Il-Kristjanità fl-Azzjoni f’Nofs it-Taqlib
KOLLOX beda għal għarrieda jum wieħed f’April taʼ l-1994. Il-presidenti tal-Burundi u taʼ l-Irwanda mietu meta kkraxxja l-ajruplan li kienu fuqu. F’temp taʼ ftit sigħat, l-Irwanda nħakmet minn mewġa enormi taʼ vjolenza. Fi ftit iktar minn tliet xhur, iktar minn 500,000 Irwandi—irġiel, nisa, u tfal—sfaw mejtin. Xi wħud jirreferu għal dan il-perijodu bħala “l-ġenoċidju.”
Nofs is-7,500,000 abitant taʼ l-Irwanda kellhom jaħarbu. Dan kien jinkludi 2,400,000 li fittxew refuġju f’pajjiżi ġirien. Dan kien l-akbar eżodu taʼ refuġjati u l-iktar wieħed mgħaġġel taʼ l-istorja moderna. Kampijiet tar-refuġjati ġew imwaqqfin malajr fiz-Zaire (issa msejjaħ ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo), fit-Tanzanija, u fil-Burundi. Xi wħud minn dawn il-kampijiet—l-akbar fid-dinja—ipprovdew kenn għal 200,000 ruħ.
Fost ir-refuġjati kien hemm ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah, nies li jħobbu l-paċi u li japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjithom. Jgħixu f’liema art jgħixu, huma jżommu newtralità stretta u japplikaw il-prinċipju inkorporat f’dawn il-kliem taʼ Isaija 2:4: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.” Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma rrikonoxxuti maʼ kullimkien bħala grupp reliġjuż li ma pparteċipax fil-ġenoċidju fl-Irwanda.
Ġesù Kristu qal li s-segwaċi tiegħu “m’humiex tad-dinja.” Madankollu, minħabba li huma “fid-dinja,” mhux dejjem ikunu jistgħu jiskappaw mit-taqlib tan-nazzjonijiet. (Ġwann 17:11, 14) Matul il-ġenoċidju fl-Irwanda, tilfu ħajjithom xi 400 Xhud. Madwar 2,000 Xhieda u persuni interessati fil-messaġġ tas-Saltna saru refuġjati.
Il-fatt li m’huma ebda parti mid-dinja jfisser li x-Xhieda taʼ Jehovah ma jagħmlu xejn meta jfaqqaʼ xi diżastru? Le. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel taʼ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu’, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.” (Ġakbu 2:15-17) L-imħabba lejn il-proxxmu tqanqal ukoll lix-Xhieda biex jgħinu lil dawk li m’għandhomx l-istess twemmin reliġjuż tagħhom.—Mattew 22:37-40.
Għalkemm ix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha xtaqu ħafna li jgħinu lill-kredenti sħabhom li kienu qed jiffaċċjaw is-sitwazzjoni diżastruża fl-Irwanda, l-inkarigu tal-koordinazzjoni tal-ħidma biex tingħata l-għajnuna ġie mogħti lill-aħwa taʼ l-Ewropa tal-Punent. Fis-Sajf taʼ l-1994, tim taʼ Xhieda volontieri mill-Ewropa malajr kienu pronti biex jgħinu lil ħuthom fl-Afrika. Ġew imwaqqfin kampijiet u sptarijiet temporanji organizzati tajjeb għar-refuġjati Rwandin. Ammonti enormi taʼ ħwejjeġ, kutri, ikel, u letteratura Biblika intbagħtulhom bl-ajru jew bil-baħar b’xi mezzi oħrajn. Iktar minn 7,000 persuna milquta—kważi t-triplu tan-numru taʼ Xhieda taʼ Jehovah fl-Irwanda f’dak il-perijodu—ibbenefikaw mill-ħidma biex tingħata l-għajnuna. Sa Diċembru taʼ dik is-sena, eluf taʼ refuġjati, inklużi l-biċċa l-kbira taʼ dawk li kienu Xhieda taʼ Jehovah, reġgħu lura lejn l-Irwanda biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Gwerra fil-Kongo
Fl-1996, faqqgħet gwerra fir-reġjun tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Din in-naħa tal-Kongo tinsab ħdejn il-fruntiera maʼ l-Irwanda u l-Burundi. Għal darb’oħra reġaʼ kien hemm stupri u qtil. In-nies bdew jaħarbu biex isalvaw ħajjithom f’nofs bullits ivenvnu u rħula jinħarqu. Ix-Xhieda taʼ Jehovah nqabdu fil-konfużjoni, u mietu xi 50. Xi wħud inqatlu minn bullits li ma kinux intenzjonati għalihom. Oħrajn ġew maqtulin għax kienu jappartjenu lil xi grupp etniku partikulari jew għax tfixkluhom maʼ l-għedewwa. Raħal wieħed fejn kienu joqogħdu 150 Xhud, inqered bin-nar. Fi rħula oħrajn bosta djar u xi Swali tas-Saltna ġew maħruqin għalkollox. Imċaħħdin minn djarhom u minn dak li kienu jippossiedu, ix-Xhieda ħarbu lejn postijiet oħrajn u ġew megħjunin minn adoraturi sħabhom hemmhekk.
Wara l-gwerra jiġi l-ġuħ, hekk kif il-prodotti jiġu rvinati, il-ħażniet taʼ l-ikel jiġu misruqin, u l-mezzi biex jitqassmu l-provisti jiġu mwaqqfin. L-ikel li huwa disponibbli jkun iqum ħafna. F’Kisangani, fil-bidu taʼ Mejju taʼ l-1997, kilo patata kien iqum madwar tliet dollari Amerikani, ħafna iktar milli jifilħu jħallsu l-biċċa l-kbira tan-nies. Il-maġġuranza tan-nies setgħu jieklu biss ikla waħda kuljum. M’għandniex xi ngħidu, wara l-iskarsezzi taʼ l-ikel jiġi l-mard. Nuqqas taʼ nutriment idgħajjef il-kapaċità tal-ġisem milli jiġġieled kontra l-malarja, mard fl-imsaren, u problemi fl-istonku. It-tfal, b’mod partikulari, isofru minn dan il-mard u jmutu.
Jiddeterminaw Kemm Hu Kbir il-Bżonn
Għal darb’oħra, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Ewropa kienu ħfief biex iwieġbu għall-bżonn. S’April taʼ l-1997, tim taʼ Xhieda li marru biex jagħtu l-għajnuna u li kien jinkludi żewġ tobba kien wasal bil-mediċini u l-flus. F’Goma, ix-Xhieda lokali kienu diġà organizzaw kumitati li jipprovdu għajnuna biex jiddeterminaw x’kienet is-sitwazzjoni ħalli b’hekk setgħet tingħata l-għajnuna fil-pront. It-tim qagħad jesplora l-belt u l-inħawi taʼ madwar. Intbagħtu messaġġiera biex iġibu rapporti minn postijiet iktar ’il bogħod. Inkisbet informazzjoni minn Kisangani wkoll, li hi belt li tinsab ’il fuq minn 1,000 kilometru lejn il-Punent taʼ Goma. L-aħwa lokali għenu fil-koordinazzjoni tal-ħidma biex tiġi pprovduta l-għajnuna f’Goma, fejn jgħixu xi 700 Xhud.
Wieħed mill-anzjani Kristjani f’Goma qal: “Konna kommossi ħafna meta rajna lil ħutna li kienu ġew minn daqstant bogħod biex jgħinuna. Qabel ma ġew, għenna lil xulxin. L-aħwa kellhom jaħarbu mill-kampanja għal ġo Goma. Xi wħud kienu tilfu djarhom, u ħallew l-għelieqi tagħhom. Aħna lqajniehom fi djarna u qsamna magħhom ħwejjiġna u l-ftit ikel li kellna. Ftit li xejn stajna nagħmlu lokalment. Xi wħud minna kienu qed isofru minħabba nuqqas taʼ nutriment.
“Madankollu, l-aħwa mill-Ewropa ġabulna l-flus li bihom stajna nixtru l-ikel, li kien skars u għoli ħafna. L-ikel wasal f’mument kruċjali, peress li ħafna ma kellhom xejn x’jieklu fi djarhom. Aħna qassamna l-ikel kemm lix-Xhieda u anki lil uħud li ma kinux. Kieku l-għajnuna ma waslitx meta fil-fatt waslet, kienu jmutu ħafna iktar, speċjalment tfal. Jehovah salva lin-nies tiegħu. Uħud li ma kinux Xhieda baqgħu impressjonati ferm. Ħafna kkummentaw dwar l-unità u l-imħabba tagħna. Xi wħud ammettew li tagħna hija r-reliġjon vera.”
Għalkemm l-ikel inxtara lokalment u ntużaw xi mediċini, kien meħtieġ iżjed minn hekk. Kien hemm bżonn taʼ ħwejjeġ u kutri, kif ukoll iktar provisti taʼ ikel u mediċina. Kien hemm bżonn ukoll t’għajnuna biex jerġgħu jinbnew djar li kienu nqerdu.
In-Nies Jagħtu b’Mod Ġeneruż
L-aħwa fl-Ewropa għal darb’oħra kienu ħerqanin biex jgħinu. L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Louviers, Franza, għamel appell lill-kongregazzjonijiet fl-inħawi tar-Rhône Valley, kif ukoll fin-Normandija, u lil xi kongregazzjonijiet f’Pariġi. Hawnhekk kien jidħol prinċipju ieħor: “Min jiżraʼ ftit, jaħsad ftit; u min jiżraʼ ħafna, jaħsad ħafna. Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 9:6, 7.
Eluf ħatfu bil-ferħ l-opportunità biex jagħtu. Fis-Swali tas-Saltna bdew jaslu bil-gzuz kaxxi u xkejjer taʼ ħwejjeġ, żraben u affarijiet oħrajn, u dawn imbagħad ittieħdu fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza. Hemmhekk, 400 volontier kienu lesti biex jieħdu sehem fil-fażi li kien imiss tal-proġett “Għin liz-Zaire”. Hekk kif l-oġġetti li ngħataw bdew ġejjin bil-gzuz, dawn il-volontieri għażlu, twew, u ppakkjaw il-ħwejjeġ f’kaxxi li ġew imqassmin fi gruppi taʼ 30. It-tfal kienu ħasbu f’ħuthom iż-żgħar fl-Afrika u bagħtulhom il-ġugarelli—karozzi tal-logħob ileqqu, żugragi, pupi, u teddy bears. Dawn ġew ippakkjati flimkien maʼ l-affarijiet neċessarji għall-ħajja. B’kollox, imtlew u ntbagħtu bil-baħar lejn il-Kongo disaʼ containers taʼ 12-il metru l-wieħed.
Kemm intbagħtet għajnuna lejn l-Afrika Ċentrali bis-saħħa t’eluf taʼ Xhieda mill-Belġju, Franza, u l-Isvizzera? Sa Ġunju taʼ l-1997 l-ammont totali kien taʼ 500 kilo mediċina, 10 tunnellati gallettini li fihom ħafna proteini, 20 tunnellata taʼ ikel ieħor, 90 tunnellata ħwejjeġ, 18,500 par żarbun, u 1,000 kutra. Ġiet ukoll mibgħuta letteratura Biblika bl-ajru. Dan kollu kien apprezzat ferm, billi farraġ lir-refuġjati u għenhom biex jissaportu l-provi tagħhom. Il-provisti b’kollox kienu jiswew kważi 1,000,000 dollaru Amerikan. Kontribuzzjonijiet bħal dawn kienu evidenza tal-fratellanza u l-imħabba fost dawk li jaqdu lil Jehovah.
Id-Distribuzzjoni fil-Kongo
Hekk kif l-affarijiet bdew jaslu fil-Kongo, żewġt aħwa rġiel u oħt waslu minn Franza biex jaħdmu mal-kumitati lokali tal-ħidma biex tingħata l-għajnuna. Rigward il-gratitudni murija mix-Xhieda Kongoliżi, Joseline qalet: “Irċevejna ħafna ittri t’apprezzament. Waħda oħt fqira tatni ornament tal-malakiti. Oħrajn tawna r-ritratt tagħhom. X’ħin konna sejrin, l-aħwa nisa bdew ibusuni, jgħannquni, u jibku. Jien bdejt nibki wkoll. Ħafna għamlu kummenti bħal, ‘Jehovah huwa tajjeb. Jehovah jaħseb fina.’ Mela huma rrikonoxxew li l-kredtu għal dan l-għoti kien jappartjeni lil Alla. Meta konna qed inqassmu l-ikel, l-aħwa bdew ifaħħru lil Jehovah bil-għanjiet tas-Saltna. Kienet veru xi ħaġa li tmisslek qalbek.”
Wieħed mill-membri tat-tim kien tabib jismu Loic. Ħafna ffollaw fis-Sala tas-Saltna u stennew bil-paċenzja wieħed wara l-ieħor biex jagħtihom l-għajnuna tiegħu. Billi riedet tagħmel xi ħaġa hi wkoll, waħda oħt Kongoliża għamlet u kkontribwiet madwar 40 doughnut għal dawk li kienu qed jistennew biex jarahom it-tabib. Peress li kien hemm xi 80 persuna jistennew, ħadu nofs doughnut kull wieħed.
Għajnuna lil Uħud li ma Kinux Xhieda
Din l-għajnuna umanitarja ma kinitx illimitata biss għax-Xhieda taʼ Jehovah. Oħrajn ibbenefikaw ukoll, l-istess bħalma ħafna bbenefikaw fl-1994. Dan huwa f’armonija maʼ Galatin 6:10, li jistqarr: “Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.”
Ix-Xhieda qassmu l-mediċini u l-ħwejjeġ lil diversi skejjel primarji u lil orfanatrofju ħdejn Goma. Fl-orfanatrofju hemm 85 tifel u tifla. Iktar qabel, meta kienu marru biex jeżaminaw is-sitwazzjoni, l-aħwa fit-tim għall-għajnuna kienu żaru l-orfanatrofju u wegħdu li jipprovdulhom 50 kaxxa gallettini li fihom ħafna proteini, kaxxi bil-ħwejjeġ, 100 kutra, mediċini, u ġugarelli. It-tfal ifformaw ringiela fil-bitħa u kantaw għall-viżitaturi. Imbagħad għamlu talba speċjali—kien possibbli li jkollhom ballun tal-futbol biex ikunu jistgħu jilagħbu bih?
Xi ġimgħat wara, it-tim għall-għajnuna wettaq il-wegħda tiegħu li jġib il-provisti. Billi baqaʼ impressjonat bil-ġenerożità u b’dak li kien qara fil-letteratura Biblika li kien ingħata, id-direttur taʼ l-orfanatrofju qal li kien se jsir wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. U lit-tfal tawhom ballun tal-futbol? “Le,” wieġeb Claude, il-koordinatur tat-tim għall-għajnuna minn Franza. “Tajniehom żewġ blalen tal-futbol.”
Il-Kampijiet tar-Refuġjati
L-għajnuna ma kinitx illimitata għall-Kongo. Eluf taʼ refuġjati kienu ħarbu miż-żona tal-gwerra għal pajjiż fil-qrib fejn kienu ġew imwaqqfin malajr tliet kampijiet tar-refuġjati. Ix-Xhieda vvjaġġaw s’hemmhekk, ukoll, sabiex jaraw x’setaʼ jsir. Meta ġie ppreparat dan ir-rapport, il-kampijiet kienu qed jipprovdu kenn għal 211,000 refuġjat, il-biċċa l-kbira mill-Kongo. Madwar 800 kienu Xhieda u t-tfal tagħhom u wħud interessati fl-aħbar tajba tas-Saltna. Problema li qamet immedjatament fil-kampijiet kienet in-nuqqas taʼ ikel. F’kamp wieħed kien hemm ikel biżżejjed għal tlett ijiem biss, u dan kien jinkludi fażola li kienu għaddew tliet snin minn fuqha.
Minkejja dan, ix-Xhieda ma kinux qalbhom maqtugħa. Għalkemm ftit kellhom letteratura Biblika, huma kkonduċew laqgħat għall-apert b’mod regulari biex jibnu lilhom infushom spiritwalment. Ukoll, huma kellhom ħafna x’jagħmlu f’li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla lil oħrajn fil-kampijiet.—Mattew 24:14; Lhud 10:24, 25.
It-tim taʼ Xhieda li kien inkarigat biex jiddetermina l-bżonnijiet taʼ l-aħwa kien jinkludi tabib. Għalkemm l-awtoritajiet ħallewhom joqogħdu ftit jiem biss f’kull kamp, huma għamlu konsulti mediċi. Ħallew mediċina u flus maʼ l-anzjani Kristjani. B’hekk, l-aħwa setgħu jibqgħu ħajjin. Huma kienu jisperaw ukoll li x-Xhieda li kien hemm fil-kampijiet setgħu jerġgħu lura lejn art twelidhom malajr.
Xi ngħidu għall-futur? Ġesù Kristu bassar li żmienna kien se jkun wieħed taʼ taqlib kbir, żmien immarkat bi gwerer u nuqqas taʼ ikel. (Mattew 24:7) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jafu li s-Saltna t’Alla biss se ttemm is-sofferenza li teżisti llum fuq l-art. Taħt il-ħakma tagħha, id-dar tagħna, l-art, se ssir ġenna taʼ paċi, abbundanza, u hena dejjiemi għall-umanità ubbidjenti. (Salm 72:1, 3, 16) Sadanittant, ix-Xhieda se jipproklamaw l-aħbar tajba taʼ dik is-Saltna tas-sema u se jkomplu jgħinu wkoll lill-adoraturi sħabhom u lil oħrajn fi żminijiet taʼ bżonn.
[Kumment f’paġna 4]
Mill-1994 ’l hawn, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Ewropa biss bagħtu iktar minn 190 tunnellata taʼ ikel, ħwejjeġ, mediċini, u provisti oħrajn bħala għajnuna lejn ir-reġjun tal-Great Lakes fl-Afrika
[Kaxxa f’paġna 6]
L-Imħabba Kristjana fil-Prattika
Fost dawk li pparteċipaw bil-ħerqa fil-proġett “Għin liz-Zaire” fi Franza kien hemm Ruth Danner. Meta kienet tifla, hi kienet inżammet priġuniera fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi minħabba l-fidi Kristjana tagħha. Hi kkummentat: “Konna ferħanin ħafna li stajna nagħmlu xi ħaġa għal ħutna fl-Afrika! Imma kien hemm xi ħaġa li għamlitni ferħana d-doppju. Fl-1945, meta jien u l-familja tiegħi wasalna lura d-dar mill-Ġermanja, ma kellna assolutament xejn. Anki l-ħwejjeġ li kellna fuqna konna ssellifniehom. Malajr, iżda, irċevejna għajnuna materjali minn ħutna spiritwali fl-Amerka. Għalhekk, din il-ħidma biex ngħinu lil ħutna fl-Afrika tatni ċ-ċans li npatti għall-qalb tajba li ġiet murija lejna żmien ilu. Xi privileġġ huwa li tkun parti minn familja kbira bħal din t’aħwa li jpoġġu l-imħabba Kristjana fil-prattika!”—Ġwann 13:34, 35.
[Stampa f’paġna 7]
Dalwaqt—ġenna taʼ l-art b’abbundanza għal kulħadd