8 ĠUŻEPPI
Hu Ma Ċediex għat-Tentazzjoni
META Ġużeppi kien żagħżugħ, missieru, Ġakobb, u Ġeħova kienu jħobbuh ħafna u kien speċjali għalihom. Imma dan ma jfissirx li l-ħajja tiegħu kienet se tkun faċli. Ġakobb kien jittratta lil Ġużeppi differenti minn ħutu, għalhekk huma bdew jgħiru għalih u saru kattivi miegħu. Minħabba f’hekk, hu esperjenza ħafna mibegħda. Meta Ġeħova permezz taʼ ħolm qal lil Ġużeppi li l-familja tiegħu fil-futur se jmilu quddiemu, ħutu iktar bdew jobogħduh.
Darba waħda, meta Ġużeppi kellu madwar 17-il sena, missieru bagħtu jara kif inhuma ħutu. Dan il-vjaġġ ma kienx qasir u kien se jiħodlu xi ġranet. Meta Ġużeppi wasal ħdejhom, ħutu ttrattawh bl-aħrax u tefgħuh ġo bir vojt. Huma tant kienu jobogħduh li meta beda jgħajjat għall-għajnuna ma tawx kasu. Għall-ewwel bdew jaħsbuha jekk joqtluhx, imma mbagħad bigħuh lil xi negozjanti li kienu għaddejjin. Iktar tard qalu lil missierhom li lil Ġużeppi kien qatlu xi annimal salvaġġ. Imma fil-verità, Ġużeppi kien qiegħed ’il bogħod fl-Eġittu minħabba li n-negozjanti kienu bigħuh bħala skjav għand Potifar, li kien uffiċjal tal-Fargħun.
Għal Ġużeppi kien faċli biex jaqtaʼ qalbu. Imma minflok, hu kien kuraġġuż, ħadem iebes, u “Ġeħova kien miegħu.” Iva, Ġeħova għamel ċert li Ġużeppi jirnexxi f’dak kollu li jagħmel. Fil-fatt, Potifar ħallieh jieħu ħsieb id-dar u dak kollu li kellu.
Imma Ġużeppi dalwaqt kien se jiffaċċja iktar problemi. “Ġużeppi sar ġuvni gustuż u mibni,” u l-mara taʼ Potifar ħadet grazzja miegħu u saħansitra qaltlu: “Imtedd miegħi.” Ġużeppi x’kien se jagħmel? Il-familja tiegħu kienet ’il bogħod. Hu kien sempliċiment skjav, jagħmel dak li riedu s-sidien tiegħu. Din il-mara żgur li setgħet tagħmillu ħajtu diffiċli jekk ma jaċċettax. Kien se jċedi Ġużeppi? Kien se jkollu l-kuraġġ jgħidilha le?
Ġużeppi kien jaf li l-mara taʼ Potifar setgħet tagħmillu ħajtu diffiċli, allura kif irnexxielu ma jċedix għal dak li riedet hi?
Il-Bibbja tgħidilna: “Hu rrifjuta.” Hu qal lill-mara taʼ Potifar li ma riedx jiħodha kontra r-raġel tagħha li kien fdalu kollox. Imma iktar importanti minn hekk, Ġużeppi qal: “Kif nistaʼ jien nagħmel xi ħaġa daqshekk ħażina u nidneb kontra Alla?” L-imħabba li kellu għal Ġeħova għenitu biex ikun kuraġġuż u jirrifjuta mill-ewwel. Imma hi baqgħet tipprova ġġiegħlu jimtedd magħha “jum wara l-ieħor.” Fl-aħħar, meta ma kienx hemm qaddejja ħdejhom, qabdet lil Ġużeppi mill-ħwejjeġ u qaltlu: “Imtedd miegħi!” Imma hu ħarab jiġri u ħwejġu baqgħu f’idejha. Iktar tard, uriethom lil Potifar u qaltlu li Ġużeppi pprova jistupraha. Potifar tant irrabja li tefaʼ lil Ġużeppi fil-ħabs.
Issa Ġużeppi spiċċa f’ħabs taħt l-art. Għal xi żmien, rabtulu saqajh bil-ktajjen u għonqu bil-ħadid. (Slm. 105:17, 18) Ġużeppi setaʼ tilef it-tama li xi darba ħajtu kienet se tkun aħjar. Ġeħova kien telqu? Le! U Ġużeppi baqaʼ jafda fih. Hu ħadem iebes fil-ħabs u Ġeħova bierku. Maż-żmien, il-kap tal-ħabs tah responsabbiltà kbira lil Ġużeppi u b’kuraġġ hu baqaʼ jissaporti sena wara sena.
Minħabba li Ġużeppi kien kuraġġuż u kellu l-fidi, Ġeħova baqaʼ jużah. Maż-żmien, Ġeħova ta xi ħolm lill-Fargħun u għen lil Ġużeppi biex jispjegahomlu. Ġużeppi qallu li l-ħolm kien ifisser li kien se jkun hemm sebaʼ snin fejn kien se jkollhom ħafna ikel, u wara kien se jkun hemm sebaʼ snin fejn kien se jkun hemm il-ġuħ. Il-Fargħun baqaʼ impressjonat u għalhekk għażel lil Ġużeppi biex jipprepara l-pajjiż għal meta jasal il-ġuħ. Il-Fargħun għamlu mexxej b’saħħtu, fil-fatt ma kien hemm ħadd li kellu iktar awtorità minnu ħlief il-Fargħun innifsu. Minħabba f’hekk, mhux biss irnexxielu jsalva lill-Eġizzjani imma anki lill-familja tiegħu. Meta ħutu marru għall-ikel l-Eġittu, mingħajr ma kienu jafu, huma mielu quddiem ħuhom li kien iżgħar minnhom. B’hekk, il-ħolma li Ġeħova ta lil Ġużeppi meta kien żagħżugħ ġrat. Issa ħutu wrew li kienu nbidlu. Ħuhom Ġużeppi li xi darba kienu jobogħduh, salva lilhom, lil missierhom, u l-poplu t’Iżrael. Dan kollu minħabba li hu kellu l-kuraġġ u wera fidi b’saħħitha f’Ġeħova.
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Ġużeppi kif wera kuraġġ?
Fittex Iktar
1. X’juri li l-istorja tal-ħajja taʼ Ġużeppi fl-Eġittu ġrat eżatt kif inhi mniżżla fil-Bibbja? (g 1/11 15 ¶2)
2. Ġużeppi kif kien jaf li Ġeħova kien iqis l-adulterju bħala “xi ħaġa daqshekk ħażina”? (Ġen. 39:9; w22.08 26 ¶2)
3. Ġeħova għala ħalla lil Ġużeppi jsir prim ministru tal-Eġittu? (w96 5/1 24 ¶4) A
Stampa A
4. Ġużeppi x’għamel meta kellu 110 snin, u dan kif juri li kellu fiduċja kbira f’Ġeħova? (Ġen. 50:25, 26; w07 6/1 28 ¶10-11) B
Stampa B
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Il-mod kif Ġużeppi tratta lil ħutu x’jgħallimna dwar kif għandna nirreaġixxu meta xi ħadd mill-aħwa jweġġagħna? (Ġen. 45:4, 5; 50:19-21)
Ġużeppi kien leali lejn Ġeħova anki meta kien ’il bogħod mill-familja tiegħu. L-eżempju tiegħu kif jgħinna . . .
meta nkunu l-iskola? Ċ
Stampa Ċ
meta nkunu msifrin? D
Stampa D
meta nkunu qed nużaw il-mowbajl, it-tablet jew il-kompjuter? E
Stampa E
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wera Ġużeppi?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Ġużeppi, x’nixtieq nistaqsih?
Tgħallem Iktar
Għalkemm Ġeħova ppermetta li Ġużeppi jiġrulu affarijiet ħżiena, hu għenu jissaporti. Ara kif Ġeħova jistaʼ jgħin lilek ukoll.
It-tfal kif jistgħu jimitaw lil Ġużeppi meta oħrajn ikunu kattivi magħhom?