ĠIE DISINJAT?
Denb il-Gremxula Agama
L-AGAMA taqbeż minn fuq wiċċ ċatt għal maʼ ħajt wieqaf bil-faċilità kollha. Imma jekk dak il-wiċċ ikun jiżloq, il-gremxula titlef il-bilanċ, però xorta jirnexxilha tillandja mal-ħajt. Dan kif? Is-sigriet qiegħed f’denb il-gremxula.
Ikkunsidra: Meta l-Agama taqbeż minn fuq wiċċ aħrax—li jagħtiha qabda soda—l-ewwel tiddritta ġisimha u żżomm denbha ’l isfel. Dan jgħinha taqbeż b’angolu tajjeb. Iżda meta tkun fuq wiċċ jiżloq, il-gremxula ġeneralment titfixkel u taqbeż b’angolu ħażin. Però, meta tkun fl-arja, tikkoreġi l-angolu taʼ ġisimha billi tferfer denbha waħda ’l fuq. Dan il-proċess hu komplikat. “Il-gremxul ikollu jaġġusta l-angolu taʼ denbu bl-eżatt biex jibqaʼ wieqaf,” jgħid rapport maħruġ mill-Università taʼ Kalifornja, Berkeley. Iktar ma jkun jiżloq il-wiċċ, iktar il-gremxula trid tgħolli denbha ’l fuq biex tillandja fuq saqajha.
Denb l-Agama jistaʼ jkun taʼ għajnuna għall-inġiniera biex jiddisinjaw robots motorizzati iktar aġili. U mbagħad dawn ikunu jistgħu jintużaw biex ifittxu lin-nies li jkunu għadhom ħajjin wara xi terremot jew katastrofi ieħor. Ir-riċerkatur Thomas Libby jgħid, “Ir-robots huma bil-wisq inqas aġili mill-annimali, u għalhekk kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ssir biex tagħmel robot iktar stabbli hu avvanz.”
Int x’taħseb? Denb l-Agama ġie bl-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?