Speċi Mhedda bl-Estinzjoni
Minn kittieb għal Stenbaħ! fl-Italja
Ir-Red List of Threatened Species (Il-Lista Allarmanti taʼ Speċi fil-Periklu), maħruġa mill-Għaqda għall-Konservazzjoni tad-Dinja (IUCN), li għandha l-kwartieri ġenerali fi Gland, l-Isvizzera, hija indikazzjoni taʼ kif tinsab is-saħħa tal-pjanti u l-annimali fid-dinja. Ir-Red List taʼ l-2004 kien fiha iktar minn 15,500 speċi differenti.
Waħda mit-theddid prinċipali għall-ispeċi fil-periklu hija l-attività tal-bniedem. Minflok ma jippreserva l-bilanċ delikat tan-natura, li huwa indispensabbli għall-għajxien tiegħu stess, il-bniedem ikompli jħassru bil-ġiri tiegħu wara attivitajiet li huma taʼ periklu kbir għal speċi oħrajn. B’dispjaċir, ħafna speċi ntilfu b’dan il-mod u magħhom intilfu wkoll riżorsi naturali li forsi setgħu kienu imprezzabbli.
Wieħed mill-annimali li kien fir-Red List tas-sena l-oħra huwa d-denfil komuni taʼ geddumu qasir li jidher fl-istampa. L-għadd tiegħu fil-Mediterran naqas b’iktar minn 50 fil-mija f’dawn l-aħħar 30 sa 45 sena, u issa huwa kunsidrat bħala li qiegħed fil-periklu. Skond l-IUCN, xi fatturi li kkontribwew għal dan kienu “tnaqqis fl-ammont taʼ priża għad-dniefel fil-Mediterran minħabba taħlita taʼ bidliet fl-ambjent, sajd eċċessiv, u degradazzjoni taʼ l-abitat tiegħu.” Huwa maħsub ukoll li l-ammont kbir taʼ sustanzi kimiċi tossiċi magħmula mill-bniedem li jinsabu fid-dniefel tal-Mediterran “jistgħu jwaqqfu l-immunità u jħassru r-riproduzzjoni.”
Il-Ħallieq m’huwiex se jittollera għal dejjem lil dawk li ma jaħsbuhiex u li huma egoisti li qegħdin iħassru u jeqirdu l-ambjent. Għall-kuntrarju, il-profezija tal-Bibbja turi li “ż-żmien stabbilit” qed joqrob meta hu se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’ Alla Ġeħova mbagħad se jerġaʼ jistabbilixxi kundizzjonijiet fejn il-bnedmin se jkunu gwardjani tajbin tal-“ħlejjaq kollha” u l-‘ħaxix kollu fuq wiċċ l-art.’—Rivelazzjoni 11:18; Ġenesi 1:28-30.
[Stampa f’paġna 18]
Dniefel komuni
[Sors]
© Goran Ehlme/SeaPics.com
[Stampa f’paġna 18]
Il-black-browed albatross ukoll jinsab fuq il-lista taʼ speċi fil-periklu