Xogħol li ‘Żgur Jaqlaʼ r-Rispett’
L-APPOSTLU Pietru widdeb lill-Kristjani sħabu: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla.” (1 Pietru 2:12) Għal ħafna snin ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Italja wrew pubblikament kondotta mill-aħjar bħal din. Fl-ispirtu taʼ l-istruzzjoni li Ġesù ta biex ‘ixandru minn fuq il-bjut,’ huma jwettqu l-attività Kristjana kollha tagħhom fil-beraħ, fejn kulħadd jistaʼ jarahom. (Mattew 10:27; Ġwann 18:20) Għalhekk, meta prokuratur Taljan u qassis ippubblikaw akkużi li x-Xhieda taʼ Jehovah huma “setta psewdoreliġjuża” u għaddewhom mas-“soċjetajiet sigrieti li jqarrqu bin-nies,” ix-Xhieda ddeċidew li jieħdu azzjoni legali minħabba dawn l-istqarrijiet infamanti.
Fl-ewwel ġuri, il-qorti kkonkludiet li l-prokuratur u l-qassis ma kienu kisru ebda liġi. Madankollu, fis-17 taʼ Lulju, 1997, il-Qorti taʼ l-Appell taʼ Venezja annullat l-ewwel deċiżjoni tal-qorti, billi sabet liż-żewġ konvenuti ħatjin. Il-Qorti taʼ l-Appell stqarret: “Iż-żewġ artikli ppubblikati li qed nitkellmu dwarhom fihom espressjonijiet u frażijiet li żgur huma kapaċi jħassru r-reputazzjoni taʼ dawk li jsegwu r-reliġjon tax-‘Xhieda taʼ Jehovah.’ Huwa evidenti li l-intenzjoni taʼ l-artikli hija li tesponi lix-Xhieda għal disprezz pubbliku.” Il-qorti stqarret li l-artikli “ma jikkostitwux eżerċitar leġittimu tad-dritt taʼ rrapportar u kritika.” Il-qorti waħħlet multa liż-żewġ akkużati kif ukoll ordnatilhom iħallsu l-ispejjeż kollha tal-qorti, inkluż l-ispejjeż legali kollha tax-Xhieda għaż-żewġ kawżi.
Fil-ġudizzju bil-miktub tagħha, il-Qorti taʼ l-Appell taʼ Venezja kkummentat: “Biss jekk nibbilanċjaw u nissalvagwardjaw id-drittijiet kollha ggarantiti mill-Kostituzzjoni [Taljana] li se jkun possibbli li nwaqqfu forom taʼ intolleranza u fanatiżmu reliġjuż.” Id-deċiżjoni tirrikonoxxi li l-attività tax-Xhieda taʼ Jehovah la hi sigrieta u lanqas psewdoreliġjuża. “Meta nikklassifikaw ix-Xhieda fost is-soċjetajiet sigrieti,” innotat il-qorti, “ma nkunux qegħdin nirrispettaw saħansitra l-kriterju tal-verità storika, ladarba din ir-reliġjon irrikonoxxuta hija preżenti f’ħafna bliet u l-attività mifruxa tal-proselitiżmu li ssir mill-membri tagħha, partikolarment fil-Ħdud u l-btajjel l-oħrajn, hija magħrufa sew u ma tistax ma taqlax ir-rispett għall-isforzi li jsiru, hu x’inhu dak li wieħed għandu mnejn jaħseb dwar id-duttrina li tkun qed tiġi ppridkata.” B’hekk, ir-rekord taʼ l-ippridkar żeluż u l-kondotta eżemplari tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Italja għenu biex iġibu fix-xejn il-preġudizzju kontriehom.—Mattew 5:14-16; 1 Pietru 2:15.