L-Ilġiem fuq iż-Żiemel u l-Ilsien
“Lest iż-żiemel għal nhar it-taqbida,” qal is-sultan għaref Salamun taʼ Iżrael tal-qedem. (Proverbji 21:31) Il-kavalleriji minn dejjem kellhom irwol importanti biex jintrebħu l-battalji. Minn żmien il-qedem, l-armati użaw l-ilġiem biex jikkontrollaw it-temperament u s-saħħa taż-żiemel.
Il-Miklem Malti jispjega li l-ilġiem huwa “ġild bl-irbat u l-ħadid tal-ħalq li [jxiddu] fuq żiemel, . . . biex jinżamm taħt rażan minn min isuqu.” Ma tantx hemm differenza bejn l-ilġiem tal-qedem u dak modern, u dan kien taʼ għajnuna kbira biex iż-żwiemel jiġu mmansati u jintrikbu.
Missier Salamun, is-Sultan David, irrefera b’mod indirett għall-importanza taʼ l-ilġiem, meta kiteb: “Tkunux bla sens bħaż-żiemel u l-bagħal, li bil-lġiem u r-riedni trażżanhom.” (Salm 32:9) Ladarba żiemel kien jiġi mmansat, dan setaʼ jsir ħabib fidil lejn sidu. Alessandru l-Kbir tant apprezza ż-żiemel tiegħu, Bucephalus, li semma belt fl-Indja għalih.
Għalkemm bħala bnedmin ilna millennji sħaħ nimmansaw iż-żwiemel, l-abbiltà li lliġġmu n-natura imperfetta tagħna hija storja oħra. “Aħna lkoll niżbaljaw,” osserva d-dixxiplu Kristjan Ġakbu. “Jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu.” (Ġakbu 3:2) Tabilħaqq, min minna jistaʼ jistqarr li qatt ma tkellem bla ħsieb, b’mod li jweġġaʼ, jew bir-rabja?
Għalhekk, għala noqogħdu nitħabtu biex illiġġmu l-ilsien li diffiċli biex tikkontrollah u li “ħadd ma għandu ħila jimmansa”? (Ġakbu 3:8) Ir-raġuni hi li n-nies huma lesti li jqattgħu l-ħin u jagħmlu l-isforz biex jimmansaw żiemel għax jafu li l-annimal imħarreġ se jkun utli. Bl-istess mod, iktar ma nkunu nafu nħarrġu, jew nikkontrollaw, ilsienna, iktar dan se jkun utli.
Kliem taʼ mogħdrija jistaʼ jtaffi u jinkuraġġixxi lil ħbiebna, lil sħabna tax-xogħol, u lil qrabatna. (Proverbji 12:18) Kliem bħal dan jistaʼ jagħmel il-ħajja iktar pjaċevoli għal dawk taʼ madwarna. Madankollu, ilsien mhux imliġġem jistaʼ jġib l-għawġ. “Min irażżan fommu u lsienu, iħares mill-għawġ lilu nnifsu,” twissi l-Bibbja. (Proverbji 21:23) Iktar ma jirnexxilna lliġġmu lsienna, iktar se ngħinu lilna nfusna u lil dawk li jisimgħuna.a
[Nota taʼ taħt]
a Taʼ interess, il-Bibbja tfakkar lill-Kristjani li l-mod kif jitkellmu huwa marbut mal-qima tagħhom. Din tgħid: “Jekk xi ħadd jidhirlu li hu tajjeb, u lsienu ma jrażżnux u jqarraq b’qalbu, fiergħa hi [“l-qima,” NW ] tiegħu.”—Ġakbu 1:26.
[Stampa f’paġna 31]
Alessandru l-Kbir
[Sors]
Alinari/Art Resource, NY