L-1 Sigriet: Il-Prijoritajiet Xierqa
‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.
Dan xi jfisser. Fi żwiġijiet li jirnexxu, kull mara jew raġel ipoġġi l-ħtiġijiet tal-parti l-oħra fiż-żwieġ qabel dawk tiegħu, qabel il-ġid, ix-xogħol, il-ħbieb, u saħansitra qraba oħrajn. Ir-raġel u martu jqattgħu ħafna ħin flimkien u anki maʼ wliedhom. It-tnejn huma lesti li jagħmlu sagrifiċċji għall-benefiċċju tal-familja.—Filippin 2:4.
Għala hu importanti. Il-Bibbja tagħti importanza kbira lill-familja. Fil-fatt, l-appostlu Pawlu kiteb li xi ħadd li ma jipprovdix għall-familja tiegħu “jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Madankollu, maż-żmien, il-prijoritajiet taʼ dak li jkun jistgħu jitbiddlu. Pereżempju, wieħed li jagħti l-pariri dwar il-familja nnota li ħafna li attendew għal konferenza organizzata minnu donnhom dehru li kienu iktar iffokati fuq il-karriera milli fuq il-familja. Hu jgħid li kien bħallikieku stennew li jitgħallmu xi “teknika taʼ malajr” sabiex ikunu jistgħu “jaqtgħu l-‘familja’ mil-lista tagħhom taʼ ‘x’għandhom jagħmlu’ u jmorru lura għal li jiffokaw fuq il-professjonijiet tagħhom.” X’lezzjoni nitgħallmu? Hu iktar faċli li ngħidu li npoġġu l-familja l-ewwel milli nagħmlu dan.
Ipprova dan l-eżerċizzju. Uża l-mistoqsijiet li ġejjin bħala gwida biex tara x’sens taʼ prijorità għandek.
◼ Nagħti jien l-attenzjoni tiegħi fil-pront meta l-parti l-oħra fiż-żwieġ jew xi ħadd mit-tfal ikollhom bżonn ikellmuni?
◼ Meta nitkellem maʼ ħaddieħor dwar l-attivitajiet tiegħi, insib ruħi spiss niddiskuti affarijiet li nagħmel mal-familja tiegħi?
◼ Nirrifjuta jien xi responsabbiltà miżjuda (fuq ix-xogħol jew xi mkien ieħor) jekk il-familja tiegħi jkollha bżonn il-ħin tiegħi?
Jekk wiġibt iva għall-mistoqsijiet t’hawn fuq, għandek mnejn tassumi li għandek il-prijoritajiet xierqa. Imma l-parti l-oħra fiż-żwieġ u wliedek kieku kif kienu jwiġbuhom dawn il-mistoqsijiet dwarek? Kif naraw lilna nfusna mhuwiex l-uniku kejl li bih inkejlu l-prijoritajiet tagħna. U dan l-istess prinċipju japplika għas-sigrieti l-oħrajn biex ikollok suċċess li se jiġu diskussi fil-paġni li ġejjin.
Agħmel riżoluzzjoni. Aħseb dwar mod wieħed jew tnejn kif tistaʼ turi li l-familja tiegħek tiġi l-ewwel. (Pereżempju: Aħseb dwar li tqattaʼ inqas ħin fuq affarijiet li għandhom mnejn qed jiħdulek mill-ħin li jkun aħjar li tqattgħu mal-parti l-oħra fiż-żwieġ u maʼ wliedek.)
Għala ma tiddiskutix ir-riżoluzzjonijiet tiegħek mal-familja tiegħek? Meta membru wieħed juri li hu lest li jinbidel, l-oħrajn x’aktarx li jkunu lesti li jagħmlu bħalu.
[Stampa f’paġna 3]
Ġenitur li jirnexxi jagħti prijorità kbira lill-parti l-oħra fiż-żwieġ u lit-tfal