Mingħand il-Qarrejja
Persekuzzjoni Reliġjuża L-artiklu “Il-Persekuzzjoni Reliġjuża fil-Ġeorġja—Kemm Se Ddum?” (8 taʼ Frar, 2002) għamilni konxja dwar kemm din id-dinja tinbidel. Spiss nirrifletti fuq artikli bħal dan, u nistaqsi lili nnifsi, ‘X’kont qed nagħmel jien meta kien qed jiġri dan kollu? Kemm kienet b’saħħitha r-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah meta l-għeżież ħuti kienu qed isofru daqstant?’ Jekk jogħġobkom uru lil ħutna li aħna nħobbuhom u li qed niġu effettwati mill-provi tagħhom.
K. S., Stati Uniti
Meta qrajt dwar il-mod kif ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġeorġja qegħdin jiġu trattati bl-aħrax, ma stajtx ma nibkix. Nitlob b’qalbi kollha li Jehovah jappoġġahom, jipproteġihom u jferraʼ fuqhom l-imħabba abbundanti tiegħu. Nixtieq li l-maħbubin ħuti fil-Ġeorġja jkunu jafu li qed nitlob għalihom. Avolja ngħix f’post differenti, jien verament grata għall-privileġġ li nistaʼ naqdi lil Jehovah spalla maʼ spalla magħhom.
M. T., Ġappun
Fil-laqgħat tagħna taʼ kull ġimgħa smajt l-aħwa jitolbu minn fuq il-platform għall-aħwa fil-Ġeorġja, imma qatt ma kelli daqshekk informazzjoni dwar dak li kien qed jiġri. Qatt ma immaġinajt li kienu qed iseħħu atroċitajiet bħal dawk li semmejtu f’dan l-artiklu. Għidulhom li ħuthom madwar id-dinja qed jitolbu għalihom. Huma verament sors taʼ inkuraġġiment għalina lkoll li niffaċċjaw problemi bil-wisq iżgħar minn tagħhom.
V. P., Stati Uniti
Il-fidi taʼ dawn l-aħwa tassew laqtitni, u bkejt minħabba t-tbatija tagħhom. Huma wrew kuraġġ, sodizza, u fiduċja kbira f’Jehovah. Nixtieq ħafna nurihom li nħoss għalihom, li nħobbhom, u li se niftakar fihom fit-talb tiegħi.
F. F., Italja
Okkult Kemm inħossni grata għall-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Li Tinvolvi Ftit Ruħek fl-Okkult—X’Hemm Ħażin f’Dan?” (8 taʼ Frar, 2002) Dan l-artiklu tani l-kuraġġ meħtieġ biex neħles darba għal dejjem minn oġġett dubjuż li kelli. Tassew messli qalbi meta qrajt iktar dwar l-eżempju Bibliku taʼ dawk l-uħud f’Efesu li ħarqu l-kotba li kellhom x’jaqsmu maʼ l-ispiritiżmu, minkejja li kienu jiswew 50,000 biċċa tal-fidda. (Atti 19:19) Il-valur tal-karti li rmejt jien ma jistax jitqabbel mal-valur taʼ l-affarijiet li se jagħtini Jehovah. Grazzi talli ppubblikajtu artiklu bħal dan eżatt meta kelli bżonnu.
A. N., Ġappun
Jien tgħammidt xahar ilu. Qabel tgħallimt dwar il-Bibbja, kelli kuntatt maʼ l-ispiritiżmu diversi drabi permezz t’ommi, li m’hijiex Xhud taʼ Jehovah. L-artiklu ġie eżatt meta kelli bżonnu. Issa naf għalxiex irrid noqgħod attenta, u qed nafda f’Jehovah kompletament. Wara li qrajt dan l-artiklu għal ħafna drabi u tkellimt dwaru m’oħt Kristjana, il-biżaʼ tiegħi qed jonqos.
A. P., Ġermanja
Mingħand Għalliem Bħala għalliem ġewwa skola primarja, nixtieq nifraħ lill-edituri taʼ Stenbaħ! Ir-rivista edukattiva tagħkom tagħti kontribuzzjoni siewja sabiex wieħed ikun edukat iktar bis-sħiħ. Jien u l-għalliema sħabi nużaw l-artikli eċċellenti bħala bażi għad-diskussjonijiet fil-klassi dwar valuri morali u kwistjonijiet soċjali. Stenbaħ! jgħin biex jifforma l-karattru u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taʼ l-istudenti billi jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq għarfien eżatt.
F. C., Brażil