ġenitur wieħed, jew fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u t-tfal jitħallew ifendu għal rashom. It-tfal jitgħallmu x’inhuma l-valuri mid-dar.”
Il-Bibbja bassret li żmienna kellu jkun immarkat b’żjieda fir-ribelljoni fost iż-żgħażagħ. (2 Timotju 3:1, 2) Madankollu, dan l-istess ktieb jistaʼ jagħti lill-familji l-valuri li jeħtieġu biex jibqgħu magħqudin flimkien, minkejja l-qagħda ekonomika tagħhom. Il-Bibbja hija vallapena li tiġi investigata, għax “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16) Ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Asja—tabilħaqq, madwar id-dinja kollha—qegħdin jaħsdu l-barkiet talli jistudjaw il-Bibbja bħala familji. Huwa l-pjaċir tagħhom li juruk kif int tistaʼ tagħmel l-istess.
[Stampi f’paġna 22]
L-għażla hija f’idejk —id-delinkwenza jew l-approvazzjoni t’Alla