Alla, l-Istat, u Int
“Il-Knisja u l-Istat Jikkonfrontaw lil Xulxin f’Referendum Dwar id-Divorzju fl-Irlanda.”
DAN it-titlu prinċipali f’The New York Times juri kif in-nies illum għandhom mnejn jiġu kkonfrontati b’għażla bejn dak li jrid l-Istat u dak li tgħallem il-Knisja tagħhom.
L-artiklu stqarr: “B’inqas minn xahar qabel referendum dwar jekk għandhiex titneħħa l-projbizzjoni kostituzzjonali tagħha dwar id-divorzju, l-Irlanda, fejn il-maġġoranza l-kbira tan-nies huma Kattoliċi Rumani, għaddejja minn nuqqas taʼ qbil rari bejn il-mexxejja tal-Gvern tagħha u dawk tal-knisja tagħha.” L-Istat ippropona t-tneħħija tal-projbizzjoni dwar id-divorzju, fil-waqt li l-Knisja Kattolika topponi bil-qawwa d-divorzju u li wieħed jerġaʼ jiżżewweġ. Il-Kattoliċi Irlandiżi kellhom jagħżlu bejn il-Knisja u l-Istat. Bħalma rriżulta, l-Istat rebaħ b’maġġoranza żgħira.
B’mod iktar drammatiku, għal ħafna snin fl-Irlanda taʼ Fuq in-nies ġew iffaċċjati b’konflitt aħrax fuq is-sovranità nazzjonali. Ħafna sfaw maqtulin. Il-Kattoliċi Rumani u l-Protestanti għandhom opinjonijiet opposti dwar lejn liema Stat kellhom jissottomettu rwieħhom: it-tkomplija taʼ ħakma Britannika fl-Irlanda taʼ Fuq jew gvern iċċentralizzat għall-Irlanda kollha.
Bl-istess mod, f’dik li kienet il-Jugoslavja, l-awtoritajiet fil-gvern kienu jesiġu li l-membri taʼ reliġjonijiet differenti, inklużi l-Kattoliċi u l-Ortodossi, jiġġieldu f’battalja għat-territorju. Għal ċittadini komuni, lejn min kien l-ewwel dover tagħhom? Kellhom huma jsegwu lil dawk li sostnew li jirrappreżentaw l-Istat, jew kellhom jobdu lil Alla, li jgħid: “La toqtolx . . . Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”?—Rumani 13:9.
Għandu mnejn taħseb li sitwazzjoni taʼ din ix-xorta qatt ma se teffettwak. Imma tistaʼ. Fil-fatt, tistaʼ tikkonċernak saħansitra issa. Fil-ktieb tiegħu The State in the New Testament, it-teologu Oscar Cullmann jitkellem dwar “deċiżjonijiet bejn ħajja u mewt li l-Kristjani tal-lum iridu jew għandhom mnejn jiġu msejħin biex jagħmlu f’sitwazzjonijiet iddisprati meta jiġu mheddin minn gvernijiet totalitarjani.” Madankollu, hu jitkellem ukoll dwar “ir-responsabbiltà daqstant reali u importanti taʼ kull Kristjan—kif ukoll il-Kristjan li qiegħed jgħix taħt l-hekk imsejħin kundizzjonijiet ‘normali,’ ‘taʼ kuljum’—li jiffaċċja u jwieġeb għal problema serja li tikkonfrontah sempliċement għaliex hu Kristjan.”
Mela, għandha r-relazzjoni bejn ir-reliġjon u l-Istat tinteressa lill-Kristjani llum? Dażgur li għandha. Miż-żminijiet l-iktar bikrin, il-Kristjani ppruvaw jikkultivaw ħarsa bbilanċjata dwar l-awtoritajiet sekulari. Il-Mexxej tagħhom, Ġesù Kristu, kien iġġudikat, ikkundannat, u mogħti l-esekuzzjoni mill-Istat Ruman. Id-dixxipli tiegħu kellhom jirrikonċiljaw l-obbligi Kristjani tagħhom mad-dmirijiet tagħhom lejn l-Imperu Ruman. Ħarsa mill-ġdid lejn ir-relazzjoni tagħhom maʼ l-awtoritajiet, għalhekk, se tipprovdi linji taʼ gwida għall-Kristjani llum. (w96 5/1)
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 16]
Tom Haley/Sipa Press