Numru Utli għall-Aħħar imma Diffiċli biex Tispjegah
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-MESSIKU
MIN-NUMRI kollha li jintużaw fil-matematika, fix-xjenza, fl-inġinerija, u fil-ħajja taʼ kuljum, ftit kienu dawk li ngħataw importanza daqs il-pi (π, bil-Malti tinqara paj). Il-ktieb Fractals for the Classroom jgħid li l-pi affaxxinat kemm lill-kbar fil-qasam tax-xjenza kif ukoll lid-dilettanti madwar id-dinja. Fil-fatt, xi wħud iqisu n-numri tal-pi bħala ħamsa mill-iktar numri sinjifikanti fil-matematika.
Il-pi tirrappreżenta l-proporzjon taċ-ċirkonferenza taʼ ċirku mad-dijametru tiegħu. Ikun x’ikun id-daqs taċ-ċirku, tistaʼ ssib iċ-ċirkonferenza tiegħu billi timmoltiplika d-dijametru tiegħu bil-pi. Fl-1706, il-matematiku Ingliż William Jones kien l-ewwel wieħed li uża l-ittra Griega π biex jidentifika dan il-proporzjon, u l-użu taʼ din l-ittra sar popolari wara li l-matematiku Svizzeru Leonhard Euler beda jużaha fl-1737.
Fil-biċċa l-kbira tal-każi, ir-riżultat taʼ xi somma jkun aċċettabbli jekk il-pi tinħadem bħala 3.14159. Imma l-pi qatt ma tistaʼ tiġi kalkulata bl-eżatt. Għala le? Għax il-pi hija numru irrazzjonali—jiġifieri, ma tistax tinkiteb bħala numru sħiħ jew frazzjoni komuni. Meta tinkiteb bħala frazzjoni deċimali, in-numru ma jispiċċa qatt. Fil-fatt, jekk wieħed ikompli jaħdem il-pi, in-numri wara t-tikka deċimali ma jispiċċaw qatt. Minkejja dan, il-matematiċi ma qatgħux qalbhom milli jistinkaw iebes biex ikomplu jsibu iktar numri wara t-tikka deċimali.
Ħadd ma jaf min kien l-ewwel wieħed li sab li l-pi qatt ma tinbidel, ikun x’ikun id-daqs taċ-ċirku. Imma t-tfittxija għall-valur eżatt taʼ dan in-numru diffiċli ilha sejra minn żmien żemżem. Il-Babiloniżi kkalkulaw il-pi bħala 3 1/8 (3.125), u l-Eġizzjani, li kienu ftit inqas eżatti, ikkalkulawha madwar 3.16. Fit-tielet seklu Q.E.K., il-matematiku Grieg Arkimede jistaʼ jkun li kien l-ewwel wieħed li xjentifikament irnexxielu jikkalkula, u jasal għall-figura taʼ xi 3.14. Sas-sena 200 E.K., il-pi kienet ġiet kalkulata għal 3.1416. Sa mill-bidu tas-sitt seklu E.K., il-matematiċi Ċiniżi u Indjani kienu diġà qatgħuha li l-valur tal-pi kien dan in-numru. Illum, bl-għajnuna taʼ kompjuters b’saħħithom, il-pi ġiet kalkulata sa biljuni taʼ numri deċimali. Veru li l-pi hija utli ħafna imma kif qal il-ktieb Fractals for the Classroom, fil-kalkoli xjentifiċi rari jkun hemm bżonn taʼ iktar minn 20 numru tal-pi.
Il-pi tintuża f’formuli f’diversi oqsma, bħal per eżempju l-fiżika, l-inġinerija elettrika u elettronika, l-istudju tal-probabbiltà, disinni strutturali, u n-navigazzjoni, biex insemmu ftit. Jidher li bħalma n-numri tal-pi ma jispiċċaw qatt, bl-istess mod ma jispiċċa qatt l-użu tal-pi, numru utli imma diffiċli biex tispjegah.