Adolexxenti bi Ngħas—Xi Ħaġa taʼ Tħassib?
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-KANADA
IL-GAZZETTA tal-Kanada l-Globe and Mail tgħid li n-nuqqas taʼ rqad idgħajjef il-kapaċità mentali u l-memorja, u l-istudenti adolexxenti huma fost dawk li l-iktar li jinsabu f’riskju. Din iżżid li l-fatt li t-tfal u l-adolexxenti ma jorqdux biżżejjed huwa konness ukoll maʼ problemi fl-imġiba tagħhom, maʼ li jkunu nervużi u li ma jkollhomx kwiet f’ġisimhom (hyperactive). Ix-xjenzati studjaw id-drawwiet taʼ rqad taʼ xi 2,200 student fl-iskola sekondarja, u sabu li madwar 47 fil-mija kienu qed jorqdu inqas minn tmien sigħat kull lejl, l-ammont taʼ rqad rikkmandat.
Għalkemm taʼ spiss iż-żgħażagħ ma jorqdux kemm għandhom bżonn minħabba l-istil taʼ ħajja tagħhom, “xi wħud jistgħu wkoll ikunu qed ibatu minn problemi mediċi [li ma jkunux jafu bihom],” tgħid il-Globe. “L-apnea taʼ l-irqad teffettwa lil xi 4 fil-mija tat-tfal, taʼ bejn l-4 u t-18-il sena.” Waqt l-irqad, il-pajp tan-nifs fuq in-naħa taʼ wara tal-gerżuma jingħalaq ftit jew għalkollox, u għalhekk l-ossiġnu ma jkunx jistaʼ jgħaddi. B’hekk, il-moħħ ma jkunx jistaʼ jirrilassa kompletament, u t-tfal iqumu b’burdata ħażina u għajjenin.
Wieħed jinduna li forsi għandu din il-problema jekk jonħor jew iħarħar, jekk taʼ spiss ikollu wġigħ taʼ ras fil-għodu, jekk ikollu problemi li għandhom x’jaqsmu mal-memorja u l-konċentrazzjoni, kif ukoll jekk ikollu ngħas qawwi matul il-ġurnata kollha. Ikun tajjeb li l-ġenituri kultant jissemmgħu lil uliedhom waqt li jkunu reqdin fil-fond. It-Tabib Robert Brouillette, espert fl-irqad tat-tfal fl-Isptar tat-Tfal taʼ Montreal, jgħid li tifel li jbati minn problema medika jistaʼ jkun li jieqaf jieħu n-nifs waqt l-irqad, avolja sidru jkun tielaʼ u nieżel. Hu jkompli jgħid li l-pawsa tieqaf meta t-tifel iqum kompletament jew iqum imma jkun għadu nofsu rieqed, jieħu xi nifsijiet u jerġaʼ jorqod mill-ewwel. Din il-ħaġa tistaʼ tiġri mijiet taʼ drabi kull lejl u minħabba f’hekk tifel jistaʼ jħossu mifluġ meta jqum.
L-Assoċjazzjoni Amerikana tal-Problemi fl-Irqad tirrikkmanda li wieħed ikollu kamra tas-sodda friska u mudlama mingħajr ma jkun hemm xejn li jtellef, bħat-televixin jew il-kompjuter. Sabiex it-tfal u l-adolexxenti jkunu jistgħu jorqdu raqda tajba bil-lejl, ikun tajjeb li jżommu maʼ skeda regulari għal x’ħin imorru jorqdu u x’ħin iqumu. Xi wħud li jbatu mill-waqfien tan-nifs fl-irqad jużaw magna (CPAP) li titfaʼ l-arja bil-mod minn ġo l-imnifsejn u l-ħalq sabiex in-naħa taʼ wara tal-gerżuma tibqaʼ miftuħa matul l-irqad. Ċerta tabiba tat-tfal qalet: “L-irqad huwa iktar importanti mill-ikel li nieklu. Huwa iktar importanti mill-eżerċizzju. L-irqad jikkontrollalna l-ormoni, l-emozzjonijiet u s-sistema taʼ l-immunità tagħna.”